Language of document : ECLI:EU:F:2010:44

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Mejju 2010

Kawża F-55/09

Allan Maxwell

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Kollokament fl-interess tas-servizz — Leave għal raġunijiet personali — Spejjeż ta’ akkomodazzjoni u spejjeż skolastiċi — Rikors għad-danni — Responsabbiltà għal ħtija — Arrikkiment indebitu”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, A. Maxwell jitlob il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tirrimborsah l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni u tal-ispejjeż skolastiċi, sostnuti minnu waqt il-perijodu ta’ leave għal raġunijiet personali meħud sabiex iwettaq il-funzjoni ta’ konsulent prinċipali fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni — Talba li ma tippreżentax natura awtonoma fil-konfront tat-talbiet għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Motivi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Termini — Talba għad-danni indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kunċett

5.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu tal-Komunità — Kunċett

1.      Id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni hija parti integrali tal-proċedura amministrattiva preliminari, li tippreċedi rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, it-talbiet għal annullament ippreżentati minn uffiċjal ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu fir-rigward tat-talbiet għad-danni. Fil-fatt, l-att li fih it-teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni waqt il-fażi prekontenzjuża għandu biss bħala effett li jippermetti lill-parti li sostniet dannu sabiex tippreżenta talba għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

(ara l-punt 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, ĠabraSP p. I‑A‑471 u II‑1231, punt 45; 6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑293, punt 68; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑209/99, ĠabraSP p. I‑A‑243 u II‑1211, punt 32

2.      Uffiċjal li naqas milli jippreżenta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament ta’ att li allegatament jikkawżalu preġudizzju ma jistax, permezz ta’ talba għad-danni kkawżat permezz ta’ dan l-att, jikkumpensa għal din l-ommissjoni u jkollu b’hekk termini ġodda sabiex iressaq rikors.

(ara l-punt 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑547/93, ĠabraSP p. I‑A‑63 u II‑185, punti 174 u 175

3.      Huma l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li għandhom jirreferu lill-istituzzjoni kull talba intiża sabiex jinkiseb kumpens minħabba dannu attribwibbli lilha, u dan f’terminu raġonevoli mill-mument li fih huma jkunu saru jafu bis-sitwazzjoni li dwarha jkunu qed jilmentaw.

Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ terminu raġonevoli għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterji bħall-importanza tal-kawża għall-parti kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża, l-aġir tal-partijiet u, b’mod indikattiv, ir-riferiment għat-terminu stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkunsidrat bħala limitu.

Terminu ta’ iktar minn sitt snin bejn id-data li fiha l-uffiċjal sar jaf bis-sitwazzjoni li dwarha qiegħed jilmenta u d-data li fiha ppreżenta t-talba għad-danni tiegħu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli.

(ara l-punt 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 60 u 65; 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punt 25.

4.      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni jeħtieġ li jkunu sodisfatti serje ta’ kundizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat.

Barra minn hekk, sabiex tiġi ammessa rabta kawżali bejn l-illegalità ta’ aġir allegat fil-konfront ta’ istituzzjoni u d-dannu invokat, bħala prinċipju, għandha titressaq il-prova ta’ rabta diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq u d-dannu.

(ara l-punt 69)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 42; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 1995, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑36/93, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑497, punt 130; 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punt 149; Eagle et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑250/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑191, II‑A‑2‑1251, I‑A‑2‑191 u II‑A‑2‑1251, punt 95; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ April 2009, Violetti et vs Il‑Kummissjoni, F‑5/05 u F‑7/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑83 u II‑A‑1‑473, punt 125, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑261/09 P

5.      Skont il-prinċipji komuni għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, persuna li sostniet telf li jarrikkixxi l-patrimonju ta’ persuna oħra mingħajr l-eżistenza ta’ bażi ġuridika għal dan l-arrikkiment għandha, bħala regola ġenerali, dritt għal restituzzjoni, f’ammont ugwali għal dan it-telf, min-naħa tal-persuna arrikkita. Peress li l-arrikkiment indebitu jikkostitwixxi sors ta’ obbligu mhux kuntrattwali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea ma tistax tevita l-applikazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji fir-rigward tagħha meta persuna fiżika jew ġuridika tallega li l-istess Unjoni Ewropea ġiet arrikkita indebitament għad-detriment tagħha.

(ara l-punt 95)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punt 47