Language of document : ECLI:EU:T:2013:439

Kawża T‑435/09

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

GL2006 Europe Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti ta’ sostenn finanzjarju konklużi fil-kuntest tal-ħames u s-sitt programm qafas għal azzjoni Komunitarja ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku u fil-kuntest tal-programm eTEN — Proġetti Highway, J WeB, Care Paths, Cocoon, Secure-Justice, Qualeg, Lensis, E-Pharm Up, Liric, Grace, Clinic u E2SP — Rexissjoni tal-kuntratti — Rimbors tas-somom imħallsa — Noti ta’ debitu — Kontrotalba — Rappreżentanza tar-rikorrent”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors li ma għadx għandu skop — Skiet tar-rikorrenti wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tan-nomina ta’ rappreżentanti ġodda — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Impatt fuq kontrotalba

(Artikolu 225 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Portata u limiti — Ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kontrotalba — Bażi

(Artikoli 225 KE u 238 KE)

1.      Il-Qorti Ġenerali tista’ tikkonstata ex officio, b’mod konformi mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li r-rikors tilef l-iskop tiegħu u li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors meta r-rikorrenti tibqa’ siekta wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tan-nomina ta’ rappreżentanti ġodda.

Madankollu, meta l-konvenuta tkun ressqet kontrotalba u n-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-kawża prinċipali ma jkunx tali li jagħti sodisfazzjon lil din il-parti, minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-kontrotalba għandha skop minkejja l-fatt li r-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa mingħajr skop u li, min-naħa l-oħra, il-konvenuta għandha interess li t-talba tiġi deċiża. Dan huwa l-każ ta’ kontrotalba intiża għall-kundanna tar-rikorrenti għar-rimbors tas-somom li tħallsu lilha.

(ara l-punti 33, 45, 46)

2.      Skont l-Artikolu 238 KE, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ f’kuntratt taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt privat mogħti mill-Unjoni jew f’isimha. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, biex tisma’ kawża li tikkonċerna kuntratt, għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u tal-provvedimenti tal-klawżola stess. Din il-ġurisdizzjoni tapplika b’deroga mid-dritt Komunitarju u għalhekk, għandha tiġi interpretata b’mod strett. B’hekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar kwistjoni kuntrattwali biss fil-każ tal-espressjoni tar-rieda tal-partijiet li jattribwulha din il-ġurisdizzjoni u, min-naħa l-oħra, tista’ tisma’ biss talbiet li jidderivaw mill-kuntratt li fih il-klawżola ta’ arbitraġġ jew li għandhom relazzjoni diretta mal-obbligi li jirriżultaw minnu.

Barra minn hekk, fis-sistema Komunitarja tar-rimedji, il-ġurisdizzjoni biex tiġi adottata deċiżjoni fuq rikors fil-kawża prinċipali timplika l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni biex tiġi adottata deċiżjoni fuq kull kontrotalba mressqa matul l-istess proċedura derivanti mill-istess att jew mill-istess fatt li jifforma s-suġġett tar-rikors. Din il-ġurisdizzjoni hija bbażata fuq l-interess tal-ekonomija tal-proċedura u fuq il-prijorità rrikonoxxuta lill-qorti li quddiemha tressaq il-każ fl-ewwel lok, liema kunsiderazzjonijiet huma wkoll normalment rikonoxxuti fis-sistemi proċedurali tal-Istati Membri.

(ara l-punti 37, 38, 42)