Language of document : ECLI:EU:T:2012:326

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva my baby — Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali preċedenti MYBABY u trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti mybaby — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi bil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni — Aspettattivi leġittimi — Regola 19(3), Regola 20(1) u Regola 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑523/10,

Interkobo sp. z o.o., stabbilita fi Łódź (il-Polonja), irrappreżentata minn R. Skubisz u K. Ziemski, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

XXXLutz Marken GmbH, stabbilita f’Wels (l-Awstrija), irrappreżentata minn H Pannen, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Settembru 2010 (Każ R 88/2009‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Interkobo sp. z o.o. u XXXLutz Marken GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2011,

wara li rat id-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti u r-risposta ta’ din tal-aħħar għal din id-domanda ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2011,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li hija għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Frar 2006, l-intervenjenti, XXXLutz Marken GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        Din l-applikazzjoni kienet redatta bil-Ġermaniż, it-tieni lingwa, indikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 115(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 119(3) tar-Regolament Nru 207/2009), hija l-Ingliż.

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

4        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 12, 20, 24 u 28 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 12: “Vetturi; mezzi ta’ lokomozzjoni fuq l-art, fl-ajru jew fuq il-baħar”;

–        klassi 20: “Għamara, mirja, frejms għar-ritratti; oġġetti inklużi fil-klassi 20 magħmula mill-injam, mis-sufra, mill-qasba, mill-qasba tal-bambù, mill-ħaxix, mill-qarn, mill-għadam, mill-avorju, mill-għadam tal-balieni, mill-qoxra, mill-ambra, mill-madreperla, mill-meerschaum u mill-prodotti ta’ sostituzzjoni tagħhom, jew mill-plastik”;

–        klassi 24: “Tessuti u oġġetti tat-tessuti inklużi fil-klassi 24; kutri ta’ fuq u dvalji”;

–        klassi 28: “Logħob, ġugarelli; oġġetti tal-ġinnastika u sport inklużi fil-klassi 28; dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied”.

5        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 35/2006, tat-28 ta’ Awwissu 2006.

6        Fit-28 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti, Interkobo sp. z o.o., ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti segwenti: “Logħob, ġugarelli; oġġetti tal-ġinnastika u sport”, li jaqgħu taħt il-klassi 28.

7        L-oppożizzjoni redatta bil-Ġermaniż, kienet ibbażata fuq it-trade mark internazzjonali verbali preċedenti MYBABY, fuq it-trade mark Pollakka verbali preċedenti MYBABY u fl-aħħar nett fuq it-trade mark Pollakka figurattiva preċedenti rrappreżentata hawn taħt:

Image not found

8        Dawn it-trade marks jindikaw prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 28, li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Logħob, ġugarelli u oġġetti tal-isport”.

9        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

10      Peress li l-lingwa magħżula għall-att ta’ oppożizzjoni kienet tikkorrispondi għal-lingwa tal-applikazzjoni għal trade mark, din il-lingwa, jiġifieri l-Ġermaniż, saret il-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI, skont l-Artikolu 115(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 119(6) tar-Regolament Nru 207/2009).

11      Fid-19 ta’ Novembru 2008, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li teżisti, skontha, bejn it-trade li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Pollakka verbali preċedenti.

12      Fit-13 ta’ Jannar 2009, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2010 meħuda fil-Każ R 88/2009‑4 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni.

14      Huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx tat prova tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark Pollakka verbali preċedenti u hija la kienet tat prova tal-eżistenza, la tal-validità u lanqas tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti l-oħra msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, jiġifieri t-trade mark internazzjonali verbali u t-trade mark Pollakka figurattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oppożizzjoni kellha, fl-opinjoni tiegħu, tiġi miċħuda, skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).

  It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti matul din l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali.

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tar-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95 moqrija flimkien mar-Regola 19(2) u (3) tal-istess regolament u fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95, moqrija flimkien mar-Regola 19(2) u (3) tal-istess regolament

 Osservazzjonijiet preliminari

19      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka kemm dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-UASI. Għaldaqstant, qabel kollox, huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat l-iskop ta’ dawn it-testi.

–        Fir-rigward tal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti fl-istadju tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

20      Skont ir-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li taqa’ taħt it-Titolu II intitolat “Proċedura għall-oppożizzjoni u prova tal-użu”:

“Jekk sal-iskadenza tal-perjodu msemmi f’Regola 19 (1) il-parti li qed topponi ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti, kif ukoll id-dritt li tiffajlja oppożizzjoni, l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi.”

21      Skont ir-Regola 19 tal-istess regolament:

“1. L-Uffiċċju għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15 (3), fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni kellhom jibdew […].

2. Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti [...]. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

(a)       jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

(i)      jekk it-trejdmark għadha mhix reġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ l-iffajljar relevanti jew dokument ekwivalenti maħruġ mill-amministrazzjoni li magħha l-applikazzjoni għat-trejdmark kienet iffajljata; jew

ii)      jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark.

[…].

3. L-informazzjoni u evidenza msemmija f’paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti jew akkompanjati bi traduzzjoni. It-traduzzjoni għandha tkun sottomessa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat għas-sottomissjoni tad-dokumenti oriġinali.

4. L-Uffiċċju ma jiħux in konsiderazzjoni sottomissjonijiet miktuba jew dokumenti, jew partijiet minnhom, li ma ġewx sottomessi, jew li ma ġewx tradotti bil-lingwa tal-proċedimenti, fil-perjodu taż-żmien stipulat mill-Uffiċċju.”

22      Skont ir-Regola 98(1) tal-imsemmi regolament, li taqa’ taħt it-Titolu XI intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”:

“Meta tkun trid tiġi ffajljata traduzzjoni ta’ dokument, it-traduzzjoni għandha tidentifika d-dokument li tkun qed tirreferi għalih u tirriproduċi l-istruttura u l-kontenut tad-dokument oriġinali. L-uffiċċju jista’ jobbliga l-iffajljar, fi żmien perjodu speċifikat mill-Uffiċċju, ta’ ċertifikat li t-traduzzjoni tikkorrispondi mat-test oriġinali. […]”

23      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta l-informazzjoni u l-provi msemmija fir-Regola 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95 huma ppreżentati b’lingwa li ma hijiex dik tal-proċedimenti, il-parti li qed topponi hija obbligata tipproduċi, fl-istadju tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fit-terminu mogħti għall-produzzjoni ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-provi, traduzzjoni tagħhom, li għandha tissodisfa rekwiżiti preċiżi fir-rigward tal-forma u tal-kontenut tagħha.

