Language of document : ECLI:EU:T:2010:549

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

17 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Dumping – Importazzjoni ta’ kejbils tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel, mill-Ukraina u mir-Russja – Rifjut li ssir reviżjoni parzjali interim tad-dazju antidumping impost ”

Fil-Kawża T‑369/08,

European Wire Rope Importers Association (EWRIA), stabbilita f’Hemer (il-Ġermanja),

Câbleries namuroises SA, stabbilita f’Namur (il-Belġju),

Ropenhagen A/S, stabbilita f’Vallensbaek Strand (id-Danimarka),

ESH Eisen- und Stahlhandelsgesellschaft mbH, stabbilita f’Kaarst (il-Ġermanja),

Heko Industrieerzeugnisse GmbH, stabbilita f’Hemer,

Interkabel Internationale Seil- und Kabel-Handels GmbH, stabbilita f’Solms (il-Ġermanja),

Jose Casañ Colomar, SA, stabbilita fi Valencia (Spanja),

Denwire Ltd, stabbilita f’Dudley (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn T. Lieber, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Clyne u H. van Vliet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-anuullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2008 li biha din tal-aħħar ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għall-ftuħ ta’ reviżjoni interim parzjali intemedjarju ta’ miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjoni ta’ kejbils tal-ħadid u tal-azzar,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Papasavvas u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Ir-Regolament bażiku antidumping

1        Ir-Regolament antidumping bażiku huwa kkostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”) [issostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22)]. L-Artikolu 1(1)(2) u (4) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 1(1)(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:

“1. Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.

2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

[…]

4. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “prodott simili” għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

2        L-Artikolu 3(1) u (2) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1225/2009) jippreċiża:

“1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu “ħsara” għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’:il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemml-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.”

3        L-Artikolu 5(7) u (9) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 5(7) u (9) tar-Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:

“7. L-evidenza kemm ta’ dumping kif ukoll tal-ħsara għandha tiġi kkunsidrata fl-istess ħin fid-deċiżjoni ta’ jekk għandiex tinbeda investigazzjoni jew le. Ilment għandu jiġi mwarrab fejn ma jkunx hemm biżżejjed evidenza ta’ dumping jew ta’ ħsara biex tiġġustifika proċediment bil-każ.

[…]

9. Fejn, wara konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċeduri, il-Kummissjoni għandha tagħmel hekk fi żmien 45 ġurnata minn meta jkun sar l-ilment u għandha tippubblika notifikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata evidenza biżżejjed, min jagħmel l-ilment għandu, wara konsultazzjoni, jiġi b’hekk infurmat fi żmien 45 ġurnata mid-data li fiha l-ilment jiġi mressaq lill-Kummissjoni.”

4        L-Artikolu 11(2)(3)(5) u (6) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 11(2)(3)(5) u (6) tar-Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:

“2. Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara […]

3. Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, […] sakemm ikun għadda perjodu raġjonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Komunità li jkun fiha biżżejjed evidenza li tissostanzja l-bżonn għal reviżjoni interim bħal din.

Reviżjoni interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

Fit-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet skond dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista’, inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, tbiddlux b’mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara stabbilita qabel taħt l-Artikolu 3. F’dan il-każ, għandu jingħata każ, fid-determinazzjoni finali, ta’ l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost.

[…]

5. Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4. Ir-reviżjonijiet li jitwettqu skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jitwettqu malajr u normalment għandhom jintemmu fi 12-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni.

6. Reviżjonijiet skond dan l-Artikolu għandhom jinbdew mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Fejn garantit permezz ta’ reviżjoni, il-miżuri għandhom jiġu rrevokati jew miżmuma skond il-paragrafu 2, jew irrevokati, miżmuma jew emendati skond il-paragrafi 3 u 4, mill-istituzzjoni Komunitarja reponsabbli għall-introduzzjoni tagħhom […]”

5        L-Artikolu 21(1) tar-regolament bażiku (li sar l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1225/2009) jipprovdi:

“Għandu jkun stabbilit jekk l-interess Komunitarju jitlobx intervent fuq il-bażi ta’ apprezzament ta’ l-interessi varji kollha meħuda globalment, inklużi l-interessi ta’ l-industrija u dawk fl-użu [l-utenti] u l-konsumaturi domestiċi; u dan l-istabbiliment skond dan l-Artikolu għandu biss isir fejn il-partijiet kollha ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu l-opinjonijiet tagħhom magħrufa skond il-paragrafu 2. F’eżaminazzjoni bħal din, il-bżonn illi tiġi eliminata l-ħsara li jikkawża dumping u li jreġġa’ l-kompetizzjoni effettiva għandu jiġi mogħti kunsiderazzjoni speċjali. Miżuri, kif stabbiliti fuq il-bażi ta’ dumping u l-ħsara misjuba, ma jistgħux jiġu applikati fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni sottomessa, jistgħu jikkonkludu b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jiġu applikati miżuri bħal dawn.”

B –  Miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjoni ta’ kejbuls tal-ħadid jew tal-azzar

1.     Miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li ġejjn miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel u mill-Ukraina

6        Wara żewġ ilmenti ppreżentati, f’April u f’Ġunju 1998, il-Kumitat ta’ Kollegament tal-Industriji tal-kejbils tal-metall tal-Unjoni Ewropea (Liaison Committee of European Union Wire Rope Industries, iktar ’il quddiem il-“EWRIS”) u l-bidu tal-proċeduri antidumping fl-20 ta’ Mejju 1998 dwar importazzjoni fil-Komunità ta’ kejbils tal-azzar, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 362/1999 tat-18 ta’ Frar 1999 li jimponi taxxa fuq l-importazzjoni ta’ ħbula u cables tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja, il-Messiku, l-Afrika t’Isfel u l-Ukrajna biex jiġi evitat li jinfaqà s-suq u li jaċċetta impriżi offruti minn ċerti esportaturi fl-Ungerija u l-Polonja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 31, p. 3). Il-premessa 7 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-“prodott ikkonċernat” kif ġej: “il-ħbula u cables ta’ l-azzar, inklużi ħbula b’LOCKED COIL, esklużi ħbula u cables ta’ l-azzar, bi ħxuna massima ta’ iktar minn 3 mm”.

7        Fit-12 ta’ Awwissu 1999, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1796/1999 tat-12 ta’Awwissu 1999 li jimponi dazju definitiv antidumping, u li jiġbor b’mod definititiv id-dazju proviżorju impost, fuq importazzjoni ta’ ħbula u cables ta’ l-azzar ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ungerija, l-Indja, l-Messiku, il-Polonja, l-Afrika t’Isfel u l-Ukrajna u li jtemm il-proċeduri legali kontra antidumping minn importazzjonijiet ġejjin mir-Repubblika tal-Korea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 106). Il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament irriproduċiet id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 362/1999.

8        Wara l-pubblikazzjoni, fit-13 ta’ Novembru 2003, ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (ĠU C 272, p. 2), b’mod partikolari miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1796/1999, il-Kummissjoni rċeviet, fis-17 ta’ Mejju 2004, talba għal reviżjoni ppreżentata mill-EWRIS, skont l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku. Fis-17 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni minħabba skadenza tal-miżuri antidumping fuq importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel u milll-Ukraina (ĠU C 207, p. 2) u fetħet investigazzjoni ta’ reviżjoni.

9        Fit-8 ta’ Novembru 2005, Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjoni ta’ kejbils tal-azzar li ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel u mill-Ukraina wara reviżjoni minħabba skadenza ta’ miżuri li ttieħdu skont l-Artikolu 11(2) tar-[regolament bażiku] (ĠU L 299, p. 1). Il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament irriproduċiet id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat li tinsab fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 1796/1999.

2.     Miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjoni ta’ kejbils tal-ħadid jew tal-azzar ġejjin mir-Russja

10      Wara lment imressaq, f’Marzu 2000, mill-EWRIS, u l-bidu ta’ proċeduri antidumping fil-5 ta’ Mejju 2000 dwar importazzjoni fil-Komunità ta’ kejbils tal-ħadid u tal-azzar, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 230/2001, tat-2 ta’ Frar 2001, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjoni ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija u li jaċċetta impenji offruti minn ċerti esportaturi fir-Repubblika Ċeka u fit-Turkija (ĠU L 34, p. 4). Il-premessa 9 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-“prodott rilevanti” bħala “l-kejbils tal-ħadid jew tal-azzar, inklużi l-kejbils magħluqa, minbarra azzar li ma jissaddadtx, li l-akbar dimensjoni tiegħu bħala cross section jaqbeż it-3 mm, bi jew mingħajr aċċessorji”.

11      Fit-2 ta’ Awwissu 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1601/2001 [dwar l-] impożizzjoni ta’ taxxa definitiva kontra d-dumping u l-ġbir definitiv tat-taxxa proviżorja kontra d-dumping imposta fuq l-importazzjoni ta’ ċertu ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 62). Il-premessa 8 ta’ dan ir-regolament irriproduċiet id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat li tinsab fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 230/2001.

12      Wara l-pubblikazzjoni, fid-29 ta’ Ottubru 2005, ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (ĠU C 270, p. 38), b’mod partikolari, miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1601/2001, il-Kummissjoni rċeviet, fit-28 ta’ April 2006, talba għal reviżjoni ppreżentata mill-EWRIS skont l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku. Fit-3 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni minħabba skadenza ta’ miżuri antidumping fuq importazzjoni ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li ġejjin mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija u reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li ġejjin mit-Turkija (ĠU C 181, p. 15) u bdiet reviżjoni.

13      Fit-30 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1279/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mill-Federazzjoni tar-Russja u li jirrevoka miżuri antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mit-Tajlandja u mit-Turkija (ĠU L 285, p. 1). Il-premessa 32 ta’ dan ir-regolament tiddefinixxi l-“prodott ikkonċernat” meta rreferiet għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat msemmija fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 1601/2001, kif ġej: “ ħbula u kejbils, inklużi l-ħbula kolja kaxxarizz, tal-metall jew azzar, iżda mhux ta’l-azzar abjad ma jsaddadx li jinħadem fis-sħun (stainless steel), b’dimenzjoni massima tal-kampjun rappreżentattiv ta’aktar minn 3 mm, bit-tagħmir mehmużin jew le”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Il-European Wire Rope Importers Association (EWRIA), waħda mir-rikorrenti f’din il-kawża, hija assoċjazzjoni istitwita sabiex tirrappreżenta l-interessi kollettivi tal-kumpanniji Ewropej li joperaw fl-importazzjoni u l-kummerċ ta’ kejbils tal-azzar. Ir-rikorrenti l-oħra f’din il-kawża huma membri tal-EWRIA u huma kumpanniji registrati taħt id-dritt Belġjan (Câbleries namuroises SA), Daniż (Ropenhagen A/S), Ġermaniż (ESH Eisen- und Stahlhandelsgesellschaft mbH, Heko Industrieerzeugnisse GmbH, Interkabel Internationale Seil- und Kabel-Handels GmbH), Spanjol (Jose Casañ Colomar, SA) u tar-Renju unit (Denwire Ltd).

