Language of document : ECLI:EU:C:2008:264

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Mejju 2008 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 1348/2000 – Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji – Nuqqas ta’ traduzzjoni tal-annessi tal-att – Konsegwenzi”

Fil-kawża C‑14/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2007, fil-kawża

Ingenieurbüro Michael Weiss und Partner GbR

vs

Industrie- und Handelskammer Berlin,

fil-preżenza ta’:

Nicholas Grimshaw & Partners Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus u J. Klučka, P. Lindh, u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ingenieurbüro Michael Weiss und Partner GbR, minn N. Tretter, Rechtsanwalt,

–        għall-Industrie- und Handelskammer Berlin, minn H. Raeschke-Kessler, Rechtsanwalt,

–        għal Nicholas Grimshaw & Partners Ltd, minn P.-A. Brand u U. Karpenstein, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger, u sussegwentement minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali (ĠU L 160, p. 37).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Industrie- und Handelskammer Berlin (iktar’il quddiem l-“IHK Berlin”) u l-uffiċċju ta’ arkitetti Nicholas Grimshaw & Partners Ltd (iktar’il quddiem l-“Uffiċċju Grimshaw”), kumpannija rregolata bil-liġi Ingliża, dwar talba għal danni minħabba disinn difettuż ta’ bini; din il-kumpannija tal-aħħar imsejħa fil-kawża lill-Ingenieurbüro Michael Weiss und Partner GbR (iktar’il quddiem l-“Uffiċċju Weiss”) stabbilit f’Aachen.

 Il-kuntest ġuridiku

 Dritt Komunitarju u internazzjonali

3        It-tmien u l-għaxar premessi tar-Regolament Nru 1348/2000 igħidu hekk:

“(8)      Biex tkun assigurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà ta’ rifjut tas-servizz [tan-notifika] ta’ dokumenti [atti] huwa limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

[...]

(10)      Għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ min ikun indirizzat [tad-destinatarju], in-notifika għandha ssir fil-lingwa uffiċjali ta’ [jew f’]waħda mill-lingwi tal-post fejn għandha ssir jew fl-lingwa oħra ta’ l-Istat Membru li joriġina [ta’ oriġini] li min ikun indirizzat [id-destinatarju] jkun jifhem”.

4        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dokumenti [Atti] ġudizzjarji għandhom ikunu trażmessi direttament u malajr kemm jista’ jkun possibbli bejn l-aġenziji innominati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2”.

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Traduzzjoni tad-dokumenti [tal-atti]” jgħid:

“1.       L-applikant [Ir-rikorrent] għandu jkun avżat mill-aġenzija li tittrażmetti li lilha hu jew hi jgħaddu d-dokument [l-att] għat-trażmissjoni li dak indirizzat [d-destinatarju] jista’ jiċħad li jaċċettah jekk ma jkunx b’waħda mil-lingwi li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 8.

2.       L-applikant [Ir-rikorrent] għandu jerfa’ l-ispejjeż tat-traduzzjoni qabel it-trażmissjoni tad-dokument [tal-att], mingħajr preġudizzju għal xi deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew awtorità kompetenti dwar ir-responsabbilità ta’ dawk l-ispejjeż.”

6        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, intitolat “Rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokument [att]”, jipprovdi:

“1      L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-indirizzat [lid-destinatarju] li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument [l-att] li għandu jkun notifikat jekk dan ikun b’xi lingwa oħra apparti minn waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin:

a)       il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post fejn in-notifika għandha issir;

jew

b)       il-lingwa ta’ l-Istat Membru tat-trażmissjoni li l-indirizzat [d-destinatarju] ikun jifhem.

2.       Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li l-indirizzat [d-destinatarju] jirrifjuta li jaċċetta d-dokument [l-att] bi qbil mal-paragrafu 1, hi għandha immedjatament tinforma lill-aġenzija li tittrażmetti permezz taċ-ċertifikat li hemm dispożizzjoni dwaru fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tkun mitluba t-traduzjoni tagħhom.”

7        L-Artikolu 19(1) tal-istess regolament jgħid:

“Meta ċitazzjoni [att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti kellu jkun trażmess lil Stat Membru ieħor għall-iskop ta’ notifika, permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u l-konvenut ma jkunx deher, m’għandhiex tingħata s-sentenza sakemm ikun [qabel ma jkun ġie] stabbilit li:

a)       id-dokument [l-att] kien nnotifikat b’metodu preskritt bil-liġi internazzjonali [bil-liġi interna] ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti [atti] f’azzjonijiet domestiċi fuq persuni li jkunu fit-territorju tiegħu; jew

b)       id-dokument [l-att] ikun attwalment imwassal lill-konvenut jew fir-residenza tiegħu permezz ta’ metodu ieħor provdut f’dan ir-Regolament;

u li f’xi [f’kull] wieħed minn dawn il-każi n-notifika jew il-konsenja ssir [saret] fi żmien suffiċjenti sabiex il-konvenut ikunu jista’ jiddefendi lilu nnifsu.”

8        Il-paragrafi l-oħrajn tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1348/2000 jittrattaw ipoteżijiet speċifiċi dwar il-konvenut li ma jidhirx.

9        L-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), jaqra kif ġej:

“1.       Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun i[m]fittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispo[ż]izzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.       Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti [l-att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

3.       L-Artikolu 19 ta’ Regolament (KE) Nru 1348/2000 [...] għandhom japplikaw [għandu japplika] minflok id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 2 jekk id-dokument li jiftaħ il-proċedimenti [l-att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti jkun ġie trasmess minn Stat Membru wieħed lill Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament.

4.       Meta d-disposizzjonijiet ta’ Regolament (KE) Nru 1348/2000 ma japplikawx, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ The Hague [l-Aja] tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar Servizz Barrani [dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż] ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extra ġudizzjarji f’Materji Ċivili u [jew] Kummerċjali għandhom japplikaw jekk id-dokument li jiftħu l-proċedimenti [l-att promotur] jew dokument [att] ekwivalenti kellu jkun tra[ż]mess bis-saħħa ta’ dik il-Konvenzjoni.”

