Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Bulgarija) fis-6 ta’ Ottubru 2023 – “Ronos” OOD, MA, TI vs Komisia za zashtita na konkurentsiyata

(Kawża C-619/23, Ronos)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-oblast

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: “Ronos” OOD, MA, TI

Konvenut: Komisia za zashtita na konkurentsiyata

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern 1 , ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jillimita s-setgħat tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, fil-kuntest ta’ spezzjoni fil-bini tan-negozju, fir-rigward tal-aċċess għal korrispondenza personali, li l-integrità tagħha hija ggarantita mill-Kostituzzjoni tal-Istat Membru, fl-assenza ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw indħil fid-dritt għal-libertà u għas-sigriet tal-korrispondenza previsti fl-istess kostituzzjoni?

Fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2019/1, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ spezzjoni fil-bini tan-negozju mwettqa mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, persuna li tintalab tagħti aċċess għal mezz li fuqu tinżamm informazzjoni għandha d-dritt tirrifjuta li tagħti aċċess għall-kontenut li jikkostitwixxi korrispondenza personali, f’sitwazzjoni fejn l-integrità tal-korrispondenza personali tkun iggarantita mill-Kostituzzjoni tal-Istat Membru u fejn ma jiġux stabbiliti raġunijiet li jiġġustifikaw indħil fid-dritt għal-libertà u għas-sigriet tal-korrispondenza u ta’ komunikazzjonijiet oħra, previsti fl-istess kostituzzjoni?

____________

1     ĠU 2019, L 11, p. 3.