Language of document : ECLI:EU:T:2021:91

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

17 ta’ Frar 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq tat-trasport bl-ajru fl-Isvezja, mill-Isvezja u lejn l-Isvezja – Garanziji għal self intiżi sabiex isostnu l-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Qafas temporanju tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Miżura intiża sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Kriterju taż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Svediżi – Assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Artikolu 107(3)(b) TFUE – Ratio legis – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑238/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier, C. Mosser, A. Daniel u P. Dodeller, bħala aġenti,

u

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, H. Eklinder, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, H. Shev, R. Shahsavan Eriksson u J. Lundberg, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2366 finali, tal‑11 ta’ April 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑3 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea b’miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ skema ta’ garanziji għal self lil ċerti kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”), skont l-Artikolu 108(3) TFUE. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-kumpanniji tal-ajru li jkollhom liċenzja maħruġa minn dan l-Istat Membru (iktar ’il quddiem il-“liċenzja Svediża”), importanti għall-konnettività ta’ dan tal-aħħar, ikollhom biżżejjed likwidità sabiex jevitaw li d-disturb ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 jikkomprometti l-vijabbiltà tagħhom u sabiex tiġi ppreżervata l-kontinwità tal-attività ekonomika matul u wara l-kriżi attwali. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru kollha li għandhom, fl‑1 ta’ Jannar 2020, il-liċenzja Svediża sabiex jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-operat ta’ servizzi mhux regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. L-ammont massimu tas-self iggarantit taħt din l-iskema huwa ta’ 5 biljun krona Svediża (SEK) (madwar EUR XXX) u l-garanzija tirrigwarda krediti għall-investiment u krediti ta’ kapital operatorju, mogħtija sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020 u jkollha tul massimu ta’ sitt snin.

2        Fil‑11 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2366 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija, wara li kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), u emendata fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Qafas temporanju”).

3        F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, konformement mar-Regolament Nru 1008/2008, il-kumpanniji tal-ajru eliġibbli kellhom il-“post prinċipali tan-negozju” tagħhom (ara l-punt 26 iktar ’il quddiem) fl-Isvezja u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienet regolarment ikkontrollata mill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-għoti tal-liċenzji. Barra minn hekk, l-operat ta’ servizzi regolari ta’ trasport ta’ passiġġieri mill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni jista’ jkollu rwol importanti fil-konnettività tal-pajjiż. Għaldaqstant, il-kriterji ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-miżura huma rilevanti sabiex jiġu identifikati l-kumpanniji tal-ajru li għandhom rabta mal-Isvezja u li għandhom rwol sabiex jiżguraw il-konnettività tagħha, konformement mal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. It-tieni nett, hija qieset li l-imsemmija skema kienet neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Svediża u li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti fil-punt 3.2 tal-Qafas temporanju intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ garanziji fuq is-self”. Għalhekk hija kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, għaldaqstant, ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tagħha.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

5        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, skont l-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

6        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ġunju 2020.

7        Skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit‑22 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

8        Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

9        Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet, fl‑20 ta’ Lulju 2020, lir-rikorrenti sabiex twieġeb, bil-miktub, għal żewġ mistoqsijiet. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fit-terminu mogħti.

10      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta data dwar in-numru ta’ riżervazzjonijiet u n-numru mistenni ta’ passiġġieri, li tinsab fir-rikors, fil-verżjoni mqassra tar-rikors u fl-annessi tagħhom, ma tiġix ikkomunikata lir-Repubblika Franċiża. Konsegwentement, hija hemżet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom.

11      B’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kkonfermat, fil‑5 ta’ Awwissu 2020, li tirrinunzja għall-punti 66 sa 76 tar-rikors, li jinsabu fit-tielet parti tat-tieni parti tal-ewwel motiv, kif ukoll għall-punti 110 sa 114 tar-rikors, li jinsabu fit-tieni parti tat-tielet motiv.

12      Permezz ta’ digriet tal-istess jum, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Repubblika Franċiża u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

13      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑6 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika Franċiża ġiet awtorizzata, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tippreżenta nota ta’ intervent.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Awwissu 2020, ir-Renju tal-Isvezja talab jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-data msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq ma tiġix ikkomunikata lir-Renju tal-Isvezja.

15      Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Awwissu 2020, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tar-Renju tal-Isvezja u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet tar-Renju tal-Isvezja dwar it-talba għal trattament kunfidenzjali. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-istess jum, ir-Renju tal-Isvezja ġie awtorizzat, skont l-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżenta nota ta’ intervent.

16      Fl-istess jum, ir-Repubblika Franċiża bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-nota ta’ intervent tagħha, mingħajr ma oġġezzjonat dwar it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

17      Fis‑7 ta’ Settembru 2020, ir-Renju tal-Isvezja bagħat in-nota ta’ intervent tiegħu lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, u ma għamilx lanqas oġġezzjoni dwar it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Ir-Repubblika Franċiża titlob l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali u ċ-ċaħda tiegħu fuq il-mertu fir-rigward tal-kumplament. Sussidjarjament, hija titlob li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu fil-mertu.

