Language of document : ECLI:EU:T:2011:734

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Diċembru 2011

Kawża T-311/09 P


Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Rimbors ta’ spejjeż mediċi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad ir-rimbors għal 100 % ta’ ċerti spejjeż mediċi sostnuti mir-rikorrent — Żnaturament — Obbligu ta’ motivazzjoni — Investigazzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Awtorità ta’ res judicata — Lis alibi pendens — Att konfermattiv”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-20 ta’ Mejju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑73/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑145 u II‑A‑1‑819), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura — Motivazzjoni tas-sentenzi — Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u Artikolu 90(2))

3.      Appell — Aggravji — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

4.      Uffiċjali — Appell — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Att konfermattiv — Esklużjoni

(Artikolu 233 KE; Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Minkejja li l-obbligu, tal-qorti tal-Unjoni Ewropea, li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha ma jimplikax li din għandha tirrispondi fid-dettall għall-argumenti kollha invokati mill-partijiet, b’mod partikolari meta dawn ma humiex suffiċjentement ċari u preċiżi u ma humiex ibbażati fuq provi ċirkustanzjali, huwa jimponi, tal-inqas, li hija teżamina kull ksur ta’ dritt allegat ippreżentat quddiemha.

(ara l-punt 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑498/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑35 u II‑B‑1‑197, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-obbligu ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal meħuda flimkien għandu l-għan li, minn naħa, jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza taċ-ċaħda tat-talba tagħha u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jippermetti lil din tal-aħħar sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt li tingħata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, u li l-irregolarità li tirriżulta min-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tista’ biss tiġi rregolarizzata qabel il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja kontriha. Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tiċħad ilment għandha taqbel ma’ dik li tkun tinsab fid-deċiżjoni li kontriha jkun sar dan l-ilment. Dan il-prinċipju japplika wkoll għad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Unjoni, li stabbilixxew skema ta’ assigurazzjoni għall-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-Artikolu 35 tagħhom jagħmel riferiment għall-proċedura prekontenzjuża stabbilita bl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 42 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T‑93/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑149 u II‑A‑2‑1045, punti 49 u 52, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑133 u II‑B‑1‑807, punt 55)

3.      Il-kwistjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li, fil-kuntest ta’ appell, hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li huwa eżerċitat f’dan il-kuntest mill-Qorti Ġenerali għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li fuqhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu li tgħid li l-motivazzjoni hija suffiċjenti jew insuffiċjenti.

(ara l-punt 51)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55

4.      L-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ kull rikors ippreżentat mill-uffiċjali kontra l-istituzzjoni li jaqgħu taħtha.

Jikkostitwixxu tali atti biss il-miżuri li joħorġu mill-awtorità kompetenti u li fihom hemm teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-amministrazzjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti li huma ta’ natura li jaffettwaw b’mod dirett u immedjat l-interessi tar-rikorrent, u dan billi jimmodifikaw, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni legali tiegħu.

Il-klassifikazzjoni ta’ att ikkontestat bħala li ma jikkawżax preġudizzju lir-rikorrent, fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, liema klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni li tgħid li dan l-att ma kellux l-effett li jemenda s-sitwazzjoni legali tal-imsemmi rikorrent, li kienet ġiet stabbilita minn qabel minn att ieħor tal-amministrazzjoni li kien jikkostitwixxi l-att li jikkawżalu preġudizzju, ma tistax tkun affettwata mill-fatt li, wara l-adozzjoni tal-att ikkontestat, l-att li jikkawża preġudizzju kien ġie annullat. F’każ bħal dan, l-att ikkontestat ma jistax jitqies bħala sempliċi konsegwenza tal-att li jikkawża preġudizzju. Minn dan jirriżulta li, peress li l-att li jikkawża preġudizzju ma huwiex annullat, huwa jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità u l-att ikkontestat jista’ jinżamm, filwaqt li jekk l-att li jikkawża preġudizzju jiġi annullat, iż-żamma jew l-irtirar tal-att ikkontestat ikun jiddependi mill-miżuri li l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet li minnhom joħroġ l-att li jikkawża preġudizzju huma marbuta jieħdu sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ annullament, b’konformità mal-obbligu li huma għandhom skont l-Artikolu 233 KE (li sar l-Artikolu 266 TFUE).

(ara l-punti 73, 74 u 92)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Ġunju 1993, Devillez et vs Il‑Parlament, T‑46/90, Ġabra p. 699, punti 13 u 14; 13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑20/92, Ġabra p. II‑799, punt 39; 14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il‑Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 47; 3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il‑Kummissjoni, T‑196/95, ĠabraSP p. I‑A‑133 u II‑403, punt 44; 21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punt 83; 17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punt 28