Language of document : ECLI:EU:C:2023:542

Kawża C8/22

XXX

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat fl-aħħar istanza għal delitt partikolarment serju – Theddida għas-soċjetà – Test tal-proporzjonalità”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Revoka ta’, tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat – Theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti – Theddida stabbilita biss mill-fatt li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata fl-aħħar istanza għal reat partikolarment serju – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, premessa 12 u Artikoli 1, 12(2)(b), 13, 14(4)(a) u (b), 17(1)(b) u (d), u 21(2)(b))

(ara l-punti 30 sa 33, 37 sa 45, id-dispożittiv 1)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti – Theddida gravi ta’ natura reali, attwali u suffiċjentement gravi – Obbligu tal-awtorità kompetenti li twettaq evalwazzjoni tal-fatti kollha relatati ma’ każ individwali – Revoka ta’ status ta’ refuġjat għandha tkun miżura proporzjonata mat-theddida – Kriterji ta’ evalwazzjoni

Artikolu 78(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 18; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 2(d), 12(2)(b), 14(4)(b) u 6, 21(2), 23(4), 24(1), u 25, u 2013/32, Artikolu 45(3))

(ara l-punti 48 sa 50, 52 sa 71, id-dispożittiv 2)

Sunt

Fil-kuntest tal-kawża Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑663/21), f’Diċembru 2015, AA ngħata l-istatus ta’ refuġjat fl-Awstrija. Bejn Marzu 2018 u Ottubru 2020, huwa ġie kkundannat diversi drabi għal pieni ta’ priġunerija u sabiex iħallas multa għal diversi reati li jinkludu b’mod partikolari dawk ta’ theddida perikoluża, ta’ qerda jew ta’ degradazzjoni tal-proprjetà ta’ ħaddieħor, ta’ manipulazzjoni pprojbita ta’ drogi, ta’ traffikar ta’ drogi, ta’ offiżi fuq il-persuna kif ukoll ta’ aġir aggressiv lejn uffiċjal inkarigat mill-kontroll pubbliku.

Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Settembru 2019, l-awtorità kompetenti Awstrijaka rtirat l-istatus ta’ refuġjat lil AA, ħadet deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ residenza fil-konfront tiegħu u stabbilixxiet terminu ta’ tluq volontarju, filwaqt li ddikjarat li t-tneħħija tiegħu ma kinitx awtorizzata.

Wara rikors ippreżentat minn AA, permezz ta’ sentenza adottata f’Mejju 2021, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) annullat id-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq ta’ Settembru 2019. Din il-qorti kkonstatat li AA kien ġie kkundannat fl-aħħar istanza talli wettaq delitt partikolarment serju u li kien jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà. Madankollu, hija qieset li kellhom jiġu bbilanċjati l-interessi tal-Istat Membru ospitanti u dawk tal-persuna kkonċernata sabiex tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri li għalihom ikun espost fil-każ ta’ revoka ta’ din il-protezzjoni. Issa, peress li AA jkun espost, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għal riskju ta’ tortura jew ta’ mewt, l-imsemmija qorti qieset li l-interessi tiegħu kienu jipprevalu fuq dawk tal-Awstrija. L-awtorità kompetenti Awstrijaka ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

Fil-kuntest tal-kawża Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑8/22), fi Frar 2007, XXX ingħata l-istatus ta’ refuġjat fil-Belġju. Permezz ta’ sentenza mogħtija f’Diċembru 2010, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ 25 sena, b’mod partikolari, għal serq bi vjolenza ta’ diversi oġġetti mobbli u omiċidju volontarju sabiex jiġi ffaċilitat dan is-serq jew sabiex tiġi żgurata l-impunità tiegħu.

Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Mejju 2016, l-awtorità kompetenti Belġjana rtiratlu l-istatus ta’ refuġjat. XXX ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) li, permezz ta’ sentenza mogħtija f’Awwissu 2019, ċaħdu. Din il-qorti qieset li l-perikolu li XXX jirrappreżenta għas-soċjetà jirriżulta mill-kundanna tiegħu għal reat partikolarment serju, b’tali mod li l-imsemmija awtorità ma kellhiex l-obbligu li turi li dan jikkostitwixxi perikolu reali, attwali u suffiċjentement serju għas-soċjetà. Għall-kuntrarju, huwa dan tal-aħħar li kellu jistabbilixxi li, minkejja din il-kundanna, huwa ma għadux jikkostitwixxi tali perikolu. XXX ippreżenta appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (il-Belġju).

Fil-kuntest tal-kawża Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reat partikolarment gravi) (C‑402/22), f’Lulju 2018, M.A. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-awtorità kompetenti Olandiża ċaħdet din l-applikazzjoni f’Ġunju 2020, minħabba li l-applikant kien ġie kkundannat, matul is-sena 2018, għal piena ta’ priġunerija ta’ 24 xahar talli, matul l-istess lejl, wettaq tliet attentati vjolenti għall-pudur, tentattiv ta’ attentat vjolenti għall-pudur u serq ta’ telefon ċellulari.