21      Ir-Renju tal-Isvezja, bħall-Kummissjoni, jitlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

 Fid-dritt

22      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa u tal-importanza li tingħata, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja, tweġiba rapida fil-mertu, għandha tiġi eżaminata qabelxejn il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

23      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu tal-ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, it-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi

24      L-ewwel motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni twettaq diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, it-tieni waħda, fuq il-fatt li la huwa neċessarju u lanqas proporzjonat sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, it-tielet waħda, fuq il-fatt li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, ir-raba’ waħda, fuq il-fatt li r-restrizzjoni stabbilita b’dan il-mod ma hijiex iġġustifikata.

 Fuq l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, ibbażati fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni twettaq diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u la hija neċessarja u lanqas proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan tagħha

25      F’dan il-każ, l-ewwel nett, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkonsisti fl-għoti ta’ garanzija mill-Istat lil kumpanniji tal-ajru li għandhom, fl‑1 ta’ Jannar 2020, liċenzja Svediża, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-operat ta’ titjiriet chartered, li jinvolvi l-eżistenza tal-“post prinċipali tan-negozju” tagħhom fl-Isvezja (ara l-punt 26 iktar ’il quddiem), meta jitolbu self mingħand stabbilimenti bankarji. Din l-iskema hija limitata fiż-żmien (sal‑31 ta’ Diċembru 2020) u fl-ammont tagħha (SEK 5 biljun). Kif jirriżulta mill-punt 1 iktar ’il fuq, il-kliem “liċenzja Svediża” jirreferu għal liċenzja maħruġa, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1008/2008, mill-awtoritajiet Svediżi. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti, li jinsab fil-punt 57 tar-rikors, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni użat, bil-kliem “liċenzja Svediża”, kunċett li ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandu mill-ewwel jiġi miċħud.

26      It-tieni nett, skont il-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008 il-“post prinċipali tan-negozju” huwa ddefinit bħala l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede rreġistrat ta’ trasportatur bl-ajru tal-Unjoni li jinsab fl-Istat Membru li fih dan it-trasportatur bl-ajru jeżerċita l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness. Il-kunċett ta’ post prinċipali tan-negozju jikkorrispondi, fil-prattika, għas-sede tal-imsemmi trasportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 66). Għalhekk huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li, għal persuna ġuridika partikolari, l-imsemmi regolament jippermetti l-kostituzzjoni ta’ post prinċipali tan-negozju wieħed biss u, konsegwentement, il-ħruġ ta’ liċenzja waħda biss, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-post prinċipali tan-negozju. Xorta jibqa’ l-fatt li kumpannija tal-ajru, kif ġustament isostni r-Renju tal-Isvezja fin-nota ta’ intervent tiegħu, tikseb, bl-istabbiliment ta’ diversi persuni ġuridiċi distinti, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ sussidjarji, diversi liċenzji.

27      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni huwa ż-żamma ta’ liċenzja Svediża fl‑1 ta’ Jannar 2020, jiġifieri qabel ir-rikonoxximent tal-pandemija tal-COVID-19. Minn dan neċessarjament jirriżulta, sa fejn il-kisba ta’ liċenzja mill-awtoritajiet Svediżi tippreżupponi l-eżistenza, għal kumpannija tal-ajru, tal-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Isvezja, li dan il-post tan-negozju kien stabbilit hemmhekk sa mhux iktar tard minn ċertu żmien qabel it-tmiem tas-sena 2019, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini ta’ kisba ta’ liċenzja. Konsegwentement, huwa irrilevanti għal-legalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li, kif issostni l-Kummissjoni, kumpannija tal-ajru jkollha l-possibbiltà, bir-trasferiment tal-post prinċipali tan-negozju tagħha, li tikseb liċenzja mingħand Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax issostni, fil-punti 53 u 54 tar-rikors, li, bit-tressiq ta’ tali argument f’ittra tat‑22 ta’ April 2020 li bagħtitilha l-Kummissjoni, li din kellha l-intenzjoni li tippromwovi ebda tellieqa għas-sussidji.

28      Wara dawn il-preċiżjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna intiża b’mod partikolari sabiex tirrimedja disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

29      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni li hija kompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

30      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà, jiġifieri dak taż-żamma ta’ liċenzja Svediża, għandu bħala konsegwenza trattament differenti tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fl-Isvezja, li jistgħu jibbenefikaw minn self iggarantit mill-Istat, minn dawk li għandhom tali post tan-negozju fi Stat Membru ieħor u li joperaw fl-Isvezja, lejn l-Isvezja u mill-Isvezja abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan.

31      Jekk jitqies li, kif issostni r-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, hija pprojbita kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm”. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jinvolvi, minn naħa, li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

32      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar li r-Renju tal-Isvezja bbaża din il-miżura fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata). L-imsemmija skema hija intiża għalhekk sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, kif jirriżulta mill-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkorrispondi għal wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, billi tiżgura l-konnettività tal-Isvezja. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jiżgura, kif jirriżulta mill-punti 8 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji tal-ajru “li għandhom liċenzja Svediża u li huma importanti sabiex jiżguraw il-konnettività fl-Isvezja” ikollhom likwidità suffiċjenti, fejn l-imsemmija kumpanniji tal-ajru “li għandhom rabta mal-Isvezja u għandhom rwol sabiex jiżguraw il-konnettività tagħha” huma ddefiniti, ċertament, miż-żamma ta’ liċenzja Svediża, iżda wkoll, kif isostnu ġustament il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja, mill-fatt li jwettqu titjiriet regolari fl-Isvezja, lejn is-Svezja u mill-Isvezja. Fil-fatt, il-kumpanniji tal-ajru li jwettqu, bħala l-attività prinċipali tagħhom, titjiriet chartered, jiġifieri mhux skedati, ma humiex eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, anki jekk ikollhom liċenzja Svediża.

