Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2009 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-49/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti REGIO-A4-2008-01 intiża għall-"Manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali" 1 ikkomunikata lir-rikorrenti b'ittra tal-21 ta' Novembru 2008 u kull deċiżjoni oħra relatata magħha, inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti d-danni sofferti abbażi tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti inkwistjoni f'ammont ta' EUR 4 520 845.05;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti b'konnessjoni ma' din is-sejħa għall-offerti, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti REGIO-A4-2008-01 intiża għall-"Manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali" u li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni allegatament sostnuti abbażi tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti inkwistjoni.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba' motivi.

Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi introduċiet a posteriori l-kriterji li ma kinux magħrufa mill-offerenti u billi użat formula ta' evalwazzjoni diskriminatorja.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kumitat ta' evalwazzjoni ma pprovdiex bizzejjed motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva r-rekwiżiti proċedurali sostanzjali billi introduċiet kumitat ta' evalwazzjoni kumplimentari.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tar-rikorrenti fuq kunsiderazzjonijiet u preżunzjonijiet infondati, u b'hekk wetqet żbalji serji u manifesti ta' evalwazzjoni u abbużat mill-poter tagħha.

____________

1 - ĠU 2008/S 117-155067