Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2021 mir-Repubblika tal-Estonja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-28 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-594/18, Pharma Mar vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-16/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Appellant: Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentant: N. Grünberg)

Partijiet oħra fil-proċedura: Pharma Mar, SA (rappreżentanti: M. Merola u V. Salvatore), Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Haasbeek u A. Sipos)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2020;

tordna lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-proċedura tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Estonja tinvoka l-argumenti segwenti.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżit ta’ imparzjalità stabbilit fl-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 1 , meta kkonstatat li, fir-rigward ta’ esperti li jipparteċipaw fix-xogħol ta’ grupp konsultattiv xjentifiku (GKX), sempliċement minħabba l-fatt li jkollhom relazzjoni ta’ impjieg ma’ sptar tal-università, kwalunkwe dubju leġittimu dwar preġudizzju possibbli li jista’ jeżisti fir-rigward tal-imparzjalità tagħhom ma jistax jiġi eskluż.

L-ewwel, meta eżaminat il-prinċipju ta’ imparzjalità fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li sptar tal-università jista’, fl-intier tiegħu, jiġi ekwiparat ma’ kumpannija farmaċewtika.

It-tieni, meta eżaminat il-prinċipju ta’ imparzjalità, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwat il-prodott mediċinali rivali u l-konnessjoni bejn l-espert u l-manifattura tal-“prodott mediċinali rivali”.

It-tielet, meta eżaminat il-prinċipju ta’ imparzjalità, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli tevalwa korrettament il-konnessjoni bejn l-esperti kkonċernati u ċ-ċentru tat-terapija taċ-ċelloli u l-influwenza tal-esperti fuq id-deċiżjonijiet tal-GKX.

____________

1     Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229).