Language of document : ECLI:EU:T:2013:549

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw kikkra u plattina bl-istrixxi u platt tas-soppa bl-istrixxi — Raġuni assoluta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett mil-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-awtur ta’ Stat Membru — Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawżi T-566/11 u T-567/11,

Viejo Valle, SA, stabbilita fi L’Olleria (Spanja), irrappreżentata minn I. Temiño Ceniceros, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Établissements Coquet, stabbiliti f’Saint-Léonard-de-Noblat (Franza), irrappreżentati minn C. Bouchenard, avukat,

li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Lulju 2011 (Kawżi R 1054/2010-3 u R 1055/2010-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Établissements Coquet u Viejo Valle, SA,


IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat ir-risposti tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Marzu 2012,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2012,

wara li rat it-talba biex jingħaqdu l-Kawżi T-566/11 u T-567/11 imressqa mir-rikorrenti,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-UASI u tal-intervenjenti dwar l-għaqda tal-Kawżi T-566/11 u T-567/11,

wara li rat l-attribuzzjoni mill-ġdid tal-kawżi lit-Tieni Awla u lil Imħallef Relatur ġdid,

wara li rat id-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Frar 2013 li jiċħdu t-talbiet ta’ sospensjoni tal-proċeduri mressqa mir-rikorrenti,

wara li rat it-talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet f’terminu ta’ xahar mill-għeluq tal-proċeduri bil-miktub u peress li ddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u b’applikazzjoni tal-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Viejo Valle, SA, hija l-proprjetarja tad-disinni Komunitarji rreġistrati bin-Nri 384912-0001 u 384912-0009, li ġew ippreżentati fid-9 ta’ Awwissu 2005 quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u ppubblikati fil-Bullettin ta’ Disinni Komunitarji fit-18 ta’ Ottubru 2005 (iktar ’il quddiem id-”disinjni kkontestati”).

2        Id-disinni kkontestati japplikaw, skont it-termini tal-applikazzjonijiet tat-trade marks u disinni, għal elementi ta’ sett tal-platti u huma rrappreżentati bil-mod segwenti:

–        fir-rigward tad-disinn Komunitarju rreġistrat bin-Nru 384912-0001 :


Image not foundImage not found

–        fir-rigward tad-disinn Komunitarju rreġistrat bin-Nru 384912-0009 :

3        Fit-30 ta’ Settembru 2008, l-intervenjenti, l-Établissements Coquet, ippreżentat quddiem l-UASI talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinni kkontestati. Dawn it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

4        Insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti invokat kontra d-disinni kkontestati żewġ biċċiet ta’ sett tal-platti, jiġifieri, rispettivament, kikkra u plattina (fir-rigward tad-disinn irreġistrat bin-Nru 384912-0001) u platt tas-soppa (fir-rigward tad-disinn irreġistrat bin-Nru 384912-0009), li jappartjenu għall-kollezzjoni tagħha “Hémisphère”, mudell “Satin”, li għalihom l-‑intervenjenti tirrivendika protezzjoni abbażi tad-dritt tal-awtur skont id-dritt Franċiż.

5        Mat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti ppreżentat ir-ritratti segwenti:

–        fir-rigward tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Komunitarju rreġistrat bin-Nru 384912-0001:

–        fir-rigward tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Komunitarju rreġistrat bin-Nru 384912-0009 :

6        Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ April 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinni kkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002.

7        Fl-10 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Lulju 2011 (Każijiet R 1054/2010-3 u R 1055/2010-3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell tar-rikorrenti.

9        L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pożizzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-intervenjenti ma kinitx identifikat biżżejjed ix-xogħol protett u għalhekk ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinni Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), kienet manifestament infondata.

10      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-intervenjenti ma kinitx ippreżentat l-informazzjoni li turi li hija kienet il-prorjetarja ta’ dritt tal-awtur kienet infondata.

11      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell eżamina l-pożizzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-elementi tas-sett tal-platti invokati mill-intervenjenti insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha ma kinux suġġetti għal protezzjoni mid-dritt tal-awtur, iżda kienu kreazzjonijiet industrijali li jistgħu jiġu protetti biss mil-leġiżlazzjoni tad-disinni.

12      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell irrileva li x-xogħlijiet invokati mill-intervenjenti ma kinux l-elementi tas-sett tal-platti stess (kikkra u l-plattina tagħha u platt tas-soppa), iżda l-istrixxi dekorattivi preżenti mal-wiċċ ta’ dawn l-elementi. L-intervenjenti dejjem indikat b’mod ċar li hija ma kinitx qiegħda tilmenta li r-rikorrenti użat forom ta’ elementi ta’ sett tal-platti, iżda l-użu tad-dekorazzjoni li tidher fuq dawn l-elementi, liema dekorazzjoni tista’ tiġi protetta bħala xogħol ta’ espressjoni.

13      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell irrileva li l-intervenjenti kienet ipprovat li l-karattru industijali ta’ xogħol, invokat mir-rikorrenti, ma kienx jikkostitwixxi raġuni ta’ rifjut ta’ protezzjoni abbażi tad-dritt tal-awtur.

14      Ix-xogħol jikkonsisti f’dekorazzjoni tal-elementi ta’ sett tal-platti, bl-applikazzjoni ta’ disinn ta’ strixxi fini, paralleli u konċentriċi, tal-istess wisa’ u li ma jiqfux, fuq il-parti esterna kollha tal-kikkra u fuq il-kważi totalità tal-wiċċ intern tal-plattina u tal-platt tas-soppa, ħlief għaċ-ċirku ċentrali. Din id-dekorazzjoni tippermetti li ssir distinzjoni bejn dawn il-biċċiet ta’ sett tal-platti u tagħtihom karattru oriġinali biżżejjed biex tiġi ġġustifikata l-protezzjoni legali tagħhom skont id-dritt Franċiż.