33      Għandu jiġi kkunsidrat li, peress li l-eżistenza kemm ta’ disturb serju tal-ekonomija Svediża minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll tal-effetti negattivi sinjifikattivi ta’ din tal-aħħar fuq is-settur tal-avjazzjoni fl-Isvezja, u, għaldaqstant, fuq is-servizz tal-ajru fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hija stabbilita suffiċjentement skont il-liġi fid-deċiżjoni kkontestata, l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

35      Għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jikkonsistu fl-għoti ta’ garanzija mill-Istat ta’ natura li tippermetti lill-kumpanniji eliġibbli li jegħlbu l-kriżi ta’ likwidità kkawżata mill-konsegwenzi fuq it-traffiku tal-ajru Svediż tal-pandemija tal-COVID-19 billi jieħdu self mingħand banek. Dan is-self bankarju sostnut mill-garanzija mill-Istat jista’ jiġi sottoskritt għal perijodu massimu ta’ sitt snin (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata). L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet adottata skont il-punt 3.2 tal-Qafas temporanju intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ garanziji fuq is-self”.

36      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-punt 5 tal-Qafas temporanju huwa fformulat kif ġej:

“Il-banek u intermedjarji finanzjarji oħra se jkollhom rwol fundamentali fit-trattament tal-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 billi jżommu l-fluss ta’ kreditu fl-ekonomija miftuħ. Jekk il-fluss tal-kreditu jitliġġem b’mod sever, l-attività ekonomika tonqos drastikament hekk kif l-impriżi jibdew isibuha diffiċli biex iħallsu lill-fornituri u lill-impjegati tagħhom. F’dan l-isfond, ikun xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri biex jinċentivizzaw l-issoktar tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ intermedjarji finanzjarji oħra fir-rwol tagħhom li jkomplu jsostnu l-attività ekonomika fl-UE.”

37      Konsegwentement, ir-Renju tal-Isvezja, billi adotta l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ried jadotta miżura ta’ inċentiv għas-settur bankarju, skont il-punt 5 tal-Qafas temporanju, bil-ħruġ ta’ garanzija mill-Istat għal self ġdid, li seta’ jiġi sottoskritt sal‑31 ta’ Diċembru 2020 (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 58 u 82 tar-rikors, li d-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix in-neċessità li l-għajnuna tiġi allokata abbażi taż-żamma ta’ liċenzja ta’ operat tal-Unjoni maħruġa mill-awtoritajiet Svediżi.

39      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

40      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura xierqa tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li din l-iskema hija riflessa fil-forma ta’ garanziji mill-Istat li jistgħu jippermettu l-għoti ta’ self mill-organi bankarji għal perijodu massimu ta’ sitt snin, huwa normali li l-Istat Membru kkonċernat ifittex li jiżgura preżenza stabbli tal-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-garanzija, sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu preżenti fit-territorju Svediż sabiex jonoraw is-self mogħti, b’tali mod li l-garanzija mill-Istat tiġi invokata l-inqas possibbli. Issa, il-kriterju taż-żamma ta’ liċenzja Svediża, sa fejn jinvolvi l-preżenza tal-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanniji tal-ajru fit-territorju Svediż, jippermetti li tiġi żgurata ċerta stabbiltà tal-preżenza, tal-inqas amministrattiva u finanzjarja, ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jagħtu l-għajnuna jkunu jistgħu jikkontrollaw il-mod kif din l-għajnuna tintuża mill-benefiċjarji, li ma kienx ikun il-każ kieku r-Renju tal-Isvezja kien adotta kriterju ieħor li jippermetti l-eliġibbiltà ta’ kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju Svediż, sempliċement bħala fornituri ta’ servizzi, bħar-rikorrenti, peress li provvista ta’ servizzi tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, tieqaf fi żmien qasir ħafna, jekk mhux saħansitra immedjatament.

41      It-tieni nett, dawn il-modalitajiet ta’ għoti tal-għajnuna jirriflettu l-possibbiltà u l-obbligu, għall-awtoritajiet Svediżi, li jwettqu kontroll finanzjarju tal-benefiċjarji. Issa, tali possibbiltà u tali obbligu jeżistu biss għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, peress li l-awtoritajiet Svediżi biss huma kompetenti sabiex jissorveljaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn tal-aħħar, skont l-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 5 mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1008/2008, kif ġie indikat fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Svediżi ma għandhom l-ebda kompetenza, skont l-imsemmi regolament, sabiex jissorveljaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Svediża.