24      L-ewwel nett, ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-informazzjoni u l-provi li ma ġewx prodotti bil-lingwa tal-proċedimenti għandhom ikunu “akkompanjati” bi traduzzjoni. Fir-rigward tar-Regola 98(1) ta’ dan ir-regolament, din tipprevedi li t-traduzzjoni għandha “tidentifika” d-dokument li għalih hija tirreferi u għandha b’mod partikolari tirriproduċi l-“istruttura” tiegħu. Moqrija flimkien, dawn iż-żewġ regoli jindikaw, b’mod partikolari, li t-traduzzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ waħda mill-provi msemmija fir-Regola 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95 għandha tiġi ppreżentata fil-forma, mhux ta’ sempliċi annotazzjonijiet fid-dokument oriġinali, iżda ta’ dokument bil-miktub wieħed jew iktar separat minnu. Fil-każ fejn dan ir-rekwiżit formali ma huwiex osservat, l-informazzjoni u l-provi msemmija iktar ’il fuq, prodotti mill-parti li qed topponi, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

25      Dan ir-rekwiżit formali huwa intiż, minn naħa, sabiex il-parti l-oħra fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, kif ukoll id-dipartimenti tal-UASI, ikunu jistgħu faċilment jiddistingwu bejn id-dokument oriġinali u t-traduzzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar hija suffiċjentement ċara. Fi kliem ieħor, l-għan, b’mod partikolari, huwa li jiġi permess li d-dibattitu bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jseħħ fuq bażijiet iggarntiti, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI — Massagué Marín (Chef), T‑232/00, Ġabra p. II‑2749, punt 42, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI — Atofina Chemicals (BIOMATE), T‑107/02, Ġabra p. II‑1845, punt 72].

26      It-tieni nett, mir-Regola 98(1) tar-Regolament Nru 2868/95, interpretata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, jirriżulta li t-traduzzjoni, ippreżentata hekk kif għadu kif issemma fil-forma ta’ dokument bil-miktub separat, għandha tirriproduċi kelma b’kelma l-kontenut tad-dokument oriġinali. F’każ ta’ dubju dwar in-natura fidila tagħha, id-dipartimenti tal-UASI għandhom id-dritt jeħtieġu lill-parti kkonċernata tipproduċi attestazzjoni ta’ konformità tat-traduzzjoni tat-test oriġinali.

–       Fir-rigward tal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti quddiem il-Bord tal-Appell

27      Ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li tifforma parti mit-Titolu X intitolat “Appelli” tipprevedi li, “Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandu japplika għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis”. Minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari jirriżulta li r-regoli stabbiliti fil-punti preċedenti, u speċjalment dik imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, japplikaw mutatis mutandis quddiem il-Bord tal-Appell.

–       Fir-rigward tad-direttivi tal-UASI

28      Sabiex jindika l-prattika tiegħu “fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar it-trade mark Komunitarja” l-UASI adotta direttivi intiż kemm għall-persunal tiegħu stess kif ukoll għall-professjonisti interessati fix-xogħol tiegħu, li jittrattaw, b’mod partikolari, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

29      Tali direttivi jikkostitwixxu biss il-kodifikazzjoni tal-linja ta’ kondotta li l-UASI huwa stess jipproponi li jadotta [sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T‑410/07, Ġabra p. II‑1345, punt 20, u tas-7 ta’ Lulju 2010, Valigeria Roncato vs UASI — Roncato (CARLO RONCATO), T‑124/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27]. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tagħhom ma jistgħux, fihom infushom, la jipprevalixxu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95 u lanqas jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tagħhom mill-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, dawn huma intiżi sabiex jinqraw skont id-dispożizzjonjiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95.

30      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni, minn naħa, tat-trade marks Pollakki preċedenti u min-naħa l-oħra, tat-trade mark internazzjonali preċedenti, imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

 Fir-rigward tat-trade mark Pollakka verbali preċedenti

31      Mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI, innotifikat lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 133(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li, sabiex tagħti prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark Pollakka verbali preċedenti, ir-rikorrenti pproduċiet żewġ dokumenti quddiem id-dipartimenti tal-UASI, li wieħed minnhom kellu miegħu traduzzjoni f’dokument bil-miktub separat.

32      L-ewwel wieħed minnhom huwa ppreżentat mir-rikorrenti bħala kopja ta’ estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej (Uffiċċju tal-Privattivi Pollakk). Dan huwa dokument ta’ paġna waħda li jinkludi, fl-intestatura, l-istemma araldika tar-Repubblika tal-Polonja u, immedjatament fil-lemin tagħha, il-frażi “Polish Patent Office” (Uffiċċju tal-Privattivi Pollakk). Taħt din l-intestatura, wieħed jista’ jaqra t-titolu segwenti: “Industrial property information retrieval” (Siltiet ta’ informazzjoni dwar il-proprjetà industrijali), li jinsab ’il fuq minn tabella. Din it-tabella tagħti diversa informazzjoni dwar it-trade mark ikkonċernata. L-ewwel nett, żewġ kolonni intitolati rispettivament “Kind of right, number and date” (Natura tad-dritt, numru u data) u “Kind of right and number” (Natura tad-dritt u numru) jinkludu ċifri. Sussegwentement, f’kolonna oħra intitolata “Kind of trade mark” (Natura tat-trade mark kummerċjali), hemm indikat, bil-Pollakk, “slowny” (verbali), kelma tradotta bil-Ġermaniż, b’tipa grassa, permezz tal-kelma “wörtlich”. Din hija segwita minn żewġ kolonni intitolati rispettivament “Persons” (Persuni) u “Publications” (Pubblikazzjonijiet). Fl-aħħar, kolonna intitolata “Nice Classes” (Klassijiet ta’ Nizza) tinkludi l-kliem Pollakk segwenti: “(510) gry, zabawki, artykuły sportowe” (logħob, ġugarelli, oġġetti tal-isport), tradotti bil-Ġermaniż, b’tipa grassa, permezz tal-kliem: “Spielen, Spielzeugen, Sportartikeln”.

33      It-tieni dokument prodott mir-rikorrenti huwa l-kopja ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Dan id-dokument ta’ tliet paġni, redatt bil-Pollakk, għandu miegħu traduzzjoni bil-Ġermaniż. Fuq l-ewwel paġna, fl-intestatura, hemm l-istemma araldika tar-Repubblika tal-Polonja, li taħtha wieħed jista’ jaqra l-frażijiet “Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej” u “Świadectwa ochronne” (ċertifikati ta’ protezzjoni). Fil-korp tad-dokument, hemm iċċertifikat, li t-trade mark kkonċernata, miżmuma mir-rikorrenti, ilha protetta mill-15 ta’ Frar 2002. Fit-tieni paġna, hemm ippreċiżat il-kliem tat-trade mark verbali kkonċernata, jiġifieri “MYBABY”. Fl-aħħar, fit-tielet paġna, diversa informazzjoni addizzjonali hija mogħtija, jiġifieri: id-data tal-preżentata (Data zgłoszenia), in-numru tal-applikazzjoni (Numer zgłoszenia), il-prijorità (Pierwszeństwo), id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għoti tad-dritt ta’ protezzjoni (Data wydania decyzji o udzieleniu prawa ochronnego), in-numru tal-protezzjoni (numer prawa ochronnego), ir-referenza għall-Bulettin Uffiċjali li fih it-trade kienet ġiet ippubblikata kif ukoll l-isem tar-rikorrenti. L-aħħar linja tat-tielet paġna tinkludi l-kliem “28 gry, zabawki, artykuły sportowe” (logħob, ġugarelli, oġġetti tal-isport), ippreċeduti bi kliem parzjalment illeġibbli. Il-kliem kollu ta’ din il-paġna kien ġie tradott bil-Ġermaniż, f’dokument separat, bl-eċċezzjoni tal-aħħar linja.

