Language of document : ECLI:EU:C:2019:459

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl‑4 ta’ Ġunju 2019 (1)

Kawżi magħquda C609/17 u C610/17

Terveys ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry

vs

Hyvinvointialan liitto ry (C609/17),

fil-preżenza ta’:

Fimlab Laboratoriot Oy

u

Auto ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry

vs

Satamaoperaattorit ry (C610/17)

fil-preżenza ta’:

Kemi Shipping Oy

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(1) – Dritt għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat – Artikolu 15 – Dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiem bil-leave tal-mard matul il-perijodu tal-leave annwali – Rifjut ta’ trasferiment ta’ leave annwali meta l-assenza ta’ trasferiment ma tirriżultax fi tnaqqis tat-tul tal-leave annwali għal inqas minn erba’ ġimgħat – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Applikabbiltà – Sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni – Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3).

2.        Dawn it-talbiet ġew imressqa fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fil-kawża TSN (C‑609/17), it-Terveys‑ ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry (is-Sindakat tas-Settur tas-Saħħa u dak Soċjali, il-Finlandja) (4) u t-Terveyspalvelualan liitto ry (li saret il-Hyvinvointialan liitto ry (is-Sindakat tas-Settur għas-Servizzi tas-Saħħa, il-Finlandja)), u Fiimlab Laboratiot Oy, u, fil-kawża AKT (C‑610/17), l-Auto‑ ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry (l-Assoċjazzjoni għall-Ħaddiema fil-Qasam tal-Karozzi u tat-Trasport, il-Finlandja) (5) u Satamaoperaattorit ry (is-Sindakat għall-Operaturi Portwali, il-Finlandja) u Kemi Shipping Oy, fejn ġie rrifjutat li żewġ ħaddiema li kienu morda matul perijodu ta’ leave annwali mħallas jiġu permessi jittrasferixxu l-leave affettwat fir-rigward tal-ġranet kollha tal-leave tal-mard jew parti minnhom. Il-karatteristika partikolari ta’ dawn it-talbiet hija li l-koinċidenza bejn il-ġranet ta’ leave annwali mħallas u l-ġranet ta’ leave tal-mard tirrigwarda perijodu li jmur lil hinn mit-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat ta’ leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

3.        Il-kwistjoni relatata mal-invokabbiltà diretta tal-Artikolu 31(2) tal-Karta f’tilwima bejn individwi wasslet għal żvilupp sinjifikattiv fis-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (6), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (7). Skont “loġika ta’ kumpens” (8) li tippermetti li jingħata kumpens għall-assenza ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi rrikonoxxiet l-invokabbiltà diretta tal-Artikolu 31(2) tal-Karta f’tilwima bejn individwi, saħħet l-effettività tad-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dawn is-sentenzi, din l-invokabbiltà orizzontali tista’, madankollu, isseħħ biss fis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Għad irid ikun hemm qbil dwar it-tifsira li għandha tingħata lil din l-aħħar espressjoni.

4.        Il-problema li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda taffaċċja f’dawn il-kawżi hija sabiex tippreċiża l-portata tal-Artikolu 31(2) tal-Karta f’sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jiddeċiedu li jagħtu lill-ħaddiema leave annwali mħallas li jmur lil hinn mit-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat previst mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u jissuġġettaw dan il-leave addizzjonali għal sistema differenti minn dik applikabbli għall-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat.

5.        Għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-miżuri ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u għalhekk minn dak tal-Karta, bil-konsegwenza li, għaldaqstant, la l-Artikolu 31(2) tal-Karta u lanqas xi dispożizzjoni tagħha ma huma applikabbli għal dan it-tip ta’ sitwazzjoni? Jew pjuttost għandu jitqies li dawn il-miżuri, li ġew adottati konformement mal-klawżola ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa li tinsab fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk dak tal-Karta, bil-konsegwenza li kemm l-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tagħha, għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala applikabbli għal dan it-tip ta’ sitwazzjoni?

6.        Għalhekk, dawn il-kawżi, sa fejn huma relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, jirrigwardaw il-problema tal-ekwilibriju kostituzzjonali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (9). Fil-fatt, dawn il-kawżi ser jippermettu, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk il-kriterju tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, li jinsab fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, jiġix issodisfatt meta dawn tal-aħħar jadottaw – jew jippermettu lill-imsieħba soċjali jadottaw – miżuri ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nieħu pożizzjoni favur l-applikabbiltà tal-Karta f’sitwazzjonijiet fejn dawn il-miżuri jidħlu inkwistjoni. Dan iwassalni sabiex neżamina l-kontenut regolatorju tal-Artikolu 31(2) tal-Karta u nippreċiża r-relazzjoni li din l-aħħar dispożizzjoni għandha mad-dritt sekondarju tal-Unjoni, f’dan il-każ mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

8.        B’mod partikolari, dan iwassalni sabiex, l-ewwel nett, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehimiet kollettivi li jipprovdu li l-ġranet ta’ leave annwali mħallas li jmorru lil hinn mill-minimu ta’ erba’ ġimgħat, previst minn din id-dispożizzjoni, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ trasferiment fil-każ ta’ koinċidenza mal-ġranet ta’ leave tal-mard.

9.        It-tieni nett, ser nippreżenta r-raġunijiet għaliex nikkunsidra li l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jibdilx din is-soluzzjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, għalkemm huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi, ma għandhiex l-effett li tagħti lill-ħaddiema dritt għal leave annwali mħallas li jmur lil hinn mit-tul minimu kif speċifikat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fl-istess ħin, ser nenfasizza l-fatt li, billi jiġi adottat raġunament li l-punt tat-tluq tiegħu huwa l-applikabbiltà tal-Karta f’sitwazzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-fatt li dawn is-sitwazzjonijiet huma suġġetti għall-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Karta.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

10.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jistabbilixxi li:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)      il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[…]”

11.      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

12.      L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet l-aktar favorevoli”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

13.      L-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, l-ebda deroga ma hija permessa fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

B.      Id-dritt tal-Finlandja

1.      Il-Liġi dwar il-Leave Annwali

14.      Il-vuosilomalaki (162/2005) (il-Liġi dwar il-Leave Annwali (162/2005)) (10), tat‑18 ta’ Marzu 2005, għandha l-għan li, b’mod partikolari, tittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi, ħaddiem huwa intitolat għal jumejn u nofs ta’ xogħol bħala leave għal kull perijodu ta’ referenza ta’ xahar komplut. Madankollu, jekk fi tmiem il-perijodu ta’ referenza annwali, ir-relazzjoni ta’ xogħol tkun damet inqas minn sena mingħajr interruzzjoni, il-ħaddiem huwa intitolat għal jumejn ta’ leave għal kull perijodu ta’ referenza ta’ xahar komplut.

15.      Il-perijodu ta’ referenza annwali jista’ jinkludi mhux iktar minn tnax‑il perijodu ta’ referenza ta’ xahar. Jekk, f’perijodu ta’ referenza annwali, ħaddiem ikollu tnax‑il perijodu ta’ referenza ta’ xahar kompluti, jibbenefika, skont il-Liġi dwar il-Leave Annwali, minn 24 jew minn 30 ġurnata ta’ leave, skont it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol.

16.      Skont il-punt 3 tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, il-ġranet ta’ xogħol huma l-jiem ta’ matul il-ġimgħa, minbarra l-Ħdud, il-jiem ta’ festi reliġjużi, Jum l-Indipendenza, lejlet il-Milied, lejlet San Ġwann, Sibt il-Għid u l‑1 ta’ Mejju. Għalhekk, sitt ijiem ta’ ġimgħa li ma tinkludi l-ebda wieħed mill-jiem imsemmija iktar ’il fuq jgħoddu għal-leave annwali.

17.      Konformement mal-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, 24 ġurnata ta’ xogħol tal-leave annwali (leave tas-sajf) għandhom jittieħdu matul il-perijodu ta’ leave. Il-bqija tal-leave (leave tax-xitwa) għandu jingħata mhux iktar tard mill-bidu tal-perijodu ta’ leave sussegwenti. Il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-perijodu ta’ leave huwa l-perijodu ta’ bejn it‑2 ta’ Mejju u t‑30 ta’ Settembru, biż-żewġ dati inklużi.

