Language of document : ECLI:EU:T:2012:247

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2012 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97-2011 — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Eżami konkret u individwali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑300/10,

Internationaler Hilfsfonds eV, stabbilita f’Rosbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Kaltenecker, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u T. Scharf, bħala aġenti, assistiti minn R. van der Hout, avukat

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2010 li tirrifjuta lir-rikorrenti aċċess komplet għall-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Internationaler Hilfsfonds eV, hija organizzazzjoni mhux governattiva stabbilita skont id-dritt Ġermaniż fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. Fit-28 ta’ April 1998, hija ffirmat mal‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-kuntratt LIEN 97‑2011 għal kofinanzjament ta’ programm ta’ għajnuna medika li hija organizzat fil-Kazakistan.

2        Fl-1 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni xoljiet unilateralment il-kuntratt LIEN 97‑2011 u, insegwitu għal dan ix-xoljiment, fis-6 ta’ Awwissu 2001, hija informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tirkupra somma mħallsa lilha fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

3        Fid-9 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni applikazzjoni sabiex tingħata, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97‑2011.

4        B’ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti lista ta’ dokumenti (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-8 ta’ Lulju 2002”). F’din l-ittra, filwaqt li għamlet riferiment għall-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ċaħdet parzjalment l-applikazzjoni tar-rikorrenti.

5        Peress li l-applikazzjoni tagħha ġiet sodisfatta biss parzjalment, b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2002, indirizzata lill-President tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbet li tingħata aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011. Billi din l-applikazzjoni tar-rikorrenti baqgħet ma ġietx għal kollox sodisfatta, din tal-aħħar ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, li ġie rreġistrat bir-referenza 1874/2003/GG (iktar ’il quddiem l-“ilment 1874/2003/GG”), fejn hija indikat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess komplet għad-dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

6        Wara abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-15 ta’ Lulju 2004 indirizzat mill-Ombudsman lill-Kummissjoni u wara opinjoni mmotivata indirizzata, fit-12 u fil-21 ta’ Ottubru 2004, mill-Kummissjoni lill-Ombudsman, dan tal-aħħar, fl-14 ta’ Diċembru 2004, adotta deċiżjoni finali li fiha kkonstata, permezz ta’ kritika, li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet raġunijiet validi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal diversi dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina.

7        Fit-22 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni finali tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat lill-President tal-Kummissjoni applikazzjoni ġdida għal aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011. B’ittra tal-14 Frar 2005, il-Kummissjoni rrispondiet għal din l-applikazzjoni u, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li ma tqiegħedx dokumenti oħra għad-dispożizzjoni tagħha ħlief dawk id-dokumenti li għalihom hija diġà kellha aċċess.

8        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2005, rikors li ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza T‑141/05. Wara eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar, permezz tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (T‑141/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra), ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti bħala inammissibbli.

9        Wara appell tar-rikorrenti skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑362/08 P, Ġabra p. I‑669), annullat is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 8 iktar ’il fuq, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża quddiem din tal-aħħar għal deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2005, li tirrifjutalha l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Il-kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali ġiet irreġistrata bin-numru ta’ referenza T‑141/05 RENV.

10      F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat rikors quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles sabiex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ewwel ħlas li hija kienet wettqet fil-kuntest tal-kuntratt LIEN 97‑2011. Din il-kawża nazzjonali, li n-numru ta’ referenza tagħha huwa 00004913/IJ/LB/29, hija attwalment pendenti.

11      B’ittri tat-28 u tal-31 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat, abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni ġdida għal aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni inizjali”).

12      B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni rrispondiet għall-applikazzjoni inizjali (iktar ’il quddiem ir-“risposta inizjali” fejn speċifikat li, fid-dawl taż-żmien li għadda wara d-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-rikorrenti tat-22 ta’ Diċembru 2004 għal aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, li kienet is-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑141/05, hija kienet wettqet eżami ġdid ta’ kull dokument tal-imsemmi fajl li ma kienx ġie kkomunikat u li, wara dan l-eżami, hija kienet iddeċidiet li tagħti lir-rikorrenti aċċess uwsa, iżda mhux komplet, għall-imsemmija dokumenti.

13      B’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2009, irreġistrata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li permezz tagħha hija stiednet lill-Kummissjoni terġa’ teżamina r-risposta inizjali (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”).

14      Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni estendiet it-terminu previst sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja.

15      B’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009, għall-ewwel il-Kummissjoni indikat li, sa fejn l-applikazzjoni konfermatorja kienet teżiġi eżami dettaljat tad-diversi dokumenti rilevanti u peress li d-diskussjonijiet dwar dan mad-dipartimenti l-oħra kienu għadhom ma ntemmux, sfortunatament hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi risposta definittiva għal din l-applikazzjoni.

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li kienu jinvolvu, minn naħa, l-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009 u, min-naħa l-oħra, l-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2009, rikors li ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza T‑36/10.

17      B’deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni, permezz tas-segretarjat ġenerali tagħha, irrispondiet għall-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Fl-ewwel lok, taħt it-Titolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “id-dokumenti kkonċernati mill-applikazzjoni konfermatorja”, il-Kummissjoni tikkonstata li l-applikazzjoni konfermatorja kienet essenzjalment tinvolvi, l-ewwel nett, applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti li kienu s-suġġett tal-applikazzjoni inizjali, jiġifieri “id-dokumenti li [kienu] jikkonċernaw il-[kuntratt LIEN 97‑2011]” li għalihom ir-rikorrenti ma kinitx ingħatat aċċess u, it-tieni nett, applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti addizzjonali dwar l-“iskambju ta’ ittri msejħa interni bejn AIDCO u direttorati ġenerali oħra li ma kienu bl-ebda mod ikkonċernati minn LIEN” (iktar ’il quddiem id-“dokumenti addizzjonali”). Issa, il-Kummissjoni tikkunsidra li peress li l-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti addizzjonali ġiet ippreżentata, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-applikazzjoni konfermatorja, din tikkostitwixxi applikazzjoni ġdida. Konsegwentement, hija tippreċiża li d-deċiżjoni kkontestata “tikkonċerna biss id-dokumenti tal-fajls 1, 2, 3 u 4 li jirrigwardaw ix-xoljiment tal-[kuntratt LIEN 97‑2011] u li ma ġewx żvelati bl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009 li kienet intbagħtet b’risposta mid-direttorat ġenerali tal-AIDCO”.

19      Fit-tieni lok, dejjem taħt l-istess titolu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, wara l-applikazzjoni konfermatorja, id-dokumenti mhux żvelati, kif deskritti fit-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, ġew ikkontrollati bir-reqqa. Hija tippreċiża:

–        l-ewwel nett, li l-imsemmija tabella hija maqsuma fi tliet partijiet li jiġbru taħthom tliet kategoriji ta’ dokumenti, jiġifieri, minn naħa, id-dokumenti li jinsabu fil-fajls 1 sa 3 li jiffurmaw il-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, min-naħa l-oħra, dawk li jinsabu fil-parti I tal-fajl 4, u fl-aħħar nett, dawk li jinsabu fil-parti II tal-fajl 4;

–        it-tieni nett, li, fir-rigward ta’ kull wieħed mid-dokumenti identifikati fl-imsemmija tabella, dawn huma aċċessibbli jew b’mod illimitat (AI) jew b’mod parzjali (AP), jew ma humiex aċċessibbli (NA);

–        it-tielet nett, li, kull fejn ġie deċiż li dokument ma huwiex aċċessibbli b’mod illimitat, hemm indikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni;

–        ir-raba’ nett, li, fir-rigward tad-dokumenti jew ta’ ċerti partijiet ta’ dokumenti li ma humiex koperti mis-suġġett tal-applikazzjoni inizjali (iktar ’il quddiem is-“suġġett tal-applikazzjoni inizjali”) jew mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem il-“kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament”), l-imsemmija dokumenti huma indikati bħala barra mill-kamp ta’ applikazzjoni (HC).

20      Fit-tielet lok, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni konfermatorja.

21      L-ewwel nett, fis-subtitolu 3.1 intitolat “Dokumenti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni”, hija tesponi r-raġunijiet li għalihom ċerti dokumenti, totalment jew parzjalment, ma humiex koperti mis-suġġett tal-applikazzjoni inizjali jew ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament u hija tidentifika l-imsemmija dokumenti.

22      It-tieni nett, fis-subtitolu 3.2 intitolat “Dokumenti li għalihom ingħata aċċess illimitat”, minn-naħa, hija tidentifika d-dokumenti koperti mill-kategorija ta’ dokumenti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li wħud minn dawn id-dokumenti jinkludu partijiet li ġew imħassra peress li dawn jew ma kinux koperti mis-suġġett tal-applikazzjoni inizjali, jew ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament. Fl-aħħar nett, hija tidentifika diversi dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti, li l-kontenut tagħhom huwa identiku għal dak ta’ dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti oħra tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

23      It-tielet nett, fis-subtitolu 3.3 intitolat “Dokumenti li għalihom ingħata aċċess parzjali”, minn naħa, il-Kummissjoni tidentifika d-dokumenti koperti minn dan is-subtitolu. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li l-partijiet mhux żvelati ta’ dawn id-dokumenti huma mħassra jew minħabba li dawn huma koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, jew inkella għaliex dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jew ma humiex koperti mis-suġġett tal-applikazzjoni inizjali. Fl-aħħar nett, hija terġa’ tidentifika diversi dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa identiku għal dak ta’ dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti oħra tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

24      Ir-raba’ nett, fis-subtitolu 3.4 intitolat “Dokumenti li għalihom ma jista’ jingħata ebda aċċess”, minn naħa, l-Kummissjoni tidentifika d-dokumenti koperti mill-kategorija ta’ dokumenti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li t-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda l-imsemmija dokumenti, tinkludi wkoll riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li ġew użati fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti. Fl-aħħar nett, hija tidentifika diversi dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa identiku għal dak ta’ dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti oħra tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

25      Fir-raba’ lok, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li għalihom irrifjutat li tagħti aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, ibbażati fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri, minn naħa, fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

26      Fil-ħames lok, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti li għalihom l-aċċess ġie parzjalment jew totalment irrifjutat f’dan l-istadju tal-eżami tal-applikazzjoni għal aċċess. Issa, minn naħa, hija tikkonstata li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jista’ jkun ta’ benefiċċju biss għall-interess speċifiku invokat mill-applikant u mhux għal interess pubbliku superjuri. Min-naħa l-oħra, hija ma tikkunsidrax li l-interess pubbliku ta’ trasparenza jista’, fil-każ preżenti, jiġġustifika l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti protetti mill-eċċezzjonijiet użati fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutata l-iżvelar tagħhom.

27      B’digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑36/10 kien manifestament inammissibbli sa fejn dan kien indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, u li ma kienx għad għandu skop sa fejn dan kien indirizzat kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li kienet tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009. B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2011, ir-rikorrenti appellat mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011 abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza C‑208/11 P.

28      B’digriet tal-21 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, wara li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha, ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T‑141/05 RENV. B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti appellat mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2011 abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza C‑554/11 P.

 Il-proċedura

29      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ressqet il-kawża preżenti.

30      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ sentenza li hija kienet tat wara li ġie ppreżentat ir-rikors.