34      Mill-punti 12 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li ebda wieħed miż-żewġ dokumenti prodotti ma kien jippermetti li tingħata prova tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti.

35      Minn naħa, “l-estratt mid-databases bl-indikazzjoni tal-prodotti bil-Ġermaniż ‘logħob, ġugarelli, oġġetti tal-isport’ [...] [ma jikkostitwixxix] la dokument tal-[Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej] komparabbli [ma’] ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, u lanqas it-traduzzjoni Ġermaniża ta’ tali dokument. Il-Bord [fil-fatt ma għandu] ebda għarfien ta’ każ li fih estratti, bl-Ingliż, mid-databases tal-[Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej huma] parzjalment bil-Ġermaniż. Barra minn hekk, filwaqt li, [skont il-Bord tal-Appell], il-kliem Ġermaniż jinftiehem, dan xorta waħda jinkludi żbalji grammatikali. Għaldaqstant [hemm] dubji dwar jekk dan huwiex dokument oriġinali maħruġ mill-[Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej] jew jekk l-inklużjonijiet bil-Ġermaniż twettqux minn terz. Ir-[rikorrenti] stess, fl-ittra mehmuża, [kienet] sempliċement informat [lill-UASI] bil-fatt li l-prodotti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni, jiġifieri ‘Spielen, Spielzeugen, Sportartikeln’, kienu jirriżultaw mill-estratt mehmuż. Skont il-Bord tal-Appell, din il-konkordanza [ta’] żbalji ortografiċi fl-indikazzjoni tal-prodotti [tissuġġerixxi] wkoll inklużjoni a posteriori tal-indikazzjonijiet bil-Ġermaniż fl-estratt mid-databases. Dawn l-inklużjonjiet ma [jistgħux] jitqiesu bħala t-traduzzjoni tal-estratt mid-databases [imwettqa] skont ir-Regola 19(3) tar-[Regolament Nru 2868/95], peress li s-separazzjoni neċessarja bejn id-dokument oriġinali u t-traduzzjoni [hija] nieqsa.”

36      Min-naħa l-oħra, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ċertament ikun jinkludi “l-lista tal-prodotti u servizzi rreġistrati, iżda ovvjament din tal-aħħar [ma ġietx] tradotta bil-lingwa tal-proċedimenti”. Fil-fatt, “[i]t-traduzzjoni Ġermaniża [...] mehmuża ma [tirreferi] għal ebda prodott jew servizz. Għaldaqstant l-indikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni hija nieqsa, [għalkemm] din l-indikazzjoni [hija] neċessarja sabiex tiġi ġġustifikata l-oppożizzjoni”.

37      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell. Hija tallega li huwa kiser id-dispożizzjonijiet magħquda tar-Regola 20(1) u tar-Regola 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95.

38      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan il-motiv, l-ewwel nett għandhom jiġu mfakkra u interpretati l-kunsiderazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuqhom.

39      Fir-rigward tad-dokument deskritt fil-punt 32 iktar ’il fuq, ippreżentat mir-rikorrenti bħala kopja ta’ estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej, mid-deċiżjoni kkontestata, u speċjalment mill-punt 14 tagħha, li l-kontenut tiegħu huwa riprodott fil-punt 35 iktar ’il fuq, jirriżulta li, skont il-Bord tal-Appell, dan id-dokument jinkludi entrati bil-Ġermaniż, filwaqt li din ma kinitx il-prattika tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej. Il-Bord tal-Appell ippreċiża li dawn l-entrati kienu jinkludu “żbalji grammatikali”, peress li l-kliem Ġermaniż “Spiele”, “Spielzeuge” u “Sportartikel” kien jispiċċa, b’mod żbaljat, bl-ittra “n”. Minn dawn il-kostatazzjonijiet, huwa silet l-alternattiva segwenti: jew dawn l-entrati jifformaw parti integrali mid-dokument oriġinali, f’liema każ dan ma setax jitqies bħala awtentiku; jew dawn jikkostitwixxu traduzzjoni inkluża a posteriori fid-dokument oriġinali, f’liema każ din it-traduzzjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95. Din hija r-raġuni li għaliha l-Bord tal-Appell qies li f’kull każ ma kienx adatt li d-dokument inkwistjoni jittieħed inkunsiderazzjoni.

40      Fir-rigward tal-kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, deskritt fil-punt 33 iktar ’il fuq, mill-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tiegħu huwa riprodott fil-punt 36 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li din il-kopja taċ-ċertifikat ma stabbilixxietx l-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti invokata. Fil-fatt, skontu, it-traduzzjoni tiegħu ma kinitx tinkludi indikazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark.

41      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li ebda waħda mill-provi prodotti lilu ma kienet tagħti prova tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti.

42      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-aħħar konklużjoni ma hijiex ivvizzjata bi ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95 moqri flimkien mar-Regola 19(2) u (3) tal-istess regolament.

43      Minn naħa, mill-fajl tal-UASI jirriżulta li d-dokument ippreżentat mir-rikorrenti bħala estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej u deskritt fil-punt 32 iktar ’il fuq jinkludi biss żewġ entrati bil-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI, jiġifieri l-Ġermaniż. Dawn huma, minn naħa, l-kelma “wörtlich” u, min-naħa l-oħra, il-kliem “Spielen, Spielzeugen, Sportartikeln” (sic). Issa, ir-rikorrenti hija stess tammetti, fil-punti 30 sa 32 tar-rikors, li dawn l-entrati “ddaħħlu” u jifformaw, mhux parti integrali mid-dokument oriġinali, imma traduzzjoni tiegħu. Madankollu, tali traduzzjoni ma ġietx ippreżentata f’dokument bil-miktub separat. Għaldaqstant, f’kull każ, din it-traduzzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ forma mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell, li kellu kompetenza limitata, kien obbligat jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni d-dokument ikkonċernat.

44      Min-naħa l-oħra, huwa kostanti li, kuntrarjament għad-dokument imsemmi fil-punt preċedenti, il-kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni deskritt fil-punt 33 iktar ’il fuq u redatt bil-Pollakk kienet ġiet tradotta bil-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI permezz ta’ dokument bil-miktub separat. Madankollu, mill-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li din it-traduzzjoni ma kinitx tippreċiża l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Pollakka verbali preċedenti. Issa, mir-Regola 19(4) tar-Regolament Nru 2868/95, moqri flimkien mar-Regola 50 tal-istess regolament, jirriżulta li meta dokument redatt b’lingwa li ma hijiex dik tal-proċedimenti huwa prodott quddiem l-UASI, il-partijiet ta’ dan id-dokument mhux tradotti bil-lingwa tal-proċedimenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali BIOMATE, punt 25 supra, punt 74, u tas-6 ta’ Novembru 2007, SAEME vs UASI— Racke (REVIAN’s), T‑407/05, Ġabra p. II‑4385, punt 40]. Għaldaqstant, fid-dawl tat-traduzzjoni ppreżentata lilu, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta qies li l-kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma kinitx tistabbilixxi l-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark li fuqha bbażat ruħha r-rikorrenti.

45      Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien obbligat jikkonstata li wieħed mid-dokumenti ppreżentati lilu ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni u li l-ieħor ma kienx jippermetti li jiġi evalwat l-iskop tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bord tal-Appell korrettament qies li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet l-iskop ta’ din il-protezzjoni.