42      It-tielet nett, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fil-prattika, il-kunċett ta’ post prinċipali tan-negozju jikkorrispondi għal dak tas-sede (ara l-punt 26 iktar ’il fuq) u li bidla tas-sede setgħet issir relattivament bil-ħeffa, għandu jitfakkar li l-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008 jagħmel preċiżjonijiet oħra, b’mod partikolari dik li l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness għandha ssir mill-post prinċipali tan-negozju, jiġifieri, f’dan il-każ, fl-Isvezja. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5 (dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji għall-għoti tal-liċenzji tal-operat), mill-Artikolu 7 (dwar il-prova ta’ rispettabbiltà) jew mill-Artikolu 8 (dwar il-validità tal-liċenzji tal-operat) tar-Regolament Nru 1008/2008. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu obbligi regolatorji reċiproċi bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża u l-awtoritajiet Svediżi u, għalhekk, rabta speċifika u stabbli bejniethom li tissodisfa b’mod xieraq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jeżiġu li l-għajnuna tirrimedja disturb serju fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, it-telf ta’ din ir-rabta mal-Istat Membru kkonċernat li huwa kkostitwit mit-trasferiment tal-post prinċipali tan-negozju lejn Stat Membru ieħor ma jistax jiġi limitat għal sempliċi bidla fis-sede sa fejn, kif ir-rikorrenti stess tosserva fil-punt 54 tar-rikors, il-kumpannija tal-ajru għandha, barra minn hekk, twettaq il-passi amministrattivi kollha ma’ dan l-aħħar Stat sabiex tikseb liċenzja ġdida għall-operat u tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għal dan il-għan, filwaqt li r-rikonoxximent tal-post prinċipali tan-negozju l-ġdid tagħha jikkostitwixxi element wieħed biss.

43      Għalhekk huwa ċert li, billi adotta dan il-kriterju, flimkien ma’ dak tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-kumpanniji tal-ajru li jwettqu titjiriet chartered, ir-Renju tal-Isvezja għamel ħiltu sabiex, essenzjalment, jiżgura l-eżistenza ta’ rabta perenni tal-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-garanzija tiegħu miegħu, riflessa fl-eżistenza ta’ entità ġuridika importanti, jiġifieri l-post prinċipali tan-negozju ta’ dawn tal-aħħar, fit-territorju tiegħu, li ma kinitx tkun teżisti f’dan ir-rigward ma’ kumpanniji li joperaw taħt liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor, sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għas-sorveljanza finanzjarja u r-rispettabbiltà tal-awtoritajiet Svediżi fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008 u fejn tkun nieqsa, fis-sitwazzjoni tagħhom, din ir-rabta reċiproka stabbli u speċifika bejnu u l-kumpanniji li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minnu.

44      Għalhekk, billi tillimita l-benefiċċju tal-għajnuna biss għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, bl-esklużjoni ta’ dawk li joperaw titjiriet chartered, minħabba rabtiet stabbli u reċiproċi li jorbtuhom mal-ekonomija Svediża, is-sistema ta’ għajnuna inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru.

45      Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi żgurata l-konnettività tal-Isvezja, ir-rekwiżit doppju ta’ liċenzja Svediża u tas-servizz ipprovdut lit-territorju Svediż permezz ta’ titjiriet regolari huwa l-aħjar mod li tiġi żgurata n-natura perenni tal-preżenza ta’ kumpannija tal-ajru fl-imsemmi territorju, permezz tal-garanzija, b’din il-liċenzja, li l-post prinċipali tan-negozju ta’ din il-kumpannija jkun jinsab fl-imsemmi territorju u li jkun jista’ jinżamm hemmhekk fid-dawl tar-rotot tal-ajru regolari msemmija iktar ’il fuq. Għalkemm huwa minnu, fit-teorija, kif issostni r-rikorrenti, li l-preżenza tal-post prinċipali tan-negozju ta’ kumpannija tal-ajru fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari ma tikkoinċidix neċessarjament ma’ kummerċ qawwi fl-imsemmi territorju, jidher, minn naħa, li din tikkorrispondi għall-post ta’ teħid tad-deċiżjonijiet amministrattivi u finanzjarji, li huwa partikolarment importanti f’dan il-każ sabiex jiġi żgurat li l-konnettività tal-Isvezja ma tiġix interrotta minn ġurnata għal oħra, u, min-naħa l-oħra, li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli jikkontribwixxu, kumplessivament, b’mod ewlieni għas-servizz regolari pprovdut lill-Isvezja kemm fir-rigward tal-merkanzija kif ukoll tat-trasport tal-passiġġieri, li jikkorrispondi għall-għan li tiġi żgurata l-konnettività tal-Isvezja, indipendentement minn jekk ikunux, minkejja l-argumenti tar-rikorrenti fuq dan is-suġġett, rotot tal-ajru fl-Isvezja, mill-Isvezja jew lejn l-Isvezja.

