Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fl24 ta’ Lulju 2023 – Umweltforum Osnabrücker Land eV vs Landkreis Osnabrück

(Kawża C-461/23, Umweltforum Osnabrücker Land)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Umweltforum Osnabrücker Land eV.

Konvenut: Landkreis Osnabrück

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42/KE tas27 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”) , flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”) , għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet kollha f’att leġiżlattiv, li permezz tiegħu Stat Membru jindika sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jitqiesu li huma direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tas-sit, indipendentement mill-kontenut regolatorju tagħhom, bil-konsegwenza li l-att leġiżlattiv, bħala pjan, ma huwiex suġġett għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva SEA flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jew hemm lok li jiġi adottat approċċ differenzjat skont il-kontenut tad-dispożizzjonijiet individwali, b’mod li dispożizzjonijiet individwali ta’ tali att bħala pjan (jew parti minn pjan) ikollhom jitqiesu li huma direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tas-sit u dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-att ma jitqiesux hekk bħala pjan (jew parti minn pjan)?1

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda jkollha t-tieni tifsira: l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva SEA, flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni individwali f’att leġiżlattiv ta’ Stat Membru li tindika sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, u li tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni u li timponi obbligi u projbizzjonijiet għandha titqies bħala pjan (jew parti minn pjan) li ma huwiex direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit, meta din id-dispożizzjoni, billi tiddefinixxi kriterji u modalitajiet konkreti, teskludi ċerti attivitajiet implimentati f’dan is-sit mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u tal-projbizzjonijiet stabbiliti kif ukoll meta dawn l-attivitajiet ma jservux direttament sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni, iżda għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ manteniment intiżi għal finijiet oħra u li għandhom in-natura ta’ proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva SEA, flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-okkorrenza ta’ effett sinjifikattiv fuq is-sit ma tistax titqies li hija eskluża fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni bħal dik deskritta fit-tieni domanda, li tkun tinsab f’att leġiżlattiv li jindika sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitats, li tistabbilixxi b’mod suffiċjentement speċifiku l-kriterji u l-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet, li għandhom in-natura ta’ proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, meta d-dritt nazzjonali ma jkun jipprevedi ebda rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għal dawn l-attivitajiet u meta l-awtorità kompetenti, minħabba l-imsemmija dispożizzjoni fl-att leġiżlattiv, ukoll ma tipprevedix notifika minn qabel u evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett każ b’każ skont Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jew inkella twettaq evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett każ b’każ u, f’dan il-kuntest, tevalwa l-effetti tal-proġett fid-dawl tal-osservanza tal-kriterji u tal-modalitajiet stabbiliti mid-dispożizzjoni deskritta fit-tieni domanda?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva SEA, flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hemmx riskju ta’ okkorrenza ta’ effett sinjifikattiv fuq is-sit fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni bħal dik deskritta fit-tieni domanda, li tkun tinsab f’att leġiżlattiv li jindika sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitats, jekk l-attivitajiet koperti minn tali dispożizzjoni, bħala regola ġenerali, diġà jkun ilhom żmien twil li twettqu u, fi kwalunkwe każ, abbażi tal-kriterji u tal-modalitajiet għall-eżerċizzju tagħhom stabbiliti fid-dispożizzjoni, ebda intensifikazzjoni jew estensjoni ta’ dawn l-attivitajiet fuq is-sit ma tkun possibbli?

Jekk, abbażi tar-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti, għandu jitqies li, minħabba l-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet individwali ta’ att leġiżlattiv li jindikaw sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, għandha titwettaq evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva SEA, flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats: l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva SEA għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-indikazzjoni tas-sit għandha titqies li tiddetermina l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali, awtorità nazzjonali għandha, minħabba li s-sit ikun diġà ġie kklassifikat bħala sit ta’ importanza Komunitarja fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, bħala regola ġenerali tippreżumi li l-indikazzjoni bħala żona ta’ konservazzjoni jista’ jkollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent?

Jekk, abbażi tar-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti, għandu jitqies li, minħabba l-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet individwali ta’ att leġiżlattiv li jindikaw sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, għandha titwettaq evalwazzjoni ambjentali: l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva SEA, flimkien mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss dawn id-dispożizzjonijiet individwali li għandhom ikunu suġġett għal evalwazzjoni ambjentali jew tali evalwazzjoni ambjentali għandha tikkonċerna l-kontenut kollu tal-att leġiżlattiv?

Jekk, abbażi tar-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti, għandu jitqies li, minħabba l-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet individwali ta’ att leġiżlattiv li jindikaw sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, għandha titwettaq evalwazzjoni ambjentali: l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA, li jipprovdi li l-evalwazzjoni ambjentali prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva għandha titwettaq waqt il-preparazzjoni ta’ pjan jew ta’ partijiet minn pjan u qabel l-adozzjoni tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas li titwettaq tali evalwazzjoni ambjentali ta’ pjan jew ta’ partijiet minn pjan ma tistax tiġi rrimedjata sussegwentement permezz ta’ proċedura supplimentari wara li jkunu ġew adottati l-pjan jew il-partijiet minn pjan, b’mod li jiġi rrettifikat a posteriori żball proċedurali tan-nuqqas li ssir evalwazzjoni ambjentali?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.