46      Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata permezz ta’ ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

47      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, skont ir-Regola 19(2) u (3)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej jista’ jikkostitwixxi prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti. Hija żżid li t-traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedimenti tal-estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej kienet kompluta. Fil-fatt, hija tqis li hija ma kinitx obbligata tittraduċi bil-lingwa tal-proċedimenti l-elementi kollha tad-dokument oriġinali u b’mod partikolari ma kinitx obbligata tittraduċi l-intestaturi tal-estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej “li għandu l-kodiċijiet INID”.

48      Madankollu, tali argumenti jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Minn naħa, il-Bord tal-Appell, f’ebda stadju tar-raġunament tiegħu ma kkontesta li estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej kien, fih innifsu, ta’ natura li jagħti prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni ta’ trade mark Pollakka.

50      Min-naħa l-oħra, jekk finalment, il-Bord tal-Appell iddeċieda li ma jieħux inkunsiderazzjoni d-dokument ippreżentat mir-rikorrenti bħala estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej u deskritt fil-punt 32 iktar ’il fuq, dan ma huwiex, kif tallega r-rikorrenti, minħabba n-natura allegatament inkompleta tat-traduzzjoni tiegħu bil-lingwa tal-proċedimenti, iżda b’mod partikolari, minħabba li dan ma kienx tradott f’dokument bil-miktub separat.

51      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtentiċità tal-estratt mid-databases li hija ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell ma tistax tiġi kkontestata, għall-motiv biss li kienet ġiet inkluża fih informazzjoni bil-Ġermaniż. Għall-kuntrarju, huwa possibbli li jiġi tradott dokument billi wieħed jillimita ruħu jżid fih annotazzjonijiet bil-lingwa tal-proċedimenti. F’kull każ, skont ir-rikorrenti, il-metodu ta’ traduzzjoni applikat għall-każ partikolari ma jikkostitwixxix “nuqqas ta’ separazzjoni bejn id-dokument u t-traduzzjoni”. Minn naħa, l-informazzjoni bil-Ġermaniż kienet iddaħħlet ħdejn l-informazzjoni bil-lingwa oriġinali, u mhux minflok din l-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni bil-Ġermaniż hija distinta mill-oħra minħabba l-karattri tipografiċi użati. Fl-aħħar nett, ma huwiex komuni li estratti bl-Ingliż mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej ikunu parzjalment redatti bil-Ġermaniż. Għaldaqstant, it-traduzzjoni bil-Ġermaniż tista’ faċilment tiġi separata mit-test tad-dokument oriġinali.

52      Dan l-argument ma huwiex rilevanti.

53      Fil-fatt, huwa ċertament veru li l-Bord tal-Appell irrileva li kien hemm dubju dwar jekk id-dokument ippreżentat mir-rikorrenti bħala estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej u deskritt fil-punt 32 iktar ’il fuq kienx awtentiku. Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 39 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li huwa ma rrifjutax li jieħu inkunsiderazzjoni dan id-dokument għal din ir-raġuni biss. Huwa kkonstata wkoll li dan id-dokument ma kienx is-suġġett ta’ traduzzjoni ppreżentata f’dokument bil-miktub separat. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 iktar ’il fuq, tali raġuni kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika, waħedha, id-deċiżjoni li ma jiġix meħud inkunsiderazzjoni d-dokument inkwistjoni.

54      It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li hija ssodisfat l-obbligu tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti “bis-sempliċi fatt li hija pprovdiet, fit-terminu previst, estratt mid-database tal-[Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej] bl-indikazzjoni fuq dan id-dokument tat-traduzzjoni bil-Ġermaniż”

55      Dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, minn dak li ntqal fil-punt 43 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex tingħata prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni mogħtija lit-trade mark Pollakka verbali preċedenti, ma kienx biżżejjed li jiġi prodott id-dokument deskritt fil-punt 32 iktar ’il fuq fit-terminu previst fir-Regola 19(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

56      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-produzzjoni ta’ dokument wieħed. Hija tindika li, barra minn hekk, il-Bord tal-Appell kien imissu “ħa inkunsiderazzjoni flimkien” l-informazzjoni li tinsab fiż-żewġ dokumenti li hija kienet ipproduċiet, jiġifieri l-estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej, minn naħa, u l-kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, dawn jikkumplimentaw lil xulxin. Il-kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni turi l-eżistenza u l-validità tat-trade mark; filwaqt li l-iskop tal-protezzjoni huwa stabbilit permezz tal-estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej.

57      Tali argument jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Bord tal-Appell qatt ma saħaq li l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni ta’ dritt preċedenti kellhom jiġu “stabbiliti permezz tal-produzzjoni ta’ dokument wieħed”. Hekk kif intqal fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, huwa llimita ruħu jikkonstata, minn naħa, li l-ewwel wieħed miż-żewġ dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni u, min-naħa l-oħra, li t-traduzzjoni tad-dokument l-ieħor ma kien fiha ebda informazzjoni dwar l-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti invokata mir-rikorrenti, b’mod li tali informazzjoni kellha titqies bħala nieqsa. Issa, billi għamel dan, huwa ma wettaq ebda ksur tar-Regola 20(1) tar-Regolament Nru 2868/95 moqri flimkien mar-Regola 19(2) u (3), tal-istess regolament, kif ġie indikat fil-punti 42 u 45 iktar ’il fuq.

 Fir-rigward tat-trade mark Pollakka figurattiva preċedenti

58      Mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li, sabiex tingħata prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet marbuta mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Pollakka figurattiva preċedenti, ir-rikorrenti pproduċiet dokument wieħed quddiem id-dipartimenti tal-UASI. Dan huwa dokument ippreżentat bħala l-kopja ta’ estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej. Dan id-dokument ta’ paġna jinkludi, fl-intestatura, l-istemma araldika tar-Repubblika tal-Polonja u, immedjatament fil-lemin tagħha, il-frażi “Polish Patent Office” (Uffiċċju tal-Privattivi Pollakk). Taħt din l-intestatura, wieħed jista’ jaqra t-titolu segwenti: “Industrial property information retrieval” (Siltiet ta’ informazzjoni dwar il-proprjetà industrijali), li jinsab ’il fuq minn tabella. Din it-tabella tagħti diversa informazzjoni dwar it-trade mark ikkonċernata. L-ewwel nett, żewġ kolonni intitolati rispettivament “Kind of right, number and date” (Natura tad-dritt, numru u data) u “Kind of right and number” (Natura tad-dritt u numru) jinkludu ċifri. Sussegwentement, f’kolonna oħra intitolata “Kind of trade mark”, hemm indikat, bil-Pollakk, “slowno-graficzny” (figurattiva), kelma tradotta bil-Ġermaniż, b’tipa grassa, permezz tal-kelma “wörtlich-grafisch”. Din hija segwita minn tliet kolonni intitolati rispettivament “Persons” (Persuni), “Classifications” (Klassifikazzjonijiet) u “Publications” (Pubblikazzjonijiet). Fl-aħħar, kolonna intitolata “Nice Classes” (Klassijiet ta’ Nizza) tinkludi l-kliem Pollakk segwenti: “(510) gry, zabawki, artykuły sportowe” (logħob, ġugarelli, oġġetti tal-isport), tradotti bil-Ġermaniż, b’tipa grassa, permezz tal-kliem: “Spielen, Spielzeugen, Sportartikeln”.