46      Mill-elementi trażmessi mir-Renju tal-Isvezja waqt in-notifika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li huma mfakkra fil-punt 33 tar-risposta, jirriżulta li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża kienu jiżguraw, fl‑2019, 98 % tat-traffiku intern tal-passiġġieri u 84 % tat-trasport intern tal-merkanzija, li jikkostitwixxi ammont kruċjali fid-dawl tal-portata u tas-sitwazzjoni ġeografika ta’ dan l-Istat Membru. Fir-rigward tas-sehem fit-traffiku tal-ajru ta’ passiġġieri ġewwa l-Unjoni lejn l-Isvezja u mill-Isvezja, dan kien ta’ 49 % fl‑2019 minn operaturi li għandhom liċenzja Svediża. Is-sehem ta’ dawn tal-aħħar fit-traffiku tal-ajru ta’ passiġġieri barra mill-Unjoni lejn l-Isvezja u mill-Isvezja kien, għall-kuntrarju, inqas, jiġifieri 35 % fl‑2019. Billi ħadet inkunsiderazzjoni l-varjetà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni (trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija u ta’ servizz ġewwa u barra t-territorju) u r-rieda li tiġi żgurata rabta fit-tul mat-territorju Svediż, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-awtoritajiet Svediżi, li kien sar kruċjali, peress li, fi tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2020, dan l-Istat kien ikkonstata tnaqqis ta’ madwar 93 % fit-traffiku tal-ajru ta’ passiġġieri fit-tliet ajruporti prinċipali Svediżi.

47      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tibbenefikax lill-impriżi li għandhom liċenzja Svediża u li għandhom bħala attività prinċipali tagħhom it-twettiq ta’ titjiriet chartered, peress li titjiriet mhux skedati ma jistgħux jiggarantixxu l-istess konnettività fiż-żmien tat-territorju Svediż, minħabba li huma mid-definizzjoni tagħhom stess mhux regolari u, konsegwentement, inqas prevedibbli għall-Istat Membru kkonċernat.

48      F’dan ir-rigward, l-argument li r-rikorrenti fil-punt 55 tar-rikors, li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minn Stat Membru ieħor spiss ikunu miżmuma u operati minn ċittadini ta’ Stati Membri minbarra r-Renju tal-Isvezja, l-istess bħalma huma jimpjegaw tali ċittadini, bħar-rikorrenti, ikun, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, ta’ natura purament ċirkustanzjali u ma għandux effett fuq in-neċessità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji stabbiliti minnha, inkluż il-kriterju ta’ liċenzja Svediża. Għandu jingħad ukoll li dan l-argument jista’ faċilment jiġi invokat kontra r-rikorrenti, peress li l-kapital azzjonarju ta’ kumpanniji li għandhom liċenzja Svediża jista’ jappartjeni lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi stabbiliti fi Stati Membri differenti, minbarra r-Renju tal-Isvezja, jew ikunu ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li, peress li l-post prinċipali tan-negozju tagħha jinsab fl-Irlanda, li hija għandha sehem sinjifikattiv mis-suq Svediż ta’ madwar 5 %, hija r-raba’ kumpannija tal-ajru u tiżgura konnettività għall-Isvezja sa mill‑1997, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li l-obbligu sabiex tkun benefiċjarja tal-imsemmija skema li jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Isvezja kien rilevanti sabiex jintlaħaq dan l-għan u tidentifika l-kumpanniji tal-ajru li “[kellhom] rwol sabiex jiżguraw il-konnessjoni tal-Isvezja”. Fil-fatt, b’dan il-mod, ir-rikorrenti tinjora l-għan intiż sabiex jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Svediża u ma tgħid xejn dwar il-fatt li l-konnettività tal-Isvezja ma hijiex biss żgurata mit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, minn naħa, u mit-trasport li ma huwiex intern fl-Isvezja, min-naħa l-oħra, iżda hija wkoll żgurata bit-trasport bl-ajru ta’ merkanzija u permezz tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri interni.

50      Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż l-aspett temporali inerenti għall-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Issa, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti kienet tikkontribwixxi, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema, b’mod tanġibbli għall-konnettività tal-Isvezja, anki jekk din il-kontribuzzjoni kienet, ġeneralment, relattivament limitata, peress li s-sehem tagħha tas-suq fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri fir-rigward tal-Isvezja hija ta’ madwar 5 %, għandu jitfakkar li l-għoti ta’ fondi pubbliċi fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE jippreżupponi li l-għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat, minkejja f’diffikultà serja, tista’ tirrimedja għad-disturb tal-ekonomija tiegħu, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li jistgħu jippermettu l-istabbiliment mill-ġdid tal-imsemmija ekonomija u, b’mod partikolari, jikkontribwixxu għall-konnettività tal-Isvezja, li jirrendi iktar rilevanti l-kriterju ta’ rabta stabbli mat-territorju tal-imsemmi Stat. Filwaqt li jitfakkar li r-riżorsi li jistgħu jiġu allokati mill-Istat Membru kkonċernat ma humiex infiniti u għalhekk għandhom jissodisfaw ċerti prijoritajiet, ma jistax jiġi injorat li l-imsemmi Stat Membru kellu jieħu inkunsiderazzjoni kumpanniji tal-ajru li, għalkemm huma iżgħar mir-rikorrenti, li minħabba f’hekk jittrasportaw inqas passiġġieri u li jkollhom dħul mill-bejgħ inqas, kienu jiffokaw fuq il-provvista tas-servizz intern tat-territorju Svediż, li kien jikkostitwixxi sfida iktar vitali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tat-territorju Svediż u l-perijodu eċċezzjonali kkaratterizzat mill-pandemija. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex għalhekk kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom sehem mis-suq inqas minn tiegħu fis-suq globali tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri mal-Isvezja jkunu eliġibbli għall-imsemmija skema, b’mod partikolari meta tali kumpanniji jkollhom importanza partikolari għall-konnettività ta’ dan il-pajjiż, bħall-kumpanniji tal-ajru iżgħar minnha li joperaw titjiriet b’għan speċifiku, pereżempju mediku jew ta’ sokkors, kif ġie enfasizzat ukoll fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Barra minn hekk, xejn ma kien jiggarantixxi lir-Renju tal-Isvezja li l-kontribuzzjoni għall-konnettività ta’ dan il-pajjiż ta’ kumpannija tal-ajru ffokata fuq it-trasport bl-ajru mhux intern ta’ passiġġieri, li l-post prinċipali tan-negozju tagħha ma kienx jinsab fit-territorju tiegħu, tinżamm wara l-kriżi, jekk jiġi preżunt li ngħatilha l-benefiċċju tal-garanzija mill-Istat. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata, tipprovdi eżempju ta’ dan. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li s-sehem tas-suq tar-rikorrenti ma waqfitx tonqos, minn 11.8 % għal 5 % u li hija kellha l-intenzjoni li tnaqqas il-preżenza fiżika tagħha fit-territorju Svediż, għal bażi waħda biss, f’Göteborg, li, skont il-punt 14 tar-rikors, tinkludi biss ajruplan wieħed. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni.