18.      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill‑1 ta’ Ottubru 2013 sal‑31 ta’ Marzu 2016, l-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, kif emendat bil-laki vuosilomalain muuttamisesta (276/2013) (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Leave Annwali (276/2013)), tat‑12 ta’ April 2013, kien jipprevedi li:

“Jekk, fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew ta’ parti minnu, ħaddiem ma jkunx kapaċi għax-xogħol minħabba twelid, mard jew inċident, il-leave għandu, fuq talba tal-ħaddiem, jiġi ttrasferit għal data sussegwenti. Il-ħaddiem għandu dritt ukoll, fuq talba tiegħu, li jittrasferixxi l-leave jew parti minnu, meta jiġi stabbilit li matul il-leave tiegħu għandu jirċievi trattament minħabba mard, jew trattament ekwivalenti ieħor li minħabba fih huwa ma jkunx kapaċi għax-xogħol.”

19.      Fil-verżjoni tiegħu kif emendata mil-laki vuosilomalain muuttamisesta (182/2016) (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Leave Annwali (182/2016)), tat‑18 ta’ Marzu 2016, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ April 2016, l-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali huwa fformulat kif ġej:

“Jekk l-inkapaċità għax-xogħol relatata ma’ twelid, mard jew inċident tibda matul il-leave annwali jew parti minnu, il-ħaddiem għandu dritt, fuq talba tiegħu, li jittrasferixxi l-ġranet ta’ inkapaċità għax-xogħol li huma inklużi fil-leave annwali, sakemm dawn ikunu iktar minn sitt ijiem ta’ leave. Il-ġranet ta’ assenza msemmija iktar ’il fuq ma għandhomx inaqqsu d-dritt tal-ħaddiem għal leave annwali ta’ erba’ ġimgħat.”

2.      Il-ftehimiet kollettivi applikabbli

20.      Fil-Finlandja, il-ftehimiet kollettivi ta’ spiss jagħtu leave itwal minn dak previst mil-Liġi dwar il-Leave Annwali. B’mod partikolari, dan huwa l-każ fir-rigward tal-ftehim kollettiv konkluż bejn is-Sindakat tas-Settur għas-Servizzi tas-Saħħa u TSN, għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Marzu 2014 u l‑31 ta’ Jannar 2017, għall-qasam tas-saħħa (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa”), u fir-rigward tal-ftehim kollettiv konkluż bejn l-Assoċjazzjoni għall-Operaturi Portwali u AKT, għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Frar 2014 u l‑31 ta’ Jannar 2017, għall-qasam tal-merkanzija marittima (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima”).

21.      Skont l-Artikolu 16(1) tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, “il-leave annwali huwa ddeterminat konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali u mad-dispożizzjonijiet li ġejjin”. Skont l-Artikolu 16(7) ta’ dan l-istess ftehim kollettiv, “il-leave annwali jingħata konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali […]”.

22.      Skont l-Artikolu 10(1) u (2) tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, “it-tul tal-leave annwali ta’ ħaddiem huwa ddeterminat konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali fis-seħħ” u “il-leave annwali jingħata konformement mal-Liġi dwar il-Leave Annwali, ħlief f’każ ta’ ftehim kuntrarju”.

23.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar il-Leave Annwali fis-seħħ fid-data meta ġraw il-fatti ġew applikati għat-trasferiment tal-leave annwali minħabba inkapaċità għax-xogħol, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi msemmija fiż-żewġ punti preċedenti.

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-kawża TSN (C609/17)

24.      Marika Luoma ilha impjegata minn Fimlab Laboratoriot mill‑14 ta’ Novembru 2011, bħala assistenta tal-laboratorju, permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat.

25.      Fuq il-bażi tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, M. Luoma hija intitolata, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità tagħha, għal 42 ġurnata ta’ xogħol, jiġifieri seba’ ġimgħat, ta’ leave annwali mħallas, għall-perijodu ta’ referenza annwali li ntemm fil‑31 ta’ Marzu 2015.

26.      Wara li ngħatat leave annwali ta’ sitt ijiem għall-perijodu li jibda mit-Tnejn 7 ta’ Settembru sal-Ħadd 13 ta’ Settembru 2015, fl‑10 ta’ Awwissu 2015, M. Luoma informat lill-persuna li timpjegaha li kien ser isirilha intervent kirurġiku fit‑2 ta’ Settembru 2015 u, konsegwentement, talbet li dan il-leave annwali jiġi ttrasferit għal data sussegwenti. Wara l-operazzjoni li saritilha, M. Luoma bbenefikat minn leave tal-mard sat‑23 ta’ Settembru 2015. Fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali ta’ 42 ġurnata ta’ xogħol imsemmi iktar ’il fuq, il-persuna kkonċernata kienet diġà bbenefikat minn 22 ġurnata, jiġifieri tliet ġimgħat u erbat ijiem ta’ xogħol. Fimlab Laboratoriot ittrasferixxiet l-ewwel jumejn tal-leave li kienu għadhom dovuti skont il-Liġi dwar il-Leave Annwali, iżda mhux l-erbat ijiem ta’ leave l-oħrajn li, min-naħa tagħhom, jirriżultaw mill-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, billi bbażat, f’dan ir-rigward, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) u (7) ta’ dan il-ftehim kollettiv, kif ukoll tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali fis-seħħ fid-data meta ġraw il-fatti.

27.      TSN, bħala organizzazzjoni rappreżentattiva tal-ħaddiema u firmatarja tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, ippreżentat rikors quddiem it-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali, il-Finlandja) bil-għan li jiġi kkonstatat li M. Luoma għandha d-dritt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-inkapaċità għax-xogħol tagħha, li tittrasferixxi għal data sussegwenti l-leave mogħti taħt dan il-ftehim, għall-perijodu ta’ bejn id‑9 ta’ Settembru u t‑13 ta’ Settembru 2015. Skont TSN, ir-rifjut ta’ trasferiment ta’ leave tal-persuna kkonċernata min-naħa tal-persuna li timpjegaha, fil-fatt, imur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

28.      Fid-difiża tagħhom, is-Sindakat tas-Settur għas-Servizzi tas-Saħħa, organizzazzjoni rappreżentattiva tal-persuni li jimpjegaw, u Fimlab Laboratoriot isostnu li dan ir-rifjut ma jiksirx dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li dawn ma humiex applikabbli fir-rigward tal-parti tad-dritt għal-leave annwali mħallas iggarantit mid-dritt nazzjonali jew minn ftehimiet kollettivi u li jmur lil hinn mill-minimu ta’ erba’ ġimgħat ta’ leave annwali mħallas previst mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

29.      Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (11), u tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (12), minn naħa, kif ukoll għas-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill‑ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (13), u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (14), min-naħa l-oħra, tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, f’dan il-każ imwettqa permezz tal-ftehim kollettiv għall-qasam tas-saħħa, sa fejn dan jillimita d-dritt ta’ trasferiment tal-leave annwali mħallas għal-leave akkwistat biss skont il-Liġi dwar il-Leave Annwali, bl-esklużjoni tal-leave akkwistat skont ftehim kollettiv għal tul itwal mil-leave annwali legali, hijiex konformi jew le mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

30.      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din jistax ikollha effett dirett f’tilwima bejn persuni privati.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew f’parti minnu ma kienx kapaċi għax-xogħol, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi leave li huwa għandu taħt il-ftehim kollettiv u li jaqa’ fil-perijodu kkonċernat, jekk in-nuqqas ta’ trasferiment tal-leave taħt il-ftehim kollettiv ma jnaqqasx id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?

2.      L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandu effetti legali diretti f’relazzjoni ta’ xogħol bejn persuni privati, jiġifieri effett legali orizzontali dirett?

3.      L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipproteġi l-leave akkwistat, sa fejn it-tul ta’ żmien tal-leave jaqbeż il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, u din id-dispożizzjoni tal-[Karta] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li fil-bidu tal-leave annwali tiegħu jew f’parti minnu ma kienx kapaċi għax-xogħol, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi leave li huwa għandu taħt il-ftehim kollettiv u li jaqa’ fil-perijodu kkonċernat, jekk in-nuqqas ta’ trasferiment tal-leave taħt il-ftehim kollettiv ma jnaqqasx id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?”