15      Il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrenti ma kinitx spjegat ir-raġunijiet għalfejn din id-dekorazzjoni ma tistax tidħol taħt id-dritt tal-awtur. Ir-rikorrenti ssemi nuqqas ta’ karattru “artistiku”, iżda dan ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti. Hija ssemmi n-nuqqas ta’ oriġinalità, iżda mingħajr ma tippreżenta xi prova f’dan ir-rigward.

16      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, finalment, id-dehra superfiċjali tal-elementi ta’ sett tal-platti invokata mill-intervenjenti kienet tidħol fil-kategorija tal-kreazzjonijiet tal-espressjoni li jistgħu jirriflettu l-personalità tal-awtur tagħhom u li b’hekk, din kienet protetta mil-leġiżlazzjoni Franċiża tad-dritt tal-awtur.

17      Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti tar-rikorrenti relattivi għall-użu, fil-kuntest tas-sistema Komunitarja tad-disinni, tax-xogħol protett, argumenti li jgħidu, minn naħa, li l-paragun tal-elementi ta’ sett tal-platti inkwistjoni, flimkien, juri differenzi kbar bejniethom u, min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-livell ta’ libertà tal-kreatur.

18      Il-Bord tal-Appell irrileva li dawn l-argumenti kienu jikkonċernaw raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità oħra, stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, differenti minn dik invokata. Biex tiġi eżaminata r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li jiġu pparagunati l-elementi tas-sett tal-platti b’mod sħiħ, iżda biss li jiġi ddeterminat jekk hemmx l-użu ta’ xogħol protett minn dritt tal-awtur fid-disinni kkontestati. Id-differenzi fil-forom bejn dawn l-elementi ta’ sett tal-platti huma irrilevanti. Min-naħa l-oħra, huwa rilevanti l-fatt li fid-disinni kkontestati, jiġi nnotat kjarament, fl-ewwel lok, il-preżenza tax-xogħol protett, jiġifieri l-istess mudell ta’ strixxi, u, fit-tieni lok, il-fatt li dawn l-istrixxi jkopru l-istess partijiet tal-biċċiet ta’ sett tal-platti. Huwa preċiżament f’dawn iż-żewġ karatteristiċi kkunsidrati flimkien li jidher il-kontenut kreattiv tax-xogħol preċedenti li ġie riprodott — jew “użat” — mingħajr awtorizzazzjoni, fid-disinni kkontestati.

19      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara ammissibbli l-annessi magħquda mar-rikorsi

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tordna lill-UASI jħallas l-ispejjeż tal-kawża.

21      L-UASI jitlob, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli l-Annessi B 7 sa B 14 magħquda mar-rikors fil-Kawża T-566/11 u l-Annessi B 7 sa B 15 magħquda mar-rikors fil-Kawża T-567/11;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

22      L-intervenjenti titlob, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara inammissibbli l-Annessi B 7 sa B 14 magħquda mar-rikors fil-Kawża T-566/11 u l-Annessi B 7 sa B 17 magħquda mar-rikors fil-Kawża T-567/11;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Fid-dawl tat-talba biex jingħaqdu l-kawżi mressqa mir-rikorrenti u tal-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra, dawn il-kawżi għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, b’applikazzjoni tal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

24      Ir-rikorrenti tinvoka diversi motivi u argumenti, li jistgħu jiġu miġbura b’dan il-mod.

25      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002, ir-rikorrenti essenzjalment tosserva li l-intervenjenti ma ppreżentatx l-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tax-xogħlijiet protetti.

26      Ir-rikorrenti tipprolonga l-iżviluppi ta’ dan l-ewwel motiv bl-affermazzjoni li ma hemmx dritt tal-awtur minħabba divulgazzjoni preċedenti tax-xogħlijiet u minħabba n-nuqqas ta’ oriġinalità tagħhom.

27      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002, ir-rikorrenti tosserva, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ikkunsidra bi żball li d-disinni kkontestati kienu jinkludu fihom użu mhux awtorizzat tax-xogħlijiet tal-intervenjenti.

28      B’hekk, għandha qabel kollox tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, dwar ir-rilevanza ta’ ċerti provi ppreżentati mir-rikorrenti bħala anness mar-rikorsi tagħha u mat-talbiet għas-sospensjoni tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà u r-rilevanza ta’ ċerti provi ppreżentati bħala anness mar-rikorsi u mat-talbiet għas-sospensjoni

29      Ir-rikorrenti ppreżentat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dokumenti meħuda minn siti tal-Internet ta’ impriżi oħra tas-settur tas-settijiet tal-platti, ta’ mużewijiet jew ta’ ġurnali (Annessi B 7 sa B 14 tar-rikors fil-Kawża T-566/11; Annessi B 7 sa B 17 tar-rikors fil-Kawża T-567/11), li minnhom jirriżulta, skont din, li impriżi oħra qabel l-intervenjenti użaw dekorazzjoni ta’ artikoli ta’ sett tal-platti bl-applikazzjoni ta’ strixxi fini konċentriċi fuq il-wiċċ estern ta’ dawn l-artikoli u li din id-dekorazzjoni bl-ebda mod ma hija oriġinali, iżda hija prattika li seħħet minn dejjem.

30      Minn dan, ir-rikorrenti ddeduċiet li l-intervenjenti fir-realtà ma għandha ebda dritt tal-awtur fuq ix-xogħlijiet invokati insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha.

