Language of document : ECLI:EU:T:2021:254

Kawża T-119/17 RENV

Ruben Alba Aguilera et  

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat12 ta’ Mejju 2021

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Evalwazzjoni annwali tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Deċiżjoni dwar it-tnaqqis tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-persunal assenjat fl-Etjopja minn 30 għal 25 % – Koerenza reġjonali – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”

1.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni – Obbligu ta’ adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijet – Natura eċċezzjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110 u Anness X)

(ara l-punti 48-50)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema pekunjarja applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Kundizzjonijiet għall-għoti – Reviżjoni u evalwazzjoni annwali – Obbligu għall-istituzzjonijiet li jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110 u Anness X, Artikolu 10)

(ara l-punti 55-57, 59-61)

3.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni – Proċedura ta’ adozzjoni – Obbligu tal-amministrazzjoni li tikseb l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110)

(ara l-punt 62)

4.      Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata – Neċessità ta’ rabta ġuridika bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali kkontestat – Linji gwida li servew għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata – Ammissibbiltà

(Artikoli 263 u 277 TFUE)

(ara l-punti 69-77, 79)

5.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema pekunjarja applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Iffissar – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1b(a), Artikolu 62 u Anness X, Artikolu 10; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1023/2013, premessa 27)

(ara l-punti 81, 82, 85, 87, 88, 102-104)

6.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Sistema pekunjarja applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Iffissar – Kriterji – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali qabel l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-għajxien

(Regolamenti tal-Persunal, Anness X, Artikolu 10)

(ara l-punti 90-93)

Sunt

Ir-rikorrenti, Ruben Alba Aguilera et, huma uffiċjali jew membri tal-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li kienu assenjati fl-Etjopja meta s-SEAE adotta d-deċiżjoni li jirrevedi r-rata tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien (iktar ’il quddiem l-“AKGĦ”) imħallsa lill-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (1).

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, ir-rata tal-AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja tnaqqset, minn 30 % għal 25 % tal-ammont ta’ riferiment. Dan it-tnaqqis wassal, għar-rikorrenti, għat-telf tal-benefiċċju tal-leave tal-mistrieħ (2).

Sabiex jikkontestaw it-tnaqqis tar-rata tal-AKGĦ, ir-rikorrenti ressqu individwalment ilmenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tnaqqas, mill‑1 ta’ Jannar 2016, l-AKGĦ imħallsa lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fl-Etjopja. Peress li dawn l-ilmenti ma ntlaqgħux, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar il-kwistjoni relatata mal-prinċipju tal-koerenza reġjonali sabiex tistabbilixxi l-AJGĦ f’post ta’ assenjazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-allegat obbligu tas-SEAE li jadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar  l-Artikolu 10 tal-AnnessX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li jirrigwarda l-AKGĦ. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, minħabba l-formulazzjoni tiegħu, l-għanijiet tiegħu u l-garanziji proċedurali li huwa jipprevedi għar-reviżjoni tal-AKGĦ, f’kuntest annwali u wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal, dan l-artikolu, sa fejn jirregola l-AKGĦ, ma huwiex ċar u lanqas preċiż li jippermetti li tiġi evitata l-applikazzjoni arbitrarja tiegħu, u, għaldaqstant, ma jirrikjedix l-adozzjoni, b’mod eċċezzjonali, ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

Sussegwentement, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Awtorità tal-Ħatra għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fatturi u tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Linji gwida adottati mis-SEAE u li jistabbilixxu l-metodoloġija sabiex jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, l-AKGĦ (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), sa fejn dawn jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali, ma jiksrux l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali huwa intiż li jiżgura l-oġġettività tal-paragun tal-kundizzjonijiet tal-ħajja li jipprevalu fil-postijiet ta’ assenjazzjoni ma’ dawk eżistenti fl-Unjoni, filwaqt li jiġi osservat l-għan tal-AGKĦ. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija intiża sabiex tiggarantixxi li kundizzjonijiet simili prevalenti f’żewġ pajjiżi li jinsabu fl-istess reġjun jkunu evalwati b’mod simili.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-evalwazzjoni magħmula mis-SEAE tal-parametri tal-“ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet” u ta’ “kundizzjonijiet oħra lokali”.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Linji gwida jipprevedu li l-punteġġ għall-parametru tal-“ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet” huwa ddeterminat abbażi tal-karta tas-saħħa komparattiva stabbilita minn International SOS, iżda ma jimponux korrispondenza bejn l-iskali tal-iskala użata minn din il-karta u l-punteġġ li għandu jingħata għal dan il-parametru. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tas-SEAE li jagħti lill-Etjopja punteġġ ta’ 4 punti minn total ta’ 5 ma tmurx lil hinn mil-limiti li jirregolaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ried jagħti lis-SEAE fl-istabbiliment tal-AKGĦ.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-kriterju tas-“servizzi pubbliċi” li wassal għal emenda tal-punteġġ mogħti lill-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra”. F’dan ir-rigward, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-argumenti tar-rikorrenti li l-kwalità tas-servizzi pubbliċi fl-Etjopja ma tjibitx bejn l-2014 u l-2015 u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ spjegazzjonijiet min-naħa tas-SEAE sabiex jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-punteġġ mogħti lil dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li s-SEAE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kriterju. Dan l-iżball huwa tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-kriterju tas-“servizzi pubbliċi” kien dak li wassal għal tnaqqis ta’ punt tal-punteġġ mogħti lill-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra”, u b’hekk jgħaddi l-punteġġ totali mogħti lill-Etjopja taħt il-limitu ta’ 14-il punt rikjest għall-iffissar tar-rata tal-AKGĦ għal 30 %.


1      Deċiżjoni ADMIN (2016) 7 tad-Direttur Ġenerali għall-Baġit u l-Amministrazzjoni tas-SEAE tad‑19 ta’ April 2016 dwar l-istabbiliment tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal - Proċedura 2016.


2      L-Artikolu 8 tal-AnnessX  tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn dan tal-aħħar huwa intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz”, jipprevedi li “l- awtorità tal-ħatra tista’, b’deċiżjoni speċjali rraġunata, tagħti lill-uffiċjal leave tamistrieħ minħabba l-kondizzjonijiet partikolarment diffiċli ta’ l-għajxien fuq il-post ta’ l-impieg tiegħu. Għal kull tali post, l-awtorità tal-ħatra tista’ tistabbilixxi l-pajjiż(i) fejn il-leavetal-mistrieħ jistgħu jittieħdu.”