31      B’digriet tal-14 ta’ April 2011, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ġiet adottata l-ewwel miżura istruttorja fejn il-Kummissjoni ġiet ordnata tipproduċi kopja tal-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti kollha kklassifikati, fid-deċiżjoni kkontestata, fit-tliet kategoriji segwenti, jiġifieri, minn-naħa, dawk li l-kontenut tagħhom jaqa’ “barra mill-kamp ta’ applikazzjoni” (punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata), min-naħa l-oħra, dawk li għalihom ingħata aċċess parzjali (punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fl-aħħar nett, dawk li għalihom ma setax jingħata aċċess (punt 3.4 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li ġie ppreċiżat li dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kawża preżenti.

32      B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni rrispondiet għall-miżura istruttorja deċiża fid-digriet tal-14 ta’ April 2001. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-imsemmija risposta ma kinitx tissodisfa, kemm formalment kif ukoll sostantivament, is-suġġett tal-imsemmija miżura.

33      Għaldaqstant, b’digriet tal-25 ta’ Mejju 2011, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ġiet adottata t-tieni miżura istruttorja fejn il-Kummissjoni reġgħet ġiet ordnata tipproduċi, skont skema ta’ preżentazzjoni msemmija fil-punt 2 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, kopja tal-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti kollha kklassifikati, fid-deċiżjoni kkontestata, fit-tliet kategoriji msemmija fil-punti 3.1, 3.3 u 3.4 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ġie ppreċiżat li dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kawża preżenti (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura istruttorja”).

34      Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali għamlet talbiet għal informazzjoni lill-partijiet abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba b’ittra tal-15 ta’ Ġunju 2001 filwaqt li r-rikorrenti rrispondiet b’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2011.

35      B’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2001 il-Kummissjoni rrispondiet u ssodisfat it-tieni miżura istruttorja deċiża fid-digriet tal-25 ta’ Mejju 2011.

36      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet li tiġi awtorizzata tressaq motiv ġdid ibbażat fuq punti ta’ liġi li saru magħrufa matul il-proċedura.

37      Wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata matul is-seduta, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Qorti Ġenerali kopja tar-risposta inizjali, kif din kienet tidher fl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2009.

 It-talbiet tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala infondat fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-kontenut tal-ittri ppreżentati mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2010 u fil-11 ta’ Lulju 2011.

40      Fl-ittri tad-29 ta’ Lulju 2010 u tal-11 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti, billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, essenzjalment ippretendiet li espliċitament jew impliċitament tressaq żewġ motivi ġodda. Skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dawn iż-żewġ motivi.

41      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontenut tal-ittra tad-29 ta’ Lulju 2010, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta espliċitament li l-motivi mressqa fl-istadju tar-rikors għandhom ikunu esposti b’mod sommarju. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali għall-espożizzjoni ta’ motiv ġdid fil-mori tal-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura japplikaw ukoll fir-rigward ta’ tali motiv.

42      Issa, fl-ittra tad-29 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2010, Agrofert Holding vs Il-Kummissjoni (T‑111/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali ċaħdet argumenti tal-Kummissjoni, identiċi għal dawk magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, hija fl-ebda mument ma tindika l-punt tas-sentenza Agrofert Holding vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija tikkunsidra bħala rilevanti. Bil-kontra ta’ dan, hija tillimita ruħha li tistieden lil-Qorti Ġenerali tistħarreġ jekk il-konstatazzjonijiet magħmula f’dik is-sentenza humiex applikabbli b’analoġija għall-kawża preżenti.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ elementi ġodda li jistgħu jippermettu l-preżentazzjoni ta’ motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontenut tal-ittra tad-29 ta’ Lulju 2010 ma jissodisfax ir-rekwiżiti proċedurali li skonthom għandu jiġi ppreżentat motiv, kif previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, l-imsemmi kontenut għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

44      It-tieni nett, fir-rigward tal-kontenut tal-ittra tal-11 ta’ Lulju 2011, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sentenza li tillimita ruħha li tikkonferma punt ta’ liġi li r-rikorrenti kienet taf dwaru, bħala prinċipju, fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ġdid rilevanti li jippermetti l-preżentazzjoni ta’ motiv ġdid (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 1982, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, 11/81, Ġabra p. 1251, punt 17 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, T. Port vs Il-Kunsill, T‑2/99, Ġabra p. II‑2093, punt 57, u Banatrading vs Il-Kunsill, T‑3/99, Ġabra p. II‑2123, punt 49).

45      Issa, fil-kawża preżenti, fl-ittra tal-11 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il-Parlament (T‑471/08, Ġabra p. II‑2717) li tagħha hija tipprovdi sunt tal-motivi. F’dan is-sunt, għall-ewwel, ir-rikorrenti tfakkar hija nnifisha l-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fl-imsemmija sentenza. Sussegwentement hija tirriproduċi d-deċiżjonijiet fuq il-mertu adottati fil-kawża Toland vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, li hija tikkunsidra li jistgħu jiġu trasposti għall-kawża preżenti.

46      Għaldaqstant, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq, is-sentenza Toland vs Il-Parlament, punt 45 iktar ’il fuq, sa fajn din tillimita ruħha li tikkonferma punt ta’ liġi li kien, bħala prinċipju, magħruf mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ġdid li jippermetti l-preżentazzjoni ta’ motiv ġdid. Konsegwentement il-kontenut tal-ittra tal-11 ta’ Lulju 2011 għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-mertu

47      Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tressaq erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, essenzjalment fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali tagħha, u konsegwentement, fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod komplet l-imsemmija applikazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

48      Wara li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kawża preżenti, l-ewwel ser jiġi eżaminat l-ewwel motiv, sussegwentement ser jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ motiv u, fl-aħħar nett, ser jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Osservazzjonijiet preliminari

49      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tat-titolu 1 intitolat “Kuntest” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “il-fajl dwar il-kuntratt [...] LIEN 97‑2011 [kien] kompost minn erba’ partijiet”, li hija indikat taħt l-isem ta’ fajls, jiġifieri:

–        “Fajl 1: [li jinkludi] dokumenti mill-fażi tal-formola ta’ applikazzjoni sar-rapport ta’ sorveljanza tal-Unità ta’ Assistenza Teknika (Technical Assistance Unit, TAU);

–        Fajl 2: [li jinkludi] dokumenti mill-fażi tat-tieni rapport intermedju sa April 2000 — uffiċċju Patten;

–        Fajl 3: [li] prinċipalment [jinkludi] l-ittri minn Diċembru 1998 sa Ġunju 2002;

–        Fajl 4: [li jinkludi] dokumenti interni, inklużi l-ittri bejn il-Kummissjoni u l-uffiċċji interni IBF International Consulting [...] u ċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat […]”.

50      Barra minn hekk, il-“Fajl 4” tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, huwa maqsum f’żewġ partijiet, jiġifieri, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tat-titolu 1, intitolat “Kuntest”, tad-deċiżjoni kkontestata:

–        fajl 4, parti I: jinkludi dokumenti li ġew elenkati fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2002;

–        fajl 4, parti II: jinkludi ittri li ssemmew fl-opinjoni motivata li l-Kummissjoni bagħtet lill-Ombudsman fit-12 u fil-21 ta’ Ottubru 2004.

51      Barra minn hekk, fis-sentenza preżenti, il-kelma “subparti” tintuża sabiex tindika, fil-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li ġew inklużi mal-proċess ta’ din il-kawża b’risposta għat-tieni miżura istruttorja, is-siltiet li l-Kummissjoni tindika, b’mod partikolari fit-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, bil-kelma “parti” ppreċeduta b’numru. Bl-istess mod, min-naħa tiegħu, il-kelma “kaxxa” tintuża sabiex jindika siltiet li ġew identifikati b’mod ċar mill-Kummissjoni, billi pinġiet kaxxa madwarhom fl-imsemmija verżjoni kunfidenzjali, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ppreċiżat ir-raġunijiet li għalihom hija rrifjutat li tiżvela l-kontenut tagħhom [per eżempju, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001].

52      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fir-rigward ta’ ċerti dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat, fid-deċiżjoni kkontestata, raġunijiet li wassluha sabiex tirrifjuta li tagħti aċċess komplet lir-rikorrenti, l-imsemmija raġunijiet ma ġewx riprodotti b’mod sistematiku fil-verżjoni kunfidenzjali tal-imsemmija dokumenti annessa mar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li huma kkonċernati minn dan in-nuqqas huma s-segwenti:

–        fir-rigward tar-rifjut ibbażat fuq il-fatt li l-kontenut tad-dokument ikkonċernat jaqa’ parzjalment barra mill-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, fil-fajl 1: id-dokument 2/1999;

–        fir-rigward tar-rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjoni misluta mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001:

–        fil-fajl 4, parti I: id-dokument 19/1999 (subparti 1);

–        fil-fajl 4, parti II: id-dokument 14/1999;

–        fir-rigward tar-rifjut ibbażat fuq l-eċċezzjoni misluta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001:

–        fil-fajl 1: id-dokument 7/1999 (subparti 2);

–        fil-fajl 4, parti I: id-dokumenti 8/1999 sa 11/1999, 13/1999 u 19/1999 (subparti 1);

–        fil-fajl 4, parti II: id-dokumenti 7/1999, 8/1999, 12/1999 u 14/1999.

53      Madankollu, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 elenkati fil-punt 52 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat espliċitament, fid-deċiżjoni kkontestata, raġuni li wasslitha sabiex tirrifjuta li tiżvela l-kontenut tagħhom, in-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ din ir-raġuni, hekk kif indikata fl-istess punt, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li fil-preżent il-Kummissjoni rrinunċjat milli tinvokaha. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espliċità min-naħa tal-Kummissjoni, fir-risposta għat-tieni miżura istruttorja, ta’ tali rinunzja, ma jistax jiġi eskluż li dan in-nuqqas ta’ indikazzjoni jirriżulta minn sempliċi żball tal-pinna. Konsegwentement, fir-rigward tad-dokumenti elenkati fil-punt 52 iktar ’il fuq, għandu jiġi evalwat jekk id-data mhux żvelata tal-imsemmija dokumenti tinkludix elementi li jikkoinċidu mas-suġġett tal-eċċezzjoni magħżula espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar tagħhom.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali, u konsegwentement, fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod komplet l-imsemmija applikazzjoni

54      Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni inizjali kienet intiża sabiex hija tingħata aċċess, minn naħa, għad-dokumenti li jinsabu fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti, li l-eżistenza tagħhom kienet ġiet żvelata f’rapport redatt fid-9 ta’ Marzu 2004 minn kollaboratur tal-Ombudsman (iktar ’il quddiem il-“kollaboratur tal-Ombudsman”) fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-ilment 1874/2003/GG, indikati fl-applikazzjoni inizjali bil-frażi “ċertu numru ta’ [dokumenti] li jinkludu ittri u noti redatti sa mill-2002” (iktar ’il quddiem id-“dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman”). Konsegwentement, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li teżamina b’mod komplet l-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

55      Il-Kummissjoni tallega li l-aċċess għal dawn id-dokumenti addizzjonali ma ntalabx fl-applikazzjoni inizjali, iżda ntalab għall-ewwel darba fl-applikazzjoni konfermatorja. Għalhekk ir-rikors preżenti huwa inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-imsemmija dokumenti. F’kull każ, tali applikazzjoni għal aċċess hija wisq ġenerika u impreċiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti risposta favorevoli għaliha, fatt li hija barra minn hekk indikat lir-rikorrenti f’ittra tal-20 ta’ Lulju 2010.

56      Fil-kawża preżenti, is-suġġett kemm tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni, kif ukoll tal-ewwel motiv huwa, essenzjalment, li jiġi mistħarreġ jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li ma tirrispondix għall-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman.

