Language of document : ECLI:EU:C:2019:14

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C136/17

G. C.,

A. F.,

B. H.,

E. D.

vs

Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

fil-presenza ta’

Premier ministre,

Google Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Ipproċessar ta’ data – Operatur ta’ mutur tat-tfittxija tal-internet – Talba għat-tneħħija ta’ referenza – Portata tal-obbligu – Ipproċessar ta’ data personali mwettaq sempliċiment għal finijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew litterarja”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali mad-dritt tal-informazzjoni u tal-libertà ta’ espressjoni fl-era tal-internet hija waħda mill-isfidi prinċipali tal-epoka tagħna. Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li matul l-aħħar snin, tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzju, numru ta’ kawżi li jqajmu kwistjonijiet ġuridiċi marbuta ma’ din il-problema.

2.        Ladarba l-kwistjoni tiġi deċiża u rregolata, iqumu kwistjonijiet ġodda. Dan il-fenomenu jikber iktar peress li ħafna drabi, il-kuntest ġuridiku ma jkunx ġie adottat fil-perspettiva tal-era tal-internet. Il-kawża prinċipali, bħall-Kawża C‑507/17, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ referenza), li fiha l-konklużjonijiet tiegħi ser jingħataw fl-istess ġurnata bħal dawk ta’ din il-kawża, hija eżempju tajjeb: kif u sa fejn l-obbligi imposti minn direttiva dwar il-protezzjoni ta’ data tal-1995, jiġifieri d-Direttiva 95/46/KE (2), japplikaw għal mutur tat-tfittxija bħal Google, impriża stabbilita fl-1998?

3.        Fis-sentenza ta’ prinċipju tagħha tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skont l-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, l-individwi jibbenefikaw minn “dritt li wieħed jintesa” (4) li jista’ jimponi fuq l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija l-obbligu li jneħħi l-links għal informazzjoni li tirrigwardawhom (5). Din il-kawża hija estensjoni ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, wara dik is-sentenza, qamu ħafna kwistjonijiet ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data msejħa “sensittiva” dwar l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi kif ukoll it-twemmin reliġjuż jew filosofiku.

4.        Din hija r-raġuni għal xiex, waqt li se ninterpreta d-dritt kif jeżisti, ser nagħmel riferiment ukoll kemm għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ kif ukoll għall-interpretazzjoni tagħha fis-sentenza Google Spain u Google (6).

5.        Fi ftit kliem, il-proposta tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija doppja: minn naħa, bħala regola ġenerali, il-links tal-internet għal data sensittiva għandhom, fuq talba, jitneħħew b’mod sistematiku mill-operatur ta’ mutur tat-tfittxija; min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni għandha tiġi rrispettata. F’dan ir-rigward, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta s-sentenza tagħha Google Spain u Google (7) b’mod li debitament tieħu inkunsiderazzjoni l-libertà ta’ espressjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 95/46

6.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 95/46 għandha l-għan li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data.

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li “[g]ħall-finijiet [tagħha]:

a)      ‘data personali’: tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’): tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)      ‘kontrollur’: tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]

h)      ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’: tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

8.        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.

9.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Liġi nazzjonali applikabbli”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

a)      l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika;

[…]”

10.      Fit-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolata “Prinċipji dwar il-Kwalità tad-Data”, l-Artikolu 6 jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)      ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)      miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.      Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

11.      Fit-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolata “Kriterji biex l-Ipproċessar ta’ Data jkun Leġittimu”, l-Artikolu 7 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

12.      It-Taqsima III tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolata “Kategoriji Speċjali ta’ Ipproċessar” tinkludi l-Artikoli 8 u 9. L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva intitolat “L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data”, jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu għall-ipproċessar ta’ dak id-data, ħlief jekk il-liġijiet ta’ l-Istat Membru jipprovdu li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista’ titneħħa minkejja li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsent tiegħu;

jew

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet speċifiċi tal-kontrollur fil-qasam tal-liġi ta’ l-impjiegi sakemm dan ikun awtoriżżat mill-liġi nazzjonali li tipprovdi għal protezzjoni adekwata;

jew

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ xi persuna oħra meta s-suġġett tad-data jkun fiżikament jew legalment inkapaċi li jagħti l-kunsens tiegħu;

jew

d)      l-ipproċessar isir fil-kors ta’ l-attivitajiet legittimi tiegħu b’garanziji xierqa minn fondazzjoni, għaqda jew xi korp ieħor li ma jagħmilx profitt b’għanijiet politiċi, filosofiċi, reliġjużi jew trade-unjonistiċi u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun biss dwar il-membri tal-korp jew il-persuni li jkollhom kuntatt regulari miegħu b’rabta ma l-għanijiet tiegħu, u li d-data ma tkunx żvelata lil parti terza mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data

jew

e)      l-ipproċessar ikun dwar data li b’mod ċar ikun sar pubbliku mis-suġġett tad-data jew li jkun meħtieġ biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali.

[…]

4.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa, Stati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żjieda ma dawk stabbiliti f’Paragrafu 2 permezz ta’ liġi nazzjonali jew b’deċiżjoni ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni.

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar offiżi, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali, jew jekk tkun hemm provduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il-liġi nazzjonali, skond derogi li jistgħu jingħataw mill-Istat Membru permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal protezzjoni speċifiċa xierqa. Iżda reġistru komplet ta’ kundanni kriminali jista’ jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.

Stati Membri jistgħu jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’każi ċivili għandhom ukoll ikunu pproċessati taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.

6.      Derogi mill-Paragrafu 1 li huma provduti fil-Paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

[…]”

13.      L-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva 95/46 intitolat “L-ipproċessar ta’ data personali u l-libertà ta’ l-espressjoni” jistabbilixxi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.”

14.      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess” jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

[…]

b)      skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

[…]”

15.      L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

a)      li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

[…]”

16.      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

[…]

3.      Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

–        setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni,

–        setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, dak […] li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar […],

[…]

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

4.      Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali. Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba.

[…]

6.      Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom, partikolarment billi jaqsmu flimkien kull informazzjoni utli.

[…]”

2.      Ir-Regolament 2016/679

17.      Skont l-Artikolu 99(2) tiegħu, ir-Regolament 2016/679 huwa applikabbli mill-25 ta’ Mejju 2018. L-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-Direttiva 95/46 tħassret b’effett minn din id-data.

18.      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

[…]

e)      l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

[…]

g)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[…]”

19.      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati”, jipprovdi:

“L-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati jew relatata ma’ miżuri ta’ sigurtà abbażi tal-Artikolu 6(1) għandu jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali jew meta l-ipproċessar ikun awtorizzat minn liġi tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data. Kwalunkwe reġistru komprensiv ta’ kundanni kriminali għandu jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.”