31      Barra minn hekk, fit-talbiet għas-sospensjoni tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2012 u tat-8 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ sentenzi tal-qrati Franċiżi ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2012. F’dawn, żewġ qrati Franċiżi, li quddiem kull waħda minnhom l-intervenjenti ressqet azzjoni minħabba ksur kontra terzi fir-rigward tal-istess xogħlijiet bħal dawk rivendikati mill-intervenjenti f’dan il-każ, ikkunsidraw li l-intervenjenti ma kinitx tgawdi minn dritt tal-awtur fuq dawn ix-xogħlijiet.

32      Minn dan, ir-rikorrenti ddeduċiet li tispiċċa r-raġuni assoluta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata mill-intervenjenti fir-rigward tagħha quddiem l-UASI u li, peress li l-imsemmija sentenzi nazzjonali saru res judicata, ir-rikorsi preżenti kellhom jintlaqgħu u d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu annullati.

33      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

34      Qabel kollox, fir-rigward tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti bħala Annessi B 7 sa B 14 tar-rikors fil-Kawża T-566/11 u bħala Annessi B 7 sa B 17 tar-rikors fil-Kawża T-567/11, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu provi ġodda, li l-Bord tal-Appell ma kellux quddiemu.

35      Dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk, id-dokumenti msemmija għandhom jitwarrbu mingħajr il-ħtieġa li jiġi evalwat il-valur probatorju tagħhom [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T-9/07, Ġabra p. II-981, punt 24, u tat-13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI – THC (Radjaturi ta’ tisħin), T-83/11 u T-84/11, punt 28; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI – Edwin (ELIO FIORUCCI), T-165/06, Ġabra p. II-1375, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata].

36      Sussegwentement, fir-rigward tas-sentenzi tal-qrati Franċiżi ppreżentati bħala anness mat-talbiet għas-sospensjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu, huma wkoll, provi ġodda li l-UASI ma kellux. Il-fatt li dawn is-sentenzi ġew adottati sussegwentement għad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni.

37      Madankollu, il-possibbiltà li jsir riferiment għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali ma hijiex eskluża mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq, peress li ma huwiex allegat li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax elementi ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, u li invoka l-ġurisprudenza insostenn ta’ dan il-motiv [ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Sebirán vs UASI – El Coto De Rioja (Coto D’Arcis), T-332/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56; tas-17 ta’ Ġunju 2008, El Corte Inglés vs UASI – Abril Sanchez u Ricote Saugar (BOOMERANG TV), T-420/03, Ġabra p. II-837, punt 37, u tat-12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI – Mega Brands (Brique de Lego rouge), T-270/06, Ġabra p. II-3117, punti 23 sa 25].

38      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm is-sentenzi tal-qrati Franċiżi ppreżentati bħala anness mat-talbiet għas-sospensjoni huma kjarament inammissibbli fir-rigward tal-elementi ta’ fatt imsemmija minnhom u li l-Bord tal-Appell ma kienx jiddisponi minnhom, dawn ma humiex inammissibbli jekk ir-rikorrenti trid tilmenta li l-Bord tal-Appell kiser dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

39      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat dawn is-sentenzi insostenn ta’ argument uniku li jgħid li “meta qorti nazzjonali tkun ċaħdet l-eżistenza ta’ xi dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq il-prodotti użati [mill-intervenjenti] bħala bażi għat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, […] ir-raġuni assoluta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha taqa’ b’mod sħiħ, […] għaliex inkella, ikun hemm dannu irriversibbli għar-rikorrenti li titlef id-dritt leġittimu ta’ esklussività tagħha minħabba dritt preċedenti ineżistenti”.

40      Madankollu, fir-rigward ta’ dan l-argument, għandu jiġi rrilevat li, kif essenzjalment tosserva l-intervenjenti, is-sentenzi Franċiżi msemmija japplikaw biss bejn il-partijiet fil-proċeduri nazzjonali u fil-kuntest tal-kawżi dwar ksur bejniethom. Għalhekk, dawn is-sentenzi, anki jekk isiru definittivi, ma għandhom ebda portata dikjaratorja valida erga omnes fir-rigward tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dritt tal-awtur tal-intervenjenti.

41      Għalhekk, diversament minn deċiżjonijiet amministrattivi definittivi adottati fil-kuntest ta’ sistemi ta’ protezzjoni bbażati fuq l-applikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali, il-Qorti tal-Unjoni ma tistax titwassal biex tikkonstata t-telf ta’ suġġett tar-rikors u biex tippronunzja li ma hemmx lok għal deċiżjoni [ara, għal każijiet fejn ma hemmx lok għal deċiżjoni konsekuttivi għall-iskadenza tad-dritt ta’ trade mark opposta adottata b’deċiżjoni definittiva tal-uffiċċju tat-trade marks kompetenti u valida erga omnes, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, Pfizer vs UASI – Isdin (FOTOPROTECTOR ISDIN), T-354/07 sa T-356/07, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, u tas-27 ta’ Frar 2012, MIP Metro vs UASI – Jacinto (My Little Bear), T-183/11].

42      B’hekk, l-uniku argument li r-rikorrenti tislet minn dawn is-sentenzi u, għalhekk, l-unika raġuni għalfejn din tippreżentahom, jiġifieri l-fatt li dawn ineħħu b’mod awtomatiku l-bażi tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-intervenjenti, huwa żbaljat.