57      Konsegwentement, l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tar-rikors, imqajma mill-Kummissjoni, huwa marbut b’mod strett mal-eżami tal-ewwel motiv, b’tali mod li jaqbel li l-ewwel jiġi eżaminat il-mertu ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, fil-każ fejn l-ewwel motiv ikun fondat, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni jkollha tiġi miċħuda.

58      Sabiex jiġi evalwat il-mertu tal-ewwel motiv, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat is-suġġett tal-applikazzjoni inizjali.

 Fuq is-suġġett tal-applikazzjoni inizjali

59      Prinċipalment, għandu jiġi kkonstatat li, fl-applikazzjoni inizjali, ir-rikorrenti bbażat ruħha espliċitament fuq il-konstatazzjonijiet li kienu jidhru fir-rapport redatt fid-9 ta’ Marzu 2004 mill-kollaboratur tal-Ombudsman.

60      Huwa għalhekk li, fl-imsemmija applikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni:

“wara li rċieva l-ilment 1874/2003/GG, l-Ombudsman Ewropew ikkonkluda, [b’ittra tat-]18 ta’ Marzu 2004 […], li d-dokumenti mibgħuta [lir-rikorrenti] b’risposta għall-applikazzjoni għal aċċess li jiena kont għamilt f’isem [ir-rikorrenti] fil-kawża [dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011] kienu ta’ natura mhux kompleta. Flimkien ma din l-ittra kien hemm rapport [tal-kollaboratur tal-Ombudsman], tad-9 ta’ Marzu 2004 2004 […]

Mir-rapport [tal-kollaboratur tal-Ombudsman] jirriżulta li l-Kummissjoni ma żvelatx is-segwenti [dokumenti lir-rikorrenti] u jiena qed nitlobkom jogħġobkom tawtorizzaw [lir-rikorrenti] sabiex tkun tista’ taċċeddi għalihom. [Il-kollaboratur tal-Ombudsman] identifika d-dokumenti neqsin li ġejjin:

–        fajl 1: […]

–        fajl 2: […]

–        fajl 3: […]

–        fajl 4: […]

–        [il-kollaboratur tal-Ombudsman] barra minn hekk jgħid: ‘Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll ċertu numru ta’ [dokumenti] li kienu jinkludu ittri u noti redatti sa mill-2002. Peress li l-iment kien jikkonċerna biss l-aċċess għall-fajls 1 sa 4 imsemmija iktar ’il fuq, dawn [id-dokumenti] l-oħra ma ġewx spezzjonati mid-dipartiment tal-Ombudsman.’

F’dan ir-rigward, ippermettuli […] nosserva li, loġikament, [ir-rikorrenti] tista’ tindika lill-Ombudsman Ewropew, sabiex jiġu ispezzjonati, biss dawk [id-dokumenti] li hija kienet taf dwarhom […]

L-eżistenza [ta’ dokumenti] addizzjonali identifikati [mill-kollaboratur tal-Ombudsman] — ‘Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll ċertu numru ta’ [dokumenti] li kienu jinkludu ittri u noti redatti sa mill-2002’ — qatt ma ġiet żvelata [lir-rikorrenti] mill-Kummissjoni […]. Konsegwentement huwa neċessarju li dawn [id-dokumenti], ‘ċertu numru ta’ [dokumenti] li jinkludu ittri u noti redatti sa mill-2002’, skoperti [mill-kollaboratur tal-Ombudsman], jiġu wkoll mogħtija [lir-rikorrenti] mingħajr dewmien.

[…]

Fl-istennija ta’ dan, nirringrazzjakom bil-quddiem għas-sostenn li ser jogħġobkom tagħtu għall-applikazzjoni l-ġdida tiegħi intiża sabiex jinkiseb aċċess komplet [għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011], hekk kif iggarantit mir-Regolament Nru 1049/2001.”

61      Għalhekk, mill-kliem espliċitu tal-applikazzjoni inizjali jirriżulta li din kellha bħala suġġett applikazzjoni għal aċċess illimitat u immedjat mhux biss għad-dokumenti kollha identifikati mill-kollaboratur tal-Ombudsman fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, iżda wkoll għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-imsemmi kollaboratur.

62      Għandu wkoll jitfakkar li, matul l-ispezzjoni mwettqa mill-kollaboratur tal-Ombudsman fl-uffiċċji tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-ilment 1874/2003/GG, li kien jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, il-Kummissjoni minn jeddha għaddiet lill-imsemmi kollaboratur mhux biss id-dokumenti li jinsabu fil-fajls 1 sa 4 tal-imsemmi fajl iżda wkoll, kif jirriżulta mir-rapport tal-imsemmi kollaboratur, id-dokumenti l-oħra.

63      Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax issa tiddikjara li d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, li għalihom ir-rikorrenti titlob aċċess, huma biss dawk imsemmija fil-lista tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Lulju 2002 u li jinsabu fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011. Fil-fatt din id-dikjarazzjoni hija kontradetta mill-kliem, mhux ikkontestat mill-Kummissjoni, tar-rapport tad-9 ta’ Marzu 2004 tal-kollaboratur tal-Ombudsman.

 Fuq il-legalità tan-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman

64      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru r‑raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun kemm jista’ jkun wiesa’.

65      Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, li permezz tiegħu l-imsemmi trattat jilħaq stadju ġdid fil-proċess li joħloq għaqda dejjem iktar stretta bejn il-popli tal-Ewropa, li fi ħdanha d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-ikbar rispett possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u bl-iktar mod-qrib taċ-ċittadini. Hekk kif huwa mfakkar fil-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar.

66      Meta l-Kummissjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Suède u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 35).

67      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjoni ta’ proċedura amministrattiva f’żewġ stadji, flimkien mal-possibbiltà ta’ proċedimenti fil-qrati jew ta’ lmenti lill-Ombudsman, ġiet prevista sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

68      Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu jipprevedu proċedura f’żewġ stadji, għandhom bħala għan li jippermettu, minn naħa, ipproċessar immedjat u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kif ukoll, min-naħa l-oħra, b’mod prijoritarju, li jintlaħaq ftehim bonarju għall-kontroversji li jistgħu eventwalment jinqalgħu (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq, punt 53).

69      Mill-elementi mfakkra fil-punti 64 sa 68 iktar ’il fuq jirriżulta li l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata li twettaq eżami komplet tad-dokumenti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għall-iżvelar. Tali rekwiżit bħala prinċipju japplika mhux biss matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni inizjali, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

70      Fil-kawża preżenti, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, fir-risposta inizjali, il-Kummissjoni tippreċiża: “din l-ittra evidentement tirrigwarda biss dawk id-dokumenti li għalihom ma ngħatalkomx aċċess matul iż-żjara tagħkom fl-2002. Kif diġà ġie spjegat lilkom bl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, il-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 huwa kompost minn erba’ partijiet [il-fajls 1 sa 4].”

71      Għaldaqstant, u barra minn hekk mingħajr ma dan ma huwa kkontestat mill-Kummissjoni, għandu bilfors jiġi kkonstatat li r-risposta inizjali ma tinkludi ebda element ta’ risposta għall-applikazzjoni inizjali sa fejn din hija intiża biex jinkiseb aċċess illimitat għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman.

72      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fir-risposta inizjali, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara li d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 kienu kklassifikati fil-fajls 1 sa 4 tal-imsemmi fajl. Issa, mir-rapport tal-kollaboratur tal-Ombudsman, li għalih tagħmel riferiment espliċitu l-applikazzjoni inizjali, jirriżulta li fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-ilment 1874/2003/GG kienu ngħatawlu dokumenti oħra apparti dawk ikklassifikati fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011. Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-kollaboratur tal-Ombudsman fir-rapport tiegħu, redatt wara li ġiet ikkomunikata l-lista li tinsab fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni għandha minn tal-inqas, fin-nuqqas li teżamina l-applikazzjoni inizjali għal aċċess illimitat għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman, tispjega għaliex, fl-opinjoni tagħha, dawn id-dokumenti ma jifformawx parti mill-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

73      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 70 u 72 iktar ’il fuq jirriżulta li peress li r-risposta inizjali ma tinkludix risposta għall-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman, il-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu tagħha ta’ eżami komplet tal-imsemmija applikazzjoni. Tali nuqqas min-naħa tagħha jikkawża manifestament ħsara għall-għan imfittex mir-regolament, iġifieri pproċessar immedjat u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess, kif imfakkar fil-punt 68 iktar ’il fuq.

74      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm huwa ċertament minnu li, hekk kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, il-kliem tal-applikazzjoni konfermatorja li jista’ jiddefinixxi s-suġġett tagħha ma jikkorrispondix eżattament għal kliem użat għall istess finijiet fl-applikazzjoni inizjali.

75      Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 61 iktar ’il fuq, fl-applikazzjoni inizjali, ir-rikorrenti talbet espliċitament aċċess illimitat u immedjat mhux biss għad-dokumenti identifikati mill-kollaboratur tal-Ombudsman fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, iżda wkoll għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-imsemmi kollaboratur.

76      Min-naħa l-oħra, fl-applikazzjoni konfermatorja r-rikorrenti talbet espliċitament lill-Kummissjoni “tibgħatilha immedjatament mhux biss id-dokumenti li [hija kienet] irrifjutat li tiżvela, mingħajr ebda eċċezzjoni, li jinsabu fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, iżda wkoll [id-dokumenti addizzjonali]”.

77      Konsegwentement, is-suġġett tal-applikazzjoni inizjali u dak tal-applikazzjoni konfermatorja jaqblu formalment biss f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti kklassifikati fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011. Min-naħa l-oħra, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, apparti minn dawn l-aħħar dokumenti, ir-rikorrenti kienet qed titlob tali aċċess, minn naħa, fl-applikazzjoni inizjali, għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman u, min-naħa l-oħra, fl-applikazzjoni konfermatorja, għad-dokumenti addizzjonali.

78      Madankollu, tali nuqqas ta’ qbil terminoloġiku dwar is-suġġett tal-applikazzjoni inizjali u dak tal-applikazzjoni konfermatorja la jista’ jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżami komplet tal-applikazzjoni inizjali min-naħa tal-Kummissjoni, hekk kif osservat fil-punt 73 iktar ’il fuq, u lanqas ma jista’ jkollu bħala konsegwenza li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti addizzjonali, kif prevista fl-applikazzjoni konfermatorja, tikkostitwixxi applikazzjoni ġdida, b’tali mod li s-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti huwa limitat biss għad-dokumenti kklassifikati fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

79      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni inizjali ta’ aċċess illimitat għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 tikkostitwixxi applikazzjoni għal aċċess ġdida li ssegwi żewġ applikazzjonijiet preċedenti għal aċċess illimitat għall-istess fajl, rispettivament tad-9 ta’ Marzu 2002 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) u tat-22 ta’ Diċembru 2004 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

80      Issa, fid-dawl tal-għanijiet ta’ ħeffa u ta’ sempliċità tal-proċedura stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, hekk kif esposti fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li jista’ jkun hemm deroga mill-proċedura f’żewġ stadji prevista bl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq, punti 60 u 61).

81      Għaldaqstant, peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti nbidlu biss sa fejn ir-rikorrenti ppreżentat, bl-ittri tat-28 u tal-31 ta’ Awwissu 2009, applikazzjoni ġdida għal aċċess illimitat għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, il-Kummissjoni kienet obbligata li, mingħajr ma tistenna applikazzjoni konfermatorja ipotetika, twettaq eżami komplet tal-applikazzjoni inizjali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman.