52      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti tibbaża parti mill-argumenti tagħha fuq l-ipoteżi ta’ skema ta’ għajnuna alternattiva bbażata fuq l-ishma tas-suq rispettivi tal-kumpanniji tal-ajru. Waqt is-seduta, hija indikat ukoll kriterji oħra possibbli, bħan-numru ta’ passiġġieri ttrasportati jew l-itinerarji.

53      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma għandhiex tiddeċiedi b’mod astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati, peress li, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu jesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà adottati, huwa ma huwiex obbligat juri, b’mod konkret, li ebda miżura immaġinabbli oħra, mid-definizzjoni tagħha stess ipotetika, ma tista’ tippermetti li jiġi żgurat l-għan imfittex b’mod aħjar. Meta l-imsemmi Stat Membru ma huwiex suġġett għal tali obbligu, ir-rikorrenti ma tistax titlob lill-Qorti Ġenerali timponi fuq il-Kummissjoni tissostitwixxi ruħha għall-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-kompitu ta’ prospettar normattiv sabiex teżamina kull miżura alternattiva possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet li ġew indikati fil-punti 40 sa 44 iktar ’il fuq, l-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għal kumpanniji mhux stabbiliti fl-Isvezja ma ppermettietx li jintlaħaq l-għan tal-imsemmija skema sa fejn, kif ġie enfasizzat fil-punt 49 iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-Isvezja fit-totalità tagħha, fid-diversità tagħha u fit-tul tagħha ma kienx żgurat bl-adozzjoni tal-kriterji proposti mir-rikorrenti, b’tali mod li huwa ġustament li l-Kummissjoni ma tatx l-approvazzjoni tagħha għalihom.

55      Għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-assenza ta’ natura xierqa u proporzjonata tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Annessi A.3.1 u A.3.2 tar-rikors, li jinkludu rapporti mħejjija mill-esperti tar-rikorrenti, ikkontestata mill-Kummissjoni.

56      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għalhekk approvat skema ta’ għajnuna intiża effettivament sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru u li ma teċċedix, fil-modalitajiet tal-għoti tagħha, dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija skema. Għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, li l-konsegwenzi li l-imsemmija skema twassal għalihom sa fejn l-awtoritajiet Svediżi llimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kumpanniji tal-ajru, minn naħa, li għandhom liċenzja Svediża u, min-naħa l-oħra, li ma għandhomx bħala attività prinċipali l-operat ta’ titjiriet chartered, ma jiksrux l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, minħabba s-sempliċi fatt li tiffavorixxi l-kumpanniji tal-ajru li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju Svediż u li ma għandhomx bħala attività prinċipali l-operat ta’ titjiriet chartered.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti tad-deroga prevista mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

58      Konsegwentement, l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-aħħar żewġ partijiet tal-ewwel motiv, ibbażati fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li din ir-restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata

59      Ir-rikorrenti tfakkar, minn naħa, li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija legali jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, nondiskriminatorja, neċessarja u proporzjonata għall-għan ta’ interess ġenerali mfittex u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u li restrizzjoni ssir inġustifikata jekk waħda biss minnhom ma tkunx issodisfatta. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija qabelxejn diskriminatorja, peress li tittratta lill-kumpanniji tal-ajru b’mod differenti skont l-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja ta’ operat tagħhom tal-Unjoni, filwaqt li l-kumpanniji tal-ajru kollha tal-Unjoni li joperaw fl-Isvezja u li jikkontribwixxu għall-konnettività tagħha għandhom ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Sussegwentement, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma hijiex proporzjonata, peress li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, peress li dan tal-aħħar, li huwa li jippermetti lir-Renju tal-Isvezja jiżgura l-konnettività tiegħu, jista’ jintlaħaq mingħajr ma jippreġudika l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk huwa jibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fl-Isvezja irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja ta’ operat tagħhom tal-Unjoni, sempliċement billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sehem tas-suq rispettiv tagħhom.