43      Fin-nuqqas ta’ xi argument ieħor tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coto D’Arcis, punt 37 iktar ’il fuq, punt 57) u peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi ruħha għar-rikorrenti fl-amministrazzjoni tar-rikors tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 23, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, Ġabra p. II-3601, punti 94 u 97), is-sentenzi msemmija tal-qrati Franċiżi, diġà inammissibbli minħabba li huma elementi ta’ fatt, ma jistgħux, wara kollox, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati u għalhekk għandhom, minħabba dan il-fatt, jitqiesu bħala irrilevanti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002, sa fejn l-intervenjenti ma ppreżentatx l-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tax-xogħlijiet protetti

44      Ir-rikorrenti tosserva li l-intervenjenti ma ppreżentatx l-informazzjoni meħtieġa dwar ix-xogħlijiet protetti. B’mod partikolari, l-intervenjenti ma pprovatx id-dati tal-ħolqien tax-xogħlijiet u lanqas ma indikat liema persuna fiżika hija l-awtur effettiv tagħhom.

45      Skont id-dritt Franċiż, id-dritt tal-awtur jibda mis-sempliċi fatt tal-ħolqien ta’ xogħol u mill-mument tal-ħolqien tiegħu. Huwa neċessarju li tkun magħrufa l-paternità tax-xogħol u d-data tal-ħolqien tiegħu, biex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex oriġinali u jekk dan jistax, minħabba f’hekk, jiġi protett jew jekk, b’mod kuntrarju, dan kienx diġà nħoloq qabel minn awtur ieħor. Bl-istess mod, kien hemm ukoll il-bżonn li titressaq il-prova tat-trażmissjoni tad-dritt tal-awtur mill-persuna fiżika li ħolqitu lill-intervenjenti.

46      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw il-pożizzjoni tar-rikorrenti. L-intervenjenti ppreżentat l-informazzjoni neċessarja u suffiċjenti.

47      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1)(f) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 u tal-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002 ikkunsidrati flimkien jirriżulta, l-ewwel nett, li disinn Komunitarju jiġi ddikjarat null jekk dan jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett mil-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-awtur ta’ Stat Membru, it-tieni nett, li din id-dikjarazzjoni ta’ nullità tista’ tintalab biss mill-proprjetarju tad-dritt tal-awtur u, it-tielet nett, li din it-talba għandha tinkludi r-rappreżentazzjoni u preċiżazzjonijiet dwar ix-xogħol protett li din hija bbażata fuqu kif ukoll provi li juru li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa l-proprjetarju tad-dritt tal-awtur.

48      Qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-intervenjenti quddiem l-UASI kinux jinkludu r‑rappreżentazzjoni u preċiżazzjonijiet fuq ix-xogħlijiet protetti li dawn kienu bbażati fuqhom, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-intervenjenti kienet issodisfat biżżejjed ir-rekwiżiti meħtieġa f’dan ir-rigward mill-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002.

49      Fil-fatt, l-intervenjenti identifikat b’mod preċiż, fit-talbiet tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-30 ta’ Settembru 2008, ix-xogħlijiet invokati insostenn tat-talbiet imsemmija, kemm permezz tar-ritratti ta’ dawn ix-xogħlijiet inklużi mat-talbiet imsemmija kif ukoll permezz tad-deskrizzjonijiet testwali pprovduti. Dawn id-deskrizzjonijiet kienu jirrigwardaw, minn naħa, kikkra ta’ lewn abjad, bi strixxi fini fuq il-wiċċ estern u lixxa fuq il-wiċċ intern, u l-plattina tagħha ta’ lewn abjad, bil-burdura wiesgħa bl-istrixxi, li titla’ kemxejn fl-estremità tagħha u parti ċatta lixxa ta’ daqs żgħir, u min-naħa l-oħra, platt tas-soppa bil-burdura wiesgħa ħafna, oriżżontali u bi strixxi fini, b’rinfurzar strett fiċ-ċentru tal-platt, unit u f’forma ta’ skutella, liema daħla tifforma wkoll il-bażi tal-platt.

50      Sussegwentement, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li tgħid li l-intervenjenti kellha tipprovdi d-dati tal-ħolqien tax-xogħlijiet, l-identità tal-persuna fiżika li ħolqithom u l-prova tat-trażmissjoni ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur lill-intervenjenti, din għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet segwenti.

51      L-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002 jeħtieġu li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju abbażi ta’ dritt tal-awtur protett skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jkun il-proprjetarju ta’ dan id-dritt tal-awtur u li dan jipprovdi lill-UASI provi li juru dan il-fatt.

52      Il-kwistjoni jekk l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ nullità huwiex proprjetarju tad-dritt tal-awtur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-kwistjoni tad-dimostrazzjoni ta’ dan id-dritt lill-UASI, ma jistgħux jinjoraw id-dritt tal-Istat Membru, f’dan il-każ id-dritt Franċiż, invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fatt, id-dritt tal-Istat Membru applikabbli jopera b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, biex jiddefinixxi l-metodi ta’ akkwist u ta’ prova tad-dritt tal-awtur fuq ix-xogħol invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2012, Tilda Riceland Private vs UASI – Siam Grains (BASmALI), T-304/09, punt 22].

53      Mill-proċess jirriżulta li l-proprjetarju ta’ dritt tal-awtur fid-dritt Franċiż huwa, sa prova kuntrarja, dak li x-xogħol jiġi kkummerċjalizzat f’ismu.