20.      L-Artikolu 17 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

a)      id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

b)      is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

c)      is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

d)      id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

e)      id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

f)      id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.      Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

a)      għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u informazzjoni;

b)      għal konformità ma’ obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

c)      għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika f’konformità mal-punti (h) u (i) tal-Artikolu 9(2) kif ukoll mal-Artikolu 9(3);

d)      għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x’aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar; jew

e)      għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

21.      L-Artikolu 18 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar”, jipprovdi:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:

a)      is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali, għal perijodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali;

b)      l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha;

[…]

d)      is-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) sakemm jiġi vverifikat jekk il-kriterji leġittimi tal-kontrollur jegħlbux dawk tas-suġġett tad-data.

2.      Fejn l-ipproċessar jkun ġie ristrett skont il-paragrafu 1, tali data personali tista’, bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

3.      Is-suġġett tad-data li kiseb ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont il-paragrafu 1 għandu jiġi infurmat mill-kontrollur qabel ma titneħħa r-restrizzjoni tal-ipproċessar.”

22.      L-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprovdi:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

23.      L-Artikolu 85 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar u libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.      Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta’ espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

3.      Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta’ emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.”

B.      Id-dritt Franċiż

24.      Id-Direttiva 95/46 kienet trasposta fid-dritt Franċiż permezz tal-Liġi Nru 78-17 tas-6 ta’ Jannar 1978 dwar l-informatika, il-fajls u l-libertajiet.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

25.      G. C., A. F., B. H. u E. D. kollha talbu lill-kumpannija Google LLC tneħħi diversi links li jwasslu għal paġni tal-internet ippubblikati minn terzi mil-lista ta’ riżultati li jintwerew mill-mutur tat-tfittxija operat minn din il-kumpannija bi tweġiba għal tfittxija magħmula fuq il-bażi tal-isem rispettiv tagħhom, u l-imsemmija kumpannija rrifjutat li tagħmel dan.

26.      B’mod iktar partikolari, G. C. talbet it-tneħħija ta’ referenza ta’ link li jwassal għal fotomontaġġ satiriku mqiegħed online fuq YouTube fit-18 ta’ Frar 2011, taħt isem fittizju, li juriha maġenb is-sindku tal-komun li tiegħu kienet direttriċi tal-uffiċċju u jinvoka b’mod espliċitu r-relazzjoni intima li torbotha miegħu, kif ukoll l-effett ta’ din ir-relazzjoni fuq il-karriera politika tagħha. Dan il-fotomontaġġ kien tqiegħed online fl-okkażjoni tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-komun li f’dak iż-żmien G. C. kienet kandidata għalihom. Meta t-talba għat-tneħħija ta’ referenza tagħha ġiet irrifjutata, il-persuna kkonċernata la kienet eletta u lanqas kandidata għal mandat elettiv lokali u ma kinitx għadha teżerċita l-funzjonijiet ta’ direttriċi tal-uffiċċju tas-sindku tal-komun.

27.      A. F. talab it-tneħħija ta’ referenza ta’ links li jwasslu għal artikolu tal-gazzetta Libération tad-9 ta’ Settembru 2008, irriprodott fuq is-sit taċ-Ċentru kontra l-Manipulazzjonijiet Mentali (CCMM), dwar is-suwiċidju ta’ segwaġi tal-Knisja tax-Xjentoloġija f’Diċembru 2006. A. F. jissemma f’dan l-artikolu fil-kwalità ta’ persuna responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi tal-Knisja tax-Xjentoloġija, professjoni li huwa waqaf jeżerċita sa minn dakinhar. Barra minn hekk, l-awtur tal-artikolu kontenzjuż jindika li huwa kien ikkuntattja lil A. F. sabiex jikseb il-verżjoni tal-fatti tiegħu u jirrakkonta dak li huwa ġabar f’dik l-okkażjoni.

28.      B. H. talab it-tneħħħija ta’ referenza ta’ links li jwasslu għal artikoli, prinċipalment ta’ gazzetti, dwar l-investigazzjoni ġudizzjarja miftuħa fix-xahar ta’ Ġunju 1995 dwar il-finanzjament tal-Partit Repubblikan (PR) li fil-kuntest tagħha huwa tpoġġa taħt eżami flimkien ma’ diversi persuni fin-negozju u personalitajiet politiċi. Il-proċedura li tirrigwardah ingħalqet b’digriet li ma kienx hemm lok għal proċeduri ulterjuri tas-26 ta’ Frar 2010. Il-parti l-kbira tal-links kontenzjużi jwasslu għal artikoli li huma kontemporanji għall-ftuħ tal-investigazzjoni u għalhekk ma jsemmux it-tmiem tal-proċedura.

29.      E. D. talab it-tneħħija ta’ referenza ta’ links li jwasslu għal żewġ artikoli ppubblikati fin-Nice Matin u f’le Figaro li jirrigwardaw is-seduta kriminali li matulha huwa kien ikkundannat għal piena ta’ seba’ snin priġunerija u għal piena addizzjonali ta’ għaxar snin ta’ sorveljanza soċjoġudizzjarja minħabba fatti ta’ aggressjoni sesswali fuq minuri ta’ ħmistax-il sena. Wieħed minn dawn ir-rapporti ġudizzjarji jsemmi, barra minn hekk, diversi dettalji intimi dwar E. D. li kienu ġew irrilevati matul is-smigħ.

30.      Wara r-rifjut ta’ Google, ir-rikorrenti adixxew lill-Commission nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet, iktar ’il quddiem iċ-‘CNIL’) b’ilmenti intiżi sabiex din il-kumpannija tiġi ordnata tipproċedi bit-tneħħija ta’ referenza tal-links inkwistjoni. Permezz ta’ ittri datati l-24 ta’ April 2015, it-28 ta’ Awwissu 2015, il-21 ta’ Marzu 2016 u d-9 ta’ Mejju 2016, il-President taċ-CNIL informa lir-rikorrenti bl-għeluq tal-ilmenti tagħhom.

31.      Għalhekk, ir-rikorrenti ppreżentaw rikorsi kontra dan ir-rifjut taċ-CNIL li jintimaw lil Google sabiex tipproċedi bit-tneħħija ta’ referenzi mitluba. Dawn ir-rikorsi ġew magħquda flimkien mill-qorti tar-rinviju.

IV.    Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32.      Peress li kkonstata li l-imsemmija rikorsi jippreżentaw diversi diffikultajiet serji ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46, il-Conseil d’ État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2017, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2017, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibiltajiet speċifiċi tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija, il-projbizzjoni stabbilita fil-konfront ta’ persuni oħra responsabbli għall-ipproċessar ta’ data koperta mill-paragrafi 1 u 5 tal-Artikolu 8 tad-Direttiva [95/46], bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn dan it-test, hija applikabbli wkoll għal dan l-operatur sa fejn huwa responsabbli għall-ipproċessar li jwettaq dan il-mutur?

2)      F’każ li tingħata risposta pożittiva għad-domanda 1):

–        id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni kif stabbilita, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-direttiva, fil-konfront tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija milli jipproċessa data koperta minn dawn id-dispożizzjonijiet tobbligah li jilqa’ b’mod sistematiku it-talbiet għal kanċellazzjoni tal-links li jwasslu għal paġni tal-internet li jipproċessaw tali data?

