Language of document : ECLI:EU:C:2024:185

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

tad‑29 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) Nru 910/2014 – Artikolu 25 – Firem elettroniċi – Effett legali u saħħa probatorja fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja – Kunċett ta’ ‘firma elettronika kkwalifikata’”

Fil-Kawża C‑466/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

V.B. Trade OOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo, minn B. Nikolov,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, D. Drambozova u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU 2014, L 257, p. 73).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn V.B. Trade OOD, stabbilita fil-Bulgarija, u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo (id-Direttur tad-Direttorat “Rikors u Prattika fil-Qasam tat-Tassazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttur”) dwar avviż ta’ aġġustament fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 21, 22 u 49 tar-Regolament Nru 910/2014 huma fformulati kif ġej:

“(21)      [...] Dan ir-Regolament [...] ma għandu[x] jkopri aspetti relatati mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi legali oħra fejn ikun hemm rekwiżiti rigward il-forma stipulata mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. Barra minn dan, lanqas ma għandu jaffettwa r-rekwiżiti tal-formoli nazzjonali li jappartjenu għar-reġistri pubbliċi, b’mod partikolari r-reġistri kummerċjali u tal-artijiet.

(22)      Sabiex jikkontribwixxu għall-użu transkonfinali ġenerali tagħhom, għandu jkun possibbli li s-servizzi fiduċjarji jintużaw bħala evidenza fi proċeduri legali fl-Istati Membri kollha. Huwa f’idejn il-liġi nazzjonali li tiddefinixxi l-effett legali ta’ servizzi fiduċjarji, ħlief jekk ikun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

[...]

(49)      Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-prinċipju li firma elettronika ma għandhiex tiġi miċħuda l-effett legali minħabba li hija f’forma elettronika jew minħabba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha ta’ firma elettronika kwalifikata. Madankollu, hija l-liġi nazzjonali li trid tiddefinixxi l-effett legali tal-firem elettroniċi, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament skont liema, firma elettronika kwalifikata għandu jkollha effett legali ekwivalenti għal firma bl-idejn”.

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni marbuta mal-konklużjoni u l-validità ta’ kuntratti jew obbligi legali jew proċedurali oħra”.

5        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

10.      ‘firma elettronika’ tfisser data f’forma elettronika li tinhemeż ma’ data elettronika oħra jew tiġi assoċjata b’mod loġiku magħha u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma;

11.      ‘firma elettronika avvanzata’ tfisser firma elettronika li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26;

12.      ‘firma elettronika kwalifikata’ tfisser firma elettronika avvanzata li tkun maħluqa minn apparat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi;

[...]

15.      ‘ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika’ tfisser ċertifikat għall-firem elettroniċi, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I;

[...]

23.      ‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

[...]”.

6        L-Artikolu 21 tal-istess ir-regolament, intitolat “introduzzjoni ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, mingħajr status kwalifikat, ikun biħsiebhom jibdew jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati, huma għandhom jippreżentaw lill-korp superviżorju notifika dwar l-intenzjoni tagħhom flimkien ma’ rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità”.

7        L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 910/2014, intitolat “Effetti legali ta’ firem elettroniċi ”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Firma elettronika ma għandhiex tiġi miċħuda effett legali u ammissibbilità bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li [L-effett legali u l-ammissibbilità ta’ firma elettronika bħala prova ġudizzjarja ma jistgħux jiġu rrifjutati għar-raġuni biss li din il-firma] tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-firem elettroniċi kwalifikati.

2.      Firma elettronika kwalifikata għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti għal firma bil-miktub.

[...]”.

8        L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati”, jistipula:

“Firma elettronika avvanzata għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      tkun marbuta b’mod esklussiv mal-firmatarju;

(b)      tista’ tidentifika l-firmatarju;

(c)      tkun maħluqa bl-użu ta’ data għall-ħolqien ta’ firma elettronika li l-firmatarju jkun jista’ juża b’livell għoli ta’ fiduċja, taħt il-kontroll esklussiv tiegħu; u

(d)      tkun marbuta mad-data ffirmata biha b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi skoperta”.