15      Fit-12 ta’ Ġunju 2007, l-EWRIA, f’isem ir-rikorrenti l-oħra u xi kumpanniji oħra, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għal reviżjoni interim parzjali, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, ta’ miżuri antidumping imposti, minn naħa, mir-Regolament Nru 1858/2005, dwar l-importazzjoni ta’ kejbils tal-azzar ġejjin miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel u mill-Ukraina, u, min-naħa l-oħra, mir-Regolament Nru 1601/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 564/2005, tat-8 ta’ April 2005 (dwar l-importazzjoni ta’ ċerti kejbils tal-azzar ġejjin ĠU L 159M, p. 367), dwar l-importazzjoni ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija (iktar ’il quddiem it-“talba għal reviżjoni”).

16      It-talba għal reviżjoni kienet intiża għal sabiex jiġi definit mill-ġdid l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prodotti koperti mill-miżuri antidumping inkwistjoni, jiġifieri l-kejbils tal-ħadid u l-azzar (iktar ’il quddiem msejħa flimkien il-“kejbils tal-azzar”). Skont l-EWRIA, minn meta l-ewwel daraba ġew introdotti l-miżuri antidumping inkwistjoni, is-sitwazzjoni nbidlet b’mod sinjifikattiv, u dan jiġġustifika bidla fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għar-raġunijiet li ġejjin:

–        id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-miżuri antidumping inkwistjoni hija kuntrarju għall-istandards Komunitarji għall-wajers tal-azzar (EN 10264) u għall-kejbils tal-azzar (EN 12385), li jiddistingwu uffiċjalment il-kejbils għal użu ġenerali minn dawk għal użu speċifiku;

–        l-operaturi li bħalissa joperaw fis-suq ma jikkunsidrawx iktar il-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku bħala prodott wieħed, iżda bħala prodotti distinti;

–        minn meta kien hemm l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping inkwistjoni, il-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità saret marġinali, peress li l-produtturi Komunitarji tal-kejbils tal-azzar issa jimmanifatturaw l-iktar kejbils għal użu speċifiku;

–        il-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq Komunitarju għal kejbils tal-azzar nbidlu, peress li ma hemmx iktar kompetizzjoni sinjifikattiva bejn il-kejbils ta’ użu ġenerali u dawk ta’ użu speċifiku, u li l-importazzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali ma jikkawżax iktar dannu għall-produtturi Komunitarji tal-kejbils tal-azzar.

17      Fil-talba għal reviżjoni, l-EWRIA pproponiet tqassam id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat f’żewġ gruppi, jiġifieri, minn naħa, il-kejbils għal użu ġenerali u, min-naħa l-oħra, il-kejbils ta’ prestazzjoni għolja jew ta’ użu speċifiku. Kejbils għal użu speċifiku jibqgħu suġġetti għal miżuri antidumping, filwaqt li l-kejbils għal użu ġenerali jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

18      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2008, wara laqgħa mal-EWRIA, il-Kummissjoni informatha b’dan li ġej:

“Kif miftiehem fil-laqgħa tat-8 ta’ April 2008, aħna ninnotaw li qed tippjana li jissupplimenta l-osservazzjonijiet tiegħek tat-12 ta’ Ġunju 2007 bi provi dwar id-dannu u/jew id-dumping.

Nistennew mingħandek li nirċievu l-informazzjoni addizzjonali, waqt li aħna nibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħek sabiex nirrispondu għad-domandi addizzjonali kollha li jista’ jkollok dwar dan is-suġġett.”

19      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2008, l-EWRIA rrispondiet lill-Kummissjoni kif ġej:

“Fil-każ inkwistjoni, qed issir riferenza għad-diskussjoni li kellna fit-8 ta’ April 2008 u għall-ittra tiegħek tal-istess jum.

Fir-rigward tat-talba tagħna għal reviżjoni interim parzjali, jekk jogħġbok innota li aħna ma għandniex l-intenzjoni li nżidu ma’ dawn l-osservazzjonijiet. Fil-fehma tagħna, it-talba għandha provi suffiċjenti ta’ “tibdil fiċ-ċirkustanzi” fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati minn meta kien hemm l-adozzjoni tal-ewwel regolament antidumping fuq il-kejbils tal-azzar fl-1999. Barra minn hekk, it-talba diġà ġiet diskussa fil-fond ma’ [P.-C.] u [C.-N.] li informawna li, fil-fehma tagħhom, il-possibbiltajiet ta’ reviżjoni interim tad-definizzjoni ta’ prodotti kkwalifikati bħal kejbils tal-azzar kienu “promettenti”.

Konsegwentement aħna nitolbuk sabiex ġentilment taċċetta t-talba tagħna u li tinbeda mingħajr iktar dewmien reviżjoni interim dwar id-definizzjoni ta’ prodotti kkwalifikati bħala kejbils tal-azzar. Jekk jogħġbok innota li jekk intom tagħżlu li tirrifjutaw t-talba tagħna, din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.”

20      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem imsejħa “l-ittra inkwistjoni”), il-Kummissjoni indikat lill-EWRIA kif ġej:

“Nirreferi għad-diversi skambji li kellkhom kellna mat-tim tiegħi u miegħi stess dwar il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li tinbeda reviżjoni parzjali tal-miżuri msemmija hawn fuq relatati mal-kejbils tal-azzar, sabiex jiġu esklużi kejbils għal użu ġenerali mid-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati.

Mill-ittra tiegħek tat-30 ta’ April jirriżulta li intom mhux se tipprovdu, insostenn tat-talba tagħkom dwar id-definizzjoni ta’ prodotti, provi addizzjonali barra l-informazzjoni u l-provi li intom ipprovdejtu qabel dik id-data.

Aħna jiddispjaċina li ninfurmak li abbażi tal-informazzjoni li intom ippreżentajtu sa issa, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li reviżjoni interim parzjali għandha tinbeda sabiex jiġu esklużi l-kejbils għal użu ġenerali mid-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati. Dan huwa spjegat prinċipalment minħabba n-nuqqas ta provi suffiċjenti li ż-żewġ tipi ta’ prodotti kkonċernati mill-miżuri, il-kejbils għal użu ġenerali u l-kejbils għal użu speċifiku, ma għandhomx it-tnejn l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi.

Il-kummenti tagħkom huma bbażati fuq numru ta’ elementi, f’dan il-każ lubrikanti, inserzjonijiet tal-plastik, gradi ta’ rotazzjoni u xi karatteristiċi tal-wajers, li jgħini sabiex jiddistingwu ħafna tipi ta’ kejbils tal-azzar. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed peress li l-kejbils kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-kejbils tal-azzar jikkonsistu essenzjalment minn tliet elementi: il-wajer tal-azzar li jifforma l-kurduni, dawn il-kurduni mibruba madwar il-qalba u l-qalba nnifisha Il-komponenti tagħhom ivarjaw skond il-limitazzjonijiet fiżiċi tal-applikazzjoni maħsuba. F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi nnutat li, għalkemm hemm firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ kejbils tal-azzar li ċerti differenzi fiżiċi u tekniċi, kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi (il-kejbils huma magħmula minn kurduni ta’ wajers tal-azzar mibruma minn qalba) u l-istess karatteristiċi tekniċi (kollha għandhom numru ta’ wajers għal kull kurdun, ċertu numru ta’ kurduni għal kull kejbil, ċertu dijametru u ċerta struttura). Għalkemm il-prodotti tal-livell ta’ isfel u tal-livell ta’ fuq ma humiex interkambjabbli, il-prodotti adjaċenti huma fil-fatt interkambjabbli. Aħna għaldaqstant nikkonkludu li l-gruppi differenti ta’ kejbils sa ċertu grad huwa sovraposti u jikkompetu bejniethom. Barra minn hekk, anki fi ħdan l-istess grupp, il-prodotti jistgħu jkollhom applikazzjonijiet differenti.

Barra minn hekk, jidher li f’xi gruppi adjaċenti, il-kejbils tal-azzar standard jikkompetu mal-kejbils tal-azzar speċifiċi, peress li dawn jistgħu jintużaw għall-istess għanijiet, u għaldaqstant jidhru interkambjabbli.

Naturalment, jekk intom għandkom xi informazzjoni ġdida li skont intom twassalna sabiex nirrevedu din il-pożizzjoni, inti dejjem tista’ tipprovdilna din l-informazzjoni.

Aħna nibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħek sabiex tirrispondi għal kwalunkwe domanda addizzjonali li intom tistgħu tagħmlulna dwar dan is-suġġett.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, li biha ċaħdet it-talba tagħhom għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping tal-kejbils tal-azzar, sabiex taġġusta l-portata tal-miżuri u teskludi l-kejbils għal użu ġenerali mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tibda reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar, sabiex li tadatta l-portata tal-miżuri u teskludi l-kejbils għal użu ġenerali mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2010.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.     Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2008 li ma tibdiex reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping dwar kejbils tal-azzar

a)     L-argumenti tal-partijiet

25      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-kap tat-talba huwa inammissibbli. L-ittra inkwistjoni ma tikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma tipproduċix effetti ġuridiċi definittivi għar-rikorrenti. Kuntrarjament għall-ittra kkwalifikata bħala deċiżjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06, Ġabra p. I‑5829), l-ittra inkwistjoni ma hijiex intiża li tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti.

26      Fl-ewwel lok, filwaqt li tirreferi għall-formulazzjoni tal-ittra inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva li din ma l-ittra ma stabbilixxietx “rifjut definittiv u irriversibbli” tal-possibbiltà ta’ reviżjoni interim. L-ittra inkwistjoni tirrappreżenta l-pożizzjoni meħuda mid-dipartiment tal-Kummissjoni “abbażi ta’ informazzjoni [...] ppreżentajtu sa issa”. Il-kap tal-unità u t-tim tiegħu kkunsidraw, b’mod provviżorju, li r-rikorrenti ma kinux għadhom ipprovdew provi li jiġġusitifikaw il-bidu ta’ reviżjoni interim, u ma kellhomx l-intenzjoni li jeskludu għal kollox il-bidu tar-reviżjoni. L-ittra inkwistjoni espressament tħalli l-possibbiltà li EWRIA tipprovdi informazzjoni ġdida li tista’ tikkonvinċi lill-Kummissjoni li għandha tagħmel reviżjoni interim. Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward fuq il-fatt li, f’din il-kawża, hija ma għalqitx il-każ. Għal dawn ir-raġunijiet, l-ittra inkwistjoni ma hijiex paragunabbli mal-ittra kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, iżda hija pjuttost simili għall-ittra mibgħuta, qabel din tal-aħħar, li tenfasizza l-fatt li rikorrenti f’din il-kawża setgħet tipprovdi informazzjoni addizzjonali. Jekk ir-rikorrenti f’din il-kawża kienu bagħtu ittra oħra, fejn spjegaw iktar ir-raġunijiet tat-talba tagħhom għal reviżjoni u r-raġuni għaliex huma kkunsidraw li hija għandha tirrevedi l-pożizzjoni tiegħu, dak li effettivament sar, mingħajr mar-rikorrenti jkollhom jippreżentaw talba ġdida.