59      Il-Bord tal-Appell qies li dan id-dokument ma kienx biżżejjed sabiex tingħata prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt skontu, dak “li ntqal […] [dwar it-trade mark Pollakka verbali preċedenti japplika] b’analoġija għal dan l-estratt mid-databases. Dan la huwa dokument oriġinali u lanqas traduzzjoni ta’ tali dokument […]”.

60      Fir-rigward tar-rikorrenti, hija tallega li din il-konklużjoni hija infondata. Fil-fatt hija tenfasizza li hija ppreżentat, fit-terminu previst mill-UASI, estratt bl-Ingliż mid-database tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej flimkien ma’ traduzzjoni bil-Ġermaniż integrata f’dan id-dokument u tirreferi, barra minn hekk, għall-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tat-trade mark Pollakka verbali preċedenti.

61      Madankollu, tali allegazzjonijiet ma jistgħux jiġu milqugħa.

62      Fil-fatt, mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li d-dokument ippreżentat mir-rikorrenti bħala estratt mid-databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej u deskritt fil-punt 58 iktar ’il fuq jinkludi biss żewġ entrati bil-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI. Dawn huma min-naħa l-kelma “wörtlich-grafisch” u, min-naħa l-oħra, il-kliem “Spielen, Spielzeugen, Sportartikeln”. Issa, mill-punt 38 tar-rikors, moqri flimkien mal-punti 31 sa 32 tagħha, impliċitament, iżda neċessarjament, jirriżulta li r-rikorrenti ammettiet li dawn l-entrati kienu ddaħħlu f’dan id-dokument u għaldaqstant jikkostitwixxu traduzzjoni tiegħu. Madankollu, tali traduzzjoni ma ġietx ippreżentata f’dokument bil-miktub separat. F’kull każ, din għaldaqstant ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ forma mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, li kellu kompetenza limitata, kien obbligat jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni d-dokument inkwistjoni. Minn dan huwa seta’ għalhekk biss jiddeduċi li ma kinitx ingħatat prova la tal-eżistenza, la tal-validità u lanqas tal-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Pollakka figurattiva.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li tali konklużjoni ma tistax tiġi invalidata permezz ta’ ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti dwar it-trade mark Pollakka verbali preċedenti (ara l-punti 47 sa 55 iktar ’il fuq).

 Fir-rigward tat-trade mark internazzjonali preċedenti

64      Mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li, sabiex tingħata prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali preċedenti, ir-rikorrenti pproduċiet dokument wieħed quddiem id-dipartimenti tal-UASI. Dan huwa dokument deskritt mir-rikorrenti bħala l-kopja ta’ estratt mid-databases tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO). Dan huwa ppreżentat bħala lista ta’ indikazzjonijiet stampati fuq karta mingħajr intestatura. Dan jinkludi, b’mod partikolari, wara n-numru 541, l-entrata “Reproduction of the mark where the mark is represented in standard characters” (Riproduzzjoni tat-trade mark li fiha t-trade mark hija rrapreżentata f’karattri standard) u, wara n-numru 511, l-indikazzjonijiet segwenti: “28 Games and playthings, sporting articles. Jeux et jouets, articles de sport. Spielen und Spielzeugen, Sportartikeln” (logħob, ġugarelli, oġġetti tal-isport).

65      Fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell qies li dan id-dokument ma setax jitqies bħala li joriġina mid-WIPO. Fil-fatt dan id-dokument inkluda annotazzjonijiet bil-Ġermaniż, fatt li ma huwiex konformi mal-prattika tad-WIPO.

66      Barra minn hekk, fil-punt 20 ta’ din id-deċiżjoni l-Bord tal-Appell indika li “l-inklużjoni tal-kliem Ġermaniż ma [kinitx tissodisfa] r-rekwiżit ta’ traduzzjoni, għaliex is-separazzjoni neċessarja bejn id-dokument oriġinali u t-traduzzjoni [kienet] nieqsa”.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kkonkluda li d-dokument li kien ġie ppreżentat lilu ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni peress li dan ma kienx jikkostitwixxi prova skont ir-Regola 19(2)(a) tar-Regolament Nru 2868/95 u ma kienx josserva r-rekwiżiti stabbiliti fil-qasam tat-traduzzjoni mir-Regola 1993) tal-istess regolament.

68      Din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell għandha tiġi milqugħa.

69      Fil-fatt, mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li d-dokument deskritt fil-punt 64 iktar ’il fuq, ippreżentat mir-rikorrenti bħala kopja ta’ estratt mid-databases tad-WIPO, jinkludi biss entrata waħda bil-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-UASI. Dawn huma l-kliem “Spielen und Spielzeugen, Sportartikeln”. Issa, mill-punti 42 sa 44 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti tammetti li dan id-dokument kien ġie “kkompletat” b’“informazzjoni bil-Ġermaniż”, li tikkostitwixxi “traduzzjoni” ta’ dan id-dokument. Madankollu, tali traduzzjoni ma kinitx ġiet ippreżentata f’dokument bil-miktub separat. Għaldaqstant din ma tissodisfax, f’kull każ, il-kundizzjoni ta’ forma mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq.

70      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell, li kellu kompetenza limitata, kien obbligat li jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni d-dokument inkwistjoni. F’dan il-kuntest, huwa seta’ għaldaqstant biss jikkonkludi li ma kinitx ingħatat prova la tal-eżistenza, la tal-validità u lanqas tal-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark internazzjonali preċedenti.

71      Hemm lok li jiġi enfasizzat li tali konklużjoni ma hijiex invalidata permezz ta’ ebda wieħed mill-erba’ argumenti mressqa mir-rikorrenti.

72      Permezz tal-ewwel argument, ir-rikorrent tindika li hija pproduċiet, fit-terminu mogħti mill-UASI, estratt mid-database uffiċjali tad-WIPO, u b’mod iktar speċifiku mid-database magħrufa bħala “Madrid express database”, flimkien ma’ traduzzjoni bil-Ġermaniż integrata f’dan id-dokument. Skont ir-rikorrenti, dan id-dokument, fid-dawl tal-forma tiegħu, kien imissu ġie identifikat bħala li joriġina mid-WIPO. L-estratti mill-Madrid express database huma fil-fatt redatti skont skema unika, magħrufa mill-Bord tal-Appell, li l-estratt mid-databases prodott kien josserva.

73      Permezz tat-tieni argument, ir-rikorrenti tallega li l-awtentiċità tad-dokument li hija pproduċiet ma setgħetx tiġi kkontestata għall-motiv biss li kienet ġiet inkluża fih informazzjoni bil-Ġermaniż. Skontha, mir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li huwa possibbli li jiġi tradott dokument billi wieħed jillimita ruħu jżid fih annotazzjonijiet.

74      Permezz tat-tielet argument, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 2868/95 ma jiddefinixxix il-forma li dan l-estratt għandu jkollu. Hija ssostni li għaldaqstant ma tistax tiġi meħtieġa forma partikolari.

