Language of document : ECLI:EU:C:2024:179

Kawża C606/21

Doctipharma SAS

vs

Union des Groupements de pharmaciens d’officine (UDGPO)
u
Pictime Coreyre

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour d’appel de Paris)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Artikolu 85c – Kamp ta’ applikazzjoni – Bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja – Persuni awtorizzati jew intitolati li jbigħu prodotti mediċinali mill-bogħod lill-pubbliku – Fakultà, għall-Istati Membri, li jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għall-provvista bl-imnut, fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti mediċinali mibjugħa online – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Direttiva (UE) 2015/1535 – Servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttivi 98/34 u 2015/1535 – Servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kunċett – Servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja – Inklużjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, il-punt 2 tal-Artikolu 1, 2000/31, Artikolu 2(a), u 2015/1535, Artikolu 1(1)(b))

(ara l-punti 27, 29 sa 33, 35, 38, u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83 – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika obbligatorja – Persuni awtorizzati jew intitolati li jbigħu prodotti mediċinali mill-bogħod lill-pubbliku – Fakultà, għall-Istati Membri, li jipprojbixxu l-provvista ta’ servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ sit internet, ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/83, kif emendata bid-Direttiva 2011/62, Artikolu 85c)

(ara l-punti 45, 48 sa 55, 57, u d-dispożittiv 2)


Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-limiti tal-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” u tat l-elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettu li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni minn Stat Membru ta’ servizz ipprovdut permezz ta’ sit internet u li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti, għall-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika (iktar ’il quddiem is-“servizz ipprovdut”).

Doctipharma fasslet is-sit internet www.doctipharma.fr, li fuqu l-utenti tal-internet setgħu jixtru, minn siti ta’ spiżeriji, prodotti farmaċewtiċi u prodotti mediċinali mingħajr riċetta.

Fuq dan is-sit, l-ispiżjara kienu jissottoskrivu għall-pjattaforma ta’ bejgħ online, permezz ta’ abbonament ta’ kull xahar imħallas lil Doctipharma, u l-klijenti kellhom joħolqu kont klijent sabiex ikollhom aċċess għas-siti tal-ispiżjara tal-għażla tagħhom.

Peress li l-Union des Groupements de pharmaciens d’officine (L-Unjoni tal-Gruppi ta’ Spiżjara ta’ Spiżjara) (UDGPO) qieset li din il-prattika kienet tinvolvi lil Doctipharma fil-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali, ħarrket lil din tal-aħħar quddiem it-tribunal de commerce de Nanterre (il