82      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal aċċess illimitat tar-rikorrenti, fl-applikazzjoni inizjali jew saħansitra fl-applikazzjoni konfermatorja, għal dokumenti oħra għajr dawk li jinsabu fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, tinvoka n-natura allegatament wisq ġenerika u impreċiża tal-imsemmija applikazzjonijiet.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, anki jekk jitqies li l-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman jew għad-dokumenti addizzjonali ġiet redatta b’mod wisq ġeneriku u impreċiż, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[j]ekk applikazzjoni m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti”.

84      Għalhekk, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-użu tal-verbi titlob u tgħin, jirriżulta li l-konstatazzjoni, waħedha, tal-insuffiċjenza ta’ preċiżjoni tal-applikazzjoni għal aċċess, indipendentement mir-raġunijiet, għandha twassal lill-istituzzjoni destinatarja sabiex tikkuntattja lill-applikant sabiex tiddefinixxi bl-aħjar mod possibbli d-dokumenti mitluba. Għalhekk din hija dispożizzjoni li, fil-qasam tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, tikkostitwixxi t-traskrizzjoni formali tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jinsab fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 107). Għaldaqstant id-dover ta’ assistenza huwa fundamentali sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dritt ta’ aċċess iddefinit mir-Regolament Nru 1049/2001.

85      Issa, fil-kawża preżenti, mill-proċess ma jirriżultax li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 u mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tidentifika b’mod iktar preċiż id-dokumenti mitluba kemm fl-applikazzjoni inizjali kif ukoll fl-applikazzjoni konfermatorja, u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

86      Wara dan, f’kull każ, il-Kummissjoni ma tistax issostni li f’ittra tal-20 ta’ Lulju 2010 hija kienet indikat lir-rikorrenti n-natura allegatament wisq ġenerika u impreċiża tal-applikazzjoni tagħha għal aċċess illimitat. Fil-fatt, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-kontenut tagħha, din l-ittra ma ntbagħtitx lir-rikorrenti wara l-applikazzjoni inizjali jew wara l-applikazzjoni konfermatorja, u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda f’data wara din tal-aħħar. Konsegwentement, l-imsemmija ittra hija manifestament irrilevanti għall-finijiet li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali, u konsegwentement, fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod komplet l-imsemmija applikazzjoni, għandu jiġi milqugħ u, konsegwentement, li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti inkwistjoni għandha tiġi miċħuda.

88      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, impliċitament, din tinvolvi, fir-rigward tar-rikorrenti, rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li l-Kummissjoni tat lil-kollaboratur tal-Ombudsman, minbarra dawk identifikata minn dan tal-aħħar fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97-2011.

 Fuq it-tielet u r-raba’ motiv, rispettivament ibbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

 Osservazzjonijiet preliminari

89      Ir-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi bħala regola ġenerali l-aċċess tal‑pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, iżda jipprevedi eċċezzjonijiet minħabba ċerti interessi pubbliċi u privati.

90      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet tal-aċċess għal dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l‑iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata, u ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suède u Turco vs Il‑Kunsill, punt 66 iktar ’il fuq, punti 35 u 36). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-eċċezzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punt 28).

91      Barra minn hekk, bħala prinċipju, l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 45). Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment previdibbli u mhux biss ipotetiku (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑211/00, Ġabra p. II‑485, punt 56). Għaldaqstant, l-eżami li l-istituzzjoni għandha twettaq sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T‑14/98, Ġabra p. II‑2489, punt 67, tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il‑Kunsill, T‑188/98, Ġabra p. II‑1959, punt 38, u Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 69).

92      Bħala prinċipju, eżami konkret u individwali ta’ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fl-ipoteżi fejn huwa ċar li applikazzjoni għal aċċess tirrigwarda dokumenti koperti minn eċċezzjoni, huwa biss tali eżami li jista’ jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata li tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Wara kollox, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li jikkonċerna l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41), il-Qorti Ġenerali diġà qieset bħala insuffiċjenti evalwazzjoni ta’ dokumenti magħmula skont kategoriji pjuttost milli skont l-elementi ta’ informazzjoni konkreti li jinsabu f’dawn id-dokumenti, peress li l-eżami meħtieġ min-naħa ta’ istituzzjoni għandu jippermettilha li tevalwa b’mod konkret jekk eċċezzjoni invokata tapplikax realment għall-informazzjoni kollha li tinsab f’dawn id-dokumenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 73, u tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 117 ; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il‑Kummissjoni, T‑123/99, Ġabra p. II‑3269, punt 46).

93      Għalhekk, bħala prinċipju, hija l-istituzzjoni li għandha teżamina, l-ewwel nett, jekk id-dokument li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, jekk l-iżvelar ta’ dan id-dokument huwiex ser jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett u, it-tielet nett, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk il-bżonn ta’ protezzjoni japplikax għad-dokument kollu.

94      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ motiv imqajma mir-rikorrenti.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001

95      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li kienet biss persuna waħda, li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, li kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija mill-awtoritajiet tal-Kazakistan, qabel ix-xoljiment tal-kuntratt; li isimha kien magħruf mill-awtoritajiet u mill-pubbliku ta’ dan il-pajjiż, iżda anki mill-Kummissjoni, u li l-imsemmija persuna ġiet ikkundannata, fid-dawl ta’ atti illeċiti ġravi, għal multa, b’tali mod li diġà ġiet ikkawżata ħsara għar-reputazzjoni ta’ din il-persuna. Hija tgħid ukoll li, fin-nuqqas li tidentifika b’isimhom il-persuni li l-ħajja privata u l-integrità tagħhom għandhom jiġu protetti skont il-Kummissjoni, din tal-aħħar setgħet tindika l-funzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar nett, id-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tallega riskju ta’ ksur tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu huma ta’ importanza kbira għall-finijiet tal-kontroversja inkwistjoni fil-kawża preżenti.

96      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tat-tielet motiv u ssostni li, matul l-eżami tad-dokumenti mitluba, hija kkonstatat li l-ħajja privata u l-integrità ta’ ċertu numru ta’ persuni setgħu jiġu affettwati. Ma hijiex ir-rikorrenti li għandha tiddeċiedi liema individwu jistħoqqlu li l-ħajja privata u l-integrità tiegħu jiġu protetti. Mill-bqija, ir-rikorrenti qatt ma semmiet b’isimha l-persuna li hija tidentifika fir-replika.

97      Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 tfakkar li “[m]eta jagħmlu stima ta’ l-eċċezzjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni”.

98      L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi eċċezzjoni għall-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata jew tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari skont il-legiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ħarsien tad-data personali.

99      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kliem tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li hija dispożizzjoni indiviżibbli, jeżiġi li l-eventwali preġudizzju għall-ħajja privata u għall-integrità tal-individwu għandu dejjem jiġi eżaminat u evalwat b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, u b’mod partikolari mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 10) (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, Ġabra p. I‑6055, punt 59).

100    L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi sistema speċifika u msaħħa ta’ protezzjoni ta’ persuna li d-data personali tagħha tista’, jekk ikun il‑każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 99 iktar ’il fuq, punt 60).

101    Ir-Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001 ġew adottati f’dati viċini ħafna. Huma ma fihomx dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament is-supremazija ta’ wieħed mir-regolamenti fuq l-ieħor. Bħala prinċipju għandha tiġi żgurata l‑applikazzjoni sħiħa tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 99 iktar ’il fuq, punt 56).

102    Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 45/2001, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata “[il-protezzjoni tad-]drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir‑rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”.

103    Mill-ewwel sentenza tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001 jirriżulta li l‑leġiżlatur tal-Unjoni semma’ n-neċessità li jiġi applikat l-Artikolu 6 TUE u, premezz ta’ dan, li jiġi applikat l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), “[f]ejn dak l-ipproċessar isir mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu barra l-iskop ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk stipulati fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona]”. Min-naħa l-oħra, tali rinviju ma jistax jirriżulta neċessarju għal ipproċessar li jitwettaq fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li, f’tali każijiet, huwa, b’mod manifest, ir-Regolament Nru 45/2001 innifsu li huwa applikabbli (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 99 iktar ’il fuq, punt 62).

104    Minn dan isegwi li, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli (sentenza Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 99 iktar ’il fuq, punt 63). Issa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001 b’mod partikolari jimponi, fuq id-destinatarju tat-trasferiment ta’ data ta’ natura personali, l-obbligu li juri n-neċessità tal-iżvelar ta’ din id-data (sentenza Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 99 iktar ’il fuq, punt 45). Bl-istess mod, l-Artikolu 18 tal-istess regolament b’mod partikolari jagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li f’kull mument topponi, għal raġunijiet konvinċenti u leġittimi marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tagħha, l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali li tirrigwardaha.

105    Fil-kawża preżenti, l-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontenut ma jistax jiġi żvelat minħabba li huwa kopert mill-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dawn jistgħu jiġu identifikati, fid-dawl tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata u tat-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni, kif ġej:

–        fajl 1: id-dokumenti 2/1999 u 7/1999, subparti 2 (kaxxi 1 u 2);

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 19/1999, 2/2000, 5/2000, 10/2001, 14/2001 (kaxxi 1 sa 3) 

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 14/1999, 19/1999, 9/2001 (kaxxi 1 sa 3).

106    It-tieni nett, wara l-eżami tar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-kontenut tad-dokumenti segwenti, meqjusa mill-Kummissjoni bħala allegatament koperti mill-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirrigwarda data personali dwar ir-rikorrenti nnifisha:

–        fajl 1: id-dokumenti 2/1999 u 7/1999 subparti 2 (kaxxi 1 u 2);

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 19/1999 u 2/2000;

–        fajl 4, parti II: id-dokument 14/1999.

107    Issa, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 90 u 102 iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda kemm l-interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll l-għan tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżvelar ta’ data personali li tikkonċerna esklużivament l-applikant għal aċċess inkwistjoni ma jistax jiġi miċħud minħabba li dan jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu.

108    Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat li tiżvela d-dokumenti elenkati fil-punt 106 iktar ’il fuq billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

109    Barra minn hekk, għandha tiġi ppreċiżata l-portata ta’ tali żvelar ta’ dokumenti li fihom data personali li tikkonċerna l-applikant għal aċċess. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, għalkemm il-protezzjoni tal-interess previst fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex neċessarja fir-rigward tal-applikant għal aċċess, madankollu din għandha min-naħa l-oħra tiġi ggarantita, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, fir-rigward ta’ terzi. Konsegwentement, b’kuntrast mal-prinċipju li jgħid li l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jagħti lill-pubbliku inġenerali dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 90 iktar ’il fuq, punt 43), għandu jiġi kkunsidrat li meta, bħal fil-kawża preżenti, id-dokumenti inkwistjoni jkun fihom data personali li tikkonċerna l-applikant għal aċċess, id-dritt ta’ dan tal-aħħar li jikseb l-iżvelar tagħhom abbażi tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħti lill-pubbliku inġenerali dritt ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti.

110    Dejjem fir-rigward tal-eżami tar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut tad-dokumenti segwenti, meqjus mill-Kummissjoni bħala, allegatament, parzjalment kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirrigwarda data personali dwar persuni fiżiċi li ma humiex marbutin mar-rikorrenti:

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 5/2000, 10/2001 u 14/2001 (kaxxi 1 sa 3);

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 19/1999 u 9/2001 (kaxxi 1 sa 3).

