Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2024 – DR u DS vs EIOPA

(Kawża T-182/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: DR u DS (rappreżentant: N. Flandin, avukat)

Konvenut: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli;

tiddikjara dan ir-rikors fondat sa fejn:

il-konvenuta wettqet ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi, u b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE; 1

ir-rikorrenti ġarrbu dannu morali;

id-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti jirriżulta b’mod dirett mill-illegalitajiet imsemmija iktar ’il fuq;

konsegwentement :

tordna l-kumpens għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 340 TFUE huma ssodisfatti u għandha tiġi invokata r-responsabbiltà tal-konvenuta.

F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni – l-aġir illegali tal-konvenuta fl-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrenti:

–    ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta u tal-Artikolu 4(1)(a), tal-Artikolu 14 u tal-Artikolu 15(1)(c), (d) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – ksur tal-prinċipju ta’ pproċessar ta’ data personali b’mod legali, ġust u trasparenti;

–    ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta u tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – ksur tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data;

–    ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta u tal-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – ksur tal-prinċipju ta’ sigurtà tad-data personali;

–    ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u insuffiċjenza ta’ motivazzjoni pprovduta mill-konvenuta;

–    ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta – ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni – id-dannu: ir-rikorrenti ġarrbu dannu morali.

F’dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni – ir-rabta kawżali: id-dannu morali jirriżulta b’mod dirett mill-ipproċessar illegali tad-data tar-rikorrenti min-naħa tal-konvenuta.

____________

1 ĠU 2018, L 295, p. 39.