9        Taħt it-titolu “Rekwiżiti għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi”, l-Anness I tal-imsemmi regolament jelenka l-informazzjoni varja li għandhom jinkludu ċ-ċertifikati kkwalifikati għal firma elettronika. B’hekk, skont il-punti (b) sa (d) ta’ dan l-anness, dawn iċ-ċertifikati għandhom jinkludu ġabra ta’ data li tirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kkwalifikat li joħroġ iċ-ċertifikati kkwalifikati, tal-inqas l-isem tal-firmatarju jew psewdonimu, fejn l-użu ta’ psewdonimu għandu jiġi indikat b’mod ċar, u data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika li tikkorrispondi mad-data għall-ħolqien tal-firma elettronika.

10      L-Anness II tal-istess regolament. intitolat “Rekwiżiti għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi”, jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu, li l-apparati għandhom jiggarantixxu tal-inqas, permezz ta’ mezzi tekniċi u ta’ proċeduri xierqa, b’mod partikolari, li l-kunfidenzjalità tad-data għall-ħolqien ta’ firma elettronika użata għall-ħolqien ta’ firma elettronika tiġi żgurata b’mod suffiċjenti, li din id-data tkun tista’ tiġi stabbilita prattikament darba biss, li l-firma elettronika tkun protetta b’mod affidabbli kontra kull falsifikazzjoni u li l-imsemmija data tkun protetta b’mod affidabbli mill-firmatarju leġittimu kontra l-użu minn persuni oħrajn. Barra minn hekk, il-punt 3 ta’ dan l-anness jipprevedi li l-ġenerazzjoni jew il-ġestjoni tad-data għall-ħolqien ta’ firma elettronika f’isem il-firmatarju tista’ ssir biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kkwalifikat.

 Iddritt Bulgaru

11      Skont l-Artikolu 4 taż-zakon za elektronnia dokument i elektronnite udostoveritelni uslugi (il-Liġi dwar id-Dokument Elettroniku u s-Servizzi Fiduċjarji Elettroniċi, DV Nru 34, tas‑6 ta’ April 2001), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dokument Elettroniku”), l-awtur tad-dikjarazzjoni elettronika hija l-persuna fiżika indikata fid-dikjarazzjoni bħala li wettaq l-istess dikjarazzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-proprjetarju tad-dikjarazzjoni elettronika huwa l-persuna li f’isimha tkun saret id-dikjarazzjoni elettronika.

12      Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar id-Dokument Elettroniku:

“(1)      Firma elettronika hija firma elettronika fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 910/2014].

[...]

(3)      Firma elettronika kkwalifikata hija firma elettronika fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 910/2014].

[...] ”

13      L-Artikolu 184(2) tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), applikabbli wkoll għall-proċedura fil-qasam tat-tassazzjoni u tas-sigurtà soċjali, jipprevedi l-possibbiltà li tiġi rreġistrata falsifikazzjoni kontra dokument elettroniku.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, V.B. Trade, kienet is-suġġett ta’ avviż ta’ aġġustament fiskali, tat‑13 ta’ Jannar 2021, fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji, fl-ammont ta’ 682 863.40 lev bulgaru (BGN) (madwar EUR 349 000), kif ukoll tal-interessi relatati, li jammontaw għal BGN 192 770.62 (madwar EUR 98 500).

15      Dan l-avviż ta’ aġġustament fiskali ġie adottat mill-amministrazzjoni fiskali kompetenti fi tmiem proċedura ta’ verifika fiskali ordnata minn din l-amministrazzjoni bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020, emendata bid-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Settembru u tad‑29 ta’ Ottubru 2020, u li tat lok għal rapport ta’ spezzjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2020.

16      Id-dokumenti kollha tal-amministrazzjoni fiskali maħruġa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ verifika fiskali ġew ippreżentati taħt il-forma ta’ dokumenti elettroniċi ffirmati permezz ta’ firem elettroniċi kkwalifikati.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2021, id-Direttur ikkonferma l-avviż ta’ aġġustament fiskali tat‑13 ta’ Jannar 2021.