111    Huwa ċertament minnu li l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li r-rikorrenti qatt ma semmiet b’isimha, fir-replika, il-persuna li hija tidentifika bħala li ma tistax tibbenefika mill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, għandu jiġi immedjatament miċħud. Fil-fatt, għandu bilfors jiġi kkonstatat li tali allegazzjoni hija manifestament ivvizzjata minn żball ta’ fatt peress li mir-rikors jirriżulta b’mod espliċitu li r-rikorrenti semmiet lil din il-persuna b’isimha.

112    Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni hija korretta meta ssostni li ma hijiex ir-rikorrenti li għandha tevalwa jekk persuna tistax jew le tibbenefika mill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tagħha. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 99 sa 101, 103 u 104 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tingħata lid-data personali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi żgurata fl-osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. Issa r-regolament imsemmi l-aħħar ma jipprevedix eċċezzjoni għall-protezzjoni tad-dritt fundamentali li huwa jiggarantixxi, minħabba li d-data inkwistjoni kienet tikkonċerna persuna li ma kienx jistħoqqilha tali protezzjoni.

113    Għaldaqstant għandu biss jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx fondata li tikkunsidra li wħud mid-dokumenti li għalihom ir-rikorrenti kienet talbet aċċess komplet kienu jinkludu data personali li tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni li r-rikorrenti ma tingħatax aċċess komplet għall-imsemmija dokumenti, abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

114    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001 jirriżulta li “‛data personali’ […] tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli […]; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali”.

115    It-tieni nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunjomijiet u l-ismijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala data ta’ natura personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001 (sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 99 iktar ’il fuq, punt 68).

116    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operazzjoni li tikkonsisti f’li jsir riferiment, fuq mezz ta’ komunikazzjoni, għal diversi persuni u li jiġu identifikati jew permezz ta’ isimhom jew permezz ta’ mezzi oħra, pereżempju n-numru tat-telefown tagħhom jew informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-passatempi tagħhom, kienet tikkostitwixxi “ipproċessar ta’ data” fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 27).

117    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, apparti d-data dwar l-ismijiet, anki l-elementi ta’ informazzjoni relatati mal-attivitajiet professjonali eżerċitati minn persuna jistgħu jiġu kkunsidrati bħala data ta’ natura personali meta, minn naħa, dawn ikunu jirrigwardaw informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imsemmija persuni u meta, min-naħa l-oħra, l-imsemmija informazzjoni tista’ tippermetti l-identifikazzjoni, b’mod indirett, meta din tkun tista’ tiġi konnessa ma data jew ma perijodu preċiż, ta’ persuna fiżika fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

118    Issa, fil-kawża preżenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-partijiet mhux żvelati ta’ ċerti dokumenti kienu jinkludu l-ismijiet ta’ persuni u informazzjoni li kienet tikkonċerna r-reputazzjoni tagħhom u li l-imsemmija dokumenti kienu jagħmlu riferiment għal informazzjoni dwar: investigazzjonijiet kriminali, illegalitajiet, allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li kienu qed jipparteċipaw fil-kuntratt LIEN 97-2011, dawn ir-riferimenti mhux bilfors jirriflettu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, iżda jistgħu, jekk jiġu żvelati, jkunu ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tagħhom.

119    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax li d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq jinkludu data personali fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001.

120    Wara dan għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet eżami konkret u individwali tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, u lanqas dan il-fatt ma huwa kkontestat mir-rikorrenti.

121    Fil-fatt, minkejja n-natura sommarja tal-motivazzjoni, kif miġbura fil-qosor fil-punt 118 iktar ’il fuq, magħżula mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, minn din il-motivazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni identifikat, fid-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, data li tista’ tkun protetta abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija eċċezzjoni.

122    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tiddikjara li d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq jinkludu data fuq persuna waħda li ma hijiex eliġibbli sabiex tibbenefika mill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu u li dawn id-dokumenti huma ta’ importanza kbira mhux biss għall-finijiet tal-kontroversja li hija għandha mal-Kummissjoni, iżda anki għall-finijiet tal-kawża pendenti quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles. Issa, ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jiġi milqugħ.

123    Fil-fatt, l-ewwel nett, kif ġie osservat fil-punt 112 iktar ’il fuq, ma hemmx lok, abbażi tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġi vverifikat jekk id-data inkwistjoni kinitx tikkonċerna persuna li ma kinitx eliġibbli, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tagħha.

124    It-tieni nett, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 99 sa 101, 103 u 104 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tingħata lid-data personali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija speċifika u msaħħa. Għalhekk, l-imsemmija applikazzjoni għandha tiġi żgurata fl-osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. Issa, b’kuntrast mal-eċċezzjoni prevista bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni prevista bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 45/2001 ma tistax tiġi mwarrba abbażi tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri. Għaldaqstant, jekk jitqies li r-rikorrenti kella l-intenzjoni, billi allegat li d-dokumenti kkonċernati kellhom importanza kbira mhux biss għall-finijiet tal-kontroversja li hija għandha mal-Kummissjoni, iżda anki għall-finijiet tal-kawża pendenti quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles, li tinvoka interess pubbliku superjuri, ikollu bilfors jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa manifestament ineffettiv.

125    Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta rrifjutat li tiżvela totalment id-dokumenti elenkati fil-punt 110 iktar ’il fuq billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

126    Mill-punti 108 u 125 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi milqugħ bħala parzjalment fondat, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi tirrifjuta espliċitament li tagħti lir-rikorrenti aċċess għad-dokumenti elenkati fil-punt 106 iktar ’il fuq abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

127    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni ma invokat ebda argument konkret li jiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma wrietx li, għaxar snin wara x-xoljiment tal-kuntratt, żvelar ta’ dokumenti li kienu jikkonċernaw jew it-twettiq ta’ verifika, jew il-proċess deċiżjonali, li issa ngħalaq, fir-rigward tal-kuntratt, seta’ jippreġudika b’mod serju kemm il-kapaċità tagħha li tamministra korrettament ir-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll il-proċess deċiżjonali tagħha fir-rigward ta’ kuntratti futuri. Hija tkompli tgħid li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata li tinvoka l-kawża li għadha għaddejja quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles sabiex tirrifjuta li tatiha aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, għar-raġuni li l-informazzjoni li tinsab fihom tista’ turi l-karattru infondat tal-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni quddiem din il-qorti.

128    Fl-aħħar nett, hemm diversi raġunijiet ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, jiġifieri, minn naħa, l-interess tar-rikorrenti, kif ukoll tad-donaturi tagħha u tal-pubbliku, li jiġu ddeterminati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni annullat unilateralment il-kuntratt, kofinanzjat mir-rikorrenti, li kien jinvolvi interess ewlieni f’termini ta’ saħħa pubblika, min-naħa l-oħra, l-interess ibbażat fuq il-fatt li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles kien jeħtieġ, fl-interess tal-pubbliku, li jiġu ddeterminati r-raġunijiet wara l-aġir tal-Kummissjoni u, fl-aħħar nett, l-interess tal-Istati Membri li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni osservatx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

129    Il-Kummissjoni essenzjalment tikkontesta l-fondatezza tar-raba’ motiv u tagħmel riferiment għall-argumentazzjoni esposta fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda n-neċessità li l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet jiġi protett b’mod ġenerali. Hija ssostni li hija ma hijiex marbuta, fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet ibbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess individwali li r-rikorrenti għandha li ċerti dokumenti jiġu żvelati, b’mod partikolari sabiex hija jkollha difiża aħjar fil-kawża li għadha għaddejja quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles. Hija tqis li fir-replika r-rikorrenti tesponi argumenti ġodda li huma intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, argumenti li għaldaqstant ma humiex ammissibbli u li huma, f’kull każ, insuffiċjenti sabiex ma tiġix applikata l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

130    Fil-kawża preżenti l-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont kliem it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokument li fih opinjonijiet intiżi sabiex jintużaw internament fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminarji fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata għandu jiġi rrifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni, fil-każ fejn l-iżvelar tad-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, dejjem sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

131    Fid-dawl tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet imfakkar fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biss għal parti waħda mid-dokumenti għall-użu intern, jiġifieri dawn li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza li jiġi rrifjutat l-aċċess anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fil-każ fejn l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 79).

132    Għaldaqstant l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li ċerti tipi ta’ dokumenti stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura, li l-iżvelar tagħhom, anki wara li din il-proċedura tkun intemmet, ikun jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġu protetti. Dawn id-dokumenti għandu jkun fihom “opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat”.

133    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, mfakkra fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq, minn naħa, l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti għandu jkun ta’ natura konkreta u individwali u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali

134    Fil-kawża preżenti, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontenut tagħhom ma jistax jiġi żvelat minħabba li huwa kopert mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dawn jistgħu jiġu identifikati, fid-dawl tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata u tat-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni, kif ġej:

–        fajl 1: id-dokumenti 4/1999, 6/1999 (kaxxa 2), 7/1999 (subparti 2) u 8/1999;

–        fajl 2: id-dokumenti 4/1999 u 1/2000;

–        fajl 4, parti I: dokument mhux enumerat, indikat mill-Kummissjoni, fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata (p. 8) u fit-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni (p. 3) bħala li ma huwiex datat, u d-dokumenti 2/1999, 3/1999 (kaxxa 2), 4/1999 (kaxxi 1, 2 u 3), 5/1999, 7/1999 sa 14/1999, 16/1999, 17/1999, 19/1999 (subparti 1), 23/1999, 25/1999, 26/1999 (subparti 1), 1/2000, 2/2000, 4/2000, 2/2001 (kaxxi 1 u 2), 3/2001 (kaxxi 1 u 2), 6/2001, 13/2001 (kaxxi 1 u 2) u 19/2001 (kaxxa 3);

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 2/1999 (kaxxa 2), 7/1999 sa 9/1999, 12/1999, 14/1999, 18/1999 (kaxxi 1 u 2), 20/1999 (kaxxi 2, 3, 5, 7 u 9), 2/2000 (kaxxa 2), 3/2000 (kaxxa 2), 4/2000 (kaxxa 1), 1/2001, 2/2001 (kaxxi 1 u 2), 3/2001 (kaxxi 1 u 2) u 7/2001 (kaxxi 1 u 2).

135    F’dan l-istadju tal-eżami tar-raba’ motiv, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni wettqitx eżami konkret u individwali ta’ kull dokument elenkat fil-punt 134 iktar ’il fuq.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi ta’ motivazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru°1049/2001 huma esposti fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata u fit-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni.

137    Il-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa maqsum fi tliet partijiet li jittrattaw tliet proċessi deċiżjonali separati li jirrigwardaw, rispettivament, l-implementazzjoni ta’ verifika u ta’ investigazzjonijiet fir-rigward tal-kuntratt LIEN 97‑2011 (punt 4.1.1), ix-xoljiment tal-kuntratt LIEN 97‑2011 (punt 4.1.2) u l-possibbiltà li tiġi adottata ordni ta’ rkupru u l-implementazzjoni tagħha (punt 4.1.3). Barra minn hekk, dawn it-tliet punti huma ppreċeduti minn erba’ paragrafi li jiffurmaw l-introduzzjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem l-“introduzzjoni tal-punt 4.1”). Fl-aħħar nett, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, kif esposti sa mit-tieni paragrafu tal-punt 4.1.3 (ara l-p. 10 tad-deċiżjoni kkontestata) sal-aħħar paragrafu tal-punt 4.1, jirriżulta li l-imsemmija motivi kienu jikkonċernaw l-oqsma kollha koperti rispettivament mill-punti 4.1.1, 4.1.2 u 4.1.3 iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn il-motivi jikkostitwixxu konklużjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“motivi esposti fil-konklużjoni tal-punt 4.1”).