54      Fil-fatt, u kif jirrilevaw l-UASI u l-intervenjenti, għalkemm id-dritt Franċiż jipprovdi li “l-awtur ta’ xogħol kreattiv igawdi fuq dan ix-xogħol, mis-sempliċi fatt tal-kreazzjoni tiegħu, minn dritt ta’ proprjetà inkorporali esklussiv u opponibbli kontra kulħadd” [Artikolu L. 111-1 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali Franċiż (iktar ’il quddiem il-”KPI”)] u li “ix-xogħol jitqies li nħoloq, indipendentement mill-kummerċjalizzazzjoni pubblika tiegħu, mis-sempliċi fatt tat-twettiq, anki jekk mhux komplut, tad-disinn tal-awtur” (Artikolu L. 111-2 tal-KPI), dan jipprovdi wkoll li “il-kwalità ta’ awtur tappartjeni, sa prova kuntrarja, lil dak jew dawk li x-xogħol jiġi kkummerċjalizzat taħt isimhom” (Artikolu L. 113-1 tal-KPI) u li “ix-xogħol kollettiv huwa, sa prova kuntrarja, il-proprjetà tal-persuna fiżika jew ġuridika li jiġi kkummerċjalizzat taħt isimha [, fejn din il-persuna jkollha] d-drittijiet tal-awtur” (Artikolu L. 113-5 tal-KPI).

55      L-intervenjenti tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza Franċiża, fin-nuqqas ta’ rivendikazzjoni mill-persuna fiżika li hija l-awtur tiegħu, id-drittijiet tal-awtur fuq xogħol jiġu attribwiti lill-persuna ġuridika li tagħmel użu minnu taħt isimha b’mod kummerċjali.

56      Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Bord tal-Appell indika b’mod żbaljat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li d-dritt tal-awtur kien jinħoloq bil-kreazzjoni “u/jew bil-kummerċjalizzazzjoni” tax-xogħol, peress li mid-dispożizzjonijiet tal-KPI jirriżulta li dan id-dritt jinħoloq mis-sempliċi kreazzjoni, dan il-fatt huwa irrilevanti. F’dan il-każ, l-unika kwistjoni rilevanti hija dik tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur, li huwa, fin-nuqqas ta’ rivendikazzjoni mill-persuna fiżika li kkreat ix-xogħol, il-persuna fiżika jew ġuridika li dan ix-xogħol jiġi kkummerċjalizzat taħt isimha.

57      Huwa għalhekk inutli li r-rikorrenti tilmenta li l-UASI ma talabx informazzjoni dwar il-kreazzjoni tax-xogħlijiet bħad-data tal-kreazzjoni u l-identità tal-kreatur, u dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur lill-intervenjenti, u li hija tilmenta li l-Bord tal-Appell ma laqax ir-rikors tagħha fin-nuqqas ta’ tali provi.

58      Inċidentalment, għandu jingħad ukoll li qabel kollox, ir-rikorrenti ma tikkontestax li d-data tal-kummerċjalizzazzjoni mill-intervenjenti tax-xogħlijiet invokati insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi stabbilita minn dokumenti ppreżentati minn din il-parti quddiem l-UASI.

59      Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq allegat nuqqas ta’ informazzjoni ppreżentata mill-intervenjenti quddiem l-UASI fir-rigward tax-xogħlijiet protetti u, b’mod partikolari, fuq in-nuqqas ta’ prova tad-dati ta’ kreazzjoni tax-xogħlijiet, tal-identità tal-persuna fiżika li kkrejathom u tat-trasferiment tad-drittijiet tagħha minnha lill-intervenjenti.

60      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet, invokati matul dan l-ewwel motiv, li jgħidu li l-intervenjenti ma għandha ebda dritt tal-awtur, peress li l-użu ta’ dekorazzjoni tal-artikli ta’ sett tal-platti bl-applikazzjoni ta’ strixxi konċentriċi fini fuq il-wiċċ estern tagħhom kien ġie pprattikat minn impriżi oħra fis-settur qabel l-intervenjenti, u li jgħidu li din id-dekorazzjoni ma hija b’ebda mod oriġinali, iżda hija prattika li ilha ssir ħafna żmien, għandu jiġi rrilevat li dawn l-allegazzjonijiet huma, għalkemm mhux ġodda, mill-inqas ibbażati b’mod sħiħ fuq provi ppreżentati fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk diġà miċħuda bħala inammissibbli.

61      B’hekk, quddiem l-UASI, ir-rikorrenti ma allegatx li impriżi oħra ta’ settijiet tal-platti apparti l-intervenjenti kienu kkummerċjalizzaw qabel din tal-aħħar ix-xogħlijiet invokati insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Wara kollox, ir-rikorrenti stess tammetti, fir-rikorsi tagħha, li kien biss quddiem il-Qorti Ġenerali li hija ppreżentat provi f’dan ir-rigward.

62      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ oriġinalità tad-dekorazzjoni bl-istrixxi ta’ biċċa minn sett tal-platti, ir-rikorrenti ma tikkontesta b’ebda mod l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li, għalkemm dan in-nuqqas ta’ oriġinalità ġie allegat fl-istadju tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, f’dak l-istadju ma tressqet ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

63      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont it-termini tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, l-istħarriġ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir fid-dawl tal-kwistjonijiet ta’ liġi li tressqu quddiemha. Għalhekk, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina motivi ġodda ppreżentati quddiemha jew li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-eżami ta’ dawn il-motivi ġodda u l-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-provi jmorru kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell (ara, b’analoġija, is-sentenza ELIO FIORUCCI, punt 35 iktar ’il fuq, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 60 sa 63 iktar ’il fuq jirriżulta li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti, relattivi għal kummerċjalizzazzjoni preċedenti tax-xogħol minn impriżi oħra ta’ settijiet tal-platti, kif ukoll għan-nuqqas ta’ oriġinalità tad-dekorazzjoni minħabba li din ġiet ipprattikata għal ħafna żmien, għandhom jiġu miċħuda, jekk mhux bħala inammissibbli għaliex huma motivi ġodda, għall-inqas bħala infondati, għaliex huma bbażati b’mod sħiħ fuq provi inammissibbli.