27      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għall-identità tal-awtur tal-ittra inkwistjoni, tallega li din tikkostitwixxi sempliċi ittra tad-dipartimenti tagħha, u mhux tagħha stess, fis-sens tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2009, U. S. Steel Košice vs Il-Kummissjoni (T‑22/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42). Il-kap ta’ unità li kien iffirma l-ittra jagħmel riferiment għal diversi skambji li r-rikorrenti kellhom “mat-tim [tiegħu] u [miegħu] stess”, filwaqt li l-pronom “aħna”, ifisser il-kap ta’ unità inkwistjoni u t-tim tiegħu, jintuża fil-kumplament tat-test. Dawn l-elementi jindikaw li l-ittra inkwistjoni ma tikkostitwixxix deċiżjoni skont l-Artikolu 230 KE.

28      Konsegwentement, u kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 1998, BEUC vs Il‑Kummissjoni (T‑84/97, Ġabra p. II‑795, punt 48), l-ittra inkwistjoni ma tikkostitwixxix “evalwazzjoni ċara u definittiva” tal-talba għal reviżjoni.

29      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-ittra inkwistjoni tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, skont il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

30      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li mir-rikors jirriżulta li l-kawża saret għall-annullament ta’ “d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, li biha ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping tal-kejbils tal-azzar, sabiex taġġusta datta l-portata tal-miżuri u teskludi l-kejbils għal użu ġenerali mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat” (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑443/97, Ġabra p. I‑2415, punt 27; tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I‑7795, punt 54, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 29).

32      Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament jirriżulta wkoll li għanda tingħata importanza lis-sustanza stess tal-atti kkontestati kif ukoll lill-intenzjoni tal-awtur tagħhom sabiex dawn l-atti jiġu kkwalifikati. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu, bħala regola, atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja IBM vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punti 9 u 10; tas-16 ta’ Ġunju 1994, SFEI et vs Il-Kummissjoni, C‑39/93 P, Ġabra p. I‑2681, punti 27 sa 33; tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punti 26 u 27; Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 42, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, I-00669, punt 52).

33      Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja IBM vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 9; tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il‑Parlament, C-208/03 P, Ġabra p. I‑6051, punt 46 u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 43). Li kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni tkun tista’ tevita l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja billi sempliċiment tinjora rekwiżiti formali bħal dawn. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, billi l-Komunità Ewropea hija Komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għal stħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-trattat, ir-regoli proċedurali applikabbli għall-kawżi li l-qrati Komunitarji jiġu aditi bihom għandhom jiġu interpretati, safejn huwa possibbli, b’tali mod li dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju (sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punti 44 u 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punti 38 u 39, u tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 109).

34      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att inkwistjoni jikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, tal-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-kuntest li fih dan sar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 58), din l-istituzzjoni stabbilixxietx b’mod definittiv, permezz tal-att ineżami, il-pożizzjoni tagħha fuq it-talba għal rieżami.

35      Għandu jiġi kkonstatat, qabel xejn, li l-ittra inkwistjoni ssegwi l-ittra tal-EWRIA tat-30 ta’ April 2008, li permezz tagħha hija informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li ma tikkompletax it-talba għal reviżjoni minħabba l-fatt li l-imsemmija talba fiha provi suffiċjenti, u l-intenzjoni tagħha, fil-każ ta’ rifjut tat-talba tagħha li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni. Sussegwentement, it-termini tal-ittra inkwistjoni li “[a]ħna jiddispjaċina li ninfurmak li abbażi tal-informazzjoni li intom ippreżentajtu sa issa, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li reviżjoni interim parzjali għandha tinbeda” jindika li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tilqgħax it-talba għal reviżjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni infurmat ukoll lir-rikorrenti għaliex hija kienet iddeċidiet li ma tibdiex ir-reviżjoni. Hija ppreċiżat li “[d]an huwa spjegat prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti li ż-żewġ tipi ta’ prodotti kkonċernati mill-miżuri, il-kejbils għal użu ġenerali u l-kejbils għal użu speċifiku, ma għandhomx it-tnejn l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi.” Finalment, għalkemm, ċertament, il-Kummissjoni ddikjarat, fl-aħħar tal-ittra inkwistjoni, li hija kien lesta sabiex ir-rikorrenti jipprovdu informazzjoni ġdida li tista’ twassal sabiex “terġa’ tikkunsidra din il-pożizzjoni”, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kienet b’mod ċar ġiet infurmata li t-talba għal reviżjoni kienet finali u ma kinitx sostanzjata b’ebda prova oħra.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa ċar li deċiżjoni kienet ittieħdet fuq din it-talba u li, fil-każ ta’ provvista ta’ informazzjoni ġdida, deċiżjoni ġdida setgħet tittieħed, li tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija informazzjoni.

37      Għandu, barra minn hekk, jitfakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku (li sar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 1225/2009), reviżjoni interim issir meta t-talba jkun fiha provi biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex iktar neċessarja sabiex tirribatti d-dumping u/jew li d-dannu x’aktarx ma jitkompliex jew ma jerġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex iktar. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Bażiku, sabiex tagħmel reviżjoni interim (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 1996, Dysan Magnetics u Review Magnetics, T‑134/95, Ġabra. p. II‑181, punt 23, u tal-25 ta’ Mejju 1998, Broome & vs Wellington vs Il-Kummissjoni, T‑267/97, Ġabra p. II‑2191, punt 29) ir-rifjut li tinbeda tali reviżjoni fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti ma jikkostitwixxix att preliminari jew preparatorju, billi dan mhux ser jiġi segwit minn ebda att ieħor li jista’ jagħti lok għal rikors għal annullament (ara, f’dan sens, is-sentenzi SFEI et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 28, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 54).

38      F’dan ir-rigward ma huwiex rilevanti li r-rikorrenti jistgħu jibqgħu jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali li tista’ twassal lil din tal-aħħar li tirrivedi l-pożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 55).

39      Ċertament, kif il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta, ebda deċiżjoni formali ma ttieħdet wara t-talba għal reviżjoni. Madankollu, peress li l-Artikolu 5(7) tar-regolament bażiku, li japplika wkoll għal reviżjonijiet interim skont l-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament jistipula li talba għal ftuħ ta’ investigazzjoni għandha tiġi miċħuda meta l-provi relatati mad-dumping jew mal-ħsara ma jkunux biżżejjed sabiex tiġġustifika li jsiru proċeduri oħra dwar dan il-każ, l-Artikolu 5(9) tal-istess regolament jispeċifika li “[f]ejn ma tkunx ġiet ippreżentata evidenza biżżejjed, min jagħmel l-ilment għandu, wara konsultazzjoni, jiġi b’hekk infurmat”, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ittra inkwistjoni, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għal reviżjoni.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 35 iktar ’il fuq u tal-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproċedix bit-talba għal reviżjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ li r-rikorrenti jkunu pprovdew sussegwentement informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tkun obbligata, jekk ikun il-każ, li tieħu deċiżjoni ġdida, billi tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni ġdida, dwar jekk hemmx lok li tinbeda reviżjoni interim fid-dawl tal-provi fil-pussess tagħha. Madankollu, li tiġi pprovduta l-imsemmija informazzjoni ma għandu ebda impatt fuq il-fatt li l-ewwel talba għal reviżjoni issa ġiet miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar’il fuq, punt 57).

41      Minn dan isegwi li l-att ikkontestat jikkostitwixxi, fid-dawl kemm tas-sustanza tagħha u tal-kuntest li fih seħħ u tal-intenzjoni tal-Kummissjoni, rifjut definittiv, mill-Kummissjoni, sabiex issir reviżjoni interim parzjali. L-att ikkontestata għaldaqstant għandu jiġi kkwalifikat bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

42      In-natura ta’ din id-deċiżjoni ma’ tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li din l-evalwazzjoni ssir biss mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u mhux mill-Kummissjoni stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Mejju 1994, BEUC u NCC vs Il-Kummissjoni, T‑37/92, Ġabra p. II‑285, punt 38, u BEUC vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 48).

43      Peress li din id-deċiżjoni ċaħdet it-talba li tinbeda investigazzjoni sabiex tiddetermina n-neċessità taż-żamma ta’ miżuri antidumping inkwistjoni minħabba l-allegata bidla ta’ ċirkustanzi fil-kuntest ta’ reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, huwa jipproduċi effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti u jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat, skont l-Artikolu 230 KE.

2.     Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiża li tordna lill-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni interim parzjali

a)     L-argumenti tal-partijiet

44      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-kap tat-talbiet huwa inammissibbli. Skont l-Artikolu 233 KE u l-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordnijiet lill-Kummissjoni dwar il-mod kif għandha teżegwixxi sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

45      Għandu jirfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Unjoni hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet Komunitarji jew tieħu post dawn tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑21/94, Ġabra p. I-1827, punt 33, u tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il‑Kummissjoni, C‑5/93 P, Ġabra p. I‑4695, punt 36; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 83). Fil-każ ta’ annullament tal-att ikkontestat, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu, skont l-Artikolu 233 KE, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 23, u s-sentenza ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

46      Minn dan isegwi li t-talba tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali għandha tordna lill-Kummissjoni sabiex tagħmel reviżjoni interim parzjali għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

3.     Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi invokati mir-rikorrenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

47      Fir-rigward tal-motiv, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, minflok ma esponew l-argumenti tagħhom fil-korp tar-rikors, irreferew essenzjalment għas-argumenti li saru fit-talba għal reviżjoni. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li l-ewwel motiv kif ukoll il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti li għandhom l-istess irregolaritajiet huma inammissibbli, peress li dawn ma ġewx ippreżentati fir-rikors stess.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

48      Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikor, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument ġuridiku, li għandhom jinsabu fir-rikors (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 57, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94). Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipekevs Commission, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34; tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 154, u Honeywell vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). Minħabba dan il-fatt, ir-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-regoli tal-proċedura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2006, l-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑282/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

50      Għandu jiġi kkonstatat li l-motivi invokati mir-rikorrenti jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq.