138    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivi esposti fl-introduzzjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tfakkar id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li telenka d-dokumenti kollha li fir-rigward tagħhom hija kienet użat l-eċċezzjoni bbażata fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet u, fl-aħħar nett, li tindika li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti ma “[kienx] jirrifletti pożizzjonijiet definittivi tal-Kummissjoni iżda [kien] fih riflessjonijiet, strateġiji ta’ nnegozjar u xenarji possibbli mfassla mill-uffiċjali tal-Kummissjoni” u li “dawn id-dokumenti [kienu] tfasslu sabiex jipprovdu struzzjonijiet intiżi għal użu intern u [kienu] jservu bħala dokumenti preparatorji għall-opinjonijiet matul il-proċess deċiżjonali”.

139    Konsegwentement, il-motivi esposti fl-introduzzjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata ma jinvolvux eżami konkret u individwali tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni użat l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

140    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivi esposti fil-punti 4.1.1 sa 4.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tesponi b’mod astratt u ġenerali r-raġunijiet li għalihom l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet applikabbli għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 elenkati f’dawn it-tliet punti.

141    Fil-fatt, fil-punt 4.1.1, li jittratta l-proċess deċiżjonali dwar il-“preparazzjoni ta’ spezzjoni u [dwar] opinjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, meta u kif għandha tiġi implementata verifika”, il-Kummissjoni llimitat ruħha li telenka d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 konnessi ma tali proċess u li tindika, b’mod ġenerali, li dawn kienu jikkonċernaw laqgħat u intervisti bit-telefown ma uffiċjali li kienu ġestew il-kuntratt LIEN 97‑2011 u li kienu fittxew il-fatti rilevanti kollha li kienu wasslu lir-rikorrenti sabiex tbiddel l-imsieħeb tagħha fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt. Fl-aħħar nett, hija żiedet tgħid li l-pożizzjoni definittiva tagħha dwar l-ispezzjoni mwettqa f’dan il-każ u l-fatti relatati mal-bdil tal-imsieħeb kienu ġew trażmessi lir-rikorrenti u kienu jinsabu f’diversi dokumenti żvelati.

142    Bl-istess mod, fil-punt 4.1.2, li jittratta l-proċess deċiżjonali dwar it-“[t]wettieq tal-kuntratt [LIEN 97‑2011]”, il-Kummissjoni llimitat ruħha li telenka d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 konnessi ma tali proċess u li tindika, b’mod ġenerali, li dawn kienu jikkonsistu f’konsultazzjonijiet interni u fi proposti li fil-parti l-kbira tagħhom ma kinux ġew segwiti minnha fil-kuntest tad-deċiżjoni definittiva ta’ xoljiment tal-kuntratt LIEN 97‑2011.

143    Fl-aħħar nett, fil-punt 4.1.3, li jittratta l-proċess deċiżjonali dwar il-possibbiltà li tiġi adottata ordni ta’ rkupru u l-implementazzjoni tagħha, il-Kummissjoni llimitat ruħha li telenka d-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 konnessi ma tali proċess u li tindika, b’mod ġenerali, li wħud minnhom kien fihom kalkoli li ma kinux ġew segwiti mid-dipartimenti tagħha. Fl-aħħar nett, hija żiedet tgħid li l-pożizzjoni definittiva tagħha dwar id-daqs tal-ammont li kellu jiġi rkuprat u dwar il-kalkoli finali li fuqhom kienet ibbażata l-ordni ta’ rkupru kienu ġew trażmessi.

144    Konsegwentement, il-motivi esposti fil-punti 4.1.1 sa 4.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata ma jinvolvux eżami konkret u individwali tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni użat l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

145    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-motivi esposti fil-konklużjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fih issostni diversi argumenti, essenzjalment esposti fil-punti 159 sa 161 iktar ’il quddiem, li fid-dawl tagħhom hija tqis li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 inkwistjoni “jagħtu lill-pubbliku spunt fuq il-metodi ta’ xogħol [tagħha] […] meta hija tadotta deċiżjoni […] [u li] tali sitwazzjoni jkollha konsegwenzi negattivi serji ħafna fuq il-proċess deċiżjonali [tagħha] […] f’każijiet ta’ dan it-tip”. Għandu bilfors jiġi kkonstatat li tali motivi huma ta’ portata ġenerali u astratta u ma jinvolvux eżami konkret u individwali tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni użat l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

146    Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tindika, fl-aħħar paragrafu tal-paġna 3 tal-imsemmija deċiżjoni li “[m]eta dokument ma huwiex aċċessibbli b’mod illimitat, isir riferiment, [fl-imsemmija tabella] għar-Regolament Nru 1049/2001 u għall-eċċezzjonijiet korrispondenti”.

147    Barra minn hekk, kif huwa indikat fit-titolu tas-sitt kolonni tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, f’dawn il-kolonni l-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika, f’dak li jikkonċerna kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati, dan li ġej:

–        in-numru tiegħu (kolonna 1);

–        id-data tiegħu (kolonna 2);

–        id-deskrizzjoni tiegħu (kolonna 3);

–        il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (kolonna 4);

–        il-livell ta’ żvelar tiegħu (kolonna 5);

–        l-eċċezzjonijiet applikabbli għalih (kolonna 6).

148    Għalhekk, f’din it-tabella, il-Kummissjoni tiddeskrivi b’mod sommarju s-suġġett ta’ kull wieħed mill-imsemmija dokumenti, il-livell ta’ żvelar magħżul u, fil-każ li jiġi rrifjutat li jingħata aċċess llimitat għal dokument, il-bażi legali tal-imsemmi rifjut. Min-naħa l-oħra, din ma tinkludi ebda ġustifikazzjoni li tippermetti li wieħed jifhem għaliex l-iżvelar totali tal-kontenut ta’ dokument jkun ta’ preġudizzju għall-interess protett mill-eċċezzjoni magħżula mill-Kummissjoni.

149    Konsegwentement, it-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata ma tinvolvix eżami konkret u individwali tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni użat l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

150    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, fin-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ eżami konkret u individwali tal-preġudizzju għall-interess protett mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirriżulta mill-iżvelar ta’ wieħed mid-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, billi rrifjutat espliċitament li tiżvela dawn id-dokumenti abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, kisret dawn l-istess dispożizzjonijiet.

–       Il-kunsiderazzjonijiet għall-finijiet ta’ kompletezza

151    Għall-kompletezza, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u fid-dawl tal-għan, ta’ pproċessar immedjat u faċli tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti kkonċernati tal-istituzzjonijiet, imfittex mir-Regolament Nru 1049/2001 u mfakkar fil-punt 68 iktar ’il fuq, u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tislet il-konsegwenzi kollha utli ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk minkejja l-konklużjoni esposta fil-punt 150 iktar ’il fuq il-Kummissjoni setgħetx tinvoka, fir-rigward tad-dokumenti kollha elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq, minn naħa, l-eċċezzjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-imsemmija eċċezzjoni, il-motivi ġenerali u astratti li hija għażlet, sabiex tirrifjuta l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti.

152    Għall-ewwel, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk id-dokumenti elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq jinkludux opinjonijiet fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

153    Madankollu, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess ta’ din il-kawża u fin-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali min-naħa tal-Kummissjoni tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li fir-rigward tagħhom hija invokat id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar jekk id-dokumenti kollha elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq għandhomx jew le jiġu kklassifikati bħala opinjonijiet. Għaldaqstant, huwa biss meta jkun manifest li l-imsemmija dokumenti ma jinvolvux opinjonijiet, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-imsemmija klassifikazzjoni.

154    Għalhekk, wara l-eżami tar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 131 iktar ’il fuq u tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fost id-dokumenti elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq, huwa manifest li d-dokumenti segwenti ma jinvolvux opinjonijiet, iżda:

–        jew noti fuq intervisti bit-telefown jew fuq laqgħat mar-rikorrenti, jew fuq skambji ta’ informazzjoni jew kummentarji bejn uffiċjali fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri:

–        fajl 1: id-dokumenti 4/1999 u 7/1999 (subparti 2);

–        fajl 2: id-dokument 4/1999;

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 2/1999, 12/1999, 13/1999, 16/1999, 19/1999 (subparti 1) u 2/2000;

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 9/1999, 14/1999 u 4/2000 (kaxxa 1);

–        jew kummenti ġenerali dwar il-kwistjoni relatata mal-kuntratt LIEN 97‑2011, jiġifieri:

–        fajl 4, parti I: id-dokument 4/1999 (kaxxi 1 u 2);

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 2/1999 (kaxxa 2), 2/2000 (kaxxa 2) u 3/2000 (kaxxa 2);

–        jew mistoqsijiet u skambji ta’ informazzjoni ġenerali dwar il-kwistjoni relatata mal-kuntratt LIEN 97‑2011, jiġifieri:

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 8/1999 sa 11/1999 u 23/1999;

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 7/1999, 8/1999, 20/1999 (kaxxi 2, 3 u 9) u 3/2000 (kaxxa 2);

–        jew inkella istruzzjonijiet jew kummentarji ġenerali dwar l-implementazzjoni ta’ verifika fil-kwistjoni relatata mal-kuntratt LIEN 97‑2011, jiġifieri:

–        fajl 1: id-dokument 6/1999 (kaxxa 2);

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 3/1999 (kaxxa 2) u 17/1999;

–        fajl 4, parti II: id-dokument 12/1999.

155    Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet manifestament żbaljata meta invokat id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 elenkati fil-punt 154 iktar ’il fuq, u dan sa fejn huwa manifest li l-imsemmija dokumenti ma jinvolvux opinjonijiet fis-sens tal-imsemmi artikolu.

156    Wara dan, għandu jiġi ddeterminat, fir-rigward tad-dokumenti msemmija fil-punt 134 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni ta’ dawk elenkati fil-punt 154 iktar ’il fuq, inkwantu huwa manifest li dawn ma jinvolvux opinjonijiet, jekk il-motivi astratti u ġenerali li l-Kummissjoni għażlet fir-rigward tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata jistgħux isostnu, lil hinn mill-motivi konkreti u individwali, rifjut ta’ żvelar tal-imsemmija dokumenti.

157    L-imsemmija motivi, kif imsemmija fil-punti 138, 141 sa 143 u 145 iktar ’il fuq, jistgħu essenzjalment jiġu miġbura fl-erba’ kategoriji ddefiniti iktar ’il quddiem.

158    L-ewwel nett, mill-motivi esposti fl-introduzzjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punti 4.1.1 sa 4.1.3 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li d-dokumenti kkonċernati kienu jinkludu opinjonijiet ta’ uffiċjali tal-Unjoni, magħmula matul konsultazzjonijiet u dibattiti preliminari, dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011. B’mod iktar speċifiku, dawn l-opinjonijiet jirrigwardaw deċiżjonijiet meħuda, minn naħa, dwar l-implementazzjoni ta’ verifika u ta’ investigazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, dwar ix-xoljiment tal-imsemmi kuntratt u l-possibbiltà li tiġi adottata ordni ta’ rkupru. Issa, l-imsemmija opinjonijiet ma jirriflettux il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fuq dawn it-tliet suġġetti.

159    It-tieni nett, mill-motivi esposti fil-konklużjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li sabiex jiġu protetti l-prinċipji essenzjali li fuqhom huwa bbażat il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kolleġjalità, għandu jiġi żgurat li l-uffiċjali tagħha jkunu jistgħu jesprimu liberament l-opinjonijiet u l-proposti tagħhom.