65      Għalhekk, dan il-motiv u l-allegazzjonijiet invokati matulu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li d-disinni kkontestati kienu jinvolvu użu mhux awtorizzat tax-xogħol tal-intervenjenti

66      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell qies li x-xogħol invokat mill-intervenjenti ma kienx il-kikkra, il-plattina u l-platt tas-soppa, iżda l-istrixxi dekorattivi preżenti fuq l-uċuh ta’ dawn il-biċċiet ta’ sett tal-platti. Ir-rikorrenti ssostni li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi oħra differenti minn dawn l-istrixxi konċentriċi fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni tal-preżenza tax-xogħol tal-intervenjenti fid-disinni kkontestati tar-rikorrenti u, għalhekk, tal-ksur tad-dritt tal-awtur rivendikat mill-intervenjenti.

67      Evalwazzjoni tad-diversi elementi tal-biċċiet tas-sett tal-platti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti tippermetti li jinstabu numru ta’ differenzi, li jagħtu karatteristiċi distinti lil dawn il-biċċiet ta’ sett tal-platti, b’tali mod li tinħoloq impressjoni globali kompletament differenti. Dawn id-differenzi ma jippermettux li jiġi affermat li x-xogħol protett intuża fid-disinni kkontestati.

68      Fil-fatt, mir-ritratti ppreżentati jirriżulta b’mod ċar li l-kikkri u l-plattini tagħhom u l-platti tas-soppa tal-partijiet ma għandhom ebda element komuni ħlief għall-istrixxi tagħhom.

69      Il-kikkra tal-intervenjenti għandha forom tondi, b’widna partikolari, li bl-ebda mod ma tixbah il-forom koniki tal-kikkra tar-rikorrenti. Il-plattina tar-rikorrenti għandha dawra ċentrali lixxa relattivament ikbar mill-plattina tal-intervenjenti u bordura iktar ċatta, peress li hija biss il-bordura esterna li hija inklinata. Min-naħa esterna, id-daħla tal-platt tas-soppa tar-rikorrenti hija totalment lixxa bl-eċċezzjoni ta’ inċiżjoni li tinsab ftit millimetri mill-bażi. Din hija iktar fit-tond minn dik tal-platt tas-soppa tal-intervenjenti u nieqsa minn burduri jew livelli. Il-burduri tal-platt juru differenzi fir-rigward tal-inklinizzazzjoni u tal-fetħa tagħhom, filwaqt li dak tar-rikorrenti huwa iktar fit-tond minn dak, ta’ inklinazzjoni iktar dritta, tal-intervenjenti. Barra minn hekk, l-istrixxi huma iktar wiesgħin u evidenti fid-disinni kkontestati.

70      Fid-dawl tal-fatt li l-libertà tal-kreatur hija limitata fil-qasam tal-artikli tas-settijiet tal-platti, huwa impossibbli li d-disinni kkontestati jitqiesu li jinvolvu użu tax-xogħlijiet rivendikati mill-intervenjenti.

71      Ir-rikorrenti żżid li, anki kieku jitqies li x-xogħol li l-intervenjenti tirrivendika l-protezzjoni tiegħu jikkonsisti mill-istrixxi dekorattivi preżenti fuq l-uċuħ ta’ dawn il-biċċiet ta’ sett tal-platti, xorta jkollu jinstab liema hija l-parti oriġinali tax-xogħol inkwistjoni.

72      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

73      Għandu jitfakkar li r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata f’dan il-każ mill-intervenjenti ma hijiex ibbażata fuq in-nuqqas ta’ karattru individwali tad-disinni kkontestati fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, iżda fuq użu mhux awtorizzat, f’dawn id-disinni, ta’ xogħol protett mil-leġiżlazzjoni fuq id-dritt tal-awtur ta’ Stat Membru.

74      Isegwi li l-unika kwistjoni li kellu jevalwa l-UASI kienet dik jekk l-intervenjenti kinitx il-proprjetarja ta’ dritt tal-awtur skont id-dritt Franċiż u jekk dan id-dritt tal-awtur kienx is-suġġett ta’ użu mhux awtorizzat fid-disinni kkontestati.

75      Fil-punti 48 sa 59 iktar ’il fuq diġà ġie kkonstatat li l-intervenjenti kienet osservat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002, relattivi għall-għoti, fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tar-rappreżentazzjoni u tal-preċiżazzjonijiet fuq ix-xogħol protett mid-dritt tal-awtur li t-talba kienet ibbażata fuqu.

76      Fir-rigward tal-pretensjonijiet li jgħidu li l-intervenjenti ma għandha ebda dritt tal-awtur peress li d-dekorazzjoni tal-artikli ta’ sett tal-platti bl-applikazzjoni ta’ strixxi konċentriċi fini fuq il-wiċċ estern tagħhom ġiet ipprattikata minn impriżi oħra fis-settur qabel l-intervenjenti, u li jgħidu li din id-dekorazzjoni bl-ebda mod ma hija oriġinali, iżda hija prattika li ilha sseħħ għal ħafna żmien, diġà ġie kkonstatat fil-punti 60 sa 64 iktar ’il fuq li dawn il-pretensjonijiet huma, jekk mhux inammissibbli għaliex huma ġodda, mill-inqas huma infondati għaliex huma bbażati b’mod sħiħ fuq provi inammissibbli.

77      Fir-rigward tal-argument, żviluppat f’dan il-motiv, li jgħid li l-Bord tal-Appell ma kellux jillimita ruħu għad-dekorazzjoni tal-artikli tas-settijiet tal-platti, iżda kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-forom tagħhom, dan għandu jiġi miċħud għas-segwenti raġunijiet.