B.      Il-kawża AKT (C610/17)

32.      Tapio Keränen huwa impjegat minn Kemi Shipping.

33.      Skont il-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, T. Keränen huwa intitolat għal 30 ġurnata ta’ xogħol, jiġifieri ħames ġimgħat, ta’ leave annwali mħallas, għall-perijodu ta’ referenza annwali li ntemm fil‑31 ta’ Marzu 2016.

34.      Wara li l-leave annwali tiegħu beda fit‑22 ta’ Awwissu 2016, T. Keränen marad fid‑29 ta’ Awwissu 2016. Sussegwentement, it-tabib tax-xogħol ikkonsultat ippreskrivielu leave tal-mard minn din id-data sal‑4 ta’ Settembru 2016. It-talba ta’ T. Keränen sabiex, konsegwentement, jittrasferixxi sitt ijiem ta’ xogħol tal-leave annwali tiegħu ġiet miċħuda minn Kemi Shipping skont l-Artikolu 10(1) u (2) tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, u l-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-Leave Annwali kif emendata bil-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Leave Annwali (182/2016), u din l-entità li timpjega naqqset dawn is-sitt ijiem ta’ mard mil-leave annwali mħallas li T. Keränen huwa intitolat għalih.

35.      AKT, organizzazzjoni rappreżentattiva tal-ħaddiema u firmatarja tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, ippreżentat rikors quddiem it-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali) bil-għan li jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan il-ftehim ma tistax twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, minħabba li din l-aħħar dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

36.      Fid-difiża tagħhom, l-Assoċjazzjoni għall-Operaturi Portwali, organizzazzjoni rappreżentattiva tal-persuni li jimpjegaw, u Kemi Shipping, isostnu li l-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali ma jiksirx dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għall-istess raġunijiet esposti fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

37.      Għall-istess raġunijiet esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fil-kawża TSN (C‑609/17), il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-Leave Annwali, imwettqa, bħal f’dan il-każ, permezz tal-ftehim kollettiv għall-qasam tal-merkanzija marittima, sa fejn minnu jirriżulta li ħaddiem li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol minħabba mard tibda matul il-leave annwali tiegħu, jew parti minnu, ma għandux id-dritt, minkejja t-talba tiegħu, li jittrasferixxi l-ewwel sitt ijiem tal-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol li huma inklużi fil-leave annwali meta dawn il-ġranet ta’ assenza ma jnaqqsux id-dritt tal-ħaddiem għal leave annwali mħallas ta’ erba’ ġimgħat, hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u mill-Artikolu 31(2) tal-Karta.

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol minħabba mard tibda matul il-leave annwali tiegħu jew matul parti minnu, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi l-ewwel sitt ijiem tal-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol li jaqgħu fil-leave annwali, jekk dawn il-ġranet ta’ assenza minħabba mard ma jnaqqsux id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?

2.      L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] għandu effetti legali diretti f’relazzjoni ta’ xogħol bejn persuni privati, jiġifieri effett legali orizzontali dirett?

3.      L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipproteġi l-leave akkwistat, sa fejn it-tul ta’ żmien tal-leave jaqbeż il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol, u din id-dispożizzjoni tal-[Karta] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali fi ftehim kollettiv jew l-interpretazzjoni tagħha, skont liema impjegat, li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol minħabba mard tibda matul il-leave annwali tiegħu jew matul parti minnu, ma jkollux dritt, minkejja t-talba tiegħu, jittrasferixxi l-ewwel sitt ijiem tal-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol li jaqgħu fil-leave annwali, jekk dawn il-ġranet ta’ assenza minħabba mard ma jnaqqsux id-dritt tal-impjegat għal erba’ ġimgħat leave annwali?”

IV.    L-analiżi tiegħi

A.      Fuq l-ewwel u t-tielet domanda preliminari

39.      Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda preliminari f’kull waħda miż-żewġ kawżi magħquda, li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minnhom jirriżulta li l-ġranet ta’ leave annwali mħallas li jmorru lil hinn mit-tul ta’ erba’ ġimgħat ma jistgħux jiġu ttrasferiti f’każ ta’ koinċidenza ma’ ġranet ta’ leave tal-mard.

1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88

40.      Qabel kollox, għandu jitfakkar, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li fir-rigward tagħha din id-direttiva ma tippermettix deroga, kull ħaddiem għandu jibbenefika minn dritt għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, liema dritt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari (15). Dan id-dritt, mogħti lil kull ħaddiem, huwa stabbilit espressament fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess saħħa legali bħat-Trattati (16).

41.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, mogħti lil kull ħaddiem mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa li “jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ bħala korrispettiv għall-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilu mill-kuntratt tax-xogħol tiegħu, minn naħa, u li jgawdi minn perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni, min-naħa l-oħra” (17).

42.      Dan l-għan “li jiddistingwi d-dritt għal-leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa bbażat fuq il-premessa li l-ħaddiem effettivament ikun ħadem matul il-perijodu ta’ referenza. Fil-fatt, l-għan li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ jippreżumi li dan il-ħaddiem kien eżerċita attività li tiġġustifika, sabiex jiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu msemmija mid-Direttiva 2003/88, il-benefiċċju ta’ perijodu ta’ mistrieħ, ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Għaldaqstant, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu kkalkolati skont perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol” (18).

43.      Minn dan jirriżulta li ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, “biss għall-perijodi li matulhom huwa jkun ipprovda xogħol effettiv” (19).

44.      Matul il-kawżi li ġew imressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza fejn il-karatteristika komuni hija li jiġi ggarantit lill-ħaddiema l-benefiċċju effettiv tal-perijodi ta’ mistrieħ u ta’ serħan mogħtija mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk, bħala eżempju, dawn il-ħaddiema għandhom igawdu, matul dawn il-perijodi, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jibbenefikaw minnhom matul it-twettiq tax-xogħol tagħhom (20).

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom il-ħaddiem ikun inkapaċi li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dovuti għal assenza minħabba mard debitament iġġustifikata, id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għall-obbligu ta’ ħidma effettiva […]. B’hekk, fid-dawl tad-dritt għal-leave annwali mħallas, il-ħaddiema li jkunu assenti mix-xogħol bis-saħħa ta’ leave minħabba mard matul il-perijodu ta’ riferiment jiġu ekwiparati għal dawk li effettivament ikunu ħadmu matul dan il-perijodu” (21).

46.      Din il-ġurisprudenza, li għandha l-oriġini tagħha fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz‑Hoff et (22), timplika li l-ħaddiema kkonċernati għandhom id-dritt li jieħdu l-leave annwali mħallas tagħhom iktar tard, ladarba dan jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ leave tal-mard.

47.      Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “fil-każ ta’ koinċidenza ta’ leave annwali u leave tal-mard, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prassi nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi estint mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu kollu ta’ referenza u, għaldaqstant, huwa ma setax jeżerċita effettivament l-imsemmi dritt” (23).

48.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji, huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-mard, li huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem ifiq minn marda” (24).

49.      Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet differenti taż-żewġ tipi ta’ leave, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul perijodu ta’ leave annwali stabbilit bil-quddiem għandu d-dritt, fuq talba tiegħu u sabiex ikun jista’ jibbenefika effettivament mil-leave annwali tiegħu, li jieħu dan il-leave fi żmien differenti minn dak li jikkoinċidi mal-perijodu ta’ leave tal-mard” (25).

50.      Għalhekk, il-koinċidenza ta’ leave tal-mard u ta’ leave annwali mħallas ma tistax tostakola l-benefiċċju li leave annwali mħallas akkwistat mill-ħaddiem jittieħed iktar tard. Ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ leave annwali ffissat inizjalment għandu d-dritt li, wara li jintemm il-leave tal-mard tiegħu, jibbenefika mil-leave annwali tiegħu f’perijodu li ma jkunx dak iffissat inizjalment. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għal dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ dan il-perijodu l-ġdid ta’ leave annwali, li jikkorrispondi mat-tul tal-perijodu meta l-leave annwali stabbilit inizjalment u l-leave tal-mard jaħbtu fl-istess żmien, […] dan huwa suġġett għar-regoli u l-proċeduri tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-iffissar tal-leave tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu l-interessi differenti inkwistjoni, b’mod partikolari raġunijiet imperattivi marbuta mal-interessi tal-impriża” (26).

