Language of document : ECLI:EU:T:2013:549

Kawżi T‑566/11 u T‑567/11

Viejo Valle, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinni Komunitarji rreġistrati li jirrappreżentaw kikkra u plattina bl-istrixxi u platt tas-soppa bl-istrixxi — Raġuni assoluta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett mil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur ta’ Stat Membru — Artikolu 25(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2013

1.      Disinni Komunitarji — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awli tal-appell — Limiti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 135(4); Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

2.      Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett mil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur ta’ Stat Membru — Dritt tal-Istat Membru intervenjenti li jiddefinixxi l-metodi ta’ ksib u ta’ prova tad-drittijiet tal-awtur

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 25(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2245/2002, Artikolu 28(1)(b)(iii))

1.      Fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinni Komunitarji, l-istħarriġ tal-legalità mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ liġi li tressqu quddiemha. Għalhekk, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina motivi ġodda ppreżentati quddiemha jew li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-eżami ta’ dawn il-motivi l-ġodda u l-ammissjoni ta’ dawn il-provi jmorru kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li skontu s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

Madankollu, il-possibbiltà li jsir riferiment għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali ma hijiex eskluża, meta ma jkunx allegat li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni fatti f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, u meta tiġi invokata l-ġurisprudenza nazzjonali insostenn ta’ dan il-motiv.

(ara l-punti 37, 63)

2.      L-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinni Komunitarji, u l-Artikolu 28(1)(b)(iii) tar-Regolament Nru 2245/2002 li timplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, jeħtieġu li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju abbażi ta’ drittijiet tal-awtur protetti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jkun il-proprjetarju ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur u li dan jipprovdi lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) provi li juru dan il-fatt.

Il-kwistjoni dwar jekk l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwiex proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-kwistjoni tal-prova ta’ dawn id-drittijiet quddiem l-UASI, ma jistgħux jiġu solvuti jekk jiġi injorat id-dritt tal-Istat Membru, f’dan il-każ id-dritt Franċiż, invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fatt, id-dritt tal-Istat Membru applikabbli jopera b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, biex jiddefinixxi l-metodi ta’ akkwist u ta’ prova tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

(ara l-punti 51, 52)