Language of document : ECLI:EU:F:2010:117

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-76/05

Javier Torijano Montero

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Kandidati inklużi f’lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ppubblikata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 12 tal-Anness XIII tar-Regolament tal Persunal — Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi — Dmir ta’ premura —Proporzjonalità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. T. Montero talab: prinċipalment, l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tad-deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2005, li tiċħad it-talba tiegħu u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004, li taħtru uffiċjal bi prova, sa fejn tikklassifikah fil-grad A*6, skala 2; sussidjarjament, li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallsu kumpens.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifika fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 29(1); Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifika fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.      Uffiċjali — Assenjazzjoni — Korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Determinazzjoni tal-livell ta’ pożizzjoni li għandha timtela

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5(4), 7(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62; Anness I, Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

4.      Uffiċjali — Prinċipji — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 12(3))

1.      Sabiex ma jkunx hemm ostakolu għal iktar żvilupp leġiżlattiv, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma għandux ixekkel il-libertà tal-leġiżlatur li fi kwalunkwe mument iressaq emendi għar-Regolamenti tal-Persunal, liema emendi huwa jqis li huma konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw li huma inqas favorevoli mill-qodma.

Konsegwentement, il-leġiżlatur seta’, bħala parti mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, jipprovdi li r-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet li għalihom ir-reklutaġġ għall-grad A 7 kien ġie ppjanat qabel l-1 ta’ Mejju 2004, issa jkunu impjegati fil-grad A*6 u, fl-istess ħin, inaqqas ir-remunerazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-gradi.

Meta għamel hekk, il-leġiżlatur ma kisirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tal-età, meta t-tabella ta’ gradi korrispondenti li tinsab fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u t-tabella ta’ salarji bażiċi fix-xahar humiex manifestament mhux relatati ma’ kull teħid inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, tal-età tal-persuni kkonċernati.

Barra minn hekk, skont ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 7(1), mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27 u mill-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li l-livell tal-pożizzjoni li jiġi stabbilit skont in-natura tagħhom, skont l-importanza tagħhom u skont il-portata tagħhom, irrispettivament mill-kwalifiki ta’ dawk ikkonċernati, it-tabella ta’ gradi korrispondenti li tinsab fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tiddistingwi l-grad bażiku A*5 mill-grad ogħla A*6, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza meħtieġa għall-pożizzjonijiet f’dan il-livell.

Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jopponi għal kull teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali; huwa jimponi, għall-kuntrarju, fuq l-Awtorità tal-Ħatra li teħodha inkunsiderazzjoni fl-interess tas-servizz, meta jiġi ddeterminat, b’mod oġġettiv, il-livell ta’ pożizzjonijiet vakanti.

(ara l-punti 55 sa 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punt 83; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 105; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punti 86, 89 u 113; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il‑Kunsill, F‑54/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑165 u II‑A‑1‑911, punt 81

2.      Id-dritt għall-impjegati tal-istess persuna jew entità li tħaddimhom, li jwettqu xogħol tal-istess valur, li jirċievu l-istess remunerazzjoni jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-missjoni li jiżgura l-osservanza. Dan id-dritt huwa, barra minn hekk, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u fil-Konvenzjoni Nru 111 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Madankollu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprojbixxix it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli jekk id-differenzjazzjoni hija ġġustifikata minn elementi oġġettivi u rilevanti li l-qorti tistħarreġ.

Issa, fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur seta’ jbiddel il-korrispondenza bejn il-gradi u l-pożizzjonijiet, b’mod partikolari billi adotta l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li huwa inerenti f’dispożizzjoni tranżitorja li tagħmel eċċezzjoni għal-ċerti regoli tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-applikazzjoni tagħhom hija neċessarjament affettwata mill-bdil ta’ sistema.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-uffiċjali li nħatru, f’din il-kwalità, wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tar-Regoli tal-Persunal ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala li kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali bħal dawk li ġew reklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u li l-ħatra tagħhom kienet irregolata mir-Regolamenti tal-Persunal il-qodma.