10      Barra minn hekk, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li sentenza mogħtija fi Stat Membru m’għandhiex tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor “meta jkun b’nuqqas ta’ dehra [tkun ingħatat fil-kontumaċja tal-konvenut], jekk il-konvenut ma kienx ġie servut [innotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti [bl-att promotur] jew b’dokument [att] ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur [il-konvenut] ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk.”

11      Dispożizzjonijiet simili huma wkoll previsti fil-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299 p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – test emendat – p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), bil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u bil-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

12      L-Artikolu 20 ta’ din il-konvenzjoni jittratta l-proċedura inkontumaċja.

13      L-Artikolu 27(2) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Is-sentenzi ma għandhomx jiġu rikonoxxuti:

[…]

2.      meta jkunu ngħataw fil-kontumaċja tal-konvenut, jekk il-konvenut ma kienx ġie nnotifikat bl-att promotur tal-proċeduri ġudizzarji jew b’att ekwivalenti, b’mod regolari u fi żmien suffiċjenti, sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu

[…].”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extra ġudizzjarji f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (iktar’il quddiem, il-“Konvenzjoni tal-Aja tal-1965”), jipprovdi:

“L-Awtorità Ċentrali tal-Istat indirizzat għandha hija nfisha tinnotifika l-att jew inkella għandha tagħmel arranġamenti biex dan jiġi notifikat minn aġenzija adattata, jew:

a)       permezz ta’ metodi previst bil-liġi tal-Istat indirizzat għan-notifika tal-atti f’azzjonijiet domestiċi lil persuni li jkunu fit-territorju tiegħu;

b)       permezz tal-metodu partikolari mitlub mir-rikorrent, kemm-il darba dan il-metodu ma jkunx inkompatibbli mal-liġi tal-Istat indirizzat.

[…]

Jekk l-att għandu jiġi nnotifikat skont l-ewwel paragrafu, l-Awtorità Ċentrali tkun tista’ titlob li l-att jinkiteb jew jiġi tradott fil-lingwa jew fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tiegħu. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni jgħid:

“Meta att promotur tal-proċeduri ġudizzarji jew att ekwivalenti kellu jkun trażmess barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ notifika, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, u l-konvenut ma jkunx deher, m’għandhiex tingħata s-sentenza qabel ma jkun ġie stabbilit li:

a) l-att ġie nnotifikat b’metodu previst bil-liġi interna tal-Istat indirizzat għan-notifika ta’ atti f’azzjonijiet domestiċi lill-persuni li qegħdin fit-territorju tiegħu, jew

b) l-att ikun attwalment imwassal lill-konvenut jew fir-residenza tiegħu permezz ta’ metodu ieħor previst f’din il-Konvenzjoni,

u li, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, in-notifika jew il-kunsinna saret fi żmien suffiċjenti sabiex il-konvenut ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1965 jindika li l-Konvenzjoni ma tipprekludix lill-Istati kontraenti milli jiftiehmu sabiex jidderogaw, b’mod partikolari, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5, fir-rigward tal-użu tal-lingwi.

 Id-dritt nazzjonali

17      L-att promotur huwa definit fl-Artikolu 253 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (“Zivilprozessordnung”). Din id-dispożizzjoni taqra kif ġej:

“(1) L-azzjoni tinbeda permezz tan-notifika ta’ att (rikors).

(2) Ir-rikors għandu jinkludi:

1. l-ismijiet tal-partijiet u tal-qorti

2. l-indikazzjoni preċiża tas-suġġett u tar-raġuni tal-azzjoni, kif ukoll talbiet preċiżi.

(3) Ir-rikors għandu wkoll jindika l-valur tas-suġġett tal-kawża, meta d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti tiddependi minnu, ħlief jekk dan jikkonsisti f’somma fissa ta’ flus, u għandu jispeċifika jekk hemmx raġunijiet li għalihom il-kawża m’għandhiex tiġi deċiża minn imħallef wieħed.

(4) Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-atti preparatorji huma wkoll applikabbli għar-rikors.”

18      L-Artikolu 131 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili huwa intitolat “Dokumenti Annessi”. Dan jaqra kif ġej:

“(1) Id-dokumenti li għandha l-parti fil-pussess tagħha u li l-att preparatorju jagħmel referenza għalihom għandhom jiġu mehmuża ma’ dan l-att, fil-forma tal-oriġinal jew ta’ kopja.

(2) Jekk siltiet isolati biss ta’ dokument ikunu kkonċernati, ikun biżżejjed li jiġi mehmuż estratt li jinkludi s-silta introduttorja tad-dokument, dik li tikkonċerna l-kawża, il-parti finali, id-data u l-firma.

(3) Jekk il-parti l-oħra tkun digà familjari ma’ dawn id-dokumenti jew jekk dawn ikunu voluminużi, ikun biżżejjed li jiġi indikat preċiżament liema huwa dawn id-dokumenti u li huma disponibbli għall-konsultazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      L-IHK Berlin titlob il-ħlas tad-danni minħabba disinn difettuż mingħand l-Uffiċċju Grimshaw, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett. Dan tal-aħħar kien obbliga ruħu, fil-kuntratt inkwistjoni, sabiex jipprovdi servizzi ta’ idea għal proġett ta’ kostruzzjoni f’Berlin.

20      Fil-3.2.6 tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett, il-partijiet ftehmu:

“Is-servizzi għandhom jiġu provduti bil-lingwa Ġermaniża. Il-korrispondenza bejn [l-IHK Berlin] u [l-Uffiċċju Grimshaw] u ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi għandha ssir bil-lingwa Ġermaniża.”

21      Jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan ġie kkonfermat fis-seduta, li l-kuntratt kien suġġett għal-liġi Ġermaniża (punt 10.4 tal-kuntratt) u li, fil-kaz ta’ tilwim, il-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni jkunu dawk ta’ Berlin (punt 10.2 tal-kuntratt).

