DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)
20 ta’ Lulju 2016
Kawża F‑46/14
Roelof-Jan Wino Hoeve
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Drittijiet għall-pensjoni miksuba, qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni, taħt skema nazzjonali tal-pensjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju – Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Roelof-Jan Wino Hoeve jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea, tat-8 ta’ Novembru 2013, li permezz tagħha hija stabillixxiet b’mod definittiv, taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrent qabel id-dħul fil-kariga tiegħu fis-servizz tal-Unjoni.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Roelof-Jan Wino Hoeve għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
Sommarju
Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrikonoxxi s-snin ta’ servizz adottata wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba – Inklużjoni
(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1), u Anness VIII, Artikolu 11(2))
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni stabbilita fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, ladarba jitwettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrapreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul fil-kariga tagħha fis-servizz tal-Unjoni, li jikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal kuntrarju, proposta ta’ akkreditazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, anki jekk aċċettata mill-persuna kkonċernata, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Fil-fatt, l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tista’ tiġi rrikonoxxuta biss meta l-uffiċjal jagħti l-kunsens tiegħu għat-tkomplija tal-proċedura ta’ trasferiment, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement mill-persuna kkonċernata mingħand l-organu nazzjonali tal-pensjoni kkonċernat, kunsens mogħti fid-dawl tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz magħmula mill-amministrazzjoni abbażi tal-ammont provviżorju tal-kapital imħabbar mill-organu msemmi.
F’dan ir-rigward, fl-istadju tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, l-istituzzjoni kkonċernata tintrabat sempliċement li tapplika b’mod korrett l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata. Dan l-obbligu tal-istituzzjoni jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, anki fin-nuqqas ta’ impenn espliċitu tal-istituzzjoni.
Għaldaqstant, minn tali impenn espress f’proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz la jirriżulta obbligu ġdid impost fuq l-istituzzjoni inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, ma tirriżulta bidla fis-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari għaliex, anki meta l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha għat-trasferiment, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni li hija tkun kisbet taħt skema oħra, l-istituzzjoni li minnha toriġina l-proposta ma għandhiex l-obbligu korrispondenti, ladarba jitwettaq it-trasferiment tal-ammont tal-kapital imħabbar mill-organu nazzjonali tal-pensjoni, li awtomatikament tirrikonoxxi lill-persuna kkonċernata n-numru ta’ snin ta’ servizz indikati fil-proposta inizjali li fid-dawl tagħha l-persuna kkonċernata kkonfermat ir-rieda tagħha li tittrasferixxi l-kapital imsemmi lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni.
(ara l-punti 22 sa 26)
Referenza:
Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 50, 52, 53 u 74; Il‑Kummissjoni vs Cocchi u Falcione, T‑103/13 P, EU:T:2015:777, punti 66, u Teughels vs Il‑Kummissjoni , T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punti 37, 46, 48, 49, 58 u 70