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra dik id-deċiżjoni.

19      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija tikkontesta l-validità tad-dokumenti elettroniċi maħruġa billi ssostni li dawn ma ġewx debitament iffirmati permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata. Insostenn ta’ dan l-argument, hija talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex taħtar u tisma’ espert ġudizzjarju fil-qasam tal-informatika fuq ċertu numru ta’ domandi dwar il-validità ta’ dawn il-firem.

20      Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra li l-awtentiċità tal-imsemmija dokumenti tiddependi fuq aspetti tekniċi differenti li jiddeterminaw il-kwalità ta’ firma elettronika kkwalifikata bħala “firma elettronika kwalifikata”. F’dan ir-rigward, hija tallega b’mod partikolari li l-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Nru 910/2014 ma jikkostitwixxix ostakolu għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li provi jiġu kkontestati minħabba l-assenza ta’ kredibbiltà jew ta’ awtentiċità tagħhom, jew għal kwalunkwe raġuni oħra.

21      Id-Direttur oppona l-imsemmija kontestazzjoni billi sostna li, għall-kuntrarju, mir-Regolament Nru 910/2014 jirriżulta li kull kontestazzjoni tal-firem elettroniċi kkwalifikati hija inammissibbli.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li l-espressjoni ta’ “effett legali [...] ta’ firma elettronika bħala prova ġudizzjarja”, li tinsab fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 910/2014, tiġi ppreċiżata. B’mod partikolari, minn din l-espressjoni tirriżulta projbizzjoni li jiġi kkontestat dan l-effett legali u l-ammissibbiltà tal-firma elettronika bħala prova. Din il-qorti tistaqsi għalhekk jekk din il-projbizzjoni tipprevalix fuq il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jippermetti lill-Istati Membri jiċħdu s-saħħa probatorja ta’ firma permezz ta’ proċedura speċifika rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 910/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tiegħu, jirriżulta li dokument iffirmat permezz ta’ firma elettronika kkwalifikata jew mhux ikkwalifikata jikkostitwixxi att ammissibbli għat-tipi kollha ta’ proċeduri ġudizzjarji li l-qrati tal-Istati Membri għandhom josservaw, sa fejn l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jipprevali fuq il-prinċipju ġenerali tal-awtonomija proċedurali u fuq ir-regoli proċedurali stabbiliti mill-Istati Membri fil-qasam tal-ammissibbiltà tal-provi.

24      Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, mit-tieni sentenza tal-premessa 49 tar-Regolament Nru 910/2014 jirriżulta li l-espressjoni “effett legali [...] ta’ firma elettronika” li tinsab fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għas-saħħa probatorja tal-firma kif irrikonoxxuta mis-sistema ġuridika nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 25(2) tal-imsemmi regolament jassimila l-effett legali tal-firma elettronika ma’ dik tal-firma bl-idejn biss fil-każ ta’ firma elettronika kkwalifikata.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni ‘effett legali [ta’ firma elettronika] […] bħala evidenza’, li tintuża fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Nru 910/2014] għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-qrati tal-Istati Membri jirrikonoxxu li, kemm-il darba l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 10, 11 u 12 tal-Artikolu 3 ta[r-]regolament [Nru 910/2014] ikunu ssodisfatti jew ma jkunux ikkontestati, l-eżistenza u l-kwalità tal-awtur invokat ta’ din il-firma għandhom jitqiesu a priori li huma lil hinn minn kull dubju u huma stabbiliti b’mod mhux ikkontestat u għandha tiġi interpretata fis-sens li, kemm-il darba l-kundizzjonijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti, il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ valur probatorju/saħħa probatorja tal-firma elettronika kkwalifikata li huma ekwivalenti għal dawk tal-firma bl-idejn fil-limitu biss ta’ dak li jipprevedu r-regoli legali nazzjonali rilevanti fir-rigward ta’ din il-firma bl-idejn?