22      L-Uffiċċju Grimshaw sejjaħ fil-kawża lill-Uffiċċju Weiss.

23      Ir-rikors tal-IHK Berlin, li jagħmel parti mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirreferi għad-diversi provi invokati insostenn tar-raġunijiet li fuqu huwa bbażat. Dawn il-provi dokumentali huma annessi mar-rikors, f’dokument ta’ madwar 150 paġna.

24      Kif esponiet il-qorti tar-rinviju, il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti huwa, barra minn hekk, parzjalment riprodott fir-rikors. L-imsemmija annessi jinkludu l-kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitett konkluż bejn il-partijiet, ftehim addizzjonali għall-imsemmi kuntratt kif ukoll l-abbozz tiegħu, estratt tal-lista tad-dettalji tas-servizzi kuntrattwali, diversi dokumenti jew estratti bħal rapporti tekniċi jew prospetti, kif ukoll diversi ittri, li jinkludu dawk tal-Uffiċċju Grimshaw, li jikkonċernaw l-iskambju tal-korrispondenza ma’ l-impriżi inkarigati sabiex jikkonstataw u jsewwu d-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      Wara li l-Uffiċċju Grimshaw inizjalment kien irrifjuta li jaċċetta r-rikors minħabba n-nuqqas ta’ traduzzjoni bl-Ingliż, verżjoni bl-Ingliż ta’ dan ir-rikors u l-annessi bil-Ġermaniż, li ma kinux tradotti, ġew ikkunsinnati lilu Londra fit-23 ta’ Mejju 2003.

26      Permezz ta’ att tat-13 ta’ Ġunju 2003, l-Uffiċċju Grimshaw ikkontesta r-regolarità tan-notifika għar-raġuni li l-annessi ma kinux ġew tradotti bl-Ingliż. Għal din ir-raġuni, huwa rrifjuta li jaċċetta r-rikors billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 u huwa jikkunsidra li l-imsemmi rikors ma ġiex innotifikat b’mod validu. L-Uffiċċju Grimshaw iqajjem l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni.

27      Il-Landgericht Berlin ikkonstata li r-rikors ġie nnotifikat b’mod regolari fit-23 ta’ Mejju 2003. L-appell imressaq mill-Uffiċċju Grimshaw ġie miċħud mill-Kammergericht Berlin. L-Uffiċċju Weiss ippreżenta proċeduri ta’ “Revision” quddiem il-Bundesgerichtshof kontra s-sentenza tal-appell.

28      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ġermaniż, rikors li jirreferi għal dokumenti annessi miegħu jikkostitwixxi ħaġa waħda magħhom u li l-konvenut għandu jkollu l-provi kollha invokati mir-rikorrent li jkunu neċessarji għad-difiża tiegħu. Għaldaqstant, il-validità tan-notifika ta’ rikors ma tistax tiġi evalwata indipendentement min-notifika tal-annessi, bil-pretest li l-informazzjoni essenzjali tirriżulta diġà mir-rikors u li d-dritt għal smigħ xieraq huwa salvagwardat mill-fatt li, fir-rigward tal-kontenut tal-annessi, il-konvenut xorta għandu opportunitajiet suffiċjenti sabiex jiddefendi ruħu matul il-proċeduri.

29      Tista’ ssir eċċezzjoni għal dan il-prinċipju biss meta l-ħtieġa tal-konvenut għall-informazzjoni ma tkunx ippreġudikata b’mod sinjikattiv, pereżempju għaliex dokument mhux anness mar-rikors intbagħat kważi fl-istess ħin li fih tressaq ir-rikors jew inkella għaliex il-konvenut kien diġà jaf bid-dokumenti qabel ma tressaq ir-rikors.

30      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan il-każ, l-Uffiċċju Grimshaw ma kienx jaf bid-dokumenti kollha, b’mod partikolari dawk dwar il-konstatazzjoni u t-tiswija tad-difetti kif ukoll dawk dwar l-ispejjeż relattivi. Dawn id-dokumenti ma jistgħux jitqiesu bħala dettalji insinjifikattivi peress li d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata risposta tista’ tiddependi mill-evalwazzjoni tagħhom.

31      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Uffiċċju Grimshaw kellux raġun jirrifjuta r-rikors. Hija tispeċifika li l-ebda wieħed mill-korpi ta’ dan l-uffiċċju awtorizzati sabiex jirrappreżentawh ma jifhem bil-Ġermaniż.

32      Skont il-Bundesgerichtshof, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma tistax tiġi rrifjutata notifika fuq il-bażi li annessi ma jkunux ġew tradotti.

33      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tgħid xejn dwar ir-rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ annessi. Barra minn hekk, il-formola standard prevista f’dan ir-regolament, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) tiegħu, għat-talbiet għal notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea teħtieġ li tingħata informazzjoni dwar in-natura u l-lingwa tad-dokument biss fir-rigward tal-att li għandu jiġi nnotifikat (punti 6.1 u 6.3), iżda mhux fir-rigward tal-annessi, li fil-każ tagħhom huwa meħtieġ biss li jiġi indikat in-numru tagħhom (punt 6.4).

34      Fil-każ li jkun possibli li tiġi rrifjutata n-notifika biss għar-raġuni li l-annessi ma jkunux ġew tradotti, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-fehma tagħha, il-kuntratt li fih ir-rikorrenti u l-konvenut jipprovdu li l-lingwa għall-korrispondenza tagħhom hija l-Ġermaniż mhuwiex biżżejjed sabiex il-konvenut jiġi mċaħħad mid-dritt li jirrifjuta l-aċċettazzjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000.

35      Fil-fatt, din il-klawżola ma tfissirx li l-konvenut jifhem din il-lingwa fis-sens ta’ dan ir-regolament. Madankollu, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, id-dottrina hija maqsuma, b’ċerti awturi jqisu li klawżola li tispeċifika l-użu ta’ lingwa f’relazzjonijiet kuntrattwali tista’ toħloq preżunzjoni ta’ għarfien ta’ din il-lingwa fis-sens tal-imsemmi regolament.