75      Madankollu, dawn it-tliet argumenti ma humiex rilevanti.

76      Fil-fatt, bla dubju ta’ xejn huwa veru li l-Bord tal-Appell qies li d-dokument deskritt fil-punt 64 iktar ’il fuq ma kienx awtentiku. Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 66 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li huwa ma rrifjutax li jieħu inkunsiderazzjoni dan id-dokumenti għal din ir-raġuni biss. Huwa wkoll ikkonstata li dan id-dokument ma kienx is-suġġett ta’ traduzzjoni ppreżentata f’dokument bil-miktub separat. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 70 iktar ’il fuq, tali raġuni, li ebda wieħed mit-tliet argumenti mfakkra iktar ’il fuq ma jippermetti li tiġi validament ikkontestata l-fondatezza tagħha, kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni li d-dokument inkwistjoni ma jittiħidx inkunsiderazzjoni.

77      Permezz tar-raba’ argument, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-direttivi tal-UASI (paġna 32 tal-Parti C.1 tad-direttivi, fil-verżjoni Ingliża tagħhom), estratt minn din id-database jista’ jikkostitwixxi prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti.

78      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li tali argument jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell, f’ebda stadju tar-raġunament tiegħu ma kkontesta li estratt awtentiku mid-databases tad-WIPO kien, fih innifsu, ta’ natura li jagħti prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni ta’ trade mark internazzjonali.

80      Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

81      Din il-konklużjoni ma tistax barra minn hekk tiġi invalidata permezz tal-invokazzjoni, insostenn ta’ dan il-motiv, tad-direttivi tal-UASI, li huma intiżi sabiex jinqraw skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95, kif tfakkar fil-punt 29 iktar ’il fuq.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

82      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, sal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, hija kienet leġittimament setgħet tippreżumi, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-UASI, b’mod partikolari fid-direttivi tiegħu, li d-dokumenti li hija kienet ipproduċiet quddiem l-UASI kienu biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha.

83      Qabel l-eżami tal-erba’ argumenti ppreżentati insostenn ta’ dan il-motiv, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li, billi pprovdietlu garanziji preċiżi, l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi leġittimi [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 63; ara s-sentenza BIOMATE, punt 25 supra, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata]. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li informazzjoni preċiża, inkondizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi tali garanziji, irrispettivament mill-forma li fiha din hija kkomunikata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Komninou et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, Ġabra p. I-12917, punt 63) u, min-naħa l-oħra, li garanziji li ma jeħdux inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux inisslu aspettattivi fondati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 162/84, Ġabra p. 481, punt 6; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T‑205/01, ĠabraSP p. I‑A-211 u II‑1065, punt 54; tas-16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il-Kummissjoni, T‑329/03, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 79, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI — Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II‑1927, punt 64].

 Fir-rigward tal-ewwel argument

84      Permezz tal-ewwel argument, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95, il-provi li hija kienet ipproduċiet quddiem l-UASI kellhom, kollha, jittieħdu inkunsiderazzjoni.

85      L-ewwel nett, dan ir-regolament jippermetti, b’mod partikolari, li tingħata prova tar-reġistrazzjoni jew tat-tiġdid tat-trade marks preċedenti bl-għajnuna ta’ estratti minn databases tal-Urząd Patentowy Rzeczypospolitej Polskiej jew tad-WIPO. It-tieni nett, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li qed topponi tista’ “tipproduċi dokumenti addizzjonali dwar l-eżistenza, il-validità u l-iskop [tal-protezzjoni] tad-drittijiet preċedenti insostenn tal-oppożizzjoni tagħha (bil-kundizzjoni li tosserva t-terminu stabbilit)”. It-tielet nett, it-traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedimenti tad-dokumenti prodotti quddiem id-dipartimenti tal-UASI ma għandhiex ikollha forma strettament iddefinita. Ir-raba’ nett, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li qed topponi tista’ tipproduċi “traduzzjonijiet addizzjonali dwar l-istess dritt preċedenti (bil-kundizzjoni li tirrispetta t-terminu stabbilit)”. Il-ħames nett, ma huwiex neċessarju li “jiġu spjegati bil-lingwa tal-proċedimenti l-elementi kollha tad-dokumenti dwar it-trade marks preċedenti”.

86      Madankollu, dan l-argument, li barra minn hekk huwa irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jikkostitwixxi biss, essenzjalment, formulazzjoni mill-ġdid tal-ewwel motiv tar-rikors, għandu jiġi miċħud.

87      Fil-fatt, mill-punti 45, 62 u 70 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell kien obbligat jikkonstata li tlieta mid-dokumenti li kienu ġew ippreżentati lilu ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u li r-raba’ dokument ma kienx jippermetti li jiġi evalwat l-iskop tal-protezzjoni mogħtija minn waħda mit-trade marks li fuqha kienet qed tibbaża ruħha r-rikorrenti.

 Fir-rigward tat-tieni argument

88      Fil-kuntest tat-tieni argument tagħha, ir-rikorrenti tirreferi, permezz ta’ hypertext links, għal żewġ dokumenti separati. L-ewwel jikkorrispondi għad-direttivi tal-UASI fil-“verżjoni finali” tagħhom bl-Ingliż ta’ “Novembru 2007”. It-tieni dokument indikat mir-rikorrenti huwa l-verżjoni kkonsolidata, bl-Ingliż, tad-direttivi tal-UASI, magħruf bħala “Manual of Trade Mark Practice”. Dan id-dokument jinkludi mhux biss it-test tad-direttivi tal-UASI li jikkorrispondu għall-“verżjoni finali” ta’ “Novembru 2007”, iżda wkoll l-emendi sussegwenti tad-direttivi tal-UASI.

89      Ir-rikorrenti tallega li, kieku huwa kien segwa d-direttivi tiegħu stess, l-UASI kien imissu ħa inkunsiderazzjoni l-provi li hija kienet ipproduċiet fl-istadju tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

90      L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, dawn id-direttivi jindikaw li estratti mid-databanks uffiċjali ta’ “uffiċċju nazzjonali” jistgħu jservu ta’ prova ta’ drittijiet preċedenti invokati insostenn ta’ oppożizzjoni (paġni 32 u 35 tal-Parti C.1 tad-direttivi; paġni 37 u 38 tal-“Manual of Trade Mark Practice” msemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq).

91      It-tieni nett, dawn jawtorizzaw lil kull parti fi proċedimenti quddiem l-UASI tipproduċi “dokumenti oħra relatati mad-drittijiet preċedenti, li jikkompletaw id-dokumenti diġà prodotti” (paġna 38 tal-“Manual of Trade Mark Practice” msemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, il-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti ma għandhomx neċessarjament jiġu stabbiliti permezz tal-produzzjoni ta’ dokument wieħed.

92      It-tielet nett, dawn ma jeħtiġux traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni “tal-elementi kollha tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-prova tad-drittijiet preċedenti (tat-trade marks preċedenti)”. B’mod partikolari dawn ma jeħtiġux li tiġi ppreżentata traduzzjoni jew “spjegazzjoni” tal-“kodiċijiet INID” u tal-“kodiċijiet nazzjonali” (paġna 34 tal-Parti C.1 tad-direttivi; paġna 41 tal-“Manual of Trade Mark Practice” msemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq).