2)      L-espressjoni “ma għandhiex tiġi miċħuda […] fi proċedimenti legali”, li tintuża fl-Artikolu 25(1) […] [tar-]regolament, [Nru 910/2014] għandha tiġi interpretata fis-sens li tistabbilixxi projbizzjoni assoluta fuq il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li jużaw il-possibbiltajiet proċedurali previsti fis-sistemi ġuridiċi tagħhom sabiex tiġi kkontestata l-portata probatorja tal-effett legali tal-firma elettronika prevista fl-istess regolament, jew għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix ostakolu għall-kontestazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fil-punti 10, 11 u 12 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, fejn il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-istrumenti applikabbli skont il-liġijiet proċedurali nazzjonali tagħhom, b’tali mod li l-partijiet f’tilwima mressqa quddiem qorti jkunu jistgħu jikkontestaw is-saħħa probatorja u l-valur probatorju tal-firma elettronika?

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Settembru 2022, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑362/21.

27      Wara l-għoti tas-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Ekofrukt (C‑362/21, EU:C:2022:815), il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Novembru 2022, li hija xtaqet tirtira t-tieni domanda preliminari, iżda li hija żammet l-ewwel waħda fosthom.

 Fuq iddomanda preliminari

 Fuq lammissibbiltà

28      Id-Direttur iqis, essenzjalment, li d-domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn ma titlobx interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 910/2014 jindika espliċitament li l-imsemmi regolament ma jaffettwax id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni dwar il-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi legali jew proċedurali oħra ta’ natura formali. Fil-fatt, huwa abbażi tad-dritt nazzjonali li għandu jiġi ddeterminat jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, huwa possibbli li jiġu kkontestati dokumenti li jkollhom firma bl-idejn u, għaldaqstant, dokumenti li jkollhom firma elettronika kkwalifikata, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwalità tal-awtur tagħhom, u li jiġi ddeterminat liema huma l-konsegwenzi proċedurali tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ tali kontestazzjoni minn parti fil-kawża.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk u sa fejn l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 910/2014 jipprevali fuq il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri billi jimponi fuq il-qrati nazzjonali projbizzjoni assoluta li jirrikorru għall-mezzi proċedurali previsti fis-sistemi legali tagħhom sabiex jikkontestaw is-saħħa probatorja tal-firma elettronika li tirriżulta mill-imsemmi regolament. Issa, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-eżami tal-mertu tad-domanda preliminari magħmula, u mhux taħt dak tal-ammissibbiltà tagħha.

30      Barra minn hekk, mill-imsemmija domanda jirriżulta li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 910/2014, u mhux dik tad-dritt Bulgaru.

31      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

32      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 910/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qrati tal-Istati Membri jirrikonoxxu li l-eżistenza u l-kwalità ta’ awtur invokat ta’ firma elettronika kkwalifikata għandhom jitqiesu li huma stabbiliti b’mod inkontestabbli meta l-kundizzjonijiet tal-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, jew jekk l-imsemmija qrati humiex obbligati jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ saħħa probatorja ta’ din il-firma biss fil-kuntest ta’ dak li tipprevedi s-sistema legali nazzjonali rilevanti għal firma bl-idejn.

33      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, l-punt 12 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 910/2014 jistabbilixxi tliet rekwiżiti kumulattivi sabiex firma elettronika tkun tista’ titqies bħala “firma elettronika kkwalifikata”. L-ewwel, il-firma għandha tkun “firma elettronika avvanzata”, li għandha, skont il-punt 11 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 tiegħu. It-tieni, il-firma għandha tinħoloq permezz ta’ “apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi”, li għandu, skont il-punt 23 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tal-istess regolament. It-tielet, il-firma għandha tkun ibbażata fuq “ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika”, fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 910/2014, jiġifieri ċertifikat maħruġ minn “fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat” u li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Ekofrukt, C‑362/21, EU:C:2022:815, punt 43).