78      Huwa minnu li x-xogħol li l-intervenjenti invokat quddiem l-UASI biex titlob id-dikjarazzjoni ta’ nullità tad-disinni kkontestati ma kienx jillimita ruħu għas-sempliċi dekorazzjoni tal-biċċiet tas-sett tal-platti tagħha, iżda kien jestendi għal aspetti oħra tal-biċċiet imsemmija, b’mod partikolari għall-forom tagħhom. Madankollu, id-dekorazzjoni kienet, bħala tali, rivendikata b’mod ċar mill-intervenjenti, quddiem l-UASI, bħala t-traduzzjoni materjali ta’ sforz kreattiv protett mid-dritt tal-awtur. B’hekk, l-intervenjenti osservat li l-oriġinalità tas-sett tal-platti tal-kollezzjoni tagħha “Hémisphère” kienet b’mod partikolari tinsab fl-istrixxi superfiċjali tiegħu u fl-alternanza tagħhom ma’ partijiet lixxi, liema finitura hija, fil-fehma tagħha, marka ta’ oriġinalità u tirrifletti l-kreattività tal-awtur.

79      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza Franċiża ppreżentata fil-proċess u ċċitata mill-Bord tal-Appell, fid-dritt Franċiż, biċċa minn sett tal-platti tista’, kemm mill-forma kif ukoll mid-dekorazzjoni tagħha, tikkostitwixxi xogħol protett mid-dritt tal-awtur, peress li wieħed jew ieħor minn dawn l-aspetti huwa r-riżultat ta’ attività kreattiva u peress li għandu natura oriġinali li tesprimi l-personalità tal-awtur.

80      Għalhekk, fil-prinċipju xejn ma kien jipprekludi lill-Bord tal-Appell milli jagħżel id-dekorazzjoni tal-biċċiet tas-sett tal-platti tal-intervenjenti bħala x-xogħol li l-użu mhux awtorizzat tiegħu kien indiskussjoni. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell irrestrinġa, ċertament, l-evalwazzjoni tiegħu għal aspett tal-biċċiet tas-settijiet tal-platti tal-partijiet. Iżda miż-żewġ partijiet fil-kawża, kienet biss l-intervenjenti li setgħet, eventwalment, tilmenta, liema ħaġa ma għamlitx, minn dan l-approċċ tal‑Bord tal-Appell, li ma kienx jittratta xi wħud mir-rivendikazzjonijiet tagħha abbażi tad-dritt tal-awtur.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-limitazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell għad-dekorazzjoni tal-biċċiet tas-sett tal-platti tal-intervenjenti ma hijiex tali, f’dan il-każ, li tivvizzja d-deċiżjonijiet ikkontestati b’illegalità.

82      Isegwi li l-argumenti kollha li bihom ir-rikorrenti tenfasizza d-differenzi fil-forma tad-disinni kkontestati u tal-biċċiet tas-sett tal-platti tal-intervenjenti huma irrilevanti.

83      L-unika kunsiderazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija dik jekk, kif ikkonkluda l-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, id-dekorazzjoni bl-istrixxi tal-biċċiet tas-sett tal-platti tal-intervenjenti kinitx tikkostitwixxi xogħol kreattiv u, it-tieni nett, jekk dak ix-xogħol kienx riprodott minn fuq id-disinni kkontestati, u b’hekk kienx jinvolvi użu mhux awtorizzat tad-dritt tal-awtur tal-intervenjenti.

84      Fuq l-ewwel aspett, il-Bord tal-Appell ipproċeda għas-segwenti evalwazzjonijiet.

85      Dan ikkunsidra li x-xogħol kien jikkonsisti fid-dekorazzjoni tal-biċċiet tas-sett tal-platti, bl-applikazzjoni ta’ disinn bi strixxi fini, paralleli u konċentriċi, tal-istess wisa’ u mhux interrotti, fuq il-wiċċ estern kollu tal-kikkra u fuq kważi l-uċuh interni kollha tal-plattina u tal-platt tas-soppa, ħlief għad-dawra ċentrali.

86      Fil-fehma tal-Bord tal-Appell, din id-dekorazzjoni partikolari tal-biċċiet tas-sett tal-platti kienet tippermetti li dawn jiġu distinti u kienet tagħtihom karattru suffiċjentement oriġinali, b’tali mod li din kienet tiġġustifika l-protezzjoni legali tagħhom skont id-dritt Franċiż. Konsegwentement, il-preżenza tal-istrixxi fini inkwistjoni kienet tidħol fil-kriterji stabbiliti mid-dritt Franċiż.

87      Il-Bord tal-Appell irrileva li r-rikorrenti f’ebda mument ma esprimiet quddiemu, b’mod espliċitu, il-motivi għalfejn id-dekorazzjoni tal-elementi tas-sett tal-platti tal-intervenjenti ma kinitx tiġġustifika l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur. Il-Bord tal-Appell indika li n-nuqqas ta’ karattru artistiku, invokat mir-rikorrenti, ma kienx kriterju rilevanti. Dan irrileva li r-rikorrenti kienet semmiet ukoll in-nuqqas ta’ oriġinalità ta’ biċċa minn sett tal-platti koperta minn strixxi, iżda mingħajr ma ppreżentat ebda prova insostenn ta’ dan l-argument, u li r-rikorrenti kienet reġgħet ikkontestat, iżda b’mod żbaljat, li x-xogħol tal-intervenjenti kien jistħoqqlu protezzjoni abbażi tad-dritt Franċiż, minħabba li sett tal-platti huwa prodott industrijali.

88      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, finalment, il-finitura superfiċjali tal-elementi ta’ sett tal-platti invokata mill-intervenjenti, hekk kif kienet tidher, kienet tidħol, “minkejja (jew minħabba) s-sempliċità tal-forma tagħha”, f’kategorija ta’ xogħlijiet kreattivi li jistgħu jesprimu l-personalità tal-awtur tagħhom u li din kienet, għalhekk, protetta bil-liġi Franċiża fuq id-dritt tal-awtur.