160    It-tielet nett, mill-motivi esposti fil-konklużjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-iżvelar tad-dokumenti elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq jagħtu lill-pubbliku spunt fuq il-metodi ta’ xogħol tal-Kummissjoni meta hija tadotta deċiżjoni. Għaldaqstant, dan ikollu konsegwenzi negattivi serji ħafna fuq il-proċess deċiżjonali tagħha f’każijiet simili.

161    Fl-aħħar nett, mill-motivi esposti fil-konklużjoni tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-iżvelar tad-dokumenti dwar il-metodu ta’ kalkolu adottat abbażi tat-talba ta’ rkupru jkun jinvolvi riskju prevedibbli fuq il-proċedura ġudizzjarja nazzjonali li għadha għaddejja fil-Belġju.

162    Fid-dawl ta’ dawn l-erba’ kategoriji ta’ motivi ġenerali u astratti, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li d-dokumenti inkwistjoni ma setgħux jiġu żvelati minħabba li dawn kienu jinvolvu opinjonijiet espressi b’mod personali mill-uffiċjali tagħha għal finijiet interni, opinjonijiet li kienu ngħataw fil-fażi preliminari għad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u li, barra minn hekk, ma kinux jirriflettu l-pożizzjoni finali adottata minnha, imur kontra l-kliem innifsu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

163    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi espliċitament li, wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, l-aċċess għal dokument li fih opinjonijiet intiżi sabiex jintużaw internament fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminarji fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata għandu jingħata, dejjem sakemm l-iżvelar tad-dokument ma jippreġudikax serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni.

164    Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tallega li “[l]-fatt li d-dokumenti inkwistjoni li kienu jikkonċernaw l-implementazzjoni ta’ verifika jew ix-xoljiment tal-kuntratt kienu ġew redatti u ddistribwiti diversi snin ilu ma jipprekludix li wieħed ikollu d-dritt li jistenna li l-proċess deċiżjonali [tiegħu …] jista’ jiġi affettwat serjament għar-raġunijiet iċċitati iktar ’il fuq”. Tali ġustifikazzjoni, minħabba n-natura purament ipotetika tagħha, hija insuffiċjenti fid-dawl tar-rekwiżit imfakkar fil-punt 91 iktar ’il fuq fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju oġġettiv, konkret u mhux ipotetiku, li interess protett jiġi affettwat.

165    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-fatt li d-dokumenti dwar l-implementazzjoni tal-verifika u tal-ordni ta’ rkupru inkwistjoni fil-kawża preżenti jiġu żvelati lill-pubbliku, jkun jippermetti li d-destinatarji tal-fondi tal-Unjoni jevitaw ir-regoli applikabbli fil-qasam ta’ verifiki jew ta’ ordnijiet ta’ rkupru u li, għaldaqstant, ikun jippermetti li fil-ġejjieni l-proċess deċiżjonali tagħha jiġi affettwat b’mod serju ħafna.

166    Fil-fatt, il-metodi ta’ implementazzjoni ta’ verifika huma msejsa fuq regoli legali u xjentifiċi magħrufa mill-professjonisti, peress li dawn jiġu mgħallma fil-korsijiet ta’ taħriġ tal-awdituri. Dan jgħodd ukoll għar-regoli ta’ implementazzjoni ta’ ordni ta’ rkupru. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-għarfien ta’ tali regoli għandu jaffettwa serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni f’deċiżjonijiet simili.

167    It-tielet nett, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġġustifika r-rifjut tagħha li jingħata aċċess għad-dokumenti inkwistjoni billi tinvoka n-neċessità li fil-ġejjieni, l-uffiċjali tagħha f’sitwazzjonijiet simili, u għaldaqstant il-proċess deċiżjonali tagħha fi kwistjonijiet simili, jiġu protetti minn kull pressjoni esterna.

168    Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-dokumenti inkwistjoni effettivament jinkludu data dwar l-uffiċjali tal-Kummissjoni li ma għandhiex tiġi żvelata sabiex dawn ma jiġux esposti għal pressjoni esterna, għandu bilfors jiġi osservat li, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-elementi mfakkra fil-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq, l-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex li tiġi protetta data personali li tista’, b’mod partikolari, tesponi lill-uffiċjali għal pressjoni esterna iżda biss li jiġu protetti ċerti tipi ta’ dokumenti. It-tieni nett, għandu jitfakkar li fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda dispożizzjoni speċjali li hija espliċitament intiża, meta dan ikun neċessarju, sabiex tillimita l-iżvelar ta’ data personali bil-għan li jiġu protetti l-ħajja privata u l-integrità tal-individwi.

169    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża r-rifjut tagħha li tiżvela tali data personali fuq id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

170    Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li ċerti dokumenti jittrattaw il-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, li huwa s-suġġett ta’ kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali Belġjana, ma jistax jikkostitwixxi motiv li jiġġustifika r-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

171    Għalkemm huwa ċertament minnu li l-premessa 16 tar-Regolament Nru 1049/2001 tipprovdi li s-sistema ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, stabbilita mill-imsemmi regolament, tapplika bla ħsara għad-dritt ta’ aċċess li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom għad-dokumenti.

172    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jirriżultax li d-dritt ta’ aċċess li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom għad-dokumenti jippermetti derogi mir-regola ġenerali ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001, u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 90 iktar ’il fuq, li tgħid li l-eċċezzjonijiet għall-imsemmi dritt għandhom jiġu interpretati b’mod strett u huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

173    Għalhekk, fir-rigward tad-dokumenti dwar il-kalkolu tat-talba ta’ rkupru, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat li tiżvela l-kontenut tagħhom minħabba li l-imsemmi kalkolu kien is-suġġett ta’ kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali Belġjana.

174    Mill-kunsiderazzjonijiet għal finijiet ta’ kompletezza esposti hawn fuq jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi astratti u ġenerali magħżula mill-Kummissjoni, fir-rigward tad-dokumenti elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq, ma jista’ jsostni, lil hinn mill-motivi konkreti u individwali, rifjut ta’ żvelar tal-imsemmija dokumenti.

175    Fid-dawl tal-illegalità osservata, prinċipalment, fil-punt 150 iktar ’il fuq, u mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, ir-raba’ motiv għandu jiġi milqugħ fit-totalità tiegħu, u għaldaqstant, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tirrifjuta espliċitament li tagħti lir-rikorrenti aċċess għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2001 li huma elenkati fil-punt 134 iktar ’il fuq, billi tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

176    Minn-naħa, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tal-fatt li n-numru ta’ dokumenti, li l-kontenut tagħhom ġie ddikjarat bħala parzjalment jew totalment barrani għas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, żdied bejn ir-risposta inizjali u d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni lanqas ma spjegat, l-ewwel nett, fuq liema bażi legali hija bbażat ruħha sabiex tiddikjara li ċerti dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti huma totalment jew parzjalment barranin għas-suġġett tal-imsemmija applikazzjoni għal aċċess u, it-tieni nett, ir-raġunijiet għalfejn il-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 jinkludi dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti li huma barranin għall-imsemmi suġġett. Ir-rikorrenti tkompli tgħid li dawn l-inkonsistenzi, jekk mhux saħansitra kontradizzjonijiet, li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata huma evidenzjati b’mod ċar f’żewġ ittri li hija bagħtet lill-president tal-Kummissjoni, rispettivament fil-11 ta’ Ġunju 2010 u fil-11 ta’ Awwissu 2010, annessi mar-replika.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tat-tieni motiv u, f’dan ir-rigward, tqis li hija osservat suffiċjentement skont il-liġi l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet li fuqhom hija bbażat id-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta li tagħti aċċess komplet għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

178    Fil-kawża preżenti, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ż-żewġ ittri li r-rikorrenti bagħtet lill-President tal-Kummissjoni, rispettivament fil-11 ta’ Ġunju 2010 u fil-11 ta’ Awwissu 2010, intbagħtu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u wara l-preżentata tar-rikors fil-kawża preżenti. Peress li tali ittri ġew redatti mir-rikorrenti nnifisha, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu provi li r-rikorrenti saret taf bihom matul il-proċedura preżenti. Fil-fatt, tali kwalifikazzjoni tkun tippermetti kemm li parti tipprovdi lilha nnifisha prova kif ukoll li l-istess parti tevita r-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi mir-rikorrenti fl-istadju tar-rikors, kif previst fl-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, għall-istess raġuni, ma jistax jiġi kkunsidrat li, peress li l-eżistenza tal-imsemmija ittri saret magħrufa matul il-kawża preżenti, dawn jikkostitwixxi elementi ġodda li jippermettu l-produzzjoni ta’ motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

179    Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti sabiex iż-żewġ ittri mibgħuta lill-President tal-Kummissjoni, rispettivament fil-11 ta’ Ġunju 2010 u fil-11 ta’ Awwissu 2010, jiżdiedu mal-proċess tal-kawża preżenti, għandha tiġi miċħuda.

180    Prinċipalment, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 94).

181    Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u Sison vs Il-Kunsill, punt 90 iktar ’il fuq, punt 80).

182    Fir-rigward ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li jkun qiegħed jintalab l-aċċess għalihom ikunu effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 60, u tas-17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il-Kummissjoni, T‑93/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑115 u II‑A‑2‑537, punt 90). Fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, hija għalhekk l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jaqax fl-ambitu tal-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ din l-eċċezzjoni hijiex reali (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

183    Fil-kawża preżenti, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tat-tieni motiv, għandha ssir distinzjoni bejn it-tliet kategoriji ta’ dokumenti li ġejjin:

–        id-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx minħabba li, peress li ma kinux is-suġġett ta’ applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess inkwistjoni;

–        id-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx minħabba li, peress li dawn ma kinux jikkonċernaw il-kuntratt LIEN 97‑2011, dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess inkwistjoni;

–        id-dokumenti, jew siltiet ta’ dokumenti, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lir-rikorrenti minħabba li dawn kienu koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx minħabba li, peress li ma kinux is-suġġett ta’ applikazzjoni konfermatorja, dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

184    Huwa paċifiku li dawn id-dokumenti huma d-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman, kif indikati fl-applikazzjoni inizjali.

185    Fir-rigward tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni, minkejja li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 61 iktar ’il fuq, mill-applikazzjoni inizjali jirriżulta espliċitament li r-rikorrenti kienet talbet aċċess illimitat għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman, għandu jiġi kklassifikat bħala rifjut impliċitu ta’ aċċess, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali.

186    Issa, tali rifjut impliċitu jimplika, mid-definizzjoni tiegħu stess, nuqqas assolut ta’ motivazzjoni. Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet f’dan ir-rigward quddiem il-qorti tal-Unjoni, anki jekk jitqiesu bħala korretti, ma jistgħux jirrimedjaw għal tali nuqqas ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T‑318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 127). Dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tan-natura allegatament impreċiża tal-kliem tal-applikazzjoni inizjali. Fil-fatt, hekk kif ġie kkunsidrat fil-punti 83 u 85 iktar ’il fuq, kienet il-Kummissjoni li kellha, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tistieden lir-rikorrenti tidentifika b’mod iktar preċiż id-dokumenti mitluba, ħaġa li hija, barra minn hekk, ma għamlitx fil-kawża preżenti.