B’hekk, fid-dawl tar-riforma fl-istruttura tal-gradi, il-leġiżlatur ma kisirx il-prinċipju ta’ remunerazzjoni ugwali għal xogħol tal-istess valur billi ta lill-uffiċjali impjegati wara l-imsemmija riforma remunerazzjoni marbuta mal-grad li fih ġew ikklassifikati skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija inqas favorevoli minn dik relatata mal-gradi l-qodma li fihom ġew ikklassifikati l-uffiċjali reklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 67 sa 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer, C‑381/99, Ġabra p. I‑4961, punt 28; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 sa 79 u 105; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 sa 80, 114, 126 u 129

3.      Mill-Artikolu 7(1) moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta, li bih l-uffiċjal huwa intitolat għar-remunerazzjoni marbuta mal-grad tiegħu u mal-iskala tiegħu, li wara d-determinazzjoni tal-grad, u għalhekk tad-determinazzjoni tal-livell tas-salarju tal-uffiċjal, dan l-uffiċjal ma jistax jingħata pożizzjoni li ma jikkorrispondix ma’ dan il-grad. Fi kliem ieħor, il-grad, u għaldaqstant is-salarju li impjegat ikun intitolat għalih, għandu jiddetermina l-kompiti li jista’ jkun responsabbli għalihom. Konsegwentement, il-prinċipju ta' korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni jippermetti wkoll li kull uffiċjal li jirrifjuta assenjazzjoni għal pożizzjoni li ma tikkorrispondix mal-grad tiegħu u għaldaqstant, finalment, li jirrifjuta funzjonijiet li ma jikkorrispondux mar-remunerazzjoni tiegħu.

Dan li ngħad iktar ’il fuq ma huwiex ikkontestat mill-fatt li l-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness I tiegħu, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, ma jiffissax korrispondenza fissa bejn funzjoni speċifika u grad speċifiku. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jbiddlux il-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li bih il-livell ta’ pożizzjoni li għandu jimtela għandu jiġi deċiż fid-dawl tal-importanza tal-kompiti mogħtija lill-funzjoni inkwistjoni u fid-dawl biss tal-interess tas-servizz. Huma jimplikaw biss li l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li tiddetermina l-grad speċifiku ta’ pożizzjoni li jrid jimtela f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti. L-imsemmija awtorità tibqa’, madankollu, obbligata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, li tiżgura, minn naħa, li l-firxa ta’ gradi li għalihom tirreferi fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti tirrifletti biżżejjed l-importanza tal-kompiti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ħatra f’waħda minn dawn il-gradi tibqa’ jkollha natura oġġettiva fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tal-kompiti li għandhom jitwettqu.

(ara l-punti 72 u 73)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Mejju 1991, Jongen vs Il‑Kummissjoni, T‑18/90, Ġabra p. II‑187, punt 27; 8 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Economidis, T‑56/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑31 u II‑B‑1‑213, punti 82 sa 86; 18 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Traore, T‑572/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑39 u II‑B‑1‑223, punti 38, 40 u 41

4.      Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma għandux neċessarjament intensità ogħla minn dik ta’ regolament. Dan japplika bl-istess mod għall-obbligu ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha, obbligu li jirrifletti l-bilanċ ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u li, għaldaqstant, għandhom dejjem isibu l-limitu tagħhom fl-osservanza tar-regoli fis-seħħ.

Konsegwentement, minħabba l-pożizzjoni li jokkupa kif ukoll minħabba l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ kura fil-ġerarkija tar-regoli, uffiċjal maħtur matul il-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006 ma jistax jippretendi li jikseb abbażi tagħhom riżultat differenti minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kompetenza tal-istituzzjoni hija limitata b’din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 94 u 95)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il‑Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 32; 17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni, T‑65/92, Ġabra p. II‑597, punt 37; 22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hocken vs Il‑Kummissjoni, T‑97/92 u T‑111/92, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑511, punt 104; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 149; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑139, punt 111