Wara rikors ippreżentat minn M.A., id-deċiżjoni ta’ Ġunju 2020 ġiet annullata minn qorti tal-ewwel istanza minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. L-awtorità Olandiża appellat minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Hija ssostni, minn naħa, li l-fatti li bihom huwa akkużat M.A. għandhom jitqiesu bħala ksur uniku li jikkostitwixxi delitt partikolarment serju u, min-naħa l-oħra, li l-kundanna għal delitt partikolarment serju turi, bħala prinċipju, li M.A. jirrappreżenta theddida għas-soċjetà.

F’dawn it-tliet kawżi, il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95(1), kif ukoll dwar l-ibbilanċjar, f’dan il-kuntest, tal-interessi tal-Istat Membru ospitanti u ta’ dawk tal-persuna kkonċernata li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

Permezz ta’ dawn it-tliet sentenzi mogħtija fl-istess jum, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi, billi tippreċiża, minn naħa, il-kunċetti ta’ “delitt partikolarment serju” u ta’ “theddida għas-soċjetà”, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-portata tal-kontroll tal-proporzjonalità li għandu jitwettaq f’dan il-kuntest. Hija tispjega wkoll ir-relazzjoni bejn ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, qabelxejn, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 hija suġġetta għall-issodisfar ta’ żewġ kundizzjonijiet distinti li jirrigwardaw, minn naħa, li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ikun ġie kkundannat fl-aħħar istanza għal delitt partikolarment serju u, min-naħa l-oħra, li jkun ġie stabbilit li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li jinsab fih. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-fatt li l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet hija ssodisfatta huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-tieni waħda hija ssodisfatta wkoll. Tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tagħha kif ukoll mill-paragun tagħha ma’ dawk tal-Artikolu 12(2)(b)(2) u tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/95(3).

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu, il-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju” għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Minn naħa, konformement mas-sens abitwali tiegħu, it-terminu “delitt” jikkaratterizza, f’dan il-kuntest, att jew omissjoni li jikkostitwixxu ksur serju tal-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata u li huwa, minħabba f’hekk, issanzjonat kriminalment bħala tali fi ħdan din is-soċjetà. Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “partikolarment gravi”, sa fejn iżżid żewġ kwalifiki ma’ dan il-kunċett ta’ “delitt”, tirreferi għal delitt li għandu gravità eċċezzjonali.

Fir-rigward tal-kuntest li fih jintużaw it-termini “delitt partikolarment serju”, minn naħa, hemm lok, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95, li jirreferi għal “delitt serju mhux politiku”, u għall-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għal “delitt serju”, peress li dawn l-artikoli għandhom ukoll l-għan li jċaħħdu mill-protezzjoni internazzjonali ċittadin ta’ pajjiż terz li wettaq delitt li jippreżenta ċertu livell ta’ gravità. Min-naħa l-oħra, mill-paragun tal-Artikoli 12, 14, 17 u 21 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona rekwiżiti differenti fir-rigward tal-livell ta’ gravità tad-delitti li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ kawża ta’ esklużjoni jew ta’ revoka tal-protezzjoni internazzjonali jew ir-refoulement ta’ refuġjat. B’hekk, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2011/95 isemmi t-twettiq ta’ “delitt wieħed jew iktar” u l-Artikolu 12(2)(b) u l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva jirreferu għat-twettiq ta’ “delitt serju”. Minn dan jirriżulta li l-użu, fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, tal-espressjoni “delitt partikolarment serju” juri l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għas-sodisfazzjon, b’mod partikolari, ta’ kundizzjoni partikolarment rigoruża, marbuta mal-eżistenza ta’ kundanna definittiva għal reat li jippreżenta gravità eċċezzjonali, superjuri għal dik tad-delitti li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ta’ din id-direttiva.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ gravità ta’ reat fid-dawl tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, din għandha, ċertament, issir abbażi ta’ standard u ta’ kriterji komuni. Madankollu, sa fejn id-dritt kriminali tal-Istati Membri ma huwiex is-suġġett ta’ miżuri ġenerali ta’ armonizzazzjoni, hija għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għażliet magħmula, fil-kuntest tas-sistema kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-delitti li jippreżentaw, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, gravità eċċezzjonali, sa fejn dawn jippreġudikaw l-iktar l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà.