36      Finalment, u fil-każ li klawżola kuntrattwali ma tistax tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ għarfien tal-lingwa inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli, fil-każijiet kollha, li tiġi rrifjutata n-notifika ta’ rikors li l-annessi tiegħu ma jkunux ġew tradotti jew jekk jeżistux eċċezzjonijiet, pereżempju meta l-konvenut diġà jkollu traduzzjoni tal-annessi jew meta l-kontenut tal-anness ikun riprodott litteralment fir-rikors tradott.

37      Dan jista’ jkun ukoll il-każ meta d-dokumenti annessi jkunu miktuba bil-lingwa li tkun ġiet magħżula b’mod validu mill-partijiet fil-kuntest tal-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-każ ta’ partijiet dgħajfa li jistgħu jkunu jeħtieġu protezzjoni, bħal dak ta’ konsumaturi transkonfinali li jkunu aċċettaw, permezz ta’ kuntratt, li l-lingwa għall-korrispondenza tkun dik tal-kummerċjant.

38      Hija madankollu tirrileva li, fil-kawża prinċipali, l-Uffiċċju Grimshaw ikkonkluda l-kuntratt fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu. Hija ma tara li hemm ebda bżonn partikolari ta’ protezzjoni għal dan l-uffiċċju u għaldaqstant ma jidhrilha li hemm ebda ħtieġa li jingħatalu d-dritt li jirrifjuta l-aċċettazzjoni tan-notifika.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju m’għandux dritt jirrifjuta l-aċċettazzjoni meta l-annessi biss ta’ att li għandu jiġi nnotifikat ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem?

2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju għandu jitqies li ‘jifhem’ il-lingwa ta’ Stat Membru tat-trażmissjoni fis-sens ta’ dan ir-Regolament meta jkun ftiehem, f’kuntratt konkluż mar-rikorrent fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni?

3) Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju f’ebda każ ma jista’ jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni ta’ annessi ta’ att li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem meta, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta l-annessi jkunu jirrigwardaw dik il-korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att li għandu jkun innotifikat m’għandux dritt jirrifjuta l-aċċettazzjoni meta l-annessi biss ta’ dan l-att ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem.

41      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1348/2000 japplika għal atti li għandhom jkunu nnotifikati li jistgħu jkunu ta’ natura differenti ħafna, skont jekk humiex atti ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji u, fl-ewwel każ, skont jekk huwiex att promotur, deċiżjoni ġudizzjarja, miżura eżekuttiva jew kull att ieħor. Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda att promotur.

42      Peress li r-rwol u l-importanza tal-annessi ta’ att li għandu jkun innotifikat jistgħu jkunu differenti skont in-natura ta’ dan l-att, ir-raġunament u r-risposti f’din is-sentenza għandhom jiġu limitati biss għall-att promotur.

43      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li n-numru u n-natura tad-dokumenti li għandhom jiġi annessi ma’ att promotur jvarjaw konsiderevolment skont is-sistemi legali. Fil-fatt, f’ċerti sistemi legali, tali att għandu jinkludi biss is-suġġett u sommarju tar-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt tat-talba, billi d-dokumenti ta’ prova jiġu kkomunikati separatament, filwaqt li f’sistemi legali oħrajn, bħad-dritt Ġermaniż, l-annessi għandhom jkunu kkomunikati fl-istess ħin mar-rikors u jagħmlu parti integrali minnu.

44      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jsemmix l-annessi ta’ att li għandu jkun innotifikat. Madankollu, ir-referenza għal “dokumenti li tkun mitluba t-traduzzjoni tagħhom”, li tinsab fil-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, tagħti l-impressjoni li att jista’ jikkonsisti f’diversi dokumenti.

45      Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet utli fil-kliem użat fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-objettivi u tal-kuntest tagħha u, b’mod iktar wiesa’, fid-dawl tal-objettivi u tal-kuntest tar-Regolament Nru 1348/2000 innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43).

46      Kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, l-objettivi tar-Regolament Nru 1348/2000 huma li tiġi mtejba u mħaffa t-trażmissjoni tal-atti. Dawn l-objettivi huma mfakkra fis-sitt sat-tmien premessi. Fil-fatt, din tal-aħħar tgħid li, “[b]iex tkun assigurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà ta’ rifjut tas-servizz [tan-notifika] ta’ dokumenti [atti] huwa limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali”. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-atti ġudizzjarji għandhom ikunu trażmessi malajr kemm jista’ jkun.

47      Madankollu, dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu jekk b’xi mod id-drittijiet tad-difiża jiġu mdgħajfa (ara, b’anoloġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C-283/05, Ġabra p. I‑12041, punt 24). Fil-fatt, dawn id-drittijiet, li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar’il quddiem il-“KEDB”, jikkostitwixxu dritt fundamentali li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li jiġu osservati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ASML, iċċitata iktar’il fuq, punt 26).

48      Għaldaqstant, għandu jsir kull sforz sabiex jiġu rrikonċiljati l-objettivi ta’ effettività u ta’ ħeffa tat-trażmissjoni tal-atti proċedurali, li huma neċessarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, flimkien ma’ dak tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, u b’mod iktar partikolari, tal-kunċett ta’ att li għandu jkun innotifikat meta dan tal-aħħar ikun jikkonsisti f’att promotur, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk tali att għandux jinkludi annessi li jikkonsistu f’dokumenti ta’ prova.

49      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn l-objettivi tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jippermettux, waħedhom, li jiġi interpretat il-kunċett ta’ att promotur, fil-kuntest tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, sabiex jiġi stabbilit jekk tali att jistax jew għandux jinkludi annessi. Lanqas ma jippermettu li jiġi stabbilit jekk it-traduzzjoni ta’ att promotur huwiex element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut, li jkun jista’ jiċċara l-portata tal-obbligu ta’ traduzzjoni previst fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament.