51.      Għaldaqstant, għandu jiġi ppreċiżat li din il-ġurisprudenza ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u, għaldaqstant, hija relatata biss mad-dritt għal-leave annwali mħallas li din id-dispożizzjoni tagħti lill-ħaddiema. Dan jgħodd ukoll għar-regoli l-oħrajn stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dik li skontha l-ħaddiema għandhom jirċievu ammont ekwivalenti għar-remunerazzjoni ordinarja tagħhom matul il-perijodu ta’ leave annwali li huwa ggarantit minn din id-dispożizzjoni (27).

52.      Għalhekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż li jipproteġi esklużivament il-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima li tikkostitwixxi d-dritt għal leave annwali mħallas għal mill-inqas erba’ ġimgħat, madankollu b’riżerva li l-ħaddiem ikun wettaq perijodu ta’ xogħol effettiv sabiex jikseb dan id-dritt għal dan it-tul. Min-naħa l-oħra, minħabba li dan jirrigwarda perijodu ta’ leave annwali mħallas supplimentari li ħaddiem jibbenefika minnu skont id-dritt nazzjonali, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ kisba u ta’ tmiem ta’ dan il-leave li huma differenti mir-regoli protettivi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 (28).

53.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-rifjut ta’ trasferiment ta’ leave annwali mħallas fil-konfront tal-ħaddiema kkonċernati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi kien jirrigwarda ġranet ta’ leave annwali mħallas inklużi fil-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati fis-sens li jmorru kontra din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fiż-żewġ kawżi prinċipali, huwa inkwistjoni l-leave annwali mħallas li ma setax jiġi ttrasferit, anki jekk il-ħaddiema kkonċernati ma setgħux fil-fatt igawduhom minħabba perijodi ta’ leave tal-mard li kkoinċidew mal-perijodu ta’ leave annwali mħallas. Dawn il-perijodi kienu għal tul qasir, b’tali mod li l-kwistjoni tat-tul massimu għat-trasferiment ta’ leave annwali mħallas li setgħet, jekk ikun il-każ, titqajjem f’kuntest ikkaratterizzat minn assenzi għal żmien twil tal-ħaddiem minħabba mard (29), ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

54.      Min-naħa l-oħra, sa fejn il-koinċidenza ta’ leave tal-mard u ta’ leave annwali mħallas ma taffettwax il-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat protett mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, iżda perijodu ta’ leave annwali mħallas li jmur lil hinn minn dan it-tul, l-impossibbiltà li dan il-leave jittieħed iktar tard, li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali jew minn ftehim kollettiv, ma tmurx kontra din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, żieda fid-drittijiet għal-leave annwali mħallas li tmur lil hinn mill-minimu rikjest fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija miżura favorevoli għall-ħaddiema li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma hijiex irregolata minnha (30).

55.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-possibbiltà li l-Istati Membri jmorru lil hinn mill-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima ggarantita mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 diġà ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi.

56.      B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix “dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu dritt għal-leave annwali mħallas ta’ perijodu li jkun itwal minn erba’ ġimgħat, mogħti taħt il-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ għoti stabbiliti mill-istess dritt nazzjonali” (31).

57.      Insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, diversi drabi, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (2)(a), tal-Artikolu 7(1), kif ukoll tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar tillimita ruħha li tiffissa r-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u li hija ma tippreġudikax il-possibbiltà tal-Istati Membri sabiex japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema (32).

58.      Minn dawn l-elementi niddeduċi, minn naħa, li huma l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali li għandhom jiddeċiedu jekk jagħtux jew le lill-ħaddiema l-leave annwali mħallas supplimentari, flimkien mal-leave annwali mħallas minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dan il-perijodu addizzjonali, huma għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti u għat-tmiem tal-leave, li jistgħu jkunu differenti mir-regoli protettivi li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. B’hekk, il-modalitajiet ta’ trasferiment tal-leave annwali mħallas jistgħu jvarjaw skont jekk dan jirrigwardax jew le l-leave annwali minimu protett mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

59.      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jiddeċiedu li jirrikorru għall-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva sabiex japplikaw l-iktar dispożizzjonijiet favorevoli tad-dritt nazzjonali għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, filwaqt li jibqgħu konformi ma’ dan l-għan, huma jkunu suġġetti għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li, ladarba jmorru lil hinn mill-bażi ta’ protezzjoni minima ddefinita fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jidħlu fi spazju ġuridiku fejn ikollhom libertà totali. F’dan is-sens, id-dikjarazzjoni li skontha l-Istati Membri “jibqgħu […] liberi li jadotta [jadottaw], fid-drittijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu termini ta’ ħin tax-xogħol u perjodi ta’ serħan li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti [fid-Direttiva 2003/88]” (33) għandha tiġi sfumata u kompluta billi jiġi ppreċiżat li din hija libertà ristretta.

60.      Fil-fatt, kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (34), huwa evidenti li, ladarba jadottaw miżuri iktar favorevoli għall-ħaddiema, f’dan il-każ billi jagħtuhom ġranet ta’ leave li jmorru lil hinn mill-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali ma jistgħux, fl-istess ħin, jippreġudikaw ir-regoli protettivi tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli fil-kuntest ta’ dan il-perijodu minimu. Għaldaqstant, f’din il-kawża, l-imsieħba soċjali ma setgħux jinvokaw il-fatt li huma taw iktar ġranet ta’ leave lill-ħaddiema sabiex jikkumpensaw għall-fatt li dawn tal-aħħar ma rċevewx ir-remunerazzjoni ordinarja tagħhom matul il-perijodu minimu protett mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

61.      Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm “id-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix lill-imsieħba soċjali milli jadottaw, permezz ta’ ftehim kollettiv bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, regoli intiżi li jikkontribwixxu b’mod ġenerali għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandhom, madankollu, josservaw il-limiti li jirriżultaw minn din id-direttiva” (35). Dawn il-miżuri favorevoli, “li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma humiex regolati minnha […] ma għandhomx jintużaw sabiex jikkumpensaw l-effett negattiv, għall-ħaddiem, ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni dovuta għal dan il-leave, taħt piena li jiġi mminat id-dritt għal-leave annwali mħallas taħt [l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88], li parti integrali tiegħu hija d-dritt tal-ħaddiem li jgawdi, matul il-perijodu tiegħu ta’ mistrieħ u ta’ serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħol tiegħu” (36).

62.      F’sitwazzjoni bħal din, il-miżura a priori iktar favorevoli għall-ħaddiema, sa fejn din tagħti iktar ġranet ta’ leave lil dawn tal-aħħar, fil-fatt tippreġudika l-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima ggarantita mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, f’dan il-każ minħabba li din taffettwa r-regola protettiva li skontha ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni ordinarja tiegħu għat-tul tal-leave annwali minimu li huwa jibbenefika minnu skont din l-istess dispożizzjoni. Għal din ir-raġuni, din il-miżura għandha titqies fis-sens li tmur kontra din id-dispożizzjoni (37).

63.      Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ma huwiex allegat li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreġudikaw il-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima ggarantita mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Għalhekk, f’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, jista’ jiġi kkunsidrat li dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew dawn il-ftehimiet kollettivi jistgħu jipprevedu, mingħajr ksur ta’ din id-dispożizzjoni, li l-ġranet ta’ leave annwali mħallas li jmorru lil hinn mill-minimu ta’ erba’ ġimgħat protett minn din id-dispożizzjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ trasferiment fil-każ ta’ koinċidenza ma’ ġranet ta’ leave tal-mard.

64.      Għad irid jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta jistax iwassal għal soluzzjoni differenti. Dan huwa s-suġġett tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta

65.      Fit-tielet domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mistiedna sabiex tippreċiża jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta jippermettix lil ħaddiem jinvoka protezzjoni tad-dritt għal leave annwali mħallas li jmur lil hinn minn dak iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

66.      B’mod iktar preċiż, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-kwistjoni hija li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta jistax jiġi invokat sabiex tiġi estiża, lil hinn mit-tul ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, ir-regola li skontha, fil-każ li leave tal-mard jikkoinċidi ma’ leave annwali mħallas, dan tal-aħħar għandu jkun jista’ jiġi ttrasferit għal iktar tard.