51      Fl-ewwel lok, ma hemm ebda dubju li jirriżulta espressament mir-rikors li huwa jfittex li jirrikonoxxu l-ksur tal-Artikolu 1(4), tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 21 tar-regolament bażiku, allegatament ikkostitwit mir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni interim tal-miżuri antidumping inkwistjoni. Huwa jipprovdi wkoll li jikkonstata ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

52      Fit-tieni lok, anki jekk ir-rikorrenti jirreferu b’mod estensiv, fil-kuntest ta’ kull motiv, għat-talba għal reviżjoni annessa mar-rikors tagħhom, huma spjegaw ukoll, fir-rikors tagħhom, l-argumenti prinċipali insostenn tar-rikors tagħhom. Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq tibdil fiċ-ċirkustanzi rigward id-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati, il-produzzjoni Komunitarja u d-dannu, ir-rikorrenti jsostnu, qabel xejn, fil-punti 28 sa 35 tar-rikors, li d-definizzjoni inizjali tal-prodott ġiet sorpassata minn ċirkustanzi ġodda marbuta ma’ ċerti żviluppi tekniċi u teknoloġiċi. Sussegwentement, fil-punti 36 sa 41 tar-rikors, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għal użu ġenerali qegħda tispiċċa gradatament jew diġà waqfet. Fl-aħħar nett, fil-punti 42 sa 45 tar-rikors, huma jikkunsidraw li huwa ftit probabbli li d-dannu jkompli jew jerġa’ jseħħ jekk l-importazzjonijiet ta’ ċerta sottokategorija ta’ kejbils għal użu ġenerali jkunu esklużi mill-kamp tal-miżuri. Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti jispjegaw, fil-punti 12 sa 15 u 46 sa 50 tar-rikors, l-elementi li kienu ħolqu fihom aspettattivi leġittimi li reviżjoni interim ta’ miżuri antidumping inkwistjoni ser tinbeda. Fir-rigward tat-tielet motiv, ir-rikorrenti spjegaw, fil-punti 51 sa 55 tar-rikors, ir-raġunijiet li għalihom, skont huma, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku billi bbażat ruħha fuq definizzjoni usgħa wisq tal-prodott ikkonċernat.

53      B’hekk, l-ispjegazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti li tinsab fit-talba tippermetti lill-Kummissjoni tiddefendi lilha nnifisha u lill-Qorti Ġenerali li tagħmel l-istħarriġ tagħha. Minn dan isegwi li l-allegazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-motivi invokati mir-rikorrenti mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq il-mertu

54      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 21 tar-regolament bażiku, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, u, it-tielet nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 21 tar-regolament bażiku

55      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 21 tar-regolament bażiku, billi rrifjutat li tibda reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping inkwistjoni, minkejja li hija kienet marbuta tagħmel hekk fid-dawl ta’ provi suffiċjenti li jinsabu fit-talba għal reviżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar it-tibdil fiċ-ċirkustanzi rigward id-definizzjoni tal-prodott, il-produzzjoni Komunitarja u d-danni.

56      B’hekk, dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li d-definizzjoni inizjali tal-prodott ġiet superata b’ċirkustanzi ġodda relatati ma’ ċerti żviluppi tekniċi u teknoloġiċi. Fit-tieni parti, huma jallegaw li l-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għal użu ġenerali ser tispiċċa gradwalment jew diġà waqfet. Fl-aħħar nett, fit-tielet parti, huma jsostnu li huwa ftit probabbli li d-dannu jkompli jew jerġa’ jseħħ jekk l-importazzjoni ta’ ċerta sottokategorija tal-prodott ikkonċernat tiġi eskluża mill-kamp tal-miżuri.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq tibdil fiċ-ċirkustanzi fejn jikkonċerna d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat

 L-argumenti tal-partijiet

57      B’referiment għad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-bidla fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika reviżjoni interim tista’ tirreferi mhux biss għad-dumping u/jew għad-danni, iżda wkoll għad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm tibdil fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-kejbils tal-azzar li jiġġustifika aġġustament tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat li jinsab fl-miżuri antidumping inkwistjoni.

58      Ċertament, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddefinixxi l-prodotti kkonċernati fil-kuntest tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali. Madankollu, hija kellha tiġi marbuta tipproċedi għall-bidu ta’ reviżjoni interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, minħabba l-fatt li t-talba tagħhom kellha provi suffiċjenti ta’ tibdil ta’ ċirkustanzi tekniċi u ekonomiċi relatati mad-definizzjoni tal-prodott rilevanti. Is-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni, li jiġġustifikaw s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha rigward miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑170/94, Ġabra p. II‑1383, punti 61 sa 71, u tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il-Kunsill, T‑462/04, Ġabra p. II‑3685, punt 68) ma humiex irrilevanti għall-eżitu ta’ din il-kawża, peress li jirrigwardaw l-annullament ta’ miżura antidumping stess u mhux id-deċiżjoni li ma tinbediex reviżjoni interim.

59      Skont ir-rikorrenti, il-ftuħ ta’ reviżjoni interim mhux biss ma hijiex neċessarja biss fil-każijiet fejn aġġustament tal-miżuri eżistenti jidher bħala inevitabbli, iżda wkoll f’każijiet fejn hemm provi suffiċjenti tat-tibdil ta’ ċerti ċirkustanzi tekniċi u ekonomiċi seħħew u fejn, minħabba dan it-tibdil, jista’ jkun meħtieġ aġġustament tal-miżuri eżistenti.

60      Minħabba l-provi li huma jkunu pproduċew insostenn tat-talba tagħhom, il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, tniedi reviżjoni interim sabiex tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni dwar aġġustament eventwali tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet, mingħajr lanqas ma bdiet reviżjoni interim, li aġġustament tal-imsemmija definizzjoni ta’ miżuri antidumping ma kienx neċessarju, bi ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

61      B’hekk, ir-rikorrenti jkunu wrew, fit-talba għal reviżjoni, li d-definizzjoni tal-prodott korrispondenti għall-kejbils tal-azzar kienet inbidlet minn meta ġew istitwiti l-miżuri antidumping fir-rigward ta’ dawn il-kejbils.

62      Fl-ewwel lok, id-distinzjoni bejn il-kejbils għal użu ġenerali u speċifiċi ġiet stabbilita fit-12 ta’ Novembru 2001 mill-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni (KES) fl-istandard Ewropew EN 12385. Il-kejbils għall-użu ġenerali ddestinati għall-“applikazzjonijiet ta’ irfigħ ġenerali” kienu miġbura fil-Parti 4 ta’ dan l-istandard, filwaqt li l-kejbils għal użu speċifiku kienu miġbura fil-partijiet 5 sa 10 tal-imsemmija standard. Il-KES fl-2002 kien ikkonferma din id-distinzjoni fl-istandard EN 10264 dwar ir-rekwiżiti applikabbli għall-wajers tal-azzar għal kejbils, fejn saret distinzjoni bejn il-“wajers […] għal kejbils għal użu kurrenti”, fil-parti 2 ta’ dan l-istandard, u “wajers [...] għal applikazzjonijiet tqal” fil-Parti 3 tal-imsemmi standard.

63      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat, fir-Regolament (KE) Nru 1742/2000, tal-4 ta’ Awwissu 2000, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ polietilene tereftalat (PET) li joriġinaw mill-Indja, mill-Indoneżja, mill-Malasja, mir-Repubblika tal-Korea, mit-Tajwan u mit-Tajlandja (ĠU L 199, p. 48), il-kriterju rilevanti li jikkostitwixxi l-istandardizzazzjoni għad-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati.

64      Skont ir-rikorrenti, it-tibdil fl-istandardizzazzjoni jirrikjedi li jiġu aġġustati l-portata tal-miżuri antidumping inkwistjoni u li ssir distinzjoni bejn il-kejbils għal użu ġenerali u l-kejbils għal użu speċifiku. B’hekk, il-Kummissjoni kellha tagħmel investigazzjoni iktar fil-fond dwar dan is-suġġett bħala parti minn reviżjoni interim, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżempji speċifiċi u eżawstivi li jingħataw fit-talba tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-eżempji, iżda sempliċiment irreferiet għall-argument tas-soltu tagħha li l-kejbils tal-azzar kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi bażiċi u jikkonsistu essenzjalment minn tliet elementi: il-wajer tal-azzar li jiffurma l-kurduni, dawn il-kurduni mibrumin madwar il-qalba u l-qalba nnifisha. Dan l-argument simplistiku ma għandu ebda relazzjoni mar-realtà teknoloġika kurrenti li tiġi żvelata mid-deskrizzjonijiet kumplessi u voluminużi li jinsabu fl-istandardi EN 12385 u EN 10264. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma tistax tiġi rfinuta, peress li l-kejbils kollha tal-azzar, minħabba restrizzjonijiet tekniċi, huma magħmula mit-tliet elementi msemmija hawn fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, peress li injorat it-tibdil li ġie stabbilit mill-istandards imsemmija iktar ’il fuq u rrifjutat li tagħmel reviżjoni interim.

65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma pprovdew, fit-talba għal reviżjoni, provi ta’ tibdil fil-perċezzjoni tas-suq. L-operaturi involuti fis-suq ta’ kejbils tal-azzar issa jiddistingwu, u kuntrarju għall-prassi preċedenti, il-kejbils għal użu ġenerali mill-kejbils għal użu speċifiku.

66      L-ewwel nett, huma jsostnu li wrew li l-produtturi tal-Komunità jiddistingwu bejn dawn it-tipi ta’ kejbils fuq is-siti tal-Internet tagħhom, fir-reklamar tagħhom u fil-katalgi tagħhom. Dawn tal-aħħar jenfasizzaw fihom il-kapaċità tagħhom li jipproduċu kejbils għal użu speċifiku skont qies.

67      It-tieni nett, ir-rikorrenti wrew, fit-talba għal reviżjoni, li l-kejbils għal użu speċjali huma distinti minn kejbils għal użu ġenerali bbażati fuq karatteristiċi fiżiċi u tekniċi. B’hekk, ir-riferiment tal-Kummissjoni għall-karatteristiċi bażiċi tal-kejbils tal-azzar ma huwiex rilevanti biex jirribatti l-argument tar-rikorrenti li l-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku huma kkunsidrati bħala prodotti differenti skont il-perċezzjoni tas-suq.

68      Qabel xejn, il-kejbils għal użu speċifiku ma għandhomx biss it-tliet elementi bażiċi ta’ kejbils għal użu ġenerali, iżda wkoll elementi addizzjonali (bħall-“inserzjonijiet” tal-plastik u/jew saffi tal-plastik, kurduni addizzjonali li jimlew, lubrikanti speċifiċi u kurduni kumpatti) għall-użu ta’ applikazzjonijiet tqal u b’rekwiżiti stretti ta’ sigurtà.

69      Sussegwentement, il-kurduni ta’ kejbils għal użu speċifiku jkunu għaddew minn trattament speċjali li jippermetti lill-imsemmija kejbils li, b’mod partikolari, barra minn flessibbiltà ikbar, reżistenza ħafna ogħla għall-ksur kif ukoll għall-brix u għat-tnawwir meta mqabbla mal-kejbils għal użu ġenerali.

