Language of document : ECLI:EU:T:2011:90

Kawża T-50/09

Ifemy’s Holding GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Dada & Co. kids — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti DADA — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Terminu mogħti mill-Uffiċċju — Natura imperattiva

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, ir-Regola 22(2) tal-Artikolu 1))

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Terminu mogħti mill-Uffiċċju — Mument tal-produzzjoni tal-prova

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, ir-Regola 22(2) tal-Artikolu 1)

3.      Trade mark Komunitarja — Proċeduri quddiem l-istanzi tal-Uffiċċju — Trażmissjoni tal-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju — Trażmissjoni b’faks — Komunikazzjoni mhux sħiħa jew illeġibbli

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, ir-Regola 80(2) tal-Artikolu 1)

1.      Mill-formulazzjoni stess tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, jirriżulta li t-terminu li tipprovdi huwa ta’ natura imperattiva, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ta’ kwalunkwe prova prodotta tardivament.

L-istess bħat-termini ta’ lment u ta’ appell, tali terminu huwa ta’ ordni pubbliku u ma jistax jitħalla għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-imħallef li għandu jivverifika, anki ex officio, jekk ġiex osservat. Dan it-terminu għandu jirrispondi għall-eżiġenza ta’ ċertezza legali u għall-bżonn li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

(ara l-punti 63, 64)

2.      Ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prova hija “[pprovduta]” mhux meta tintbagħat lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), imma meta tasal għandu.

L-ewwel nett, fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, fis-sens litterali, permezz tal-użu tal-verb “jipprovdi” il-prova lill-UASI, fil-formulazzjoni tar-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Dan il-verb fil-fatt jagħti l-idea ta’ spostament jew ta’ trasferiment tal-prova sal-post fejn huwa stabbilit l-Uffiċċju, u għalhekk l-enfasi huwa fuq ir-riżultat tal-azzjoni pjuttost milli fuq l-oriġini tagħha.

It-tieni nett, minkejja li la r-Regolament Nru 40/94 u lanqas ir-Regolament Nru 2868/95 ma jinkludu dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 43(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li hija biss id-data tal-preżentata fir-reġistru li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tat-termini ta’ proċedura, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-istruttura ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, fejn ħafna dispożizzjonijiet partikolari tagħhom jipprovdu li, fir-rigward tat-termini ta’ proċedura, id-data li għandha tiġi attribwita lil att hija dik ta’ meta ġie rċevut, u mhux dik ta’ meta jkun intbagħat. L-istess jgħodd, pereżempju, għar-Regola 70(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li, f’każ ta’ notifika ta’ att ta’ proċedura li bih jibda jiddekorri terminu, ir-“riċeviment” tad-dokument nnotifikat jibda jiddekorri t-terminu. L-istess jgħodd għar-Regola 72 tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li, jekk terminu jiskadi f’ġurnata meta l-Uffiċċju ma jkunx jista’ “jirċievi” dokumenti, it-terminu huwa pprorogat sal-ewwel ġurnata meta l-Uffiċċju jkun jista’ “jirċieivi”, u r-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li tgħid li d-data ta’ meta “tasal” it-trażmissjoni l-ġdida jew l-oriġinali ta’ dokument hija kkunsidrata bħala d-data ta’ meta “tasal [tkun waslet]” il-komunikazzjoni oriġinali, meta din tkun mhux sħiħa.

It-tielet nett, instabet soluzzjoni analoga, fil-qasam tal-kawżi tas-servizz pubbliku Komunitarju, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita li interpretat l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens li l-ilment huwa “ippreżentat” mhux meta jintbagħat lill-istituzzjoni, imma meta “jasal” għand din tal-aħħar.

Ir-raba’ nett, din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda li tista’ tissodisfa l-eżiġenza ta’ ċertezza legali. Hija tiggarantixxi fil-fatt determinazzjoni ċara u osservanza stretta tal-bidu tad-dekorrenza u tat-tmiem tat-terminu msemmi fir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

Il-ħames nett, din l-interpretazzjoni tissodisfa wkoll il-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, sa fejn tippermetti metodi identiċi tal-kalkolu tat-termini għall-partijiet kollha, tkun xi tkun ir-residenza jew in-nazzjonalità tagħhom.

(ara l-punti 65-70)

3.      L-għan tar-Regola 80(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, huwa li tingħata l-possibbiltà lil min jibgħat il-komunikazzjonijiet permezz ta’ faks lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li jibgħat mill-ġdid id-dokumenti tiegħu jew li jipprovdi l-oriġinali lill-Uffiċċju wara li jiskadi t-terminu għall-oppożizzjoni, meta tkun teżisti waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-imsemmija regola, sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw għall-irregolaritajiet li jirriżultaw mill-imsemmija sitwazzjonijiet.

L-imsemmija dispożizzjoni hija intiża għalhekk għall-każijiet fejn element oġġettiv dwar ċirkustanzi tekniċi partikolari jew anomali, indipendenti mill-volontà tal-parti inkwistjoni, ifixkel lil din milli tikkomunika d-dokumenti permezz ta’ faks b’mod sodisfaċenti.

Min-naħa l-oħra, ma ssemmix il-każ fejn in-natura mhux sħiħa jew l-illeġġibbiltà tal-komunikazzjoni permezz ta’ faks tirriżulta biss mill-volontà ta’ min jibgħat, li jagħżel deliberatament li ma jagħmilx komunikazzjoni sħiħa u leġġibbli, meta teknikament kien f’pożizzjoni li jagħmel dan.

Minn dan isegwi wkoll li hija tipprevedi l-identità bejn id-dokumenti li l-komunikazzjoni tagħhom permezz ta’ faks ma kinitx sħiħa jew ma kinitx tinqara u d-dokumenti trażmessi sussegwentement fil-forma oriġinali jew permezz ta’ faks, fuq stedina tal-Uffiċċju, u tipprekludi għalhekk kwalunkwe korrezzjoni, tibdil jew żieda ta’ provi ġodda f’din l-okkażjoni. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippermetti lill-partijiet għal proċedura quddiem l-Uffiċċju li jaqbżu t-termini li jkunu ngħatawlhom, li manifestament ma huwiex l-għan intiż minn din ir-regola.

(ara l-punti 43-46)