187    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman, id-deċiżjoni kkontestata tinvolvi rifjut impliċitu ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti mitluba mir-rikorrenti u li dan ir-rifjut ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

 Dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx minħabba li, peress li dawn ma kinux jikkonċernaw il-kuntratt LIEN 97‑2011, dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

188    Fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, għandu qabel kollox jiġi indikat li, b’risposta għal mistoqsija li l-Qorti Ġenerali għamlet matul is-seduta, ir-rikorrenti espliċitament ikkonfermat li l-applikazzjoni għal aċċess tagħha kienet tirrigwarda biss id-dokumenti li kienu jikkonċernaw il-kuntratt LIEN 97‑2011. Fid-dawl tas-suġġett tal-imsemmija applikazzjoni, kif ġie kkonfermat matul is-seduta mir-rikorrenti, għandu għalhekk jiġi eżaminat, abbażi tar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja, jekk hija kinitx iġġustifikata li tikkunsidra li l-kontenut ta’ ċerti dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 kienx totalment jew parzjalment barrani għal dan is-suġġett. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmija dokumenti huma dawk indikati fil-punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa allegatament kompletament barrani għall-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

189    Fir-rigward tad-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontenut kien totalment barrani għall-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess, dawn jistgħu jiġu identifikati, fid-dawl tal-punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata u tat-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni, kif ġej:

–        fajl 1: id-dokument 7/1999, subparti 1 (li jikkorrispondi għall-email mibgħut liċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat fit-30 ta’ Marzu 1999 fid-9.50 am;

–        fajl 4, parti I: id-dokument 6/1999 [imsemmi biss fit-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata (paġna 5)];

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 15/1999, 21/1999, 23/1999, 24/1999, 26/1999, 1/2000, 5/2000, 6/2000, 10/2000, 11/2000, 14/2000, 4/2001 u 6/2001.

190    Wara l-eżami tar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, l-ewwel nett, li l-kontenut tad-dokumenti segwenti, ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala allegatament barrani għas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti, huwa bil-kontra ta’ dan marbut, minn naħa, direttament jew indirettament u, min-naħa l-oħra, totalment jew parzjalment, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali ma hija obbligata li fis-sentenza preżenti tindika s-siltiet inkwistjoni fl-imsemmija dokumenti, mas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess għall-fajl tal-kuntratt LIEN 97‑2011, jiġifieri:

–        fajl 1: id-dokument 7/1999, subparti 1;

–        fajl 4, parti I: id-dokument 6/1999;

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 15/1999, 21/1999, 24/1999, 26/1999, 1/2000, 10/2000 u 6/2001.

191    It-tieni nett, fir-rigward tad-dokument 23/1999 tal-fajl 4, parti II, tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, bil-kontra ta’ dak li tindika l-Kummissjoni fil-paġna 12 tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut tiegħu ma jikkonċernax esklużivament laqgħa li ma tirrigwardax il-kuntratt LIEN 97‑2011. Fil-fatt, għalkemm dan huwa minnu fir-rigward tat-tieni subparti tal-imsemmi dokument, li jibda bil-kliem “Now, an other very important issue”, madankollu l-kontenut tal-ewwel subparti tal-istess dokument, li jibda wara l-introduzzjoni “Dear Isabella”, jikkonċerna l-kuntratt LIEN 97‑2011.

192    Bl-istess mod, fir-rigward tad-dokument 6/2000 tal-fajl 4, parti II, tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan id-dokument jinkludi, minn naħa, l-ewwel subparti li tirriproduċi email li s-suġġett tagħha ma jikkonċernax il-kuntratt LIEN 97‑2011 u, min-naħa l-oħra, it-tieni subparti li tinkludi noti miktuba bl-idejn. Dawn in-noti huma suffiċjentement leġibbli sabiex wieħed ikun jista’ jidentifika l-kronoloġija tal-avvenimenti marbuta mal-kuntratt LIEN 97‑2011. Barra minn hekk, uħud minn dawn l-avvenimenti huma deskritti fid-dokument 23/1999 tal-fajl 4, parti I, tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011, dokument li ġie żvelat ħlief għal-linja 49 tat-tabella li jinkludi. Konsegwentement, huwa biss il-kontenut tal-ewwel subparti tad-dokument 6/2000 tal-fajl 4, parti II, tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 li jittratta suġġett barrani għas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti.

193    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti segwenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li l-kontenut tagħhom kien kompletament barrani għas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti: fajl 4, parti II: id-dokumenti 5/2000, 11/2000, 14/2000 u 4/2001.

194    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tad-dokumenti elenkati fil-punt 190 iktar ’il fuq, tad-dokument 23/1999 (subparti 1) tal-fajl 4, parti II, u tad-dokument 6/2000 (subparti 2) tal-fajl 4, parti II, hemm lok li jiġi kkunsidrat, li l-istess bħall konklużjoni misluta fil-punt 187 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tinvolvi rifjut impliċitu ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti mitluba mir-rikorrenti u li dan ir-rifjut ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

–       Dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa allegatament parzjalment barrani għall-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

195    Fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, dawn jistgħu jiġu identifikati, fid-dawl tal-punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata u tat-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni, kif ġej:

–        fajl 1: id-dokumenti 1/1999, 2/1999 u 6/1999;

–        fajl 2: id-dokumenti 1/1999 u 5/1999;

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 1/1999, 3/1999 (kaxxa 1), 14/2001 (kaxxa 4) u 19/2001 (kaxxi 1 u 2);

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 1/1999, 2/1999, 5/1999, 12/1999, 18/1999, 20/1999, 22/1999, 2/2000 sa 4/2000, 8/2000, 9/2000 u 9/2001.

196    Wara l-eżami tar-risposta tal-Kummissjoni għat-tieni miżura istruttorja, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kontenut tad-dokumenti segwenti, ikkunsidrat mill-Kummissjoni bħala allegatament barrani għas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti, huwa bil-kontra ta’ dan marbut, direttament jew indirettament, mal-kuntratt LIEN 97‑2011:

–        fajl 1: id-dokumenti 2/1999 u 6/1999 (kaxxa 1);

–        fajl 2: id-dokument 1/1999;

–        fajl 4, parti I: id-dokumenti 3/1999 (kaxxa 1), 14/2001 (kaxxa 4) u 19/2001 (kaxxi 1 u 2);

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 1/1999 (kaxxa 1), 12/1999, 3/2000 (kaxxa 3), 8/2000 u 9/2001 (kaxxa 4).

197    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti segwenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li kien barrani għas-suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess:

–        fajl 1: id-dokument 1/1999;

–        fajl 2: id-dokument 5/1999;

–        fajl 4, parti I: id-dokument 1/1999;

–        fajl 4, parti II: id-dokumenti 1/1999 (kaxxi 2 sa 4), 2/1999 (kaxxi 1 u 3), 5/1999, 18/1999 (kaxxa 3), 20/1999 (kaxxa 11), 22/1999, 2/2000 (kaxxi 1 u 3), 3/2000 (kaxxa 1), 4/2000 (kaxxa 2) u 9/2000.

198    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tad-dokumenti elenkati fil-punt 196 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat, li l-istess bħal konklużjoni misluta fil-punt 187 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tinvolvi rifjut impliċitu ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti mitluba mir-rikorrenti u li dan ir-rifjut ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

 Dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lir-rikorrenti minħabba li dawn kienu koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001

199    Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Kummissjoni, sabiex tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess għalihom, ibbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

200    Għalkemm huwa ċertament minnu li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tinkludi, fit-Titolu 4 intitolat “Motivi ta’ rifjut”, sommarju tar-raġunijiet kollha li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti kkonċernati kien jippreġudika l-għanijiet protetti rispettivament mill-Artikolu 4(1)(b), u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li għalhekk dan l-iżvelar kellu jiġi rrifjutat abbażi tal-imsemmija artikoli.

201    Madankollu, kif huwa mfakkar fil-punt 181 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni meħtieġa għandha b’mod partikolari tippermetti li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk id-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 humiex effettivament ikkonċernati mill-qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, barra minn hekk, jekk il-bżonn ta’ protezzjoni relatat ma din l-eċċezzjoni huwiex reali.

202    L-ewwel nett, fir-rigward tad-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 106 u 110 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija dokumenti huma effettivament ikkonċernati mill-qasam kopert mill-imsemmija eċċezzjoni. Barra minn hekk, mill-punti 97 sa 126 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-imsemmija dokumenti. Konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

203    It-tieni nett, fir-rigward tad-dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali fil-punt 155 iktar ’il fuq ikkonkludiet li kien manifest li d-dokumenti elenkati fil-punt 154 iktar ’il fuq ma kinux jikkostitwixxu opinjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indikatx, bi ksur tar-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 182 iktar ’il fuq, b’liema mod l-imsemmija dokumenti kienu jammontaw, skontha, għal tali opinjonijiet. Għaldaqstant, ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti elenkati fil-punt 154 iktar ’il fuq ma josservax l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

204    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokumenti, minbarra dawk elenkati fil-punt 154 iktar ’il fuq, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni invokat l-eċċezzjoni misluta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, mill-motivi esposti fil-punti 134 sa 174 iktar ’il fuq, li jittrattaw ir-raba’ motiv, jirriżulta li, minkejja l-illegalità kkonstatata prinċipalment, minn naħa, l-imsemmija dokumenti huma effettivament ikkonċernati mill-qasam kopert mill-imsemmija eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna l-imsemmija dokumenti. Konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Artikolu 296 TFUE jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

205    Mill-konklużjonijiet misluta fil-punti 187, 194, 198, 203 u 204 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi milqugħ parzjalment.

206    Mill-konklużjonijiet misluta rispettivament fil-punti 87, 126, 175 u 205 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors huwa parzjalment fondat u li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, l-ewwel nett, din impliċitament tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman u, it-tieni nett, sa fejn din espliċitament tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 imsemmija fil-punti 106, 134, 190 u 196 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

207    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

208    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, issir evalwazzjoni ġusta tal-kawża jekk il-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tmenin fil-mija tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2010 hija annullata sa fejn din impliċitament tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li hija tat lill-kollaboratur tal-Ombudsman Ewropew, minbarra dawk identifikati minn dan tal-aħħar fil-fajls 1 sa 4 tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2010 hija wkoll annullata sa fejn din impliċitament jew espliċitament tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl dwar il-kuntratt LIEN 97‑2011 imsemmija fil-punti 106, 134, 194 u 196 ta’ din is-sentenza.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tmenin fil-mija tal-ispejjeż sostnuti minn Internationaler Hilfsfonds eV.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2012.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà tal-kontenut tal-ittri ppreżentati mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2010 u fil-11 ta’ Lulju 2011.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni inizjali, u konsegwentement, fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod komplet l-imsemmija applikazzjoni

Fuq is-suġġett tal-applikazzjoni inizjali

Fuq il-legalità tan-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għal aċċess illimitat għad-dokumenti l-oħra mogħtija lill-kollaboratur tal-Ombudsman

Fuq it-tielet u r-raba’ motiv, rispettivament ibbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

– Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali

– Il-kunsiderazzjonijiet għall-finijiet ta’ kompletezza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx minħabba li, peress li ma kinux is-suġġett ta’ applikazzjoni konfermatorja, dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

Dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma ddeċidietx minħabba li, peress li dawn ma kinux jikkonċernaw il-kuntratt LIEN 97‑2011, dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

– Dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa allegatament kompletament barrani għall-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

– Dokumenti li l-kontenut tagħhom huwa allegatament parzjalment barrani għall-kamp tal-applikazzjoni għal aċċess

Dokumenti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lir-rikorrenti minħabba li dawn kienu koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.