70      Barra minn hekk, il-kejbils għal użu speċifiku għandhom reżistenza eċċezzjonali għar-rotazzjoni, ħafna ogħla minn dik ta’ kejbils għal użu ġenerali, hekk li jistgħu jintużaw f’applikazzjonijiet finali speċifiċi.

71      Fl-aħħar nett, il-kejbils għal użu speċifiku jinbigħu bi prezzijiet sostanzjalment ogħla min kajbils għal użu ġenerali tal-istess tip.

72      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li huma ressqu l-prova, fit-talba għal reviżjoni, tal-eżistenza ta’ linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku bl-għajnuna ta’ matriċi li tenfasizza d-differenzi bejn dawn il-kejbils mil-lat tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tagħhom u tal-applikazzjonijiet finali tagħhom u li jistgħu jintużaw bħala linji gwida għad-definizzjoni mill-ġdida tal-portata tal-miżuri inkwistjoni.

73      Fid-dawl ta’ din il-matriċi, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiddifferenzja bejn il-kejbils għal użu ġenerali u l-kejbils għal użu speċifiku huwa inkomprensibbli. Jista’ jiġi spjegat biss mill-biża’ tagħha ta’ “konsegwenzi imprevedibbli”, imsemmija mill-aġenti tal-Kummissjoni fil-laqgħa tat-8 ta’ April 2008, li tirriżulta mill-esklużjoni ta’ kejbils mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri antidumping li jimplika l-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida dwar il-miżuri kollha antidumping fis-seħħ għall-kejbils tal-azzar. Madankollu, din il-biża’ ma tistax tiġġustifika ż-żamma ta’ definizzjoni skaduta tal-prodott ikkonċernat, li ma tkunx iktar konformi maċ-ċirkustanzi tekniċi u ekonomiċi tas-suq.

74      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2537/1999 tad-29 ta’ Novembru 1999, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2861/93, (KE) Nru 2199/94, (KE) Nru 663/96 u (KE) Nru 1821/98 dwar l-impożizzjoni ta’ dazji definitivi kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ diski manjetiċi (3,5’’ mikrodisks) ġejjin mill-Ġappun, it-Tajwan, ir-Repubblika Popolari Ċiniża, Hong Kong, ir-Repubblika tal-Korea, il-Malasja, il-Messiku, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Indonesja u r-Regolament (KE) Nru 1335/1999 li jerġa’ jimponi dazju definitiv kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti diski manjetiċi (3,5’’ mikrodisks) ġejjin mill-Indonesja u maħduma u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn PT Betadiskindo Binatama (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 159), ġie rikonoxxut li talba għal reviżjoni intiża li teskludi prodott mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri antidumping kienet iġġustifikata meta l-prodott inkwistjoni u l-prodott ikkonċernat għandhom differenzi ċari rigward il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tagħhom, l-użu finali tagħhom u l-prezzijiet tagħhom. Fit-talba għal reviżjoni, ir-rikorrenti pprovdiet provi suffiċjenti li dawn il-kriterji flimkien ġew sodisfatti, u għaldaqstant il-Kummissjoni kienet obbligata li tibda reviżjoni interim sabiex taġġusta l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri antidumping tal-kejbils tal-azzar. In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

76      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, billi rrifjutat li twettaq reviżjoni interim sabiex tinbidel id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

77      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38). Dan jgħodd ukoll għall-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 13; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 88 u 89).

78      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-ġurisprudenza, fl-istess qasam, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet mill-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti adottati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T‑300/03, Ġabra p. II‑3911, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina n-neċessità taż-żamma ta’ miżuri antidumping, fil-kuntest tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, kif ukoll għall-finijiet li tiddetermina jekk talba għal reviżjoni interim għandhiex provi suffiċjenti li tistabbilixxi n-neċessità għal tali reviżjoni.

80      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tibda reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping inkwistjoni, fid-dawl tal-provi li hemm fit-talba għar-reviżjoni.

81      Rigward l-argument ibbażat fuq tibdil fiċ-ċirkustanzi rigward id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, għandu jitfakkar li r-regolament bażiku ma jispeċifikax kif il-prodott għandu jiġi stabbilit jew il-firxa ta’ prodotti li jistgħu jkunu suġġett ta’ investigazzjoni ta’ dumping lanqas ma jirrikjedi klassifikazzjoni kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 61).

82      Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2010, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, T‑401/06, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 131).

83      B’hekk, fir-rigward tat-tibdil fiċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ prodott speċifiku mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħti bidu għal reviżjoni interim għandha tkun ibbażata fuq argumenti li juru li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-bidu tar-reviżjoni, wettqet evalwazzjoni żbaljata fuq il-fatturi li hija qieset rilevanti jew li hija messha ħadet inkunsiderazzjoni fatturi oħra iktar rilevanti li, fil-kuntest tar-reviżjoni, kienu jirrikjedu l-esklużjoni ta’ dan il-prodott mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punt 132).

84      Fl-att ikkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li reviżjoni interim ma ma tistax tinbeda sabiex jiġu esklużi l-kejbils għal użu ġenerali mid-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari minħabba li l-talba għar-reviżjoni ma kienx fiha provi suffiċjenti li jistgħu jistabbilixxu li dawn iż-żewġ tipi ta’ kejbils ma għandhomx it-tnejn li huma l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi.

85      Kif iddikjaraw ir-rikorrenti waqt is-seduta, huma ma jikkontestawx ir-rilevanza tal-kriterju relattiv għall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prodott ikkoċernat, iżda jikkunsidraw li fatturi oħra iktar rilevanti għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikoalri dawk relatati mat-twaqqif ta’ standards komuni, ma’ użu finali u mal-prezzijiet tal-prodotti.

86      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq id-distinzjoni magħmula mill-KES, fl-istandards EN 12385 u EN 10264, bejn il-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal għan speċifiku, u jikkritikaw lill-Kummissjoni li naqset, kuntrarjament għall-prattika preċedenti tagħha, li timxi mal-kriterju rilevanti ħafna li jikkostitwixxi l-istandardizzazzjoni tad-definizzjoni tal-kamp tal-prodott ikkonċernat.

87      Fir-rigward tal-imsemmija standards, għandu jiġi osservat li l-istandard EN 12385 jispeċifika r-rekwiżiti ta’ sigurtà relatati mal-manifattura u mal-ittestjar ta’ kejbils tal-azzar, filwaqt li l-istandard EN 10264 jispeċifika t-tolleranzi dimensjonali, il-karatteristiċi mekkaniċi, ir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni kimika tal-wajers tal-azzar u l-kundizzjonijiet li fuqhom il-kisi eventwali ta’ wajers għal kejbils għandu jissodisfa. Għalkemm huwa minnu li dawn l-istandards jiddefinixxi, għal ċerti kategoriji ta’ kejbils għal użu speċifiku, rekwiżiti speċjali, l-eżistenza ta’ tali rekwiżiti ma tikkostitwixxix fiha infisha l-prova li l-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku ma jikkostitwixxxux “prodott ikkonċernat” għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ miżuri antidumping. Minn naħa, kull standard għandu, minbarra d-definizzjoni għal ċerti kategoriji ta’ kejbils għal użu speċifiku rekwiżiti speċjali, parti introduttorja komuni li tapplika għall-kejbils kollha tal-azzar li huma użu ġenerali jew għal użu speċifiku. Min-naħa l-oħra, il-kategoriji differenti ta’ kejbils tal-azzar stabbiliti f’dawn l-istandards ma jeskludux lil xulxin, li jimplika li l-kejbils li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kategorija jistgħu wkoll jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kategoriji oħra. Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-Kummissjoni ddikjarat waqt is-seduta li f’xi każijiet, id-definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat jista’ jikkorrispondi għal klassifikazzjoni bħal dik stabbilita fi standard komuni, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat minn miżuri antidumping ma tistax tiddependi fuq tali klassifikazzjoni.

88      Kuntrarjament għal dak li jgħidu r-rikorrenti, anki jekk tipi differenti ta’ kejbils tal-azzar jistgħu jiġu kklassifikati fi gruppi abbażi ta’ elementi addizzjonali u ta’ applikazzjonijiet finali, ma jistax jiġi kkunsidrat li hemm demarkazzjoni ċara bejn dawn il-gruppi differenti. Kif il-Kummissjoni ġustament sostniet waqt is-seduta, ma jeżisti ebda kriterju oġġettiv sabiex jiġi stabbilit l-użu previst għat-tipi differenti ta’ kejbils jew l-użu finali tagħhom waqt l-importazzjoni jew il-bejgħ tagħhom fil-Komunità. Fil-fatt, anki fi ħdan l-istess grupp, il-prodotti jistgħu jkunu intenzjonati għal applikazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, għalkemm il-kejbils tal-azzar jaqgħu taħt gruppi ta’ prodotti li jinsabu fit-truf ta’ isfel u ta’ fuq tal-firxa ma humiex interkambjabbli, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li, f’ċerti gruppi adjaċenti, il-kejbils tal-azzar għall-użu ġenerali u l-kejbils tal-azzar għal użu speċifiku jistgħu jintużaw għall-istess finijiet u għaldaqstant huma interkambjabbli. Sa ċertu punt, il-gruppi differenti ta’ kejbils tal-azzar huma sovrposti u jikkompetu sa ċertu grad (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill, C‑171/87, Ġabra p. I‑1237, punti 48 sa 52; Ricoh vs Il-Kunsill, C‑174/87, Ġabra p. I‑1335, punti 35 sa 40, u Sharp Corporation vs Il-Kunsilll, C‑179/87, Ġabra p. I‑1635, punti 25 sa 30).

89      Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 1742/2000, invokat mir-rikorrenti, ma jsostnix l-argument tagħhom li l-istabbiliment ta’ regoli komuni mis-KES jikkostitwixxi għall-Kummissjoni kriterju rilevanti ħafna għad-definizzjoni tal-kamp tal-prodott ikkonċernat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li f’dan ir-regolament, il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss marġinalment fuq l-eżistenza ta’ standards tekniċi komuni fid-definizzjoni tal-prodott ikkunsidrat. B’hekk, id-distinzjoni bejn iż-żewġ gradi ta’ polietilene tereftalat ta’ dawn il-prodotti ġiet iddeterminata mill-livell ta’ “viskożità intrinsika” ta’ dawn il-prodotti u l-istandard inkwistjoni kien użat fl-imsemmi regolament bħala wieħed mill-istrumenti ta’ kejl għas-servizzi ta’ testijiet ta’ viskożità. Għaldaqstant, mingħajr ma hemm lok li jkun hemm deċiżjoni fuq ir-rilevanza tal-evalwazzjonijiet magħmula fir-Regolament Nru 742/2000 għal-finijiet ta’ soluzzjoni ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-imsemmi regolament u għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

90      Fit-tieni lok, rigward tibdil fil-perċezzjoni tas-suq, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, żewġ argumenti.