50      L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000 ma tistax, madankollu, tinfired mill-kuntest ta’ żvilupp fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, li taħtu jaqa’ dan ir-regolament, u, b’mod iktar partikolari, mir-Regolament Nru 44/2001, li l-Artikolu 26(3) u (4) tiegħu jirreferi espressament għar-Regolament Nru 1348/2000.

51      Fil-fatt, diversi dispożizzjonijiet jeħtieġu li, qabel ma l-qorti tagħti sentenza inkontumaċja jew tirrikonoxxi sentenza, hija tivverifika jekk il-metodi ta’ notifika ta’ att promotur kinux tali li d-drittijiet tad-difiża ġew osservati (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kontumaċja, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u, fir-rigward tar-rikonoxximent tas-sentenzi, b’mod partikolari, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell).

52      Qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1348/2000, in-notifiki transkonfinali bejn l-Istati Membri kienu jsiru skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1965, li għaliha jirreferu l-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 44/2001 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, jew il-ftehim bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri. Issa l-Konvenzjoni tal-Aja u l-parti l-kbira ta’ dawn il-ftehim ma jipprovdux obbligu ġenerali li jiġu tradotti l-atti kollha li għandhom ikunu nnotifikati, tant hu hekk li l-qrati nazzjonali qiesu li d-drittijiet tad-difiża huma protetti biżżejjed jekk id-destinatarju ta’ att kellu żmien sabiex seta’ jiżgura li dan l-att jiġi tradott u sabiex jorganizza d-difiża tiegħu.

53      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1348/2000 stess ma jispeċifikax jekk id-dritt li jiġi rrifjutat att li ma jkunx ġie tradott jeżistix ukoll fil-każ ta’ notifika bil-posta, imwettqa skont l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament. Għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat ir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, adottata permezz ta’ att tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 1997 (ĠU C 261, p. 1, iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1997”; rapport ta’ spjegazzjoni, p. 26) fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat KE u li t-test tiegħu ispira r-Regolament Nru 1348/2000 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C‑443/03, Ġabra p. I‑9611, punt 47).

54      Il-kummentarju tal-Artikolu 14(2) tal-Konvenzjoni tal-1997, dwar in-notifika bil-posta, jgħid:

“Dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li n-notifika tista’ ssir bil-posta.

Madankollu, sabiex jipprovdu garanziji lid-destinatarji residenti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom in-notifika tista’ ssir fil-konfront tagħhom bil-posta. Tali kundizzjonijiet, pereżempju, jistgħu jeħtieġu l-użu tal-posta reġistrata jew l-applikazzjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni dwar it-traduzzjoni tal-atti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

55      Ċerti Stati Membri interpretaw, tajjeb jew ħażin, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 fis-sens li t-traduzzjoni tal-att mhijiex meħtieġa fil-kaz ta’ notifika bil-posta u qiesu neċessarju li jispeċifikaw, kif jippermetti l-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament, li huma ma jaċċettawx in-notifika ta’ atti ġudizzjarji jekk dawn ma jkunux tradotti [ara, f’dan ir-rigward, il-komunikazzjonijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1348/2000 (ĠU 2001 C 151, p. 4), u l-ewwel aġġornament tal-komunikazzjonijiet tal-Istati Membri (ĠU 2001 C 202, p. 10)].

56      Jirriżulta mill-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1965, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Konvenzjoni tal-1997, tar-Regolamenti Nru 1348/2000 u Nru 44/2001 kif ukoll tal-komunikazzjonijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1348/2000 rispettivament li, fil-materji koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet, it-traduzzjoni ta’ att promotur magħmula mir-rikorrent mhijiex meqjusa, la mill-leġiżlatur Komunitarju lanqas mill-Istati Membri, bħala element indispensabbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut, peress li l-konvenut għandu jkollu biss żmien biżżejjed sabiex huwa jista’ jiżgura li l-att jiġi tradott u sabiex jorganizza d-difiża tiegħu.

57      Tali għażla tal-leġiżlatur Komunitarju u tal-Istati Membri ma tmurx kontra l-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali kif tirriżulta mill-KEDB. Fil-fatt, l-Artikolu 6(3)(a) ta’ din il-konvenzjoni, li skontu kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-dritt minimu li jkun infurmat minnufih, f’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu, huwa applikabbli biss f’materji kriminali. L-ebda dispożizzjoni tal-KEDB ma timponi t-traduzzjoni ta’ att promotur f’materji ċivili u kummerċjali.

58      Konsegwentement, jekk il-leġiżlatur Komunitarju għażel, permezz tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, li jippermetti lid-destinatarju ta’ att li jirrifjutah jekk ma jkunx tradott f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew f’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li huwa jifhem, dan huwa prinċipalment sabiex jiġi stabbilit, b’mod uniformi, min għandu jiżgura li ssir it-traduzzjoni ta’ tali att u jkun responsabbli għall-ispiża tagħha fl-istadju tan-notifika ta’ dan tal-aħħar.

59      Billi l-eżami tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Komunitarju f’dak li jikkonċerna l-portata tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża u, b’mod partikolari, il-bżonn ta’ traduzzjoni ta’ att promotur, ippermetta li jiġi speċifikat l-għan tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, huwa fid-dawl ta’ dan il-għan li għandu jiġi stabbilit x’inhu kopert mill-kunċett ta’ att li għandu jkun innotifikat fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8 meta l-att jinkonsisti f’att promotur u jekk att ta’ dan it-tip jistax jew għandux jinkludi annessi li jikkonsistu f’dokumenti ta’ prova.