–        f’tali perspettiva, kif għandhom jiġu interpretati l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (e) tad-Direttiva [95/46], meta dawn japplikaw għal operatur ta’ mutur tat-tfittxija, fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibiltajiet speċifiċi tiegħu? B’mod speċifiku, tali operatur jista’ jirrifjuta li jilqa’ talba għal kanċellazzjoni meta huwa jikkonstata li l-links inkwistjoni jwasslu għal kontenuti li, għalkemm jinkludu data li taqa’ taħt il-kategoriji enumerati fl-Artikolu 8(1), huma koperti wkoll mill-kamp tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, b’mod partikolari (a) u (e)?

–        bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-links li tintalab il-kanċellazzjoni tagħhom ikunu jwasslu għal ipproċessar tad-data ta’ natura personali mwettaq sempliċiment għal finijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew litterarja li, fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva [95/46], jistgħu jiġbru u jipproċessaw data koperta mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 8(1) u (5) ta’ din id-direttiva, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jista’, għal din ir-raġuni, jirrifjuta li jilqa’ talba għal kanċellazzjoni?

3)      F’każ li tingħata risposta negattiva għad-domanda 1):

–        fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibiltajiet tiegħu, liema rekwiżiti speċifiċi tad-Direttiva [95/46] għandu jissodisfa l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija?

–        meta jiġi kkonstatat li l-paġni tal-internet, li jwasslu għalihom il-links li fir-rigward tagħhom tintalab il-kanċellazzjoni, jinkludu data li l-pubblikazzjoni tagħha, fuq l-imsemmija paġni, hija illegali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens:

–        li huma jobbligaw lill-operatur ta’ mutur tat-tfittxija li jħassar dawn il-links mil-lista tar-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa abbażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba?

–        jew li dawn jimplikaw sempliċiment li huwa għandu jieħu din iċ-ċirkustanza inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talba għal kanċellazzjoni?

–        jew li din iċ-ċirkustanza ma tinċidix fuq l-evalwazzjoni li għandu jwettaq?

Barra minn hekk, jekk din iċ-ċirkustanza ma hijiex ineffettiva, kif għandha tiġi evalwata l-legalità tal-pubblikazzjoni tad-data kontenzjuża fuq il-paġni tal-internet li jirriżultaw minn ipproċessar li ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva [95/46] u, sussegwentement, tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentawha?

4)      Tkun xi tkun ir-risposta għad-domanda 1):

–        indipendentement mil-legalità tal-pubblikazzjoni tad-data ta’ natura personali fuq il-paġna tal-internet li twassal għaliha l-link kontenzjuża, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        meta l-persuna li tressaq it-talba tistabbilixxi li din id-data tkun saret inkompleta jew ineżatta, jew li ma għandhiex aġġornata, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa obbligat li jilqa’ t-talba korrispondenti għal kanċellazzjoni?

–        b’mod iktar speċifiku, meta l-persuna li tressaq it-talba turi li, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja, l-informazzjoni marbuta ma’ stadju preċedenti tal-proċedura ma għadhiex tikkorrispondi għar-realtà attwali tas-sitwazzjoni, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa obbligat li jikkanċella l-links li jwasslu għal paġni tal-internet li jinkludu tali informazzjoni?

–        id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni ta’ individwu jew li huma marbuta ma’ proċess, jew mal-kundanna li tirriżulta minnu, tikkostitwixxi data marbuta ma’ ksur jew ma’ kundanni kriminali? B’mod ġenerali, meta paġna tal-internet tkun tinkludi data li tagħmel riferiment għal kundanni jew għal proċeduri ġudizzjarji li jkollhom persuna fiżika bħala s-suġġett tagħhom, din tkun tidħol fil-kamp ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?”

33.      A. F., B. H., Google, il-Gvern Franċiż, dak Irlandiż, dak Grieg, dak Taljan, dak Awstrijakk, dak Pollakk u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

34.      B. H., Google, il-Gvern Franċiż, dak Irlandiż, dak Grieg, dak Awstrijakk u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru 2018.

V.      Analiżi

A.      Kummenti preliminari

1.      L-att leġiżlattiv rilevanti: id-Direttiva 95/46

35.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2016/679 iżda dik tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46. Madankollu, dan ir-regolament li sar applikabbli fil-25 ta’ Mejju 2018 (8), ħassar id-Direttiva b’effett minn din l-istess data (9).

36.      Peress li jidher li skont id-dritt proċedurali amministrattiv Franċiż, il-liġi applikabbli għal tilwima hija dik tal-ġurnata tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx dubju li hija d-Direttiva 95/46 li hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

2.      Sfond: sentenza Google Spain u Google

37.      L-isfond tad-domandi tal-qorti tar-rinviju f’din il-kawża huwa s-sentenza Google Spain u Google (10), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, u li huwa ta’ interess għal din il-kawża:

–        li l-attività ta’ mutur tat-tfittxija għandha titqies li hija “pproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali u l-operatur ta’ dan il-mutur tat-tfittxija għandu jitqies li huwa l-“kontrollur” tal-imsemmi pproċessar, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva (11);

–        li sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet previsti fl-Artikolu 12(b) u fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 u sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu effettivament issodisfatti, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa obbligat ineħħi mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, il-links lejn paġni tal-internet, ippubblikati minn terzi u li jinkludu informazzjoni dwar din il-persuna, anki fil-każ fejn dan l-isem jew din l-informazzjoni ma jkunux tneħħew preċedentement jew simultanjament minn dawn il-paġni tal-internet, u dan, jekk ikun il-każ, anki meta l-pubblikazzjoni tagħhom fuq dawn il-paġni tkun, fiha nnifisha, leġittima (12);

–        li fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(b) u tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk is-suġġett tad-data għandux dritt li l-informazzjoni inkwistjoni dwar il-persuna tiegħu ma tibqax attwalment marbuta ma’ ismu permezz ta’ lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, mingħajr ma huwa meħtieġ, sabiex jiġi kkonstatat tali dritt, li l-inklużjoni tal-informazzjoni inkwistjoni fil-lista ta’ riżultati tikkawża preġudizzju għal dan is-suġġett tad-data (13) u

–        li l-imsemmi suġġett tad-data jista’, fid-dawl tad-drittijiet fundamentli tiegħu taħt l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), jitlob li l-informazzjoni inkwistjoni ma tibqax imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali permezz tal-inklużjoni tagħha f’tali lista ta’ riżultati, billi dawn id-drittijiet, bħala regola ġenerali, jipprevalu mhux biss fuq l-interess ekonomiku tal-operatur tal-mutur tat-tfittxija, iżda wkoll fuq l-interess ta’ dan il-pubbliku li jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni meta jwettaq tfittxija fuq il-bażi tal-isem ta’ dan is-suġġett tad-data. Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk jidher, għal raġunijiet partikolari bħalma huwa r-rwol li l-imsemmi suġġett tad-data jkollu fil-ħajja pubblika, li l-interferenza fid-drittijiet fundamentali tiegħu tkun iġġustifikata mill-interess superjuri tal-imsemmi pubbliku li jkollu, minħabba din l-inklużjoni, aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni (14).