67.      Fl-opinjoni tiegħi, nista’ ngħid minnufih li r-risposta għal din id-domanda hija fin-negattiv. Madankollu, id-diffikultà tinsab fl-għażla tal-passaġġ ġuridiku li għandu jiġi segwit sabiex wieħed jasal għal din ir-risposta. Għalhekk, hemm żewġ modi possibbli.

68.      Jista’ jew jitqies li l-Karta ma hijiex applikabbli f’sitwazzjoni fejn l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jiddeċiedu li jagħtu lill-ħaddiema ġranet ta’ leave annwali mħallas li jmorru lil hinn mit-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat, billi jissuġġettaw dawn il-ġranet supplimentari għal sistema speċifika, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasferiment tagħhom fil-każ ta’ koinċidenza ma’ ġranet ta’ leave tal-mard.

69.      Jew għandu jitqies li l-Karta hija fil-fatt applikabbli f’sitwazzjoni bħal din ta’ implimentazzjoni ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa, iżda li l-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa intiż li jipproteġi esklużivament il-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima kif ġie ppreċiżat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, perijodu annwali ta’ leave mħallas għal tul minimu ta’ erba’ ġimgħat. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jissuġġettaw il-ġranet ta’ leave annwali mħallas supplimentari għal regoli li huma differenti minn dawk li japplikaw għat-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ta’ dawn il-ġranet fil-każ ta’ koinċidenza ma’ ġranet ta’ leave tal-mard.

70.      Għandu jitfakkar li d-dritt għal-leave annwali mħallas, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, għandu mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxilu l-istess saħħa legali bħat-Trattati (38).

71.      Madankollu, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (39).

72.      L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi “għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”.

73.      Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati”. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar “ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati”.

74.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma huwiex intiż li japplika għall-kawżi prinċipali, sakemm ma jistax jiġi stabbilit li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplimentaw id-Direttiva 2003/88.

75.      Dan iwassal sabiex jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali tal-iktar dispożizzjonijiet favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, tikkostitwixxix implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

76.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “biex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti bid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha” (40).

77.      Kif diġà spjegajt, hemm żewġ argumenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżuri nazzjonali bħala li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, bħall-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

78.      Skont l-ewwel argument, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-limiti tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri, jiġifieri t-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Għandu jitqies li, ladarba l-Istati Membri jadottaw miżuri iktar favorevoli għall-ħaddiema, bħalma jippermettilhom l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, dawn imorru lil hinn minn dawn il-limiti u, għalhekk, joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li dawn jimplimentaw din id-direttiva. Konsegwentement, konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, dan ma japplikax għal din is-sitwazzjoni. Fi kliem ieħor, minħabba li din ma hijiex sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, il-Karta ma hijiex intiża li tiġi applikata. Minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 31(2) tal-Karta jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tagħha (41). Madankollu, ladarba jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn mill-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima tkun qiegħda tikser regola tad-dritt tal-Unjoni, din terġa’ taqa’ fil-qafas regolatorju kopert mid-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, tiġi suġġetta għall-applikazzjoni tal-Karta.

79.      Dan l-ewwel argument għandu l-oriġini tiegħu f’ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jixhdu n-nuqqas ta’ volontà tagħha sabiex tissuġġetta l-miżuri nazzjonali li jmorru lil hinn mill-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima ddefinita minn direttiva għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (42).

80.      Din il-linja ġurisprudenzjali ġiet estiża fis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (43). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna b’mod partikolari sabiex tevalwa l-portata ta’ dispożizzjoni komparabbli ma’ dik tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (44), li jipprovdi li din id-direttiva “ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati”.

81.      Wara li kkonstatat li l-obbligu ta’ protezzjoni minima tal-impjegati, fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, impost mid-Direttiva 2008/94, ma kienx affettwat, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva “[j]illimita ruħ[u] [j]ikkonstata” li din id-direttiva ma tippreġudikax il-possibbiltà tal-Istati Membri sabiex jadottaw dispożizzjonijiet iktar protettivi tal-ħaddiema (45). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]ir-rigward tal-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu V, intitolat ‘Dispożizzjonijiet Ġenerali u Finali’, ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jilleġiżlaw skont id-dritt tal-Unjoni, iżda tillimita ruħha, b’differenza mill-possibbiltajiet previsti fil-Kapitoli I u II tal-imsemmija direttiva, sabiex tirrikonoxxi s-setgħa tal-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali li jipprevedu tali dispożizzjonijiet iktar favorevoli barra mill-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva” (46). Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita ruħha tagħti lill-ħaddiema impjegati protezzjoni iktar favorevoli li tirriżulta mill-eżerċizzju tas-sempliċi kompetenza tal-Istati Membri, ikkonfermata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/94 ma tistax titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva” (47). Għalhekk, din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma setgħetx titqies li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u, għaldaqstant, ma setgħetx tiġi eżaminata fir-rigward tal-garanziji tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 20 tagħha (48).

82.      Skont it-tieni argument, min-naħa l-oħra, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri iktar favorevoli għall-ħaddiema, bħalma jippermettilhom l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi kkunsidrat li huma jużaw il-possibbiltà mogħtija lilhom espressament minn din id-dispożizzjoni, u dan għandu jitqies bħala implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Peress li din hija sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, għalhekk il-Karta hija intiża li tiġi applikata. Għaldaqstant, dawn il-miżuri jiġu suġġetti għall-osservanza tal-Karta, bl-istess mod kif jiġu suġġetti għall-osservanza ta’ regoli oħrajn tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Sa fejn għandu jiġi kkunsidrat li, billi jadottaw il-miżuri ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa, l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi interpretazzjoni tal-Karta fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq konformement mal-Artikolu 267 TFUE.

83.      Dan it-tieni argument għandu l-oriġini tiegħu fl-opinjonijiet espressi minn diversi avukati ġenerali, kif ukoll f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huma favur li l-miżuri nazzjonali li jmorru lil hinn minn qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima ddefinita minn direttiva, jew li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk li jinsabu f’direttiva, jiġu suġġetti għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (49).

84.      Fil-qasam soċjali u fir-rigward tal-Karta, dan l-argument jiġi espress b’mod partikolari fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Alemo‑Herron et (50), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 3 tad-Direttiva [tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (51)], moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva[(52)], ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri li, filwaqt li huma iktar favorevoli għall-impjegati, jistgħu jippreġudikaw is-sustanza nfisha tad-dritt taċ-ċessjonarju għal-libertà tal-intrapriża” (53).

85.      Jiena ninsab favur it-tieni argument.

86.      Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jmorru lil hinn minn qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima ddefinita minn direttiva, tikkostitwixxi l-estensjoni interna tad-dispożizzjonijiet previsti minnha (54). L-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevedu protezzjoni nazzjonali msaħħa tikkostitwixxi modalità ta’ implimentazzjoni tad-direttivi li jiffissaw rekwiżiti minimi (55).

87.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jagħtu lill-ħaddiema xi ġranet ta’ leave li jmorru lil hinn minn erba’ ġimgħat, huma konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2003/88, jiġifieri li tiġi ggarantita l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

88.      Bħal kull att li jittrasponi direttiva, miżuri li jipprovdu protezzjoni nazzjonali msaħħa huma suġġetti għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għar-rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta (56). Meta direttiva tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, dawn għandhom jużawh b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (57). Infakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 huwa parti minnhom, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni u għalhekk tal-Karta.

89.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet li “[i]d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku lill-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali” (58). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali taqa’ taħt qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenzi ma jfissirx li din tkun qed titqiegħed fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li l-Karta tkun applikabbli” (59).

90.      Madankollu, inqis li miżura nazzjonali, meħuda skont dispożizzjoni ta’ direttiva li tawtorizza protezzjoni nazzjonali msaħħa, tippreżenta rabta sinjifikattiva ma’ din id-direttiva, b’tali mod li din għandha titqies bħala implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

91.      Il-fatt li dispożizzjoni bħall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 tipprovdi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jaġixxu, u għalhekk ma timponilhomx obbligu speċifiku, ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, li jiġi konkluż li hemm assenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

92.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri ma jeskludix li jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (60).