60      Ir-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, sabiex ikun jista’ jiġi applikat b’mod uniformi (sentenza Leffler, iċċitata iktar’il fuq, punti 45 u 46). L-istess japplika għar-Regolament Nru 44/2001 u, b’mod partikolari, għall-kunċett tal-“dokument li jiftħu l-proċedimenti [att promotur]” fis-sens tal-Artikoli 26 u 34(2) ta’ dan ir-regolament kif ukoll għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

61      Meta ddeċidiet fuq l-intepretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dwar ir-rikonoxxoment tas-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett ta’ att promotur jew ta’ att ekwivalenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni bħala li jirreferi għall-att jew atti li n-notifika tagħhom lill-konvenut, magħmula b’mod regolari u fi żmien xieraq, tippermettilu jasserixxi d-drittijiet tiegħu qabel ma tingħata sentenza eżegwibbli fl-Istat tat-trażmissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import, C-474/93, Ġabra p. I-2113, punt 19).

62      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hengst Import, iċċitata iktar’il fuq, l-att promotur kien ikkostitwit mill-ordni sabiex isir il-ħlas (“decreto ingiuntivo”), mogħtija minn qorti Taljana skont l-Artikolu 641 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan, u mir-rikors tar-rikorrent flimkien. Fil-fatt, huwa min-notifika ta’ dawn iż-żewġ dokumenti flimkien li jibda jiddekorri t-terminu li fih il-konvenut jista’ jressaq oppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-konvenut ma jistax jikseb sentenza eżegwibbli qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu (sentenza Hengst Import, iċċitata iktar’il quddiem, punt 20).

63      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-“decreto ingiuntivo” huwa formola sempliċi li, sabiex tkun tista’ tinftiehem, għandha tinqara mar-rikors. Min-naħa l-oħra, in-notifika tar-rikors waħdu ma tippermettix lill-konvenut jiddetermina jekk għandux jorganizza d-difiża tiegħu peress li, mingħajr id-“decreto ingiuntivo”, huwa ma jkunx jaf jekk il-qorti tkunx laqgħet jew ċaħdet ir-rikors. Barra minn hekk, il-bżonn tan-notifika dupliċi tad-“decreto ingiuntivo” u tar-rikors kien ikkonfermat mill-Artikolu 643 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljana, li minnu jirriżulta li hija tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza Hengst Import, iċċitata iktar’il fuq, punt 21).

64      Jirriżulta minn dan il-kunċett awtonomu ta’ att promotur, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tali att għandu jinkludi d-dokument jew dokumenti, meta dawn ikunu intrinsikament marbutin, li jippermettu lill-konvenut jifhem is-suġġett u l-motivazzjoni tar-rikors tar-rikorrent, kif ukoll ikun jaf bl-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji li fihom huwa jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu, jew billi jiddefendu ruħu fi proċeduri ġudizzjarji pendenti, jew, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hengst Import, iċċitata iktar’il fuq, billi jressaq proċeduri kontra sentenza mogħtija fuq il-bażi ta’ rikors ex parte.

65      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ċerti liġijiet nazzjonali ma jipprovdux li d-dokumenti ta’ prova f’kawża għandhom ikunu annessi ma’ dak li jiddefinixxu bħala att promotur, iżda jippermettu li dawn jiġu kkomunikati separatament. Tali dokumenti mhumiex għaldaqstant ikkunsidrati bħala intrinsikament marbutin ma’ l-att promotur fis-sens li huma indispensabbli sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem it-talba magħmula kontrih u jsir jaf bl-eżistenza tal-proċeduri ġudizzjarji, iżda għandhom funzjoni probatorja li hija separata mill-għan tan-notifika nfisha.

66      F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tas-sentenzi previsti mir-Regolament Nru 44/2001 huma anqas riġidi meta mqabbla mal-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell.

67      Fil-fatt, l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament warrab ir-rekwiżit tar-regolarità tal-att promotur, previst fl-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, sabiex iqiegħed l-enfasi fuq l-osservanza effettiva tad-drittijiet tad-difiża, li huma kkunsidrati li jkunu ġew osservati meta l-konvenut kien jaf bil-proċeduri ġudizzjarji pendenti u seta’ jressaq proċeduri kontra sentenza mogħtija kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASML, iċċitata iktar’il fuq, punti 20 u 21).

68      Din il-bidla fir-Regolament Nru 44/2001 meta mqabbel mal-Konvenzjoni ta’ Brussell issostni l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ att li għandu jkun innotifikat, meta dan jikkonsisti f’att promotur, li skontha tali att għandu jinkludi l-informazzjoni essenzjali sabiex konvenut jinduna mill-ewwel bl-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji, iżda mhux kull dokument ta’ prova li jippermetti li ssir il-prova tad-diversi fatti u punti ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata t-talba.

69      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-kunċett ta’ att li għandu jkun innotifikat imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000, meta dan l-att jikkonsisti f’att promotur, għandu jiġi interpretat fis-sens li dokumenti ta’ prova, li għandhom biss funzjoni ta’ prova u mhumiex intrinsikament marbutin mar-rikors safejn mhumiex indispensabbli sabiex jinftiehmu s-suġġett u r-raġuni tar-rikors tar-rikorrent, ma jifformawx parti integrali minnu.

70      Minn eżami tal-kunċett ta’ att kif jirriżulta mill-KEDB u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(3) tagħha, imsemmi fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, wieħed jista’ jasal għal konklużjoni simili fil-qasam kriminali. Fil-fatt, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, att ta’ akkuża għandu jippermetti lill-akkużat li jkun informat mhux biss bir-raġuni tal-akkuża, jiġifieri l-fatti sostantivi li jkun akkużat bihom u li fuqhom tkun ibbażata l-akkuża, iżda wkoll tal-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lil dawn il-fatti u dan b’mod dettaljat (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Pélissier u Sassi vs Franza tal-25 ta’ Marzu 1999, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1999-II, § 51, kif ukoll Mattei vs Franza tad-19 ta’ Diċembru 2006, Nru 34043/02, § 34). Min-naħa l-oħra, id-dritt tad-difiża mhuwiex ippreġudikat bis-sempliċi fatt li l-att ta’ akkuża ma jinkludix id-dokumenti ta’ prova tal-fatti miġjuba kontra l-akkużat.