38.      Il-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza Google Spain u Google (15) kienu jirrigwardaw data, ċertament personali, iżda mhux “sensittiva” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46. Dan iwassalna għall-ewwel domanda.

B.      L-ewwel domanda preliminari

39.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk fid-dawl tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibbiltajiet speċifiċi tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija, il-projbizzjoni stabbilita fil-konfront ta’ persuni oħra responsabbli mill-ipproċessar ta’ data li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46, hijiex applikabbli wkoll għal tali operatur.

40.      Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija f’sindakat, u l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali.

41.      L-Artikolu 8(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-ipproċessar ta’ data dwar reati, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika jew jekk tkun ipprovduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il-liġi nazzjonali, skont derogi li jistgħu jingħataw mill-Istat Membru permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal protezzjoni speċifiċa xierqa. Madankollu reġistru komplet ta’ kundanni kriminali jista’ jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’kawżi ċivili għandhom ukoll ikunu pproċessati taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika.

42.      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46 ma kienx inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Google Spain u Google (16). Din is-sempliċi konstatazzjoni twassalni sabiex nippreżumi li għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn Google fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ma tistax tirriżulta minn din is-sentenza. Il-fatt li dik il-kawża ma kinitx tirrigwarda data sensittiva msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 ma jfissirx li mutur tat-tfittxija ma huwiex suġġett għal din id-dispożizzjoni.

43.      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Google Spain u Google, l-Avukat Ġenerali Jääskinen immotiva, b’mod partikolari, kif ġej it-teżi tiegħu (li ma ġietx segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja), li fornitur ta’ servizzi ta’ mutur tat-tfittxija tal-internet ma huwiex “kontrollur” ta’ data personali fuq il-paġni tal-web oriġinali ta’ terz: “Opinjoni kuntrarja tkun tfisser li l-muturi ta’ tfittxija jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-UE, konklużjoni li jien inqis bħala assurda. B’mod speċifiku, li kieku l-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet kellhom jiġu meqjusa bħala kontrolluri ta’ data personali fil-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza, u jekk fuq xi waħda minn dawn il-paġni jkun hemm il-‘kategoriji speċjali ta’ data’ imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [95/46] (eż. data personali li tiżvela opinjonijiet politiċi jew twemmin reliġjuż, jew informazzjoni li tirrigwarda s-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ individwi), allura hekk kif il-kundizzjonijiet strinġenti stabbiliti f’dak l-artikolu ma jiġux osservati, l-attività tal-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet awtomatikament issir illegali” (17).

44.      Dan il-paragrafu jenfasizza tajjeb ħafna l-problema u l-kwistjoni ta’ din il-kawża. Peress li d-Direttiva 95/46, datata fis-sena 1995, u li d-destinatarji tagħha tal-obbligi li hija tipprevedi huma bħala prinċipju l-Istati Membri, ma kinitx ifformulata bil-ħsieb li jkunu inklużi l-muturi tat-tfittxija bħal dawk eżistenti attwalment, id-dispożizzjonijiet tagħha ma japplikawx b’mod intuwittiv u purament litterali għal tali muturi tat-tfittxija. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-qrati tar-rinviju kellhom, bħal f’din il-kawża, dubji fil-kawża li tat lok għas-sentenza Google Spain u Google (18) u rrikorrew għall-Qorti tal-Ġustizzja.

45.      Għalhekk, wieħed ma jistax jadotta approċċ ta’ “kollox jew xejn” fir-rigward tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 għall-muturi tat-tfittxija. Fl-opinjoni tiegħi, kull dispożizzjoni għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-kapaċità tagħha li tiġi applikata għal mutur tat-tfittxija.

46.      Applikazzjoni litterali tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 għal mutur tat-tfittxija għandha l-effett li tipprojbixxi kull ipproċessar tad-data hemm elenkata, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

47.      F’dan ir-rigward, nirrileva li ġustament ħadd mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet ma jimmilita favur interpretazzjoni daqshekk stretta.

48.      Applikazzjoni litterali tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 tobbliga lil mutur tat-tfittxija jikkontrolla li lista ta’ riżultati li tintwera wara tfittxija magħmula fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika ma tinkludix link lejn paġni tal-internet li jinkludu data msemmija minn din id-dispożizzjoni, u dan ex ante u ex officio, jiġifieri anki fl-assenza ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza mis-suġġett tad-data.

49.      Fl-opinjoni tiegħi, kontroll ex ante u ex officio la huwa possibbli u lanqas mixtieq.

50.      Fis-sentenza Google Spain u Google (19), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, “[s]a fejn l-attività ta’ mutur ta’ tfittxija tista’ għalhekk tolqot, b’mod sinjifikattiv u b’mod addizzjonali meta mqabbla mal-attività tal-edituri ta’ siti tal-internet, id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni ta’ data personali, l-operatur ta’ dan il-mutur, bħala l-persuna li tiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ din l-attività, għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li din l-attività tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 b’tali mod li l-garanziji previsti minn din id-direttiva jkun jista’ jkollhom l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom” (20).

51.      Minn dan il-paragrafu jistgħu jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Qabel xejn, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, id-Direttiva 95/46 titlaq mill-prinċipju li kull kontrollur għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha li hija tistabbilixxi, inkluż dawk previsti fl-Artikolu 8 tagħha.

52.      Sussegwentement, anki jekk dan il-paragrafu huwa fformulat bħala obbligu impost fuq l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija (21), tali operatur jista’ jaġixxi biss fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu. Fi kliem ieħor, tali operatur jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jiżgura effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, ġustament minħabba r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u l-possibbiltajiet limitati tiegħu.

53.      Għalhekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u l-possibbiltajiet ta’ operatur ta’ mutur tat-tfittxija.

54.      F’dan ir-rigward, għandha tiġi eskluża applikazzjoni ex ante tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 għal operatur ta’ mutur tat-tfittxija. Kontroll ex ante ta’ paġni tal-internet li għalihom issir referenza bħala riżultat ta’ tfittxija la jaqa’ fir-responsabbiltà u lanqas fil-possibbiltajiet (22) ta’ mutur tat-tfittxija. Kif jindika l-isem tiegħu, il-kompitu ta’ operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa li jfittex, isib, jirrileva u jqiegħed għad-dispożizzjoni, u dan grazzi għal algoritmu li jippermetti li tinstab l-informazzjoni bl-iktar mod effikaċi. Mill-banda l-oħra, ma huwiex l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija li għandu jikkontrolla, jew anki jiċċensura. L-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jaġixxi għall-finijiet tat-tfittxija u jirreaġixxi għall-finijiet tat-tneħħija ta’ referenza għal riżultat ta’ tfittxija. Fi kwalunkwe każ dan huwa il-mod kif nifhem is-sentenza Google Spain u Google (23).

