Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2020 – Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-577/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, F. Laprévote, V. Blanc, S. Rating u I. Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.55394 (2019/N) – Il-Ġermanja – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ Condor 1 , u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-għajnuna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar tal-Kummissjoni Ewropea 2 , minħabba li d-diffikultajiet ta’ Condor huma r-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja ta’ spejjeż fi ħdan il-grupp Thomas Cook.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-għajnuna għas-salvataġġ ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ kompatibbiltà li l-għajnuna għandha tikkontribwixxi għal għan ta’ interess komuni reali. Il-Kummissjoni Ewropea wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fir-rigward kemm tal-bżonnijiet tal-operaturi turistiċi u tal-aġenziji tal-ivvjaġġar indipendenti Ġermaniżi kif ukoll tal-allegata assenza ta’ kapaċità tal-ajruplani għar-ripatrijazzjoni ta’ passiġġieri maqbuda matul l-istaġun tax-xitwa tal-IATA li huwa kkaratterizzat minn kapaċità żejda staġjonali.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ nonrikorrenza għall-għajnuna għas-salvataġġ tal-grupp Thomas Cook.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

____________

1     ĠU 2020, C 294, p. 3.

2     Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi Mhux Finanzjarji f’Diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1).