93      Ir-raba’ nett, huma jindikaw li bl-ebda mod ma huwa obbligatorju li tiġi pprovduta verżjoni bil-lingwa tal-proċedimenti “tad-data relatata mad-drittijiet preċedenti f’dokument awtonomu (jiġifieri dokument separat mid-dokument tradott innifsu)” (paġna 37 tal-Parti C.1 tad-direttivi; paġna 44 tal-“Manual of Trade Mark Practice” msemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq).

94      Madankollu, dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud.

95      Huwa ċertament veru li, minkejja l-fatt li d-direttivi tal-UASI ma jistgħux, fihom infushom, jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), dawn jistgħu validament jiġu invokati quddiem il-qorti tal-Unjoni insostenn ta’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm, b’mod partikolari, dawn jagħtu informazzjoni preċiża, inkondizzjonali u konkordanti lil individwu u dawn jieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95.

96      Madankollu, il-“verżjoni finali” tad-direttivi tal-UASI msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq tirriżulta mid-Deċiżjoni EX-07-6 tal-President tal-UASI, tad-29 ta’ Novembru 2007, li tadotta d-direttivi dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI, li ġiet ippubblikata fil-“Ġurnal Uffiċjali online [tal-UASI] ta’ Diċembru 2007”. Issa, minn naħa, mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI, u b’mod partikolari minn ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Lulju 2007, jirriżulta li d-dokumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti riedet tagħti prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni mogħtija lid-drittijiet preċedenti tagħha kienu ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI qabel id-29 ta’ Novembru 2007. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tiġġustifikax kif, qabel id-29 ta’ Novembru 2007, id-dispożizzjonijiet tal-“verżjoni finali” tad-direttivi tal-UASI, li għalihom hija tirreferi, kienu applikabbli. F’dan iċ-ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala li setgħu nisslu fir-rigward tagħha xi aspettattivi dwar in-natura ammissibbli tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq.

97      F’kull każ, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tar-rikorrenti jirriżulta, parzjalment, minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell qatt ma sostna li estratti mid-databases ta’ awtorità nazzjonali ma setgħux jiġu ppreżentati insostenn ta’ oppożizzjoni. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li timplika r-rikorrenti (ara l-punt 91 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell, f’ebda stadju tar-raġunament tiegħu ma indika li l-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni ta’ dritt jew ta’ trade mark kellha tiġi amministrata permezz tal-produzzjoni ta’ dokument wieħed.

98      It-tieni nett, mill-paġna 31 tal-verżjoni Ingliża tal-Parti C.1 tad-direttivi tal-UASI, kif invokati mir-rikorrenti, jirriżulta li l-punt C.II ta’ din il-parti, intitolat “Prova tal-eżistenza u tal-validità ta’ drittijiet preċedenti”, jipprevedi:

“Il-provi [tal-eżistenza, tal-validità u tal-iskop tal-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti invokati mill-parti li qed topponi] għandhom jiġu prodotti bil-lingwa tal-proċedimenti jew ikollhom magħhom traduzzjoni.”

99      Mill-paġni 36 u 37 tal-verżjoni Ingliża tal-Parti C.1 tad-direttivi tal-UASI, kif invokati mir-rikorrenti, jirriżulta li l-punt C.II.2 ta’ din il-parti, intitolat “Traduzzjonijiet tal-prova tar-reġistrazzjonijiet ta’ trade mark ” jipprevedi:

“[… I]l-provi pprodotti mill-parti li qed topponi […] kif ukoll kull dokument jew ċertifikat prodott […] għandhom ikunu redatti bil-lingwa tal-proċedimenti jew ikollhom magħhom traduzzjoni […]

Ir-Regola 98(1) tipprovdi li t-traduzzjoni għandha tirriproduċi l-istruttura u l-kontenut tad-dokument oriġinali. Bħala regola ġenerali, id-dokument kollu għandu jiġi tradott, fl-ordni korretta.

B’mod partikolari, traduzzjoni limitata għall-partijiet li l-parti li qed topponi tqis ‘essenzjali’ jew għall-partijiet li l-applikant ‘ma huwiex mistenni li jifhem’ ma hijiex aċċettabbli […]

It-traduzzjoni għandha ssir b’[mod] awtonomu u ma għandhiex tkun ħafna biċċiet minn estratti minn dokumenti oħra […]

Madankollu, l-U[ASI] jaċċetta n-nuqqas ta’ traduzzjoni tal-intestaturi tal-informazzjoni taċ-ċertifikat (bħad-’data tal-preżentata’, ‘pretensjonijiet relatati ma’ kulur(i)’) sakemm dawn jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ kodiċijiet standard nazzjonali jew INID.

Il-parti li qed topponi ma hijiex obbligata tipprovdi traduzzjoni tal-ispjegazzjoni tal-INID jew tal-kodiċijiet nazzjonali bil-lingwa tal-proċedimenti.

L-indikazzjonijiet amministrattivi mhux rilevanti jew l-elementi rrilevanti għall-każ ma għandhomx jiġu tradotti […]

L-U[ASI] jaċċetta traduzzjonijiet sempliċi redatti minn kulħadd […] L-U[ASI] jaċċetta wkoll annotazzjonijiet bil-miktub fuq il-kopji taċ-ċertifikati oriġinali li jagħtu t-tifsira tad-diversi elementi bil-lingwa tal-proċedimenti, sakemm naturalment dawn l-entrati huma kompleti u jistgħu jinqraw […]”

100    Billi ssostni, kif tfakkar fil-punt 92 iktar ’il fuq, li d-direttivi tal-UASI ma jeħtiġux traduzzjoni bil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni “tal-elementi kollha tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-prova tad-drittijiet preċedenti (tat-trade marks preċedenti)”, ir-rikorrenti tipproċedi għal qari żbaljat tad-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti preċedenti. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, bħala regola ġenerali, jeħtieġu lill-parti li qed topponi tittraduċi l-provi kollha prodotti b’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-proċedimenti u jipprevedu deroga minn tali obbligu biss fir-rigward tal-“indikazzjonijiet amministrattivi mhux rilevanti” tal-“elementi irrilevanti għall-każ” u “tal-ispjegazzjoni tal-INID jew tal-kodiċijiet nazzjonali”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument ibbażat fuq il-fatt li dawn id-direttivi ma jeħtiġux li tiġi ppreżentata traduzzjoni jew “spjegazzjoni” tal-“kodiċijiet INID” u tal-“kodiċijiet nazzjonali” ma għandu ebda sinjifikat fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li tali rekwiżit ma ġiex stabbilit mill-Bord tal-Appell.

101    It-tielet nett, kif tfakkar fil-punt 99 iktar ’il fuq, il-punt C.II.2 tal-Parti C.1 tad-direttivi tal-UASI, fil-verżjoni tiegħu invokata mir-rikorrenti, jipprevedi, fl-aħħar mill-aħħar, li l-UASI “jaċċetta traduzzjonijiet sempliċi redatti minn kulħadd” u “wkoll annotazzjonijiet bil-miktub fuq il-kopji taċ-ċertifikati oriġinali li jagħtu t-tifsira tad-diversi elementi bil-lingwa tal-proċedimenti, sakemm naturalment dawn l-entrati huma kompleti u jistgħu jinqraw”.