Fi kwalunkwe każ, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għal kundanna definittiva għal “delitt partikolarment serju” fis-singular, il-grad ta’ gravità ta’ delitt ma jistax jintlaħaq permezz ta’ kumulu ta’ reati distinti li l-ebda wieħed minnhom ma jikkostitwixxi, bħala tali, delitt partikolarment serju.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ gravità ta’ tali delitt, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward għandhom rilevanza sinjifikattiva b’mod partikolari l-motivi tad-deċiżjoni ta’ kundanna, in-natura kif ukoll il-quantum tal-piena inflitta u tal-piena mogħtija, in-natura tad-delitt imwettaq, iċ-ċirkustanzi kollha relatati mat-twettiq ta’ dan id-delitt, in-natura intenzjonali jew le ta’ dan id-delitt, kif ukoll in-natura u l-portata tad-danni li huwa kkawża.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, marbuta mal-fatt li jkun ġie stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, li miżura msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 tista’ tiġi adottata biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, b’mod partikolari, li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din hija applikabbli biss meta dan iċ-ċittadin “jikkostitwixxi” theddida għas-soċjetà, fatt li jindika li din it-theddida għandha tkun reali u attwali. Għaldaqstant, iktar ma tittieħed deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni fi żmien imbiegħed mill-kundanna definittiva għal delitt partikolarment serju, iktar hija l-awtorità kompetenti li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-iżviluppi li seħħew wara t-twettiq ta’ tali delitt, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix theddida reali u suffiċjentement serja fil-ġurnata li fiha hija għandha tiddeċiedi dwar l-eventwali revoka tal-istatus ta’ refuġjat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha wkoll, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li minn paragun ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 mal-Artikolu 14(4)(b) tagħha jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet rigorużi.

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tal-awtorità kompetenti u taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tat-theddida, hija l-awtorità kompetenti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 li għandha twettaq, għal kull każ individwali, evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ. F’dan il-kuntest, din l-awtorità għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha u għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn il-fatti, sabiex tiddetermina s-sens tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll timmotivaha b’mod komplet.

Fl-aħħar lok, il-fakultà tal-Istat Membru li jadotta l-miżura prevista fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi eżerċitata b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika bbilanċjar, minn naħa, tat-theddida li jikkostitwixxi ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għas-soċjetà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet li għandhom jiġu ggarantiti lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tivverifika l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet iggarantiti lir-refuġjati u lid-drittijiet fundamentali li jkunu daqstant effikaċi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

Madankollu, meta tadotta tali miżura, l-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata, barra minn hekk, li tivverifika li l-interess pubbliku marbut mar-ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jipprevali fuq l-interess tal-istess ċittadin għaż-żamma tal-protezzjoni internazzjonali, fir-rigward tal-portata u tan-natura tal-miżuri li jkun espost għalihom fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Fil-fatt, il-konsegwenzi, għaċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jew għall-kumpannija tal-Istat Membru li fih jinsab dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ eventwali ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu huma intiżi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat, iżda, jekk ikun il-każ, meta l-awtorità kompetenti tipprevedi li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jikkorrispondi parzjalment għall-kawżi ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève(4). Għaldaqstant, sa fejn l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprevedi, fil-każijiet imsemmija fiha, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat, meta t-tieni waħda tippermetti r-refoulement ta’ refuġjat li jkun jinsab f’wieħed minn dawn il-każijiet lejn pajjiż fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu huma mhedda, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati kkonċernati iktar wiesgħa minn dik żgurata mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Konsegwentement, konformement mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tkun intitolata tirrevoka, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-istatus ta’ refuġjat mogħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr madankollu ma tkun neċessarjament awtorizzata li tneħħih lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Barra minn hekk, fuq livell proċedurali, tali tneħħija tippreżupponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fl-osservanza tal-garanziji materjali u proċedurali previsti mid-Direttiva 2008/115(5), li tipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 tagħha, li l-Istati Membri huma obbligati, meta jimplementaw din id-direttiva, li josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement. Għaldaqstant, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95, ma tistax titqies li timplika teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni distinta dwar jekk din il-persuna tistax titneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta jiġi stabbilit li t-tneħħija tiegħu lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst hija, skont il-prinċipju ta’ non-refoulement, eskluża għal żmien indeterminat.


1      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). L-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[l-]Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta [...] hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru”.


2      L-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi espressament li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta huwa jkun wettaq delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel ma jiġi ammess bħala refuġjat, mingħajr ma jeżiġi bl-ebda mod li dan jirrappreżenta theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab.


3      L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/95, dwar l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja, li tista’ toffri protezzjoni iktar limitata mill-istatus ta’ refuġjat, jirreferi, fil-punt (b) tiegħu, għat-twettiq ta’ delitt serju u, fil-punt (d) tiegħu, għall-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà, fejn dawn l-elementi huma espressament ippreżentati bħala kundizzjonijiet alternattivi li jimplikaw, kull waħda minnhom, meħuda waħedha, l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja.


4      L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jistipula: “1. Ebda wieħed mill-Istati Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’), bi kwalunkwe mod, refuġjat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu tkun mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu. “2. Madankollu, il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi invokat minn refuġjat li fir-rigward tiegħu jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li huwa perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn ikun jinsab jew li, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi theddida għall-komunità tal-imsemmi pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


5      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).