71      Meta ddeċidiet fuq l-Artikolu 6(3)(e) tal-KEDB, li jirrikonoxxi d-dritt tal-akkużat li jkollu interpretu, il-Qorti Ewropea ddeċidiet ukoll li dan id-dritt ma jestendix sal-punt li tista’ tintalab traduzzjoni bil-miktub ta’ kull prova dokumentali jew dokument uffiċjali fil-proċess (Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 1989, Kamasinski vs L-Awstrija, Serje A, Nru 168, § 74).

72      Madankollu, kif jirriżulta mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża f’materji ċivili u kummerċjali mhumiex daqshekk stretti daqskemm huma f’materji kriminali.

73      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-kunċett ta’ “dokument [att] li għandu jkun notifikat” imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, meta dan l-att jikkonsisti f’att promotur, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-att jew atti li n-notifika tagħhom lill-konvenut, magħmula b’mod regolari u fi żmien xieraq, tippermettilu jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Istat tat-trażmissjoni. Tali att għandu jippermetti li jiġu identifikati b’ċertezza tal-anqas is-suġġett u r-raġuni tat-talba, kif ukoll it-taħrika sabiex jidher quddiem il-qorti jew, skont in-natura tal-proċedura pendenti, il-possibbiltà li jressaq proċeduri quddiem qorti. Dokumenti li għandhom biss funzjoni ta’ prova u mhumiex indispensabbli sabiex jinftiehmu s-suġġett u r-raġuni tat-talba ma jifformawx parti integrali mill-att promotur fis-sens tar-Regolament Nru 1348/2000.

74      Tali interpretazzjoni hija konformi ma’ l-objettivi tar-Regolament Nru 1348/2000 li tiġi mtejba u mħeffa t-trażmissjoni tal-atti. Fil-fatt, it-traduzzjoni ta’ dokumenti ta’ prova tista’ tieħu żmien konsiderevoli meta, f’kull każ, din it-traduzzjoni mhijiex meħtieġa għall-finijiet tal-kawża li ser titmexxa quddiem il-qorti tal-Istat Membru tat-trażmissjoni u fil-lingwa ta’ dan l-Istat.

75      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kontenut tal-att promotur jippermettix lill-konvenut li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fl-Istat tat-trażmissjoni u jippermettilux, b’mod partikolari, li jidentifika s-suġġett u r-raġuni tat-talba mressqa kontrih kif ukoll li jsir jaf bl-eżistenza tal-proċeduri ġudizzjarji.

76      Jekk il-qorti nazzjonali tqis li dan il-kontenut huwa insuffiċjenti f’dan ir-rigwrd minħabba li ċerta informazzjoni essenzjali dwar it-talba tinsab fl-annessi, din il-qorti għandha tipprova ssolvi l-problema fil-kuntest tad-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, filwaqt li tiżgura l-effettività sħiħa tar-Regolament Nru 1348/2000, f’konformità ma’ l-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leffler, iċċitata iktar’il fuq, punt 69) filwaqt li tipproteġi bl-aħjar mod l-interessi taż-żewġ partijiet fil-kawża.

77      Għaldaqstant, min ikun ressaq l-att promotur jkun jista’ jingħata l-possibbiltà li jirrimedja għan-nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ anness indispensabbli billi jibgħat din it-traduzzjoni skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament Nru 1348/2000 mill-iktar fis possibbli. Fir-rigward tal-effett tat-trażmissjoni ta’ traduzzjoni fuq id-data tan-notifika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan l-effett għandu jiġi determinata b’analoġija mas-sistema tad-data doppja stabbilita fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament (sentenza Leffler, iċċitata iktar’il fuq, punti 65 sa 67), sabiex jiġu protetti l-interessi tal-partijiet.

78      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att promotur li għandu jkun innotifikat m’għandux dritt jirrifjuta li jaċċetta dan l-att safejn dan l-att jippermetti lid-destinarju jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Istat Membru tat-trażmissjoni, meta dan l-att ikollu miegħu annessi li jikkonsistu f’dokumenti ta’ prova li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem, iżda li jkollhom biss il-funzjoni ta’ prova u ma jkunux indispensabbli sabiex jinftiehmu s-suġġett u r-raġuni tat-talba. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kontenut tal-att promotur huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konvenut jasserixxi d-drittijiet tiegħu jew jekk il-mittent għandux jirrimedja għan-nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ anness indispensabbli.

 Fuq it-tieni domanda

79      Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ li tingħata risposta fis-sens li d-destinatarju ta’ att jista’ jirrifjuta li jaċċettah meta l-annessi tiegħu ma jkunux ġew tradotti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att innotifikat għandu jitqies li “jifhem” il-lingwa ta’ Stat Membru tat-trażmissjoni fis-sens ta’ dan ir-regolament meta jkun ftiehem, f’kuntratt konkluż mar-rikorrent fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Fid-dawl tar-riżerva magħmula għall-ewwel domanda, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda.

80      Sabiex tistabbilixxi jekk id-destinatarju ta’ att innotifikat jifhimx il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li biha huwa miktub l-att, il-qorti nazzjonali għandha teżamina l-provi kollha f’dan ir-rigward li ġew ippreżentati mir-rikorrenti.

81      Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk id-destinatarju ta’ att għandux jitqies li jifhem il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni minħabba li huwa ffirma klawżola dwar l-użu ta’ dik il-lingwa kif iddeskriviet il-qorti tar-rinviju.

82      Skont l-Uffiċċju Grimshaw, huwa biss jista’ jgħid jekk jifhimx l-att innotifikat. L-IHK Berlin issostni l-pożizzjoni opposta, jiġifieri li l-firma ta’ klawżola ta’ dan it-tip tammonta għall-aċċettazzjoni ta’ din il-lingwa bħala l-lingwa tan-notifika ta’ att ġudizzjarju, bl-istess mod kif klawżola ta’ ġurisdizzjoni hija valida bejn il-partijiet.

