Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Lulju 2010 - In 't Veld vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-301/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sophie in 't Veld (Brussell, Il-Belġju) (rappreżentanti: O. Brouwer u J. Blockx, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2010, ref. SG.E.3/HP/psi-Ares(2010)234950, li tiċħad li tilqa' kompletament it-talba konfermattiva għal aċċess għal xi dokumenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minn partijiet intervenjenti, jekk ikun il-każ.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tfittex, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2010 li tirrifjuta aċċess komplet għal xi dokumenti li jirrigwardaw in-negozjati ta' ftehim kummerċjali ġdid għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, mitluba mir-rikorrenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/20011.

Ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti insostenn tar-rikors tagħha:

L-ewwel nett, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn tirrifjuta impliċitament l-aċċess għall-ċertu numru ta' dokumenti mitluba mir-rikorrenti mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

It-tieni nett, id-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-Kummissjoni ma ttrattatx din id-dispożizzjoni bħala regola ta' proċedura li tirrigwarda l-konsultazzjoni ta' partijiet terzi u fil-fatt applikata bħala eċċezzjoni addizzjonali tal-obbligu ta' żvelar tad-dokumenti.

It-tielet nett, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tapplika b'mod żbaljat il-liġi, u, b'mod partikolari, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001:

L-ewwel nett, minħabba l-fatt li r-raġunijiet ta' ordni ġenerali invokati mill-Kummissjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jaqaw taħt l-eċċezzjoni għall-protezzjoni ta' interess pubbliku li jirrappreżentaw ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea;

It-tieni nett, minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tad-dokumenti.

Barra minn hekk, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li kwalunkwe parti mid-dokumenti mitluba mir-rikorrenti hija kkonċernata bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti ssostni li seħħet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) u li l-prinċipju ta' proporzjonalità inkiser sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali u li jiġi llimitat ir-rifjut għall-partijiet tad-dokumenti fejn dan ikun iġġustifikat u strettament neċessarju.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, u b'hekk, kisret l-Artikolu 296 TFUE.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 049/200 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 200 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 0, Vol. 03, p. 33).