93.      Barra minn hekk, il-klawżoli ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa li jinsabu fit-Trattat FUE jipprevedu espressament li l-implimentazzjoni tagħhom hija suġġetta għat-Trattati. Dan għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi ġustament, tistrieħ fuq dawn il-klawżoli sabiex tikkundizzjona l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ protezzjoni msaħħa b’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (61).

94.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-bażi legali tad-Direttiva 2003/88 hija l-Artikolu 137 KE, li sar l-Artikolu 153 TFUE. Issa, l-Artikolu 153(4) TFUE jipprevedi li d-dispożizzjonijiet adottati skont dan l-artikolu “ma jipprekludu ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti ta’ protezzjoni kompatibbli mat-Trattati” (62).

95.      Għalhekk, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri li jmorru lil hinn mir-regoli ta’ protezzjoni minima previsti minn direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mat-Trattati (63).

96.      Sa fejn il-Karta hija dritt primarju, jidhirli li huwa inkoerenti li jiġi adottat approċċ iktar restrittiv meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikabbiltà tagħha, minħabba li meta l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, huma ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Ma nara l-ebda raġuni determinanti għaliex il-Karta għandha tkun l-unika regola tad-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri ma jiġux suġġetti għaliha meta jadottaw miżuri li jmorru lil hinn mir-rekwiżit minimu ta’ protezzjoni previst minn direttiva.

97.      L-argument li skontu l-Karta tista’, fi kwalunkwe każ, issir applikabbli jekk jirriżulta li l-miżura nazzjonali inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tikser din id-dispożizzjoni, jidhirli li jikkostitwixxi devjazzjoni inutli u daqsxejn artifiċjali. Jidhirli li huwa iktar faċli, kif ukoll iktar koerenti, li jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-Karta, bħal dawk tad-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu, huma intiżi, minħabba l-applikabbiltà tagħhom, li jirregolaw l-adozzjoni mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali ta’ miżuri ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa.

98.      Ma naħsibx li, mill-mument meta huma jadottaw, konformement ma’ klawżola ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa bħal dik inkluża fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, miżuri li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi ffissati minn din id-direttiva, li toħloq bilanċ bejn l-interessi tal-ħaddiema u dawk tal-persuni li jimpjegaw (64), għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri huma liberi li jfixklu dan il-bilanċ billi jadottaw miżuri li jiffavorixxu b’mod eċċessiv, jew diskriminatorju, l-interessi ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, jew li ma jiħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-interessi tal-persuni li jimpjegaw, kif ukoll in-neċessità li jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament xieraq tal-impriża (65). B’mod partikolari, dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-ħaddiema, meħuda skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, li huma konformi mal-għan li jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet kemm‑il darba jkunu kompatibbli mal-implimentazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni u ma jkunux ta’ preġudizzju għal drittijiet fundamentali oħrajn protetti mid-dritt tal-Unjoni (66).

99.      F’dan ir-rigward, bħala eżempju, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 josservawx id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina, mingħajr ma teċċedi l-ġurisdizzjoni tagħha, jekk miżura ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa taffettwax b’mod sproporzjonat il-bilanċ bejn l-interessi tal-ħaddiema u dawk tal-persuni li jimpjegaw (67) u, għalhekk, tippreġudikax il-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta.

100. Meta tagħmel dan, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun konformi mal-loġika li fuqha huwa bbażat l-istħarriġ tal-miżuri nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Unjoni, jiġifieri li s-salvagwardja ta’ dawn id-drittijiet fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi żgurata fil-kuntest tal-istruttura u l-għanijiet tagħha (68).

101. Għandu jitfakkar ukoll, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, li “[d-]dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fit-traspożizzjoni tad-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, matul l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi għal dawn id-direttivi, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni”, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (69). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni la tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità jew l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” (70). Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-indikazzjonijiet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermettu, jekk jitqabblu mas-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’dawn il-kawżi, li jiġi rregolat il-marġni ta’ manuvra permess lill-awtoritajiet nazzjonali minn klawżola ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88.

102. F’dan il-każ, ma huwiex allegat li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura li jippreġudikaw dispożizzjonijiet oħrajn tal-Karta għajr l-Artikolu 31(2) tagħha. Konsegwentement, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq din l-aħħar dispożizzjoni, li hija intiża, kif indikajt iktar ’il fuq, sabiex tiġi applikata fis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

103. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fis-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (71), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (72), il-portata ta’ din id-dispożizzjoni u ddeċidiet li din setgħet tiġi invokata direttament f’tilwima bejn individwi.

104. Sabiex tikseb dan ir-riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat b’mod partikolari li, “[b]illi, f’termini imperattivi, ‘kull ħaddiem’ għandu d-‘dritt’ għal ‘perjodu annwali ta’ leave imħallas’, mingħajr riferenza partikolari f’dan ir-rigward, bħal, pereżempju, għall-Artikolu 27 tal-Karta li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale[(73)], għall-‘każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali’, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jirrifletti prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni li minnu jista’ jkun hemm deroga biss b’konformità mal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, b’mod partikolari, skont il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas” (74).

105. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]d-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, stabbilit għal kull ħaddiem fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu, għalhekk, fir-rigward tal-eżistenza tiegħu stess, natura kemm imperattiva kif ukoll inkundizzjonali, peress li din tal-aħħar fil-fatt ma għandhiex tiġi kkonkretizzata b’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, li huma biss meħtieġa sabiex jippreċiżaw it-tul eżatt tal-leave annwali mħallas u, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tagħti lill-ħaddiema dritt invokabbli bħala tali, f’tilwima kontra l-persuna li timpjegahom f’sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta” (75).

106. Fil-livell tal-Unjoni, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jippreċiża t-tul preċiż ta’ leave annwali mħallas li, bħala perijodu minimu, huwa ggarantit għal kull ħaddiem. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandha tippreċiża l-portata tad-dritt fundamentali stabbilit mill-Karta. Din tirregola b’mod iktar preċiż id-dritt għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, billi tipprevedi li dan il-perijodu ma jistax ikun inqas minn erba’ ġimgħat.

107. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jagħtix lill-ħaddiema dritt li jibbenefikaw minn perijodu annwali ta’ leave mħallas li jmur lil hinn mit-tul minimu kif ippreċiżat mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

108. Fi kliem ieħor, fl-assenza ta’ tul ippreċiżat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, leave annwali mħallas konformement ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa biżżejjed sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Karta. L-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jistax jitqies li jagħti dritt għal leave annwali mħallas li jeċċedi t-tul minimu ffissat mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

109. B’teħid inkunsiderazzjoni tas-“sovrappożizzjoni simbjotika” (76) bejn id-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u d-dritt sekondarju tal-Unjoni li jippreċiża l-portata tiegħu, huwa loġiku li, fil-kuntest tal-kawżi fejn dan id-dritt huwa inkwistjoni, kemm din id-dispożizzjoni tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jiġu invokati u interpretati flimkien mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għal leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat (77).

110. Dan il-qari kkombinat tal-Artikolu 31(2) tal-Karta u tad-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li tippreċiża l-portata tad-dritt fundamentali għalhekk protett, madankollu ma jirriżultax fl-immobbiltà tat-tul tad-dritt għal leave annwali mħallas għal tul ta’ erba’ ġimgħat, sa fejn dan tal-aħħar dejjem jista’ jiġi emendat mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, kif ukoll l-iżvilupp teknoloġiku, li jinfluwenzaw is-sistemi applikabbli fir-relazzjonijiet ta’ xogħol (78). Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu rwol sinjifikattiv sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, din hija l-konsegwenza inevitabbli tan-natura konċiża u ġenerali tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta.

111. Dan il-qari kkombinat jiffavorixxi l-applikazzjoni armonizzata tal-Karta u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. F’dan il-każ, dan jippermetti li jiġi evitat li l-Artikolu 31(2) tal-Karta jiġi invokat sabiex jiġu estiżi, għal-leave annwali mħallas li jmur lil hinn mill-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat, ir-regoli protettivi li l-Qorti tal-Ġustizzja progressivament stabbilixxiet fuq l-unika bażi u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tul minimu.