91      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-produtturi Komunitarji jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ kejbils fil-katalgi tagħhom, fuq is-siti tal-Internet tagħhom jew ukoll fir-reklami tagħhom. Madankollu, dawn l-eżempji ma jurux li tista’ tiġi stabbilita linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku, iżda li l-produtturi tal-Komunità joffru firxa sħiħa ta’ tipi differenti ta’ kejbils tal-azzar. Fi kwalunkwe każ, numru limitat ta’ siltiet mill-katalgi, siti tal-Internet u ta’ reklamar ta’ xi produtturi Komunitarji ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li t-tipi differenti ta’ kejbils għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi, kimiċi bażiċi, huma sovraposti u jikkompetu sa ċertu grad.

92      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jressqu tressaq argumenti bbażati fuq id-differenzjazzjoni tal-kejbils abbażi ta’ elementi addizzjonali (bħalma huma kurduni, inserzjonijiet tal-plastik, lubrikanti), ta’ trattament speċjali (kurduni kumpatti ta’ forma pentagonali jew ellittika), ta’ reżistenza eċċezzjonali għar-rotazzjoni, tal-prezz ogħla ta’ kejbils għal użu speċifiku jew ta’ applikazzjonijiet partikolari ta’ kejbils għal għan speċifiku. Madankollu, dawn l-eżempji ma jsostnux il-konklużjoni tar-rikorrenti li linja ta’ demarkazzjoni preċiża tista’ tiġi stabbilita bejn il-kejbils għal użu ġenerali u dawn għal użu speċifiku. Minn naħa, kif indikat fil-punt 88 iktar ’il fuq, għalkemm hemm firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ kejbils tal-azzar abbażi tal-karatteristiċi addizzjonali tagħhom u tal-applikazzjonijiet partikolari tagħhom, il-provi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kejbils tal-azzar li jappartjenu għal gruppi adjaċenti huma interkambjabbli, huma sovraposti u jikkompetu bejniethom sa ċertu grad. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-regolament bażiku ma tobbliga lill-istituzzjonijiet li jittrattaw b’mod differenti l-istess prodott, skont l-applikazzjonijiet varji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T‑97/95, Ġabra p. II‑85, punt 53).

93      F’dan ir-rigward, lanqas l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-prattika preċedenti tal-istituzzjonijiet ma jista’ jiġi aċċettat. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 77 sa 79 iktar ’il fuq, huma l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom ta’ diskrezzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ reviżjoni interim, abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, li għandhom jeżaminaw in-neċessità taż-żamma tal-miżuri antidumping. Dik is-setgħa ta’ diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata każ b’każ abbażi tal-fatti kollha rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑156/87, Ġabra p. I‑781, punt 43). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjonijiet magħmula fir-Regolament Nru 2537/1999 ma jsostnux il-pożizzjoni tar-rikorrenti li reviżjoni sabiex jiġu esklużi l-kejbils tal-azzar għal użu ġenerali ta’ miuri antidumping inkwistjoni kienet iġġustifikata, peress li l-investigazzjoni li wasslet għall-esklużjoni minn dan ir-regolament ta’ mikrodisks ta’ kapaċità għolja turi b’mod ċar li distinzjoni preċiża f’termini ta’ karatteristiċi fiżiċi u tekniċi kienet teżisti bejn iż-żewġ prodotti kkonċernati. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma jirriżultax mir-Regolament Nru 2537/1999 li l-istituzzjonijiet kienu kkunsidraw l-użu aħħari u l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti bħala fatturi determinanti. B’hekk, il-riferiment sempliċi għall-użu finali magħmula fil-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni li jidher fil-premessa 27 tar-Regolament Nru 2537/1999, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li “l-kwistjoni ta’ l-użu aħħari […] mhix biżżejjed sabiex tikkonkludi li l-mikrodisks […] konvenzjonali u [ta’ kapaċità għolja] huma prodott wieħed”, tant li ebda evalwazzjoni ma saret dwar id-differenzi fil-prezz bejn dawn iż-żewġ prodotti fil-konklużjonijiet.

94      Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar il-modifika tal-istandards tal-KES jew tat-tibdil allegat fil-perċezzjoni tas-suq ma jistgħux juru li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħmel reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping inkwistjoni fid-dawl tal-provi mressqa mir-rikorrenti dwar it-tibdil fiċ-ċirkustanzi relatati mad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

95      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq tibdil fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità

 L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti, filwaqt li jirreferu għar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 495/2002, tat-18 ta’ Marzu 2002, li abroga r-Regolament (KE) Nru 904/98 li impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ magni tal-faks personali mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Malasja, minn Singapor, mit-Tajwan, u mit-Tajlandja (ĠU L 78, p. 1), isostnu li l-Kunsill abroga r-Regolament Nru 904/98 imsemmi wara talba għal reviżjoni interim, peress li l-produzzjoni ta’ magni tal-faks personali mill-industrija Komunitarja kien naqset ħafna u din kellha tieqaf fil-futur fil-qrib (ara l-premessa 9 tar-Regolament Nru 495/2002).

97      Minn dan ir-regolament jirriżulta li jkun kontra l-interess Komunitarju u, għaldaqstant, l-Artikolu 21 tar-regolament bażiku li jinżammu miżuri antidumping fuq prodott li l-produzzjoni Komunitarju tiegħu ser tispiċċa gradatament jew ser tieqaf fil-futur fil-qrib.

98      Ir-rikorrenti allegatament urew fit-talba għal reviżjoni li l-produzzjoni fil-Komunità ta’ kejbils għal użu ġenerali issa saret negliġibbli, kuntrarjament għall-perjodu mill-1999 sa l-2001, li matulu kwantitajiet sostanzjali ta’ kejbils għal użu ġenerali kienu ġew prodotti fil-Komunità. Huma jenfasizzaw li nġiebet il-prova ta’ dan it-tibdil fiċ-ċirkustanzi.

99      Fl-ewwel lok, diversi dikjarazzjonijiet tal-produtturi Komunitarji li juru li l-kejbils għal użu ġenerali kienu mneħħija mill-programmi ta’ produzzjoni jew li l-imsemmija produtturi ma għadhomx f’pożizzjoni li jipproduċuhom saru fil-verżjoni kunfidenzjali tat-talba għal reviżjoni. Għalkemm ir-rikorrenti ma pproduċewx dawn id-dikjarazzjonijiet f’dawn il-proċeduri, sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità, huma josservaw li l-Kummissjoni kienet mgħarrfa b’dawn id-dokumenti, peress li hija kienet fil-pussess tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba għal reviżjoni.

100    Fit-tieni lok, l-għajbien ta’ din il-produzzjoni tirriżulta mir-reklamar, mis-siti tal-Internet u mill-katalgi ta’ produtturi Komunitarji mehmuża mal-Anness 4 tat-talba għal reviżjoni. Dawn id-dokumenti juru li, attwalment, il-produtturi Komunitarji ta’ kejbils tal-azzar ikkonċernati jipproduċu essenzjalment kejbils għal għan speċifiku.

101    Il-Kummissjoni ddeċidiet li tinjora dawn il-provi, għaliex hija ma kinitx irreferiet għall-għajbien tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fl-ittra inkwistjoni. Għaldaqstant, l-effetti negattivi ta’ dazji antidumping jkunu sproporzjonati, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żamma ta’ miżuri antidumping ma għandha ebda vantaġġ għall-produzzjoni Ewropea ta’ kejbils għal użu ġenerali. Ir-rikorrenti jikkonkludu minn dan li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 21 tar-regolament bażiku.

102    Il-Kummissjoni ssostni, qabel xejn, li din il-parti tal-ewwel motiv hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, qatt ma invokaw l-argument li ż-żamma tal-miżuri tkun kontra l-interessi tal-Komunità u tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tar-regolament bażiku.

103    It-tieni nett, ir-rikorrenti jibbażaw l-argument tagħhom tal-għajbien gradwali tal-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils tal-azzar għal użu ġenerali fuq fatti allegati li ma jinsabux fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba għal reviżjoni annessa mar-rikors kif ukoll fuq dikjarazzjonijiet ta’ produtturi Komunitarji li ma humiex annessi magħha.

104    Jekk din il-parti kellha tiġi kkunsidrata ammissibbli, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità jsir insinjifikattiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-ammissibbiltà

105    Rigward l-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel motiv, imqajma mill-Kummissjoni, minħabba l-fatt li l-argument ibbażat fuq il-kuntrarjetà għall-interess Komunitarju ma kienx imressaq fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi osservat, f’din il-kawża, li l-Parti IV tat-talba għal reviżjoni hija intitolata “Tneħħija gradwali tal-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għal użu ġenerali”. Il-rikorrenti jindikaw hawn li teżisti produzzjoni Komunitarja mnaqqsa ta’ kejbils tal-azzar għal użu ġenerali, u dan jikkostitwixxi tibdil li jirrikjedi li jiġi ddefinit mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping inkwistjoni sabiex dawn il-kejbils jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Sabiex isostnu l-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu, fit-talba għal rieżami, għar-Regolament Nru 495/2002 (ara l-punt 96 iktar ’il fuq). Issa, f’dan ir-regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-kuntest tar-reviżjoni interim abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, li kien fl-interess tal-Komunità li tabroga l-miżuri antidumping fuq ċerti importazzjonijiet ta’ magni tal-faks personali, minħabba l-waqfien fi żmien qasir tal-produzzjoni Komunitarja ta’ prodotti suġġetti għall-miżuri antidumping.

106    L-argumenti relatati mat-tmiem gradwali tal-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għal użu ġenerali huma riprodotti b’mod sħiħ fir-rikors. Ir-rikorrenti speċifikaw f’ dan, filwaqt li jiċċitaw il-premessa 9 tar-Regolament Nru 495/2002, li ż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni, minħabba l-għajbien gradwali tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali, kien kontra l-interessi tal-Komunità u kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tar-regolament bażiku.

107    Mit-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 21(1) tar-regolament bażiku (li issa huma t-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1225/2009) jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt li ma japplikawx miżuri antidumping determinati, anki jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping huma sodisfatti, jiġifieri d-dumping, id-dannu u r-rabta kawżali, jekk huma jikkunsidraw li l-applikazzjoni ta’ tali miżuri ma hijiex fl-interess tal-Komunità. Issa, fil-każ ta’ għajbien gradwali tal-produzzjoni Komunitarja ta’ prodotti suġġetti għal miżuri antidumping, l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju hija d-determinazzjoni tan-neċessità li jinżammu l-miżuri antidumping ikkonċernati fil-kuntest ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

108    Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti jsostnu argument li ma tqajjimx fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li t-talba għal reviżjoni hija intiża, għall-inqas impliċitament, għall-għajbien tal-interess Komunitarju, minħabba li hija tirreferi għat-twaqqif gradwali tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità u indikat, fil-waqt li tirreferi għall-premessa 9 tar-Regolament Nru 495/2002, li l-miżuri antidumping inkwistjoni “ma [għandhom] l-ebda rimedju f’termini ta’ protezzjoni ta’ produzzjoni [Komunitarja] kontra l-prattiċi kummerċjali inġusti.”