60      Fl-aħħar nett, l-għan ta’ interess ġenerali ta’ kumpens tas-settur tal-ajru għat-telf dovut għall-pandemija tal-COVID-19, sabiex tiġi ppreżervata l-konnettività tal-Isvezja, ma jagħmilx neċessarju li jiġu megħjuna biss il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża peress li l-kumpanniji tal-ajru li joperaw fl-Isvezja abbażi ta’ liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor huma daqstant importanti għal dan il-għan. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru nazzjonali jiġu megħjuna jwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u l-eliminazzjoni tal-kompetituri tal-Istati Membri l-oħra, idgħajjef il-kompetizzjoni, jaggrava d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, iwassal sabiex tiġi ppreġudikata l-istruttura tas-settur tal-ajru li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża li tipproteġi u jirrestrinġi d-drittijiet tat-trasportaturi tal-Unjoni li jipprovdu liberament servizzi ta’ trasport bl-ajru fi ħdan is-suq intern irrispettivament mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja tagħhom.

61      Preliminarjament, għandu jsir riferiment, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ta’ assenza ta’ proporzjonalità li tikkaratterizza lil din tal-aħħar, għall-eżami tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv.

62      Skont l-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għalhekk suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema legali partikolari (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-trasport bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

63      Huwa għalhekk biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 1008/2008 abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tallega ebda ksur ta’ dan ir-regolament.

64      Fi kwalunkwe każ, għalkemm huwa minnu li, minħabba d-definizzjoni tal-kopertura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti hija mċaħħda mill-aċċess għal self li jibbenefika mill-garanzija mill-Istat mogħtija mir-Renju tal-Isvezja, hija ma tistabbilixxix kif din l-esklużjoni hija ta’ natura li tiddiswadiha milli tipprovdi servizzi mill-Isvezja u lejn l-Isvezja, filwaqt li fuq kollox jirriżulta mill-atti tal-proċess li, indipendentement mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u sempliċement għal raġunijiet kummerċjali, ir-rikorrenti naqset gradwalment l-attività tagħha fis-suq Svediż kemm fir-rigward tad-destinazzjonijiet moqdija kif ukoll tan-numru ta’ ajruplani preżenti (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jagħmlu li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ebda parti tal-ewwel motiv ma tista’ tintlaqa’ u, għaldaqstant, li l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ bbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta

66      Ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 94 sa 102 tar-rikors, li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha, meta hija teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, li tibbilanċja l-effetti pożittivi mistennija minnha f’termini tat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u għalhekk motiv suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tikkonfuta dan l-argument, sostnut mir-Repubblika Franċiża. Ir-Renju tal-Isvezja jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argumenti tal-Kummissjoni.

67      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE: “[j]istgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern […] għajnuna maħsuba sabiex […] tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awturi tagħha kkunsidraw li kien fl-interess tal-Unjoni sħiħ li wieħed jew l-ieħor mill-Istati Membri tagħha jkun f’pożizzjoni li jegħleb kriżi kbira, jew saħansitra eżistenzjali, li seta’ biss ikollu konsegwenzi serji fuq l-ekonomija tal-Istati Membri l-oħra kollha jew parti minnhom, u għalhekk fuq l-Unjoni bħala tali. Din l-interpretazzjoni testwali tal-kliem tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE hija kkonfermata mill-paragun tiegħu mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jikkonċerna “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tinkludi kundizzjoni, relatata mal-wiri ta’ assenza ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni, li ma jidhirx fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39).

68      Għalhekk, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE jkunu ssodisfatti, jiġifieri, f’dan il-każ, li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament ikkonfrontat b’disturb serju tal-ekonomija tiegħu u l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jiġi rrimedjat dan id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati, l-imsemmija miżuri huma preżunti li jiġu adottati fl-interess tal-Unjoni, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ minn din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fi kliem ieħor, tali bbilanċjar ma jkunx iġġustifikat fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li r-riżultat tiegħu huwa preżunt pożittiv. Il-fatt li Stat Membru jirnexxielu jirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija tiegħu jista’ biss jibbenefika lill-Unjoni b’mod ġenerali u b’mod partikolari lis-suq intern.

69      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa previst mill-Artikolu 107(3)(c) TFUE, iżda biss li hija tivverifika jekk il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-obbligu ta’ bbilanċjar jirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-għajnuna kompatibbli, inkluża dik iddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għall-istess raġunijiet, hija ma tistax tinvoka s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il-Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563, punti 210 sa 214), sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fiha l-konsegwenzi tad-differenza fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 107(3)(b) u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39).

70      Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka n-natura obbligatorja ta’ bbilanċjar abbażi tal-Qafas temporanju, bl-argument li dan jorbot lill-Kummissjoni u jipprovdi għal bażi oħra li hija distinta mill-obbligu ta’ din tal-aħħar f’dan ir-rigward, peress li tali obbligu ma jinsabx fil-Qafas temporanju. B’mod partikolari, il-punt 1.2 tal-imsemmi qafas li hija tirreferi għalih, dwar “[i]l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni Ewropea eqreb tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna” fiha paragrafu wieħed biss, il-punt 10, li ma jinkludi l-ebda provvediment f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvokah.

