Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Frar 2009 - Il-Kummissjoni vs Antiche Terre

(Kawża T-51/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A. Dal Ferro, avukat, V. Joris, aġent)

Konvenuta: Antiche Terre scarl Società Agricola Cooperativa (Arezzo, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lura tas-somma kapitali ta' EUR 479,332.40, barra l-imgħaxijiet skaduti bir-rata stabilita fl-Artikolu 5.4.3. tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt (rata tal-BĊE miżjuda bi 2 %) minn meta s-somma ġiet riċevuta (mill-4 ta' Diċembru 1997 għas-somma ta' EUR 461,979.00 u mit-18 ta' Diċembru 1997 għas-somma ta' EUR 17,353.40) u sal-1 ta' April 2003; barra l-imgħaxijiet skaduti bl-istess rata mill-4 ta' Ġunju 2004 sal-ħlas totali, li minnha titnaqqas is-somma ta' EUR 461,979 imħallsa fil-25 ta' Jannar 2005;

subordinatament, tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lura tas-somma kapitali ta' EUR 479,332.40, barra l-imgħaxijiet skaduti bir-rata legali Taljana tal-4 ta' Jannar 2004 sal-ħlas totali effettiv, barra s-somma ta' EUR 461.979 mħallsa fil-25 ta' Jannar 2005;

tikkudannna fi kwalunkwe każ lil Antiche Terre Società Agricola Cooperativa għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 238 KE, il-Kummissjoni qed titlob il-ħlas lura tas-somma mħallsa bil-quddiem lil Antiche Terre scarl Società Agricola Cooperativa, kumpannija ta' responsabilità limitata (iktar 'il quddiem "Antiche Terre" jew il-"konvenuta"), fil-kuntest tal-programm THERMIE, għall-bini ta' impjant ta' produzzjoni tal-enerġija elettrika (10MW) permezz ta' sistema ġdida ta' ħruq ta' biomassa. Il-kuntratt ta' riferiment (Nru 188/96) ġie ffirmat mir-rikorrenti mal-konvenuta, bħala koordinatriċi, u żewġ kumpanniji oħra, waħda bl-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Finlandja u l-oħra bl-uffiċċju reġistrat tagħha fi Spanja.

Antiche Terre għaddiet minn dewmien kbir fil-bidu tal-attività tagħha; hija talbet u kisbet xi prorogi sabiex ittemm ix-xogħlijiet. Il-konvenuta barra minn hekk issuġġeriet tibdil sostanzjali fl-impjant li jimplika li ma tibqax tuża l-proċess ġdid ta' ħruq tal-biomassa, bil-produzzjoni ta' enerġija tkun fi kwantità ferm inqas minn dik indikata minn qabel.

Il-Kummissjoni ma setgħatx tawtorizza din il-bidla radikali fil-proġett, li ma kien ikollha ebda possibbiltà ta' finanzjament fil-kuntest tal-programm THERMIE.

Konsegwentement, meta kkonstatat li l-konvenuta ma kinitx ser tibni l-impjant kif ġie indikat fil-proġett ippreżentat oriġinarjament, il-Kummissjoni kienet obbligata tirtira mill-kuntratt BM/188/96, filwaqt li spjegat barra minn hekk li n-nuqqas ta' bini tal-proġett oriġinali kien ser iwassal għall-ħlas lura totali jew parzjali tas-somma mħallsa bil-quddiem lill-konvenuta.

Il-Kummissjoni għalhekk talbet diversi drabi lil Antiche Terre l-ħlas lura tas-somma mħallsa bil-quddiem, ta' EUR 479,332.40, mingħajr ma rċeviet xejn minnha. Għalhekk, wara li tħallset il-garanzija, u wara talbiet addizzjonali għall-ħlas lura tal-bilanċ, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

____________