89      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tpoġġix indiskussjoni dawn l-evalwazzjonijiet.

90      Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-affermazzjonijiet, barra minn hekk korretti, tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ evalwazzjoni artistika tax-xogħol u dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-awtur għall-prodotti industrijali. Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’oriġinalità, diġà ġie kkonstatat li l-provi kollha dwar dan il-punt ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali huma inammissibbli.

91      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta kkonkluda li d-dekorazzjoni tal-biċċiet tas-sett tal-platti tal-intervenjenti kienet tikkostitwixxi xogħol protett abbażi tad-dritt tal-awtur.

92      Dwar it-tieni aspett, relattiv għall-użu tax-xogħol tal-intervenjenti fid-disinni kkontestati, il-Bord tal-Appell għamel is-segwenti osservazzjonijiet.

93      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata l-preżenza, fid-disinni kkontestati, tax-xogħol protett, f’dan il-każ l-istess disinn ta’ strixxi u, fit-tieni lok, il-fatt li dawn l-istrixxi kienu jkopru eżattament l-istess partijiet tal-biċċiet tas-sett tal-platti. Il-Bord tal-Appell irrileva li kien preċiżament fis-somma ta’ dawn iż-żewġ karatteristiċi li kien jinsab il-kontenut kreattiv tax-xogħol preċedenti “li ġie riprodott — jew ‘użat’ — mingħajr awtorizzazzjoni”, fid-disinni kkontestati.

94      Ir-rikorrenti, wara li ammettiet li l-biċċiet tas-sett tal-platti inkwistjoni kellhom bħala element komuni l-istrixxi tagħhom, limitat ruħha, quddiem il-Qorti Ġenerali, biex tosserva li l-istrixxi kienu “iktar wiesgħin u fondi” fid-disinni kkontestati. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti għamlet riferenza għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C-281/10 P, Ġabra p. I-10153) u għal allegata limitazzjoni fil-livell ta’ libertà tal-kreatur.

95      Madankollu, dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex biżżejjed biex jipprovaw żball min-naħa tal-Bord tal-Appell.

96      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tinvoka b’mod żbaljat il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, punt 94 iktar ’il fuq, u allegata limitazzjoni fil-livell ta’ libertà tal-kreatur.

97      Fil-fatt, ir-raġuni assoluta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata f’dan il-każ hija dik ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002 u mhux, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, punt 94 iktar ’il fuq, fuq l-Artikolu 25(1)(d) tal-istess Regolament.

98      Għalhekk, ir-riżultat ta’ din il-kawża ma għandu bl-ebda mod jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ paragun globali bejn żewġ disinni li bih limitazzjoni fil-livell ta’ libertà tal-kreatur li tirriżulta minn limitazzjonijiet tekniċi jew legali, barra minn hekk mhux stabbiliti f’dan il-każ, tista’ tirrendi lill-utent informat iktar attent għad-dettalji u tiffaċilita r-rikonoxximent ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Radiateurs de chauffage, punt 35 iktar ’il fuq, punti 43 sa 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Ir-riżultat ta’ din il-kawża jiddependi unikament mill-punt jekk id-disinn ikkontestat jinvolvi “użu mhux awtorizzat” tax-xogħol protett mil-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-awtur tal-Istat Membru kkonċernat.

100    Kien għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li, biex tiġi evalwata r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma kienx hemm lok għalfejn jiġu pparagunati l-mudelli li jinsabu f’kunflitt b’mod globali, iżda biss li jiġi ddeterminat jekk ix-xogħol protett mid-dritt tal-awtur kienx użat fil-mudelli sussegwenti, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk il-preżenza ta’ dan ix-xogħol setgħetx tiġi kkonstatata f’dawn il-mudelli, bil-konsegwenza li, f’dan il-kuntest, id-differenzi invokati mir-rikorrenti, bħall-forma tal-kikkra jew id-disinn tal-widna tagħha jew il-forma tal-iskutella tal-platt tas-soppa, kienu irrilevanti.

101    Fit-tieni lok, u kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, ma jistax jiġi miċħud li d-dekorazzjoni tad-disinni kkontestati tixbah ħafna lill-biċċiet tas-sett tal-platti tal-intervenjenti, kemm f’dak li jikkonċerna l-identiċità tal-uċuh koperti kif ukoll in-natura konċentrika, ir-regolarità u l-finezza tal-istrixxi. Il-wisa’ ikbar u n-natura iktar fonda tal-istrixxi, rivendikati mir-rikorrenti, ma humiex biżżejjed biex ineħħu dan ix-xebh.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tistabbilixxix, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra, fuq il-bażi tal-provi li kellu quddiemu, li d-dekorazzjoni tal-biċċiet ta’ sett tal-platti invokata mill-intervenjenti insostenn tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha kienet protetta mil-liġi Franċiża fuq id-dritt tal-awtur u li din id-dekorazzjoni kienet is-suġġett ta’ użu mhux awtorizzat fid-disinni kkontestati.

103    Minn dan isegwi li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

104    Minħabba li r-rikorrenti tilfet l-motivi kollha tagħha, dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

106    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI u mill-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T-566/11 u T-567/11 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Viejo Valle, SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u ta’ Établissements Coquet.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà u r-rilevanza ta’ ċerti provi ppreżentati bħala anness mar-rikorsi u mat-talbiet għas-sospensjoni

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002, sa fejn l-intervenjenti ma ppreżentatx l-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tax-xogħlijiet protetti

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li d-disinni kkontestati kienu jinvolvu użu mhux awtorizzat tax-xogħol tal-intervenjenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.