109    Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ riferiment espliċita fit-talba għal reviżjoni għall-Artikolu 21 tar-regolament bażiku ma jaffettwax l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tal-ewwel motiv.

110    Fir-rigward, sussegwentement, tal-kwistjoni tan-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dikjarazzjonijiet allegatament kunfidenzjali ta’ produtturi Komunitarji tal-Komunità dwar l-għajbien tal-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils tal-azzar għall-użu ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li tali kwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-prova tal-allegazzjonijiet li saru mir-rikorrenti, u għaldaqstant se tiġi analizzata fil-kuntest tal-eżami tal-meriti ta’ din il-parti tal-ewwel motiv.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegazzjoni ta’ inammissibbiltà magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-mertu

112    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tikkonstata l-għajbien tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità, u għaldaqstant, meta rrifjutat li tilqa’ t-talba għal reviżjoni.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement iddikjaraw li l-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għal użu ġenerali issa kienet negliġibbli, mingħajr ma jressqu l-iċken prova li tippermetti li ssostni din id-dikjarazzjoni.

114    L-ewwel nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-produtturi tal-Komunità li fuqhom ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom sabiex juru t-tnaqqis tal-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għall-użu ġenerali, għandu jiġi osservat li, minbarra l-fatt huma ma ġew prodotti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, tali dikjarazzjonijiet iżolati tal-produtturi Komunitarji jiddikjaraw, jekk ikun il-każ, li huma neħħew il-kejbils għal użu ġenerali mill-programm tal-produzzjoni tagħhom, ma jistgħux fihom infushom jiġu kkunsidrati suffiċjenti sabiex issir il-prova ta’ għajbien gradwali tal-produzzjoni Komunitarja ta’ kejbils għal użu ġenerali, jekk dawn ma jkunux sostnuti minn evidenza provi oġġettivi, bħall-istatistiċi tal-produzzjoni.

115    Barra minn hekk, ir-reklamar tal-produtturi Komunitarji, mehmuż mat-talba għal reviżjoni annessa mar-rikors, ma jurix l-għajbien gradwali tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità, iżda pjuttost li l-produtturi tal-Komunitarji joffru firxa sħiħa ta’ tipi differenti ta’ kejbils tal-azzar, mingħajr ma dan ir-reklamar jistabbilixxi jekk il-kejbils offruti humiex prodotti fil-Komunità jew impurtati. Fi kwalunkwe każ, xi siltiet mir-reklamar, mis-siti tal-Internet jew mill-katalgi ta’ produtturi Komunitarji li minnhom jirriżulta li dawn jiffokaw fuq il-produzzjoni ta’ kejbils għall-użu speċifiċi ma jkunux suffiċjenti sabiex juru l-għajbien gradwali tal-produzzjoni Komunitarju ta’ kejbils għal għal użu ġenerali kollha kemm huma.

116     B’hekk, l-argumenti tar-rikorrenti relatati ma’ tibdil fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tat-tneħħija gradwali tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità ma jistgħux juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping inkwistjoni fid-dawl tal-provi li huma jkunu ressqu.

117    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 L-argumenti tal-partijiet

118    Skont ir-rikorrenti, il-konstatazzjoni li saret meta l-manifatturi Komunitarji kienu għadhom jipproduċu kejbils għal użu ġenerali, li l-importazzjoni ta’ dawn il-kejbils kienet qed toħloq dannu kbir fis-sens tal-Artikolu 3 tar-regolament bażiku, ma għadhiex iktar valida llum.

119    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti allegatament urew, fit-talba għal reviżjoni, li l-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku żviluppaw fi swieq differenti, li jistgħu jkunu distinti permezz tal-istandards Ewropej EN 12385 ġodda u EN 10264. Barra minn hekk, is-suq tal-kejbils għal użu ġenerali u dak tal-kejbils għal użu speċifiku huma distinti permezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ewwel magħmula ġeneralment f’tul industrijali, filwaqt li tal-aħħar, manifatturati fil-Komunità, huma fil-prinċipju s-suġġett ta’ trattament addizzjonali.

120    Fit-tieni lok, fil-verżjoni kunfidenzjali tad-talba għal reviżjoni, ir-rikorrenti pprovdew dikjarazzjonijiet tal-produtturi Komunitarji li jimpurtaw kwantitajiet kbar ta’ kejbils għal użu ġenerali, inklużi pajjiżi suġġetti għall-miżuri antidumping fuq kejbils tal-azzar. B’hekk, l-imsemmija importazzjonijiet qatt ma jikkawżaw l-ebda dannu lill-produtturi Komunitarji, li qatt ma jikkawżaw dannu lilhom infushom. Għalkemm ir-rikorrenti ma pproduċietx dawn id-dikjarazzjonijiet f’dan il-proċeduri, sabiex tiġi protetta n-natura kunfidenzjali tagħhom, huma josservaw li l-Kummissjoni kienet mgħarrfa b’dawn id-dokumenti, peress li hija fil-pussess tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talba għal reviżjoni.

121    Għaldaqstant, fin-nuqqas attwali ta’ dannu dwar l-importazzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali, ir-rikorrenti jsostnu li huwa ftit probabbli li d-dannu jkompli jew jerġa’ jidher jekk din l-importazzjoni tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

122    Billi rrifjutat li tikkonstata l-għajbien tad-dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-regolament bażiku u, għaldaqstant, irrifjutat li tilqa’ t-talba li tinbeda reviżjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

123    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

124    Kif diġà ġie osservat fil-punt 37 iktar il fuq, skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, reviżjoni interim issir meta t-talba jkun fiha provi biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex iktar neċessarja sabiex tirribatti d-dumping u/jew li d-dannu huwa improbabbli jew ma jerġax jiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex iktar suffiċjenti sabiex tirribatti d-dumping li qiegħed jikkawża d-dannu.

125    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrenti li l-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku qed jiżviluppaw fi swieq differenti, li jistgħu jiġu distinti permezz tal-istandards KES ġodda, kif ukoll l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ differenzi fil-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti diġà ġew eżaminati u rrifjutati waqt l-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv fil-punti 86 sa 95 iktar ’il fuq.

126    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-produtturi Komunitarji jimportaw kwantitajiet kbar ta’ kejbils għal użu ġenerali, b’mod partikolari mill-pajjiżi suġġetti għall-miżuri antidumping, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-dikjarazzjonijiet iżolati ta’ produtturi Komunitarji li jiddikjaraw li jimpurtaw kwantitajiet kbar ta’ kejbils għal użu ġenerali, li fuqhom jibbażaw ir-rikorrenti, minbarra l-fatt li ma kinux ġew prodotti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ma jistgħux jiġu kkunsidrati fihom infushom suffiċjenti għall-finijiet tal-prova ta’ tali importazzjonijiet bħal dawn, jekk dawn ma humiex sostnuti minn provi oġġettivi, bħalma huma statistiċi dwar l-importazzjonijiet tal-Komunitarji tal-imsemmija kejbils. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni sempliċi tar-rikorrenti li l-kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu “ftit probabbli” ma turix l-għajbien tad-dannu mġarrab mill-industrija Komunitarja.

127    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti relatati ma’ tibdil fiċ-ċirkustanzi rigward l-eżistenza ta’ dannu għaldaqstant ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħmel reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping fid-dawl tal-provi mressqa mir-rikorrenti.

128    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

129    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

a)     L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi tagħhom billi rrifjutat li tagħmel reviżjoni interim ta’ miżuri antidumping. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li li d-dritt li tkun invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi pprovdietlu assigurazzjoni preċiża, ħolqot fih speranzi fondati [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, T‑333/03, Ġabra p. II‑4377, punt 119].

131    F’dan il-każ, il-Kummissjoni allegatament ħolqot fir-rikorrenti aspettativi leġittimi meta hija ssuġġerietilha li jerġgħu jispjegaw, fil-kuntest ta’ reviżjoni interim, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kejbils għal użu ġenerali huma sostanzjalment differenti minn kejbils għal użu speċifiku. Dawn l-assigurazzjonijiet ġew ipprovduti b’ċertezza suffiċjenti u kienu ġejjin minn sorsi awtorizzati u affidabbli.

132    L-ewwel nett, il-Kummissjoni inkoraġġixxiet lir-rikorrenti, fl-għeluq tal-proċedura ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku, ta’ miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1796/1999 dwar importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li ġejjin miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel u mill-Ukraina, sabiex iressqu talba għal reviżjoni interim sabiex tiġi aġġustata l-portata tal-miżuri inkwistjoni. B’mod partikolari, wieħed mill-uffiċjali tal-Kummissjoni kien ikkuntattja l-EWRIA sabiex jinfurmaha li t-talba tar-rikorrenti sabiex jiġi aġġustat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping ma setgħetx issir fil-kuntest ta’ reviżjoni minħabba skadenza, iżda għandha ssir fil-kuntest ta’ reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. Skont ir-rikorrenti, l-uffiċjal tal-Kummissjoni ma kellu ebda raġuni li jikkuntattja l-EWRIA, ħlief jekk il-Kummissjoni kienet interessata f’definizzjoni ġdida tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li hija b’hekk inkoraġġixxiet lir-rikorrenti sabiex iressqu talba għal reviżjoni interim.

133    It-tieni nett, dan is-suġġeriment kien sostnut mill-fatt li d-delegazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet fuq żjara fis-sede ta’ Heko Industrieerzeugnisse, waħda mir-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni bħala skadenza, skont l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku, ta’ miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1601/2001 fuq importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li ġejjin mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija, kienet uriet b’mod ċar li hija interessata fid-definizzjoni mill-ġdid tal-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri li jikkonċernaw il-kejbils tal-azzar.

134    It-tielet nett, matul il-laqgħa informali dwar it-talba għal reviżjoni, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni taw lir-rikorrenti l-impressjoni li hija kienet lesta tirrevedi l-argumenti tagħhom fil-kuntest ta’ reviżjoni interim parzjali dwar il-kamp tal-prodotti kkonċernati. Dawn ir-rappreżentanti kienu kkoreġew it-talba għal reviżjoni tar-rikorrenti u għamlu bosta rakkomandazzjonijiet sabiex jemendaw din il-verżjoni. Ir-rikorrenti kkoreġew it-talba tagħhom billi bbażaw ruħhom fuq dawn ir-rakkomondazzjonijiet u kienu inkludew l-argumenti ssuġġeriti mill-imsemmija rappreżentanti tal-Kummissjoni. Wieħed mir-rappreżentanti kien ikkuntattja lir-rikorrenti dwar il-verżjoni kkorreġuta u kien infurmahom li huwa kkunsidra li ebda emenda addizzjonali ma kienet neċessarja u li, minħabba l-argumenti “promettenti” li jinsabu fit-talba, din kellha immedjatament tiġi sottomessa lill-Kummissjoni.