83      Il-partijiet l-oħrajn li ppreżentaw osservazzjonijiet jikkunsidraw li l-għarfien tal-lingwa tal-att fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 ma jistax jiġi dedott minn klawżola ta’ dan it-tip, iżda din il-klawżola tikkostitwixxi indizju tal-għarfien ta’ din il-lingwa. L-Uffiċċju Weiss kif ukoll il-Gvern Ċek u l-Gvern Slovakk jenfasizzaw, b’mod partikolari, li l-grad ta’ għarfien ta’ lingwa meħtieġ għall-korrispondenza mhuwiex l-istess bħal dak meħtieġ għal difiża f’azzjoni legali.

84      L-interpretazzjoni tal-Uffiċċju Grimshaw ma tistax tiġi aċċettata għaliex din tkun tfisser li l-punt jekk in-notifika kinitx effettiva jkun jiddependi mir-rieda tajba tad-destinatarju tal-att.

85      Lanqas huwa possibbli li tiġi aċċettata l-interpretazzjoni proposta mill-IHK Berlin. Fil-fatt, sabiex l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 ikun effettiv, il-qorti kompetenti għandha tivverifika jekk ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni humiex effettivament sodisfatti. F’dan ir-rigward, il-firma ta’ klawżola li tipprovdi għall-użu ta’ lingwa partikolari għall-korrispondenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ma tistax tikkostitwixxi preżunzjoni tal-għarfien tal-lingwa miftiehma.

86      Min-naħa l-oħra, il-firma ta’ klawżola ta’ dan it-tip għandha titqies bħala indizju tal-għarfien tal-lingwa tal-att innotifikat. Dan l-indizju iktar u iktar ikollu piż meta l-klawżola tkopri mhux biss il-korrispondenza bejn il-partijiet, iżda wkoll dik ma’ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Din tista’ tkun sostnuta minn indizji oħrajn, bħall-fatt li l-korrispondenza tkun effettivament intbagħtet mid-destinatarju tal-att fil-lingwa tal-att innotifikat jew il-preżenza, fil-kuntratt inizjali, ta’ klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat tat-trażmissjoni fil-każ ta’ tilwim jew li jissottomettu l-kuntratt għal-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

87      Kif indikaw l-Uffiċċju Weiss u l-Gvern Ċek u l-Gvern Slovakk, il-grad ta’ għarfien ta’ lingwa meħtieġ għall-korrispondenza mhuwiex l-istess bħal dak li huwa indispensabbli għal difiża f’azzjoni legali. Madankollu, dan huwa element ta’ fatt li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tivverifika jekk id-destinatarju ta’ att innotifikat huwiex kapaċi jifhem l-att b’tali mod li jkun jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu. Il-qorti nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, tieħu bħala referenza l-punt safejn individwu residenti fl-Istat tat-trażmissjoni jkun jista’ jifhem att ġudizzjarju miktub bil-lingwa ta’ dan l-Istat.

88      Ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li d-destinatarju ta’ att innotifikat ftiehem, f’kuntratt konkluż mar-rikorrent fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ma jikkostitwixxix preżunzjoni tal-għarfien tal-lingwa, iżda huwa indizju li l-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tivverifika jekk dan id-destinatarju jifhimx il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

 Fuq it-tielet domanda

89      Permezz tat-tielet domanda tagħha, magħmula fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att innotifikat f’ebda każ ma jista’ jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni ta’ annessi ta’ att li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem meta, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta l-annessi jkunu jirrigwardaw dik il-korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.

90      Jirriżulta mir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda li t-traduzzjoni ta’ ċerti annessi ta’ att promotur nnotifikat tista’ tkun meħtieġa meta l-kontenut ta’ dan l-att li ġie tradott kien insuffiċjenti sabiex jiġu identifikati s-suġġett u r-raġuni tat-talba u sabiex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu minħabba li ċerta informazzjoni dwar it-talba tinsab f’dawn l-annessi.

91      Madankollu, tali traduzzjoni mhijiex neċessarja meta jirriżulta mill-fatti li d-destinatarju tal-att promotur jaf bil-kontenut ta’ dawn l-annessi. Dan huwa l-każ meta d-destinatarju huwa l-awtur tagħhom, jew huwa preżunt li jifhem il-kontenut tagħhom, pereżempju, għaliex ikun iffirma kuntratt fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, li fih huwa jkun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta l-annessi jkunu jirrigwardaw dik il-korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.

92      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att promotur nnotifikat f’ebda każ ma jista’ jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni ta’ annessi ta’ att li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem meta, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta l-annessi jkunu jirrigwardaw dik il-korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.

 Fuq l-ispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att promotur li għandu jkun innotifikat m’għandux dritt jirrifjuta li jaċċetta dan l-att safejn dan l-att jippermetti lid-destinatarju jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Istat Membru tat-trażmissjoni, meta dan l-att ikollu miegħu annessi li jikkonsistu f’dokumenti ta’ prova li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem, iżda li jkollhom biss il-funzjoni ta’ prova u ma jkunux indispensabbli sabiex jinftehmu s-suġġett u r-raġuni tat-talba.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kontenut tal-att promotur huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti lill-konvenut jasserixxi d-drittijiet tiegħu jew jekk il-mittent għandux jirrimedja għan-nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ anness indispensabbli.

2)      L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1348/200 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li d-destinatarju ta’ att innotifikat ftiehem, f’kuntratt konkluż mar-rikorrent fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni ma jikkostitwixxix preżunzjoni tal-għarfien tal-lingwa, iżda huwa indizju li l-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tivverifika jekk dan id-destinatarju jifhimx il-lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

3)      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju ta’ att promotur nnotifikat f’ebda każ ma jista’ jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni biex jirrifjuta l-aċċettazzjoni ta’ annessi ta’ att li ma jkunux miktuba bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat jew b’lingwa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li d-destinatarju jkun jifhem meta, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu, huwa jkun ikkonkluda kuntratt li fih ikun ftiehem li l-lingwa għall-korrispondenza għandha tkun dik tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, u meta l-annessi jkunu jirrigwardaw dik il-korrispondenza u jkunu miktuba bil-lingwa miftiehma.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.