55.      Fuq l-istess linja ta’ ħsieb, u kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 ma jistgħux japplikaw għal operatur ta’ mutur tat-tfittxija bħallikieku kien huwa stess li daħħal id-data sensittiva fil-paġni tal-internet li għalihom issir referenza. Loġikament, l-attività ta’ mutur tat-tfittxija tintervjeni biss wara t-tqegħid online ta’ data (sensittiva) u hija ta’ natura sekondarja.

56.      Għalhekk, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 ma jistgħux japplikaw għal mutur tat-tfittxija ħlief minħabba dan ir-referenzar, u għalhekk, permezz ta’ verifika ex post, fuq il-bażi ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza magħmula mis-suġġett tad-data.

57.      Għalhekk, jiena nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibbiltajiet ta’ operatur ta’ mutur tat-tfittxija, l-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46 japplika, bħala prinċipju, għall-attivitajiet ta’ tali operatur ta’ mutur tat-tfittxija.

58.      Il-modalitajiet ta’ tali applikazzjoni huma indirizzati mit-tieni domanda preliminari.

C.      It-tieni domanda preliminari

59.      It-tieni domanda preliminari, magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46 għall-ipproċessar imwettaq minn operatur ta’ mutur tat-tfittxija, tinkludi tliet partijiet.

60.      Fil-fatt, il-qorti tistaqsi essenzjalment

–        jekk, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 95/46, il-projbizzjoni fil-konfront ta’ operatur ta’ mutur tat-tfittxija li jipproċessa data li taqa’ taħt l-Artikolu 8(1) u (5) ta’ din id-direttiva, tobbligahx jilqa’ b’mod sistematiku t-talbiet għat-tneħħija ta’ referenzi li jirrigwardaw links li jwasslu għal paġni tal-internet li jinkludu tali data;

–        kif japplikaw l-eċċezzjonijiet speċifiċi, previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (e) tad-Direttiva 95/46, għall-ipproċessar imwettaq minn operatur ta’ mutur tat-tfittxija, u b’mod partikolari, jekk dan jistax jirrifjuta li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza fuq il-bażi tagħhom u

–        sabiex tikseb kjarifiki dwar l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għall-ipproċessar imwettaq sempliċement għal finijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew litterarja, u dan biss sa fejn dawn l-eċċezzjonijiet jirriżultaw neċessarji għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-ħajja privata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ espressjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jistax jirrifjuta li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza meta jikkonstata li d-data inkluża fil-paġna li għaliha jwassal il-link inkwistjoni tqiegħdet b’mod legali minħabba l-fatt li l-ipproċessar imwettaq f’dan ir-rigward mill-editur tal-paġna tal-internet huwa kopert minn din l-eċċezzjoni.

61.      Jien ser neżamina dawn id-domandi fl-ordni li fiha huma saru.

1.      Fuq it-tneħħija ta’ referenza b’mod sistematiku

62.      Il-punt tat-tluq huwa li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 95/46, ir-rifjut tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija li jneħħi referenza għal paġna tal-internet imur kontra l-Artikolu 8(1) jew (5) ta’ din id-direttiva.

63.      Google u kif ukoll il-Gvern Irlandiż, dak Awstrijak u dak tar-Renju Unit isostnu li dan huwa fattur importanti iżda mhux deċiżiv fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tad-drittijiet u tal-interessi li l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija għandu jwettaq għal kull talba għat-tneħħija ta’ referenza, inkluż dawk li jirrigwardaw links lejn siti tal-internet li jirrigwardaw kategoriji ta’ data partikolari, fis-sens tal-Artikolu 8(1) jew (5) tad-Direttiva 95/46.

64.      Mill-banda l-oħra, il-Gvern Franċiż, dak Taljan u u dak Pollakk u kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-projbizzjoni ta’ pproċessar stabbilita fl-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46 timplika li l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija adit b’talba għat-tneħħija ta’ referenza għandu jilqa’ din it-talba b’mod sistematiku, jiġifieri mingħajr ma għandu jew jista’ jivverifika elementi oħra għajr l-assenza ta’ ġusitifikazzjoni.

65.      Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni.

66.      Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46 ma jippermetti ebda dubju fir-rigward tal-obbligu ta’ projbizzjoni ta’ pproċessar ta’ data sensittiva hemm elenkata. Fil-fatt, ma narax kif f’tali sitwazzjoni, dan l-obbligu jista’ jiġi kkunsidrat bħala element fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza.

67.      Tali approċċ jikkostitwixxi estensjoni loġika tal-kawża li tat lok għas-sentenza Google Spain u Google (24). Infakkar li din il-kawża kienet tirrigwarda data li l-pubblikazzjoni tagħha kienet, fiha nnifsiha, legali. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata li l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija kien obbligat li jneħħi mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, links lejn paġni tal-internet ippubblikati minn terzi u li jinkludu informazzjoni dwar din il-persuna – anki meta din il-pubblikazzjoni kienet, fiha nnifisha, legali (25) – u mbagħad fit-tieni lok, tipproċedi għall-ibbilanċjar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mal-interess ekonomiku tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija kif ukoll mal-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni (26).

68.      F’dan ir-rigward, ser niftaħ parenteżi fir-rigward tal-kawża Google Spain u Google. Sa fejn huwa ġeneralment aċċettat li, jekk informazzjoni tkun legali, il-persuna li toħroġha tibbenefika fi kwalunkwe każ mil-libertà ta’ espressjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta, kien ikun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi espressament dan id-dritt fundamentali. Dan kien iwassal sabiex joħroġ b’mod iktar ċar li mhux biss għandu jkun hemm bilanċ bejn l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minn naħa, u l-libertà tal-informazzjoni, min-naħa l-oħra, iżda li l-libertà ta’ espressjoni għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni. Ser nerġa’ ndur għal dan il-punt fl-analiżi dwar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.

69.      Mill-banda l-oħra, jiena ma narax lok għal tali bbilanċjar fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46. Ladarba jiġi stabbilit li kien hemm ipproċessar ta’ data sensittiva, it-talba għat-tneħħija ta’ referenza għandha tiġi milqugħa.

70.      Jiena konxju ħafna tal-pożizzjoni espressa mill-“Grupp ta’ Ħidma ‘tal-Artikolu 29’ dwar il-protezzjoni tad-data” (27) fil-“Linji Gwida dwar l-Implimentazzjoni tas-Sentenza [Google Spain u Google (28)]” tas-26 ta’ Novembru 2014 (29) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), li tipprovdi, l-ewwel nett, li fil-parti l-kbira tal-każijiet ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni iktar minn kriterju wieħed qabel ma tittieħed deċiżjoni, it-tieni nett, li ebda kriterju waħdu ma huwa determinanti (30), u t-tielet nett, għal dak li jirrigwarda b’mod speċifiku l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46, “[l]-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-data jistgħu jintervjenu wkoll f’każ ta’ ċaħda ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza” (31).

