Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2009 - Rusal Armenal vs Il-Kunsill

(Kawża T-512/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Rusal Armenal ZAO (rappreżentant: B. Evtimov, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta' Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009, tal-24 ta' Settembru 2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, p. 19) (iktar 'il quddiem ir-"regolament ikkontestat"), sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tressaq ħames motivi għal annulament, fosthom waħda bbażata fuq eċċezzjoni ta' illegalità inċidentali.

Abbażi tal-ewwel motiv għal annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni u l-Kunsill kisru l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Bażiku 1u l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-artikolu vi tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (iktar 'il-quddiem il-"Ftehim antidumping" jew "FAD"), billi stabbilixxew valur normali fir-rigward tar-rikorrenti abbażi ta' data mingħand pajjiż terz analogu u, konsegwentement, waslu għal konklużjonijiet żbaljati li kien hemm dumping u kumulazzjoni, dannu u rabta kawżali fir-rigward ta' importazzjonijiet mill-Armenja. Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni kellhom jistabbilixxi l-valur normali fir-rigward tagħha abbażi tad-data Armena tagħha u mhux skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, għal-finijiet tal-istħarriġ tal-mertu tal-ewwel motiv għal annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara, b'mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE (li kien l-Artikolu 241 KE), l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku fir-rigward tar-rikorrenti, inkwantu dan intuża bħala bażi legali għall-metodu tal-pajjiż terz analogu li min-naħa tiegħu ntuża fir-regolament ikkontestat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tinvoka din l-eċċezzjoni ta' illegalità inċidentali peress li ssostni li hija għandha tibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni, fil-konfront tagħha, tal-Artikolu 2(7) u peress li ssostni li ġiet affettwata mill-konstatazzjonijiet, li jinsabu fir-regolament ikkontestat, ta' valur normali li għandhom bħala bażi legali l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku. Skont ir-rikorrenti, dan l-artikolu għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli abbażi tal-fatt li l-applikazzjoni tiegħu fil-konfront tar-rikorrenti tikser l-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-Ftehim antidumping, li l-UE implementat bħala obbligi multilaterali fid-dritt tal-UE, li jifformaw parti mit-trattati li fuqhom hija bbażata l-UE u li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja huma vinkolanti fir-rigward tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

Abbażi tat-tieni motiv għal annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jiġi meqjus li l-aġir tal-istituzzjonijiet ma kisirx l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament Bażiku u l-Ftehim antidumping, xorta jibqa' l-fatt li dawn kisru l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku u inġustament ċaħħdu lir-rikorrenti mit-trattament ta' ekonomija tas-suq (iktar 'il quddiem it-"TES") u wettqu sensiela ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tal-fatti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ).

Abbażi tat-tielet motiv għal annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Bażiku u wettqu żball manifest ta' evalwazzjoni billi, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, naqsu milli jiddekumulaw l-Armenja minn allegati importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta' dumping u, f'dan il-kuntest, billi naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidla fundamentali li seħħet fil-produzzjoni Armena matul il-perijodu ta' bejn l-2004 u l-2006 u l-problemi ta' kwalità tal-prodotti Armeni li tfaċċaw matul l-avvjament mill-ġdid u l-aġġustament tal-operazzjonijiet ta' mmanifatturar fl-2007.

Abbażi tar-raba' motiv għal annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, permezz tal-kunsiderazzjonijiet u tal-motivazzjoni li użat sabiex tirrifjuta l-offerta ta' garanzija fuq il-prezz magħmula mir-rikorrenti u fl-istess ħin taċċetta l-offerta ta' garanzija fuq il-prezz ta' produttur Brażiljan li jesporta f'ċirkustanzi simili, wettqet ksur tal-prinċipju legali fundamentali ta' trattament ugwali/nondiskriminazzjoni u wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

Abbażi tal-ħames motiv għal annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE ta' amministrazzjoni tajba, u għalhekk kisret rekwiżit proċedurali sostanzjali, billi rreferiet pubblikament u direttament għar-rikorrenti, għall-investigazzjoni antidumping inkwistjoni li kienet għaddejja u billi allegatament għamlet pressjoni fuq l-istituzzjonijiet responsabbli mill-investigazzjoni antidumping sabiex dawn jimponu dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol 10, p. .45)