Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2023 minn Sberbank of Russia PAO mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-527/22, Sberbank vs SRB

(Kawża C-793/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Sberbank of Russia PAO (rappreżentanti: D. Rovetta, avocat, M. Campa, M. Moretto, M. Pirovano, V. Villante, avvocati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat u tiddikjara l-azzjoni, intiża għall-annullament (i) tad-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/EES/2022/19 tal-1 ta’ Marzu 2022 li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Sberbank Europe AG, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 1 , u (ii) tar-Rapport ta’ Valutazzjoni 1 fir-rigward ta’ Sberbank Europe AG tas-27 ta’ Frar 2022, imfassal mis-SRB, fl-ewwel istanza ammissibbli;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-mertu tal-azzjoni tal-appellant;

tordna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) iħallas l-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iqajjem tliet aggravji.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u wettqet diversi żbalji ta’ liġi u distorsjonijiet ta’ fatti u evidenza meta ddeċidiet li l-pożizzjoni legali tal-appellant ma hijiex affettwata direttament mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u naqset ukoll milli tagħti motivazzjoni u milli twieġeb għal diversi argumenti kruċjali, sostnuti b’evidenza, imqajma mill-appellant.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u interpretat b’mod żbaljat il-kunċett legali ta’ “proprjetà”. Il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin id-definizzjoni legali ta’ “Grupp bankarju u Grupp ta’ Riżoluzzjoni” kif ukoll ta’ “azzjonist” u “azzjonist uniku”. Sussidjarjament: il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE meta qieset li “effetti ekonomiċi” fuq l-appellant ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa kkonċernat direttament.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi – ksur tal-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 moqri flimkien mal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod ħażin it-talba għal annullament u t-talbiet tal-appellant.

____________

1 ĠU 2014, L 225, p. 1.