71.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa evidenti li qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar talba għat-tneħħija ta’ referenza għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji. Mill-banda l-oħra, id-dikjarazzjoni li awtorità responsabbli mill-protezzjoni tad-data tista’ tintervjeni wkoll ma jidhirlix li hija suffiċjentement affermattiva u ċara. Jekk jirriżulta li d-data taqa’ fl-oqsma sensittivi msemmija fl-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46, l-ipproċessar tagħha jkun għalhekk ipprojbit.

72.      Għalhekk, jidhirli li l-prevenzjoni ta’ amplifikazzjoni eventwali ta’ din id-data permezz ta’ mutur tat-tfittxija hija koperta wkoll mir-ratio legis tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46. Peress li skont din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur jikkunsidra li l-ipproċessar ta’ ċerta data huwa illegali, fl-opinjoni tiegħi jirriżulta li l-ipproċessar distint minn operatur ta’ mutur tat-tfittxija huwa illegali wkoll, tal-inqas sa mill-mument li fih l-operatur ma jilqax talba għat-tneħħija ta’ referenza.

73.      Fi kliem ieħor, permezz tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà ddeċieda l-kwistjoni tad-data sensittiva, fis-sens li ma jistax jintlaħaq bilanċ. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li r-Regolament 2016/679 mhux biss żamm il-projbizzjoni (32) ta’ pproċessar ta’ data sensittiva iżda kabbar ukoll il-kategoriji tagħha (33).

74.      Konsegwentement, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 95/46, il-projbizzjoni fil-konfront ta’ operatur ta’ mutur tat-tfittxija li jipproċessa data li taqa’ taħt l-Artikolu 8(1) u (5) ta’ din id-direttiva tobbligah li jilqa’ b’mod sistematiku t-talbiet għat-tneħħija ta’ referenza li jirrigwardaw links li jwasslu lejn paġni tal-internet li jinkludi tali data.

2.      Fuq l-eċċezzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (e) tad-Direttiva 95/46

75.      Il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb kjarifiki biss dwar tnejn mill-ħames eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46.

76.      Skont l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 95/46, il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu (34) tiegħu għal tali pproċessar, ħlief fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tipprovdi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista’ titneħħa bil-kunsens tal-imsemmi suġġett tad-data. L-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma japplikax fejn l-ipproċessar jirrigwarda data li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data jew li tkun meħtieġa biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali.

77.      Peress li skont is-soluzzjoni li jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiena nikkunsidra li l-projbizzjonijiet ta’ pproċessar imsemmija fl-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46 japplikaw, jiena nqis li bħala prinċipju, l-eċċezzjonijiet imsemmija f’dan l-istess Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46 japplikaw ukoll, anki jekk uħud mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46 jidhirli li huma iktar teoretiċi milli prattiki fir-rigward tal-applikabbiltà tagħhom għal mutur tat-tfittxija (35). L-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jista’ għalhekk jirrifjuta li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti.

3.      Fuq l-ipproċessar ta’ data personali u l-libertà ta’ espressjoni (Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46)

78.      Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jipprovdu eżenzjonijiet u derogi, b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew litterarja, jekk dawn jirriżultaw neċessarji sabiex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja privata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ espressjoni.

79.      Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jistax jirrifjuta li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza meta dan jikkonstata li l-wiri tad-data sensittiva inkluża fil-paġna li għaliha jwassal il-link inkwistjoni huwa legali għaliex l-ipproċessar imwettaq f’dan ir-rigward mill-editur tal-paġna tal-internet huwa kopert mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.

80.      Għandu jiġi rrilevat li, skont is-sentenza Google Spain u Google (36), jista’ jkun il-każ li talba għat-tneħħija ta’ referenza tirnexxi kontra l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija, iżda tfalli kontra l-editur tal-paġna tal-internet li għaliha ssir referenza minħabba l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-ipproċessar mill-editur ta’ paġna tal-internet, li jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar persuna fiżika, jista’ jsir, skont il-każ, ‘biss għal għanijiet ġurnalisitiċi’ u għalhekk jista’ jibbenefika, taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, minn derogi għar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva, filwaqt li dan ma jidhirx li huwa l-każ fir-rigward tal-ipproċessar imwettaq mill-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li s-suġġett tad-data jkun jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jeżerċita d-drittijiet previsti fl-Artikolu 12(b) u fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 kontra l-imsemmi operatur iżda mhux kontra l-editur tal-imsemmija paġna tal-internet” (37).

81.      Dan il-paragrafu essenzjali tas-sentenza Google Spain u Google (38) jikkostitwixxi s-sustanza tar-raġunament intiż sabiex jiġġustifika l-istabbiliment ta’ “dritt li wieħed jintesa’”: sabiex tiġi protetta l-ħajja privata u d-dritt ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-data, wieħed jista’ “jwaqqaf il-messaġġier” (anki) jekk “rettifika tas-sors” hija impossibbli, minħabba d-dritt tal-libertà ta’ espressjoni ta’ editur ta’ paġna tal-internet.

82.      It-tentazzjoni li dan il-paragrafu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 9 ma japplikax għall-operatur ta’ mutur tat-tfittxija hija kbira.

83.      Jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirreżisti għal din it-tentazzjoni.

84.      L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasbourg”), “[g]razzi għall-aċċessibbiltà tagħhom kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jikkonservaw u jxerrdu kwantitajiet kbar ta’ informazzjoni, is-siti tal-internet jikkontribwixxu b’mod qawwi sabiex itejbu l-aċċess tal-pubbliku għall-attwalità, u b’mod ġenerali sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni” (39). B’mod iktar partikolari, f’kawża li kellha bħala suġġett sit tal-internet li jikkostitwixxi wieħed mis-servizzi prinċipali ta’ qsim ta’ fajls fuq l-internet fid-dinja (40), il-Qorti ta’ Strasbourg irrilevat li “l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (41), jirrigwarda mhux biss il-kontenut tal-informazzjoni iżda wkoll il-mezzi ta’ trasmissjoni jew ta’ ġabra” (42).

85.      Id-dritt tal-pubbliku li jirċievi u li jikkomunika informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni fuq l-internet huwa protett mill-Artikolu 11 tal-Karta (43). Dan jirrigwarda kemm l-informazzjoni li tinsab fuq il-paġni tal-internet kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-muturi tat-tfittxija fuq l-internet (44).

86.      It-tieni nett, l-unika konklużjoni li tista’ tinsilet mill-paragrafu tas-sentenza Google Spain u Google (45), iċċitat iktar ’il fuq, hija li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 ma japplikax direttament għall-attività tal-operatur ta’ mutur tat-tfittxija. Peress li l-attività ta’ tali operatur hija sekondarja għall-attività primarja tal-emittent tal-informazzjoni, huwa loġiku li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/45 jirrigwarda fl-ewwel lok lil dan l-emittent. Madankollu, il-fatt li l-informazzjoni inkluża fil-paġna tal-internet inkwistjoni taqa’ taħt ġurnaliżmu jew espressjoni artistika jew litterarja, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jipprekludi lill-operatur ta’ mutur tat-tfittxija, li, kif ikkonstatajt iktar ’il fuq, huwa suġġett għall-obbligi previsti fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, milli jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46.