135    Sabiex juri r-realtà ta’ dawn il-kuntatti, ir-rikorrenti ssuġġerew, skont l-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li jinstema’ [H.], il-President tal-EWRIA, bħala xhud.

136    Dan l-aġir tal-Kummissjoni jimplika li hija kella l-intenzjoni li tibdel il-pożizzjoni tagħha rigward id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili fil-miżuri antidumping. Ir-rikorrenti kellhom kull raġuni sabiex wieħed jemmnu li, peress li huma ppreżentaw, fit-termini, talba għal bidu ta’ reviżjoni interim sabiex jiġu aġġustati l-miżuri antidumping inkwistjoni u li jiġu esklużi minnhom il-kejbils għal użu ġenerali, il-Kummissjoni kienet ser tibda mingħajr dewmien il-proċedura korrispondenti ta’ reviżjoni interim.

137    Ir-rikorrenti kienu bbażaw ruħhom fuq din l-aspettattiva u ppreżentaw it-talba tagħhom għal reviżjoni fit-12 ta’ Ġunju 2007 billi ddedikaw iż-żmien u r-riżorsi neċessarji. Billi rrifjutaw li twettaq ir-reviżjoni interim mitluba, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għaldaqstant kienu kisru l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

138    Il-Kummissjoni tirrispondi li hija ma tat l-ebda assigurazzjonijiet speċifiċi lir-rikorrenti dwar il-fatt li ser issir reviżjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

139    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tagħtiha assigurazzjonijiet preciżi, inkundizzjonati u konsistenti, li huma mnissla minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tkun ħolqot fiha speranzi fondati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il‑Kummissjoni, T-203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata, tas-26 ta’ Settembru 2002, Borremans et vs Il-Kummissjoni, T-319/00, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑905, punt 63). Madankollu, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet u mar-regoli applikabbli, peress li l-wegħdiet li ma jieħdux inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi fil-persuna kkonċernata (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T-205/01, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1065, punt 54, u tas-16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il-Kummissjoni, T-329/03, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 162/84, Ġabra p. 481, punt 6).

140    F’din il-kawża, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li ma hemm ebda prova fil-proċess li tistabbilixxu l-kontenut tal-allegati assigurazzjonijiet verbali. Ċertament, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija kellha kuntatti bejn Awwissu 2004 u Novembru 2005 mar-rikorrenti waqt ir-reviżjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1796/1999 li kienu ser jiskadu, u, f’Ottubru 2006, preliminarjament, rigward it-talba għal reviżjoni. Madankollu, hija tikkontesta li pprovdiet assigurazzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati li setgħu joħolqu fihom speranzi fondati li l-proċedura ta’ reviżjoni ser tinbeda.

141    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntatti bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni minħabba skadenza tar-Regolament Nru 1796/1999, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet “inkoraġġiethom” sabiex iressqu talba għal reviżjoni u osservat li r-rappreżentant tal-Kummissjoni kien ikkuntattjahom sabiex jikkjarifika ċerti aspetti proċedurali tagħhom ta’ talba għal reviżjoni interim. Madankollu, anke jekk il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra l-possibbiltà ta’ tali reviżjoni matul l-imsemmija kuntatti, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta ma tikkostitwixxix assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li reviżjoni ser issir.

142    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-kuntatt bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u r-rikorrenti matul iż-żjara tagħhom fis-sede ta’ Heko Industrieerzeugnisse fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1601/2001, ir-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw li l-uffiċjali tal-Kummissjoni wrew li huma “interessati” fid-definizzjoni l-ġdida tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping inkwistjoni, li ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata li reviżjoni interim ser tinbeda.

143    It-tielet nett, rigward il-laqgħa informali bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti fil-kuntest tat-talba għal reviżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu biss li huma kellhom l-“impressjoni” li l-Kummissjoni kienet lesta li tikkunsidra l-argumenti tagħhom fil-kuntest ta’ reviżjoni u li kienu kkwalifikaw l-argumenti tagħhom bħala “promettenti”. Issa, dawn l-elementi ma jikkostitwixxux assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li reviżjoni interim ser tinbeda. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, ir-risposta tagħha għal talbiet għal pariri tekniċi fuq bażi preliminari ma tikkostitwixxix deċiżjoni formali jew informali min-naħa tagħha, peress li l-analiżi tal-fajl tista’ ssir biss abbażi ta’ argumenti u ta’ provi effettivi li jinsabu f’talba ppreżentata uffiċjalment u għaldaqstant ma tistax, fi kwalunkwe każ, toħloq l-ebda aspettattiva leġittima li reviżjoni interim ser tinbeda.

144    Fid-dawl tal-fatt li r-realtà ta’ dawn il-kuntatti ma hijiex ikkontestata u li l-kuntatti allegati ma jistgħu fl-ebda każ joħolqu l-ebda aspettattiva leġittima fir-rikorrenti li reviżjoni interim ser tinbeda, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal miżura ta’ investigazzjoni magħmula mir-rikorrenti.

145    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

146    Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, rigward miżuri antidumping dwar kejbils tal-azzar, ibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom fuq definizzjoni wiesgħa wisq tal-prodott ikkonċernat. Dan wassal lill-istituzzjonijiet sabiex iqabblu l-prodotti li ma kinux simili u jisiltu minn dan konklużjonijiet żbaljati.

147    Ir-rikorrenti jfakkru li huma spjegaw dan l-argument fit-talba tagħha għal rieżami u talbu lill-Kummissjoni sabiex taġġusta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri billi tiġi eskluża l-importazzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-ittra inkwistjoni li t-tipi differenti ta’ kejbils tal-azzar “[għandhom] kollha l-istess karatteristiċi fiżiċi u [...] tekniċi bażiċi” u skont dawn, “għalkemm il-prodotti tal-livell ta’ isfel u tal-livell ta’ fuq ma humiex interkambjabbli, il-prodotti adjaċenti huma fil-fatt interkambjabbli” huma żbaljati, għar-raġunijiet li ġejjin, li diġà ġew espressi fit-talba għal reviżjoni.

148    L-ewwel nett, il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-kejbils għal użu speċifiku huma differenti minn dawk ta’ kejbils għal użu ġenerali, safejn jinkludu elementi addizzjonali u jkunu jirrikjedu l-użu ta’ wajers heavy duty, skont l-istandard EN 10264.

149    It-tieni nett, il-mod ta’ produzzjoni ta’ kejbils għal użi speċifiċi jkun ferm differenti minn dik ta’ kejbils għal użu ġenerali, minħabba li jkun jirrikjedi linja kompjuterizzata u tagħmir addizzjonali.

150    It-tielet nett, l-użu aħħari ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ kejbils huwa wkoll differenti. Il-kejbils għal użu speċifiku ser jintużaw għal applikazzjonijiet speċjali, li jirrikjedu li l-kejbil ikollu kwalitajiet eċċezzjonali tekniċi u fiżiċi, b’mod differenti mill-kejbils għal użu ġenerali.

151    Ir-raba’ nett, il-kejbils għal użu speċjali u dawk għal użu ġenerali ma humiex interkambjabbli. Il-kejbils għal użu ġenerali ma jistgħux jintużaw għal ħafna applikazzjonijiet speċjali.

152    Il-ħames nett, illum ma hemmx iktar produzzjoni sinjifikattiva ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunità.

153    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn l-elementi kollha juru li hemm linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-kejbils għal użu ġenerali u dawk għal użu speċifiku. Madankollu, il-Kummissjoni, meta tirreferi għad-definizzjoni wiesgħa tal-prodott li tirreferi għal “karatteristiċi bażiċi”, tkompli tqabbel il-kejbils għal użu speċifiku prodotti fil-Komunità u l-kejbils għal użu ġenerali importati, jiġifieri prodotti li ma humiex simili. Meta rrifjutat li tagħmel reviżjoni interim tal-miżuri antidumping, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

155    Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-miżuri antidumping inkwistjoni huma bbażati fuq definizzjoni wiesgħa ħafna tal-prodott ikkonċernat, hekk li l-istituzzjonijiet ikomplu jqabblu l-kejbils għal użu speċifiku mal-kejbils għal użu ġenerali, prodotti li, skont ir-rikorrenti, ma humiex simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut mill-Kummissjoni li tibda reviżjoni interim jikkostitwixxi, minn naħa, żball manifest ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, ksur tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku.

156    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument li r-rifjut li tinbeda reviżjoni interim huwa ksur tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għad-definizzjoni wiesgħa tal-prodott ikkonċernat li jirreferi għall-karatteristiċi bażiċi, tkompli tqabbel il-kejbils għal użu speċifiku prodotti fil-Komunità mal-kejbils għal użu ġenerali li huma importati, iwassal, fil-fatt, sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-miżuri antidumping inkwistjoni u b’mod partikolari d-definizzjoni tagħhom tal-prodott ikkonċernat, anki jekk il-legalità tal-imsemmija miżuri ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni rrifjutat li tinbeda reviżjoni interim parzjali.

157    Barra minn hekk, rigward l-argument li huwa intiż li juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tibda proċedura reviżjoni interim fir-rigward tal-allegat tibdil fiċ-ċirkustanzi rigward id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-produzzjoni Komunitarja jew ukoll id-dannu mġarrab, għandu jiġi kkonstatat li dan jikkoinċidi mal-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, li ġie miċħud fil-punti 55 sa 129 iktar ’il fuq.

158    Isegwi li t-tielet motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-European Wire Rope Importers Association (EWRIA), il-Câbleries namuroises SA, Ropenhagen A/S, ESH Eisen- und Stahlhandelsgesellschaft mbH, Heko Industrieerzeugnisse GmbH, Interkabel Internationale Seil- und Kabel-Handels GmbH, Jose Casañ Colomar SA u Denwire Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Firem

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

A –  Ir-Regolament bażiku antidumping

B –  Miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjoni ta’ kejbuls tal-ħadid jew tal-azzar

1.  Miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li ġejjn miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel u mill-Ukraina

2.  Miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjoni ta’ kejbils tal-ħadid jew tal-azzar ġejjin mir-Russja

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.  Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2008 li ma tibdiex reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping dwar kejbils tal-azzar

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiża li tordna lill-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni interim parzjali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq l-ammissibbiltà tal-motivi invokati mir-rikorrenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 21 tar-regolament bażiku

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq tibdil fiċ-ċirkustanzi fejn jikkonċerna d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq tibdil fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tal-produzzjoni ta’ kejbils għal użu ġenerali fil-Komunitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-ammissibbiltà

–  Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.