112. Konsegwentement, peress li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, kif ippreċiżat fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri l-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima, ma jiġix affettwat, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, mingħajr ma jiksru l-Artikolu 31(2) tal-Karta, jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti, għat-trasferiment u għat-tmiem tal-leave annwali mħallas addizzjonali li jiżdied mal-leave annwali mħallas minimu ta’ erba’ ġimgħat li huwa differenti mir-regoli protettivi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet fir-rigward ta’ dan il-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas.

113. B’mod konkret, fil-fehma tiegħi, dan ifisser li l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jipprekludix li leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehimiet kollettivi jipprevedu li l-ġranet ta’ leave annwali mħallas li jmorru lil hinn mit-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat, kif ippreċiżat fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, ma jistgħux jiġu ttrasferiti fil-każ ta’ koinċidenza mal-ġranet ta’ leave tal-mard.

114. Nikkonkludi l-analiżi tiegħi bi tliet sensiliet ta’ osservazzjonijiet.

115. Fl-ewwel lok, ladarba tiġi aċċettata l-applikabbiltà tal-Karta f’sitwazzjonijiet fejn il-miżuri ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa huma inkwistjoni, u sussegwentement jiġi ddelimitat il-kontenut regolatorju tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif diġà għamilt, neskludi r-riskju li din l-aħħar dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-ħaddiema dritt għal leave annwali mħallas li jmur lil hinn mill-informazzjoni pprovduta mil-leġiżlatur tal-Unjoni bil-għan li jiġi implimentat id-dritt fundamentali. F’dan il-każ, l-informazzjoni dwar it-tul minimu tal-perijodu annwali ta’ leave mħallas protett mid-dritt tal-Unjoni tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, iżda din l-informazzjoni hija suġġetta għal tibdil.

116. Bl-adozzjoni ta’ dan ir-raġunament, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rwol tagħha ta’ interpretu tad-dritt tal-Unjoni, ma tmurx lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni li għandha. Fl-opinjoni tiegħi, sa fejn ma jirriżultax f’bidla tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, dan ir-raġunament ma jikkontradixxix l-Artikolu 51(2) tal-Karta.

117. Fit-tieni lok, jidhirli li huwa importanti li f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-istadji li jippermettulha, meta jkun il-każ, tinnewtralizza b’mod effettiv il-miżuri nazzjonali adottati, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 li kienu jippreġudikaw id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. Ir-rifjut tal-applikabbiltà tal-Karta f’sitwazzjonijiet li jqajmu dubju dwar dawn il-miżuri jista’, fl-opinjoni tiegħi, jikkomplika l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja minn din il-perspettiva, b’mod partikolari f’każ li r-rabta bejn miżura nazzjonali u regola tad-dritt tal-Unjoni, għajr id-Direttiva 2003/88, tkun diffiċli li tiġi stabbilita.

118. Fit-tielet lok, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li sitwazzjonijiet fejn hemm inkwistjoni miżuri ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u, għalhekk, ma għandhomx jaffaċċjaw l-Artikolu 31(2) tagħha, il-kwistjoni tal-kontenut regolatorju ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll dik, strettament marbuta, tar-relazzjoni tagħha mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, tibqa’ pendenti. Madankollu, ir-risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi evitata ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża l-portata tal-Artikolu 31(2) tal-Karta fil-kuntest tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (79).

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

119. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta jistax ikollu effett dirett fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi.

120. Sa fejn nikkunsidra li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jipprekludu l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u lanqas l-Artikolu 31(2) tal-Karta, ma hemmx lok li tiġi eżaminata din it-tieni domanda. Fi kwalunkwe każ, ir-risposta għaliha tirriżulta b’mod ċar, fl-affermattiv, mis-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (80), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (81).

121. Għaldaqstant, anki jekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi, l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma huwiex intiż, fil-fehma tiegħi, li jagħti lill-ħaddiema dritt għal-leave annwali mħallas li jaqbeż it-tul ippreċiżat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-possibbiltà għal ħaddiem li jinvoka din id-dispożizzjoni f’tilwima ma’ persuna li timpjega privata, bil-għan li jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippreġudikaw il-qalba ewlenija ta’ protezzjoni minima, tgħin sabiex jiġi ggarantit li dan il-ħaddiem effettivament jibbenefika minn dan id-dritt fundamentali. Hawnhekk tinsab l-ikbar kontribuzzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, ladarba dan jiġi invokat fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi.

V.      Konklużjoni

122. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mit-työtuomioistuin (il-Qorti Industrijali, il-Finlandja) kif ġej:

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minnhom jirriżulta li l-ġranet ta’ leave annwali mħallas li jmorru lil hinn mit-tul ta’ erba’ ġimgħat ma jistgħux jiġu ttrasferiti f’każ ta’ koinċidenza ma’ ġranet ta’ leave tal-mard.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.


3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4      Iktar ’il quddiem “TSN”.


5      Iktar ’il quddiem “AKT”.


6      C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871.


7      C‑684/16, EU:C:2018:874.


8      Ara Cariat, N., La Charte des droits fondamentaux et l’équilibre constitutionnel entre l’Union européenne et les États membres, Bruylant, Brussell, 2016, p. 443.


9      Kif Nicolas Cariat indika ġustament, is-suġġett ta’ din il-kwistjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta “huwa kruċjali fid-dawl tal-importanza tad-drittijiet fundamentali fl-oqsma ta’ kompetenza kondiviża, bħall-politika soċjali, id-dritt kriminali, id-dritt għall-ażil jew id-dritt tal-ambjent” [traduzzjoni libera] (Cariat, N., op. cit., p. 435).


10      Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Leave Annwali”.


11      C‑337/10, EU:C:2012:263.


12      C‑341/15, EU:C:2016:576.


13      C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570.


14      C‑178/15, EU:C:2016:502.


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ibidem (punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ibidem (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ibidem (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ibidem (punt 29). Konsegwentement, l-ebda dritt għal leave annwali mħallas ma jiġi akkwistat, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, għall-perijodi ta’ qgħad parzjali li matulhom il-ħaddiem ma jkunx ipprovda xogħol effettiv (idem).


20      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punti 33, 34 u 37).


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18.


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ibidem (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ibidem (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal‑21 ta’ Frar 2013, Maestre García (C‑194/12, EU:C:2013:102, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 41), li “l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jeżiġix li r-remunerazzjoni ordinarja […] għandha tingħata għat-tul kollu tal-leave annwali li minnu l-impjegat jibbenefika bis-saħħa tad-dritt nazzjonali. Il-persuna li timpjega għandha tagħti din ir-remunerazzjoni, skont l-Artikolu 7(1), biss għat-tul tal-leave annwali minimu previst f’din id-dispożizzjoni, peress li dan il-leave jinkiseb mill-impjegat […] biss għall-perijodi ta’ xogħol effettiv” (enfasi miżjuda minni).


28      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 47 sa 50); tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punti 33 sa 37); u tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punti 38 u 39).


29      Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 43).


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 47). Ara wkoll is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 34), u tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 38). Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri li jżommu jew jadottaw definizzjoni inqas restrittiva tal-kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva” (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 47)).


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 48); tat‑3 ta’ Mejju 2012, Neidel (C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 35); tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 38); kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 30). Dan huwa koerenti mal-idea li d-direttivi li jiffissaw rekwiżiti minimi għandhom iservu għall-“istabbiliment ta’ bażi komuni ta’ regoli, applikabbli fl-Istati Membri kollha, filwaqt li l-Istati Membri tingħatalhom il-possibbiltà li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema” (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1982, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (91/81, EU:C:1982:212, punt 11)).


33      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 46).


34      C‑385/17, EU:C:2018:1018.


35      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.


36      Ibidem (punt 43). Enfasi miżjuda minni.


37      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 53). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punti 51 et seq.).