87.      Il-fatt li l-informazzjoni ta’ paġna tal-internet taqa’ taħt l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandu jikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ tippermetti ċ-ċaħda ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza.

88.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jikkostitwixxi konkretizzazzjoni fuq livell tad-dritt derivat tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni kif ukoll tal-libertà ta’ komunikazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta. Fi kliem ieħor, fl-ibbilanċjar li għandu jsir bejn minn naħa, id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-pubbliku li jaċċedi għall-informazzjoni inkwistjoni, il-fatt li din l-informazzjoni toriġina mill-pinna ta’ ġurnalist jew tikkostitwixxi espressjoni artistika jew litterarja huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

89.      Fil-qosor, anki jekk ċerti kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja setgħu kienu fformulati b’mod iktar ċar fis-sentenza Google Spain u Google (46), ma jistax jiġi eskluż li l-libertà ta’ espressjoni ma tteħditx inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(b) u fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 magħmul fl-imsemmija sentenza. Fl-opinjoni tiegħi, waqt l-ibbilanċjar bejn l-interessi tal-utenti tal-internet potenzjalment interessati li jkollhom aċċess għal paġna tal-internet permezz ta’ tfittxija magħmula fuq il-bażi tal-isem tal-persuna kkonċernata u d-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-edituri u tal-utenti tal-internet, iggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta.

90.      Din l-analiżi hija kkonfortata mil-Linji Gwida li jipprovdu li “[l]-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-data personali jirrikonoxxu li skont il-kuntest, jista’ jkun rilevanti li jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni kinitx ippubblikata għall-finijiet ġurnalistiċi. Il-fatt li l-informazzjoni hija ppubblikata minn ġurnalist – li x-xogħol tiegħu huwa li jinforma lill-pubbliku – jikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, dan il-kriterju waħdu ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda talba, peress li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twettaq b’mod ċar distinzjoni bejn il-bażi ġuridika ta’ pubblikazzjoni fil-midja u l-bażi ġuridika li tippermetti lill-muturi tat-tfittxija jorganizzaw ir-riżultati ta’ tfittxija fuq il-bażi ta’ isem ta’ persuna” (47).

91.      Finalment, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2016/679 li llum jikkodifika d-“dritt li wieħed jintesa’”, jipprovdi fil-paragrafu 3(a) tiegħu, eċċezzjoni għal dan id-dritt meta l-ipproċessar ikun neċessarju għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Din l-eċċezzjoni tapplika għall-motivi kollha li jistgħu jkunu l-bażi tad-dritt li wieħed jintesa’, elenkati fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, u, konsegwentement, anki, pereżempju, f’sitwazzjoni fejn id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment (paragrafu 1(d)). Ir-Regolament 2016/679 jirrikonoxxi għalhekk limitu għad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza għal raġunijiet relatati mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, anki jekk l-ipproċessar jirrigwarda data sensittiva.

92.      Għalhekk, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li skont l-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46, operatur ta’ mutur tat-tfittxija għandu jilqa’ b’mod sistematiku t-talbiet għat-tneħħija ta’ referenza li jirrigwardaw links li jwasslu għal paġni tal-internet li jinkludu data sensittiva msemmija f’dik id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 95/46, bħal dawk previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (e) ta’ din id-direttiva. Mill-banda l-oħra, il-fatt li d-data inkluża fil-paġna tal-internet inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ tippermetti ċ-ċaħda ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza. F’tali sitwazzjoni, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija għandu jilħaq bilanċ bejn minn naħa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u min-naħa l-oħra, id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u d-dritt tal-libertà ta’ espressjoni tal-persuna li minnha toriġina l-informazzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Karta.

D.      It-tielet domanda preliminari

93.      Peress li t-tielet domanda preliminari saret “fil-każ li tingħata risposta negattiva” għall-ewwel domanda, fid-dawl tar-risposta pożittiva li jiena nipproponi li tingħata, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

E.      Ir-raba’ domanda preliminari

94.      Ir-raba’ domanda preliminari hija kkostitwita minn żewġ partijiet.

95.      Permezz tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, meta l-persuna li tressaq it-talba tistabbilixxi li d-data personali, ippubblikata fuq il-paġna tal-internet li jwassal għaliha l-link kontenzjuż, tkun saret inkompleta jew ineżatta jew ma tkunx għadha aġġornata, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija għandux jilqa’ t-talba għat-tneħħija ta’ referenza.

96.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali obbligu jeżistix meta l-persuna li tressaq it-talba turi li fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja, l-informazzjoni relattiva għal stadju preċedenti tal-proċedura ma għadhiex tikkorrispondi iktar għar-realtà attwali tas-sitwazzjoni tagħha.

97.      Permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda, li tirreferi b’mod partikolari għall-kawżi prinċipali li jirrigwardaw lil B. H. u lil E. D., il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni ta’ individwu jew li hija marbuta ma’ proċess, jew mal-kundanna li tirriżulta minnu, tikkostitwixxix data marbuta ma’ ksur jew ma’ kundanni kriminali, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46, u b’mod partikolari, jekk paġna tal-internet li tinkludi data li tagħmel riferiment għal kundanni jew għal proċeduri ġudizzjarji, li għalihom persuna fiżika kienet suġġetta, taqax taħt din id-dispożizzjoni.

98.      It-tieni parti għandha tiġi eżaminata qabel l-ewwel parti.

99.      Skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46, l-ipproċessar ta’ data dwar reati, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jsir biss taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika jew jekk tkun ipprovduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il-liġi nazzjonali, skont derogi li jistgħu jingħataw mill-Istat Membru permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal protezzjoni speċifiċa xierqa. Madankollu, reġistru komplet ta’ kundanni kriminali jista’ jinżamm biss taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’każi ċivili għandhom ukoll ikunu pproċessati taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika.

100. Jiena tal-opinjoni li informazzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji ppubblikata fuq paġni tal-internet, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi li jirrigwardaw lil B. H. u E. D., tikkostitwixxi data fis-sens tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46. Anki jekk proċedura kriminali ma wasslitx għal kundanna, xorta hija data dwar reat.

101. Jifdal l-ewwel parti tar-raba’ domanda preliminari, dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn din il-konstatazzjoni li tirrigwarda artikoli, b’mod partikolari tal-gazzetti, li jirrigwardaw stadju preċedenti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u li, għalhekk, ma għadhomx aġġornati.

102. Fid-dawl tar-risposta proposta fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni domanda preliminari, jiena nikkunsidra li, fir-rigward ta’ artikolu f’gazzetta, għandu jiġi adottat approċċ ikkwalifikat peress li din hija data personali rrapportata sempliċiment għal finijiet ġurnalistiċi.