34      Sussegwentement, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 35 tas-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Ekofrukt (C‑362/21, EU:C:2022:815), l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 910/2014 ma jipprojbixxix lill-qrati nazzjonali milli jinvalidaw il-firem elettroniċi, iżda jistabbilixxi prinċipju ġenerali li jipprojbixxi lill-imsemmija qrati milli jirrifjutaw l-effett legali u s-saħħa probatorja tal-firem elettroniċi fi proċeduri ġudizzjarji għas-sempliċi raġuni li dawn il-firem ikunu f’forma elettronika.

35      Fl-aħħar, kif jirriżulta mil-punti 36 u 37 tas-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Ekofrukt (C‑362/21, EU:C:2022:815), l-interpretazzjoni imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 910/2014, moqri fid-dawl tal-premessi 21 u 49 tiegħu, li minnhom jirriżulta li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddefinixxi l-effett legali prodott mill-firem elettroniċi. L-unika eċċezzjoni f’dan ir-rigward tinsab fir-rekwiżit, previst fl-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-effett legali ta’ firma elettronika kkwalifikata għandu jkun ekwivalenti għal dak ta’ firma bl-idejn, u b’hekk din id-dispożizzjoni toħloq għall-benefiċċju biss tal-firma elettronika kkwalifikata preżunzjoni ta’ “assimilazzjoni” mal-firma miktuba bl-idejn.

36      Mill-ġurisprudenza imsemmija fil-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddefinixxi l-effett legali prodott mill-firem elettroniċi, inklużi l-firem elettroniċi kkwalifikati, bil-kundizzjoni li l-assimilazzjoni tal-firma elettronika kkwalifikata mal-firma bl-idejn, prevista fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 910/2014, tiġi osservata.

37      Fil-fatt, għalkemm mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 910/2014 jirriżulta li l-eżistenza u l-kwalità tal-awtur invokati ta’ firma elettronika kkwalifikata huma stabbiliti meta jiġi pprovat li l-firma inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, madankollu ma teżisti ebda raġuni sabiex jingħata, favur il-firma elettronika kkwalifikata, trattament iktar favorevoli minn dak irriżervat għall-firma bil-miktub fis-sens li l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jimponi fuq il-qrati tal-Istati Membri projbizzjoni assoluta li jirrikorru għall-mezzi proċedurali previsti fis-sistemi legali tagħhom sabiex jirrifjutaw is-saħħa probatorja għall-firma elettronika kkwalifikata, fis-sens tal-imsemmi regolament.

38      Konsegwentement, jekk u sa fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi l-possibbiltà li tiġi kkontestata s-saħħa probatorja ta’ firma bl-idejn, tali possibbiltà għandha wkoll tinfetaħ fir-rigward tal-firma elettronika kkwalifikata.

39      B’mod partikolari, kif espona d-Direttur fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, is-saħħa probatorja tal-firma elettronika kkwalifikata tista’ tiġi rrifjutata fil-kuntest tal-proċedura għall-falsifikazzjoni ta’ dokument prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni, madankollu, li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi proċedura identika għall-kontestazzjoni tal-firma bl-idejn u l-firma elettronika kkwalifikata.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 910/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istati Membri huma obbligati, ladarba l-kundizzjonijiet tal-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ikunu ssoddisfatti, jirrikonoxxu l-firma elettronika kwalifikata bħala li għandha saħħa probatorja ekwivalenti għal dik ta’ firma bl-idejn fil-kuntest ta’ dak li tipprevedi s-sistema leali nazzjonali li tipprovdi għal din il-firma bl-idejn.

 Fuq lispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE,

għandu jigi interpretat fis-sens li:

il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati, ladarba l-kundizzjonijiet tal-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ikunu ssoddisfatti, jirrikonoxxu l-firma elettronika kwalifikata bħala li għandha saħħa probatorja ekwivalenti għal dik ta’ firma bl-idejn fil-kuntest ta’ dak li tipprevedi s-sistema legali nazzjonali li tipprovdi għal din il-firma bl-idejn.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.