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 91 u 92). Fil-fatt, għandu jitfakkar li, “fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha” (ibidem, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, IP (C‑2/97, EU:C:1998:613, punt 40). Madankollu, f’din l-istess sentenza, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet dwar l-eżistenza ta’ miżura ta’ protezzjoni msaħħa awtorizzata wara li, qabel kollox, ikkonstatat li din il-miżura “tapplika b’mod nondiskriminatorju u ma tostakolax l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat” (punt 38). Ara wkoll, dejjem fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, EU:C:2005:222, punti 61 sa 64). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “meta jadottaw miżuri aktar restrittivi, l-Istati Membri jkunu dejjem qegħdin jeżerċitaw kompetenza rregolata mid-dritt [tal-Unjoni], peress illi, fi kwalunkwe każ, dawn għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat. Madankollu, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw kemm għandha tkun wiesgħa l-protezzjoni li għandha tintlaħaq” (punt 61).


43      C‑198/13, EU:C:2014:2055.


44      ĠU 2008, L 283, p. 36.


45      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 44). Ara wkoll, b’analoġija, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 79).


46      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 44).


47      Ibidem (punt 45).


48      Ibidem (punt 48).


49      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1999, ARD (C‑6/98, EU:C:1999:532, punt 43); tas‑16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punti 63 sa 75); kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punti 13 u 14). Ara wkoll, fir-rigward tar-regolamenti, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C‑2/92, EU:C:1994:116). Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-avukati ġenerali, ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża IP (C‑2/97, EU:C:1998:176, punti 34 u 35, kif ukoll punti 44 sa 53); tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑519/03, EU:C:2005:29, punti 49 sa 51); kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, EU:C:2004:758, punti 25 sa 27, kif ukoll punt 59).


50      C‑426/11, EU:C:2013:521.


51      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.


52      Ifformulat kif ġej: “Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”


53      Punt 36 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Alemo‑Herron et (C‑426/11, EU:C:2013:82, punt 47).


54      Ara, f’dan ir-rigward, Moizard, N., Droit du travail communautaire et protection nationale renforcée, l’exemple du droit du travail français, Volum 1, Presses universitaires d’Aix‑Marseille, Aix‑en‑Provence, 2000, fejn jiġi indikat li “[l]-miżura nazzjonali ta’ protezzjoni msaħħa tikkostitwixxi l-estensjoni interna ta’ rekwiżit minimu Komunitarju fl-iktar sens favorevoli għall-impjegati” [traduzzjoni libera] (punt 70, p. 111 u 112).


55      Ara, f’dan is-sens, Moizard, N., op. cit., punt 231, p. 309, kif ukoll p. 328.


56      Kif jindika ġustament Nicolas Moizard, “il-protezzjoni nazzjonali msaħħa ma tipprovdix possibbiltà inkundizzjonata għaż-żamma u l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ protezzjoni msaħħa” [traduzzjoni libera] (Moizard, N., op. cit., punt 67, p. 108). Apparti li għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi inklużi fid-direttivi, dawn il-miżuri għandhom, b’mod iktar ġenerali, josservaw id-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu.


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punti 104 u 105, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Miravitlles Ciurana et (C‑243/16, EU:C:2017:969, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198), fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), li jipprevedi li, “[f]ir-rigward ta’ persuni b’diżabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkreaw jew iżommu dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jżommu jew jadottaw miżuri bħal dawk previsti f’din id-dispożizzjoni, iżda li għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li regoli adottati mill-Istati Membri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, “għandu jitfakkar ukoll li, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni tħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla bejn diversi modalitajiet ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw s-setgħa diskrezzjonali tagħhom fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, li fosthom jissemma l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li “[i]l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali taqa’ taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dan jimplika li, f’dan il-każ, huma applikabbli il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-Karta” (punt 54). Ara wkoll, fir-rigward ta’ “klawżola diskrezzjonali” sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll punt 54). B’mod iktar ġenerali, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, “meta Stat Membru jadotta miżuri fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn att tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jitqies li qiegħed jimplementa dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


61      Għal raġunament ċar ħafna fir-rigward tal-Artikolu 193 TFUE fil-qasam ambjentali, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Túrkevei Tejtermelő Kft. (C‑129/16, EU:C:2017:547): “għandu jitfakkar li l-Artikolu 16 tad-Direttiva [2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357)] jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jżommu jew li jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti dwar il-prevenzjoni u r-rimedju tad-dannu ambjentali, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jistgħu jkunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva fil-qasam ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ partijiet responsabbli oħra” (punt 56). Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali “ssaħħaħ il-mekkaniżmu previst bid-Direttiva 2004/35 permezz tal-identifikazzjoni ta’ kategorija ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli in solidum flimkien mal-operaturi, hija taqa’ taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/35 li, moqri flimkien mal-Artikolu 193 TFUE, jawtorizza miżuri ta’ protezzjoni msaħħa, sakemm ikunu kompatibbli mat-trattati u notifikati lill-Kummissjoni” (punt 60, enfasi miżjuda minni). Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mat-trattati, “mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jiddetermina minn dawn il-miżuri ta’ protezzjoni msaħħa, liema miżuri, minn naħa, għandhom ikunu intiżi għat-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2004/35, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha, jiġifieri l-prevenzjoni u r-rimedju tad-dannu ambjentali, u, min-naħa l-oħra, josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità” (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll l-Artikolu 169(4) TFUE fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.


62      Enfasi miżjuda minni. Fir-rigward tal-Artikolu 137(4) KE, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr (C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, f’dan ir-rigward, O’Leary, S., “Courts, charters and conventions: making sense of fundamental rights in the EU”, Irish Jurist, UCD Sutherland School of Law, Dublin, 2016, Nru 56, pp. 4 sa 41, fejn jiġi nnotat, billi tiġi ċċitata b’mod partikolari din l-aħħar sentenza, li l-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055), “is not entirely coherent when viewed with reference to other case law or clear as to its potential consequences” (p. 15).


63      Dan ir-rekwiżit ta’ konformità naturalment jestendi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.


64      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 153(2)(b) TFUE jistipula li d-direttivi li jipprevedu rekwiżiti minimi “jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji”. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/88.


65      B’hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistrieħu fuq klawżola ta’ protezzjoni minima msaħħa bħal dik li tinsab fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 sabiex iqajmu dubju dwar “il-koerenza tal-intervent [mill-Unjoni] fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema” (ara, għall-użu ta’ din l-espressjoni, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, IP (C‑2/97, EU:C:1998:613, punt 37)). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża IP (C‑2/97, EU:C:1998:176), fejn jiġi nnotat li “s-sigurtà tal-ħaddiema taqa’, bħala element tal-politika soċjali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni], u li, konsegwentement, l-Istati Membri ma għadhomx liberi li jaġixxu f’dan il-qasam mingħajr ma jikkunsidraw l-azzjonijiet meħuda [mill-Unjoni]” (punt 45) u li “l-azzjoni [tal-Unjoni] u dik tal-Istati Membri għandhom ikunu koerenti” (punt 46).


66      Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, De Cecco, F., “Room to move?: minimum harmonization and fundamental rights”, Common Market Law Review, Kluwer Law International, Alphen‑sur‑le‑Rhin, 2006, Vol. 43, Nru 1, pp. 9 sa 30, b’mod partikolari, pp. 22 et seq.


67      Għal teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dan il-bilanċ, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 4).


69      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Bastei Lübbe (C‑149/17, EU:C:2018:841, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


71      C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871.


72      C‑684/16, EU:C:2018:874.


73      C‑176/12, EU:C:2014:2.


74      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 84), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 73).


75      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 85), kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck‑Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 74).


76      Sabiex nirriproduċi l-espressjoni użata minn Cariat, N., op. cit., p. 443. Nagħmel riferiment ukoll, fir-rigward tar-rabta indissoċjabbli li tgħaqqad lill-Artikolu 31(2) tal-Karta u d-dritt sekondarju tal-Unjoni li jippreċiża l-portata tiegħu, għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:337, punti 86 sa 91).


77      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018), li, fid-dispożittiv tagħha, tagħmel riferiment kemm għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll għall-Artikolu 31(2) tal-Karta.


78      F’dan ir-rigward, ninnota li mill-preambolu tal-Karta jirriżulta li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija żviluppata “fid-dawl ta’ l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi”.


79      Ara, f’dan ir-rigward, l-appelli mis-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Carreras Sequeros et vs Il‑Kummissjoni (T‑518/16, EU:T:2018:873), fil-kawżi attwalment pendenti Il‑Kummissjoni vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P) u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑126/19 P).


80      C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871.


81      C‑684/16, EU:C:2018:874.