71      Għall-istess raġunijiet, l-argument tal-Kummissjoni, ippreżentat sussidjarjament, li abbażi tiegħu l-Qafas temporanju jinkludi tali bbilanċjar, jista’ biss jiġi miċħud.

72      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

73      Insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta b’obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u li ksur ta’ dan l-obbligu jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiżvela “b’mod ċar u inekwivoku” r-raġunament segwit sabiex tiġi adottata l-miżura inkwistjoni, b’tali mod li kemm il-partijiet ikkonċernati kif ukoll il-qorti kompetenti tal-Unjoni jinkludu r-raġunijiet li għalihom l-att ikkontestat ġie adottat. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar importanti f’dan il-każ peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tagħti lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw l-argumenti tagħhom.

74      Issa, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, l-ewwel nett, billi ma evalwatx jekk l-għajnuna kinitx nondiskriminatorja u kinitx tosserva l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; it-tieni nett, billi ma wettqitx, lanqas fil-qosor, ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna u, it-tielet nett, billi ma evalwatx, lanqas fil-qosor, l-effett tal-għajnuna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

75      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni naqset ukoll mill-obbligu tagħha li tipprovdi motivazzjoni adegwata. Fil-fatt, ir-riferiment magħmul minnha għall-għanijiet iddikjarati tal-għajnuna jinkludi bidliet semantiċi sinjifikattivi fir-rigward tal-għanijiet tal-għajnuna li huma deskritti, fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala li jiġi żgurat li l-kumpanniji tal-ajru “li għandhom liċenzja Svediża u li huma importanti sabiex jiżguraw il-konnettività tal-Isvezja” ikollhom biżżejjed likwidità u, fil-punt 43 tal-imsemmija deċiżjoni, bħala li jidentifikaw il-kumpanniji tal-ajru “li għandhom rabta mal-Isvezja u li għandhom rwol sabiex jiżguraw il-konnettività tagħha, skont l-għan tal-miżura nnotifikata”. Issa, il-formulazzjoni użata hija ambigwa u la tippermetti lill-persuni kkonċernati, u lanqas lill-Qorti Ġenerali jifhmu liema kien l-għan tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, minbarra dak li teskludi mill-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat tal-Unjoni maħruġa minn Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja.

76      Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda. Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jirreferu għar-risposta f’dan ir-rigward.

77      L-ewwel nett, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtiega mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-kuntest huwa f’dan il-każ dak ta’ pandemija u ta’ urġenza estrema li fiha l-Kummissjoni, qabel kollox, adottat il-Qafas temporanju, li tipprovdi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-impriżi milquta mill-konsegwenzi tal-imsemmija pandemija ċertu numru ta’ indikazzjonijiet, sussegwentement, eżaminat il-miżuri li kienu nnotifikawlha l-imsemmija Stati, b’mod partikolari b’applikazzjoni ta’ dan il-qafas, u, fl-aħħar nett, adottat id-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn tal-aħħar, fosthom id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, mill-punti 1 u 2 iktar ’il fuq jirriżulta li għaddew biss tmint ijiem bejn in-notifika tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

78      Issa, minkejja tali ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi 44 punt u tippermetti, b’mod ġenerali, li jinftiehmu l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-diverġenzi minuri fil-formulazzjoni kkonstatati fil-punti 8 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriflettux konfużjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li, essenzjalment, għandha tinftiehem bħala ż-żamma tal-konnettività tal-Isvezja permezz tal-ajru, kemm jekk dawn ikunu rotot tal-ajru fl-Isvezja, mill-Isvezja jew lejn l-Isvezja (ara l-punti 45 u 49 iktar ’il fuq).

79      It-tieni nett, fir-rigward tal-assenza ta’ motivazzjoni dwar l-ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, mill-punt 69 iktar ’il fuq jirriżulta li tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex tippreżenta motivi f’dan ir-rigward.

80      It-tielet nett, kif issostni l-Kummissjoni, il-punti 6 sa 8, 15, 17, 27, 41 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata juru r-raġunijiet tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, esponiet, għalkemm fil-qosor, fir-rigward tal-urġenza, ir-raġunijiet li għalihom l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, b’mod partikolari, kif il-kriterji ta’ eliġibbiltà, fosthom dak taż-żamma fl‑1 ta’ Jannar 2020 ta’ liċenzja Svediża, kienu neċessarji, xierqa u proporzjonati, hija ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni.

81      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali dderivati mill-Artikolu 108(2) TFUE

82      It-tielet motiv, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni minkejja l-eżistenza allegata ta’ dubji serji, għandu, fir-realtà, natura sussidjarja, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat l-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti lil parti kkonċernata li tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li nkella kien ikun rrifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel żewġ motivi tar-rikors, relatati mal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

83      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, biss motivi ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew mhux kompluta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li t-tielet motiv jirriproduċi b’mod konċiż l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv mingħajr ma juri elementi speċifiċi dwar eventwali diffikultajiet serji.

84      Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

85      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fil-mertu kollu kemm hu, filwaqt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti tingħata l-benefiċċju tat-trattament kunfidenzjali mitlub, peress li r-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja ma qajmu ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

87      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.