102    Hekk kif jirriżulta mill-punt 93 iktar ’il fuq, dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw, skont ir-rikorrenti, li l-UASI jaċċetta li jieħu inkunsiderazzjoni traduzzjonijiet li ma humiex fil-forma ta’ dokument “awtonomu”, jiġifieri separat mid-dokument oriġinali. Għaldaqstant, billi rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni tlieta mid-dokumenti li hija kienet ipproduċiet fl-istadju tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni minħabba li dawn kellhomx magħhom traduzzjoni ppreżentata f’dokument bil-miktub separat mill-oriġinali, il-Bord tal-Appell kiser id-direttivi tal-UASI u, għaldaqstant, kiser, skont ir-rikorrenti, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

103    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, anki fl-assunzjoni li dawn kienu applikabbli qabel id-29 ta’ Novembru 2007, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-President tal-UASI msemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tal-punt C.II.2 tal-Parti C.1 tad-direttivi tal-UASI, iċċitati fil-punt 101 iktar ’il fuq, ma jistgħux inisslu fi ħdan ir-rikorrenti aspettattivi fondati fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq.

104    Fil-fatt huwa ċertament veru li, meħuda waħedhom, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati fil-mod issuġġerit mir-rikorrenti (ara l-punt 102 iktar ’il fuq). Madankollu, dawn jistgħu wkoll jiġu interpretati b’mod ieħor, konformi mat-test u mal-għanijiet tar-Regolament Nru 2868/95. Skont din l-interpretazzjoni, meta dokument oriġinali, redatt b’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-proċedimenti, huwa prodott, l-UASI jaċċetta li dan jista’ jiġi annotat sabiex jiġi ffaċilitat il-qari tiegħu u sabiex tiġi vverifikata t-traduzzjoni tiegħu, li hija ppreżentata f’dokument separat. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija l-unika kompatibbli mal-indikazzjonijiet l-oħra pprovduti mid-direttivi tal-UASI. Fil-fatt dawn jagħtu x’jiġi mifhum li t-traduzzjoni tal-provi għandha ssir f’dokument bil-miktub separat. Hekk kif tfakkar fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, fil-punti C.II u C.II.2 tal-Parti C.I ta’ dawn id-direttivi huwa indikat li l-informazzjoni u l-provi msemmija fir-Regola 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95 għandhom jiġu prodotti bil-lingwa tal-proċedimenti jew ikunu “akkompanjati” b’traduzzjoni. Barra minn hekk, fil-punt C.II.2, li barra minn hekk jinkorpora l-kliem stess tar-Regola 98(1) tar-Regolament Nru 2868/95, huwa ppreċiżat li “t-traduzzjoni għandha tirriproduċi l-istruttura u l-kontenut tad-dokument oriġinali”. Fl-aħħar, f’dan l-istess punt jintqal ukoll li “[i]t-traduzzjoni għandha ssir b’[mod] awtonomu u ma għandhiex tkun ħafna biċċiet minn estratti minn dokumenti oħra ”

105    Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-punt C.II.2 tal-Parti C.1 tad-direttivi tal-UASI, kif interpretati mir-rikorrenti, ma humiex konsistenti mal-informazzjoni mogħtija, f’dan il-każ, mill-UASI lir-rikorrenti. Fil-fatt, mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2007, indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-UASI indika, mingħajr ambigwità, li kull traduzzjoni ta’ dokument mhux redatt bil-lingwa tal-proċedimenti kellha tiġi ppreżentata “fil-forma ta’ dokument bil-miktub separat” u kellha tirriproduċi l-istruttura u l-kontenut tad-dokument oriġinali. Issa, mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta wkoll li, f’faks tal-20 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti rreferiet għal “talba” tal-UASI tad-19 ta’ Marzu 2007. Peress li mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI ma jirriżultax li ittra oħra barra dik imsemmija preċedentement kienet intbagħtet mill-UASI lir-rikorrenti fid-19 ta’ Marzu 2007, tali riferiment jindika li r-rikorrenti effettivament irċeviet din l-ittra. F’dan il-kuntest, bħala operatur ekonomiku prudenti u informat, hija kien imissha pprevediet li kien possibbli li l-interpretazzjoni tagħha tad-direttivi tal-UASI hija żbaljata u li miżura kuntrarja għall-interessi tagħha tittieħed minn waħda mid-dipartimenti tal-UASI.

106    Għaldaqstant, hija ma tistax validament tisħaq li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-estratti mid-database li hija kienet ipproduċiet minħabba li t-traduzzjoni tagħhom ma kinitx ippreżentata f’dokument bil-miktub separat.

 Fir-rigward tat-tielet argument

107    Permezz tat-tielet argument ir-rikorrenti ssostni li hija setgħet leġittimament tikkunsidra, fid-dawl tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li hija kienet stabbilixxiet kif meħtieġ l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tat-trade mark Pollakka verbali preċedenti. Għaldaqstant hija ssostni, impliċitament, iżda neċessarjament, li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni nisslet, fir-rigward tagħha, aspettattivi leġittimi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq.

108    Madankollu, tali argument jista’ biss jiġi miċħud.

109    Fil-fatt, mill-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, wara l-eżami tal-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell u jista’, meta jagħmel dan, “jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata”, jiġifieri, f’dan il-każ, jiddeċiedi huwa stess fuq l-oppożizzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b’hekk jikkonferma jew iwarrab id-deċiżjoni kkontestata. Fi kliem ieħor, permezz tal-effett tal-appell imressaq quddiemu, il-Bord tal-Appell huwa mitlub iwettaq eżami ġdid komplet tal-mertu tal-oppożizzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punti 56 u 57).

110    Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, bħal dik imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq, ma tistax titqabbel ma’ aġir tal-amministrazzjoni tal-Unjoni li jista’ jnissel aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-parti li qed topponi.

 Fir-rigward tar-raba’ argument

111    Permezz tar-raba’ argument, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Bord tal-Appell ma kienx irrileva, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura insuffiċjenti tal-provi prodotti mir-rikorrenti. Hija tallega li, f’dan il-kuntest, hija ma setgħetx, fin-nuqqas ta’ dubju dwar ir-regolarità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, “tikkontempla li tippreżenta matul il-proċedimenti […] dokumenti ġodda dwar id-drittijiet preċedenti tagħha”.

112    Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

113    Minn naħa, għar-raġunijiet indikati fil-punt 109 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx indika lir-rikorrenti li huwa kellu l-intenzjoni jerġa’ lura fuq xi wħud mill-evalwazzjonijiet magħmula mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

114    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistax, f’kull każ, issostni li hija ma kellha ebda raġuni tipproduċi provi ġodda quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI jirriżulta li, quddiem il-Bord tal-Appell, l-intervenjenti b’mod partikolari sostniet li ma kinitx ingħatat “prova suffiċjenti” tal-protezzjoni ta’ kull waħda mit-trade marks invokati mir-rikorrenti

115    Minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u li għaldaqstant ir-rikors jista’ biss jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

116    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Interkobo sp. z o.o. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Ġunju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.