103. F’dan ir-rigward, skont il-Linji Gwida, “[l]-Istati Membri tal-Unjoni jista’ jkollhom approċċi differenti fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda persuni li jwettqu ksur u r-reati tagħhom. Jistgħu jeżistu dispożizzjonijiet legali partikolari li għandhom effett fuq id-disponibbiltà ta’ din it-tip ta’ informazzjoni matul iż-żmien. L-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni jittrattaw dan it-tip ta’ każ b’konformità mal-prinċipji u approċċi fis-seħħ fl-Istat Membru. B’mod ġenerali, l-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-data iktar jistgħu jipprevedu t-tneħħija ta’ referenza għal riżultati ta’ tfittxija li jirrigwardaw reati relattivament żgħar li twettqu fihom żmien ilu, milli jipprevedu dan għal reati iktar gravi li twettqu iktar reċenti. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu li jiġu eżaminati bi prekawzjoni u jkunu trattati każ b’każ” (48).

104. Fl-istess linja ta’ ħsieb, jiena nikkunsidra li għandu jsir eżami każ b’każ, li fih l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija jkollu jieħu inkunsiderazzjoni minn naħa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u min-naħa l-oħra, id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-informazzjoni taqa’ taħt il-ġurnaliżmu jew tikkostitwixxi espressjoni artistika jew litterarja.

VI.    Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

1)      Fil-kuntest tar-responsabbiltajiet, tal-kompetenzi u tal-possibbiltajiet ta’ operatur ta’ mutur tat-tfittxija, l-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, bħala prinċipju, japplika għall-attivitajiet ta’ tali operatur.

2)      Ir-referenzar ta’ paġna tal-internet li tinkludi data li tirrigwarda t-twettiq ta’ reat u ta’ proċeduri kriminali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46.

3)      Skont l-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46, operatur ta’ mutur tat-tfittxija għandu jilqa’ b’mod sistematiku t-talbiet għat-tneħħija ta’ referenza li jirrigwardaw links li jwasslu għal paġni tal-internet li jinkludu data sensittiva msemmija f’din id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 95/46, bħal dawk previsti fl-Artikolu 8(2)(a) u (e) ta’ din id-direttiva.

4)      Mill-banda l-oħra, il-fatt li d-data ta’ paġna tal-internet taqa’ taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jikkostitwixxi fatt li jista’ jippermetti ċ-ċaħda ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza. F’tali sitwazzjoni, l-operatur ta’ mutur tat-tfittxija għandu jilħaq bilanċ bejn minn naħa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra, id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u d-dritt tal-libertà ta’ espressjoni tal-persuna li minnha toriġina l-informazzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Karta.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


3      C-131/12, EU:C:2014:317.


4      Anki jekk din is-sentenza ma ssemmi imkien dan it-terminu, dan sar frekwenti fil-prattika u ġie riprodott ukoll fid-dritt sekondarju: ara l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2016/679 tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46 (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1), u rettifika (ĠU 2016, L 127, p. 2).


5      Ser nevalwa fid-dettall din is-sentenza fl-analiżi ġuridika.


6      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


7      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


8      Skont l-Artikolu 99(2) tar-Regolament 2016/679.


9      Ara l-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679.


10      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


11      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317, punt 1 tad-dispożittiv).


12      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317, punt 3 tad-dispożittiv).


13      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317, punt 4 tad-dispożittiv).


14      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317, punt 4 tad-dispożittiv).


15      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


16      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


17      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2013:424, punt 90).


18      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


19      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


20      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317, punt 38). Enfasi miżjud minni. Dan il-paragrafu huwa essenzjalment riprodott fil-punt 83 tal-istess sentenza.


21      Kif juru l-kliem “għandu jiżgura”.


22      Fil-fatt, Google issostni, fl-opinjoni tiegħi b’mod ġust, li ma hijiex f’pożizzjoni li teżamina, paġna paġna, kull sit esplorat u indiċjat sabiex tiżgura li l-kontenut tiegħu huwa konformi mal-liġijiet applikabbli jew sabiex tiddetermina jekk jinkludix data personali li fl-Unjoni Ewropea tista’ tiġi meqjusa bħala sensittiva, ineżatta, inkompleta, li kienet ippubblikata b’mod illegali jew li tirrigwarda reati jew kundanni kriminali.


23      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


24      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


25      Ara l-punt 88 ta’ din is-sentenza u l-punt 3 tad-dispożittiv.


26      Ara l-punt 99 tal-imsemmija sentenza u l-punt 4 tad-dispożittiv.


27      Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, dan il-grupp ta’ ħidma kien issostitwiet bil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (ara l-Artikoli 68 u 94(2) tar-Regolament 2016/679).


28      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


29      Disponibbli fl-indirizz segwenti: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2014/wp225_fr.pdf.


30      Ara p. 14 tal-Linji Gwida.


31      Ara p. 20 tal-Linji Gwida.


32      Anki jekk l-eċċezzjonijiet huma iktar numerużi minn dawk previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46. Ara l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 2016/679.


33      Ara l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679. Issa dan jinkludi wkoll l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika u data dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.


34      Skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, “kunsens tas-suġġett tad-data” tfisser indikazzjoni speċifika u informata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.


35      Pereżempju, l-eċċezzjoni taħt il-punt (a) għandha tikkostitwixxi sitwazzjoni pjuttost teoretika, peress li talba għat-tneħħija ta’ referenza tippreżumi, loġikament li tal-inqas fid-data ta’ din it-talba, is-suġġett tad-data li jagħmel din it-talba jirtira l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar imwettaq mill-operatur ta’ mutur tat-tfittxija. Barra minn hekk, l-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2)(b) (dritt għal xogħol) u taħt il-punt (d) (attivitajiet ta’ fondazzjoni u oħrajn) ma jidhirlix li jistgħu japplikaw għal mutur tat-tfittxija. Fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex imsemmija fid-domandi preliminari.


36      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


37      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C-131/12, EU:C:2014:317, punt 85).


38      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


39      Ara l-Qorti EDB, 10 ta’ Marzu 2009, Times Newspapers Ltd vs Ir-Renju Unit (nri 1 u 2), CE:ECHR:2009:0310JUD000300203, punt 27, u l-Qorti EDB, 10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza, CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, punt 34.


40      Dan huwa s-sit tal-internet “The Pirate Bay”. Dwar il-funzjonament ta’ dan is-sit, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Brein (C-610/15, EU:C:2017:99).


41      Li jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-Karta.


42      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad-19 ta’ Frar 2013, Neij u Sunde vs L-Isvezja, Rikors Nru 40397/12, punt 10.


43      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C-360/10, EU:C:2012:85, punt 48).


44      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2013:424, punt 121).


45      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


46      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).


47      Ara p. 22 tal-Linji Gwida.


48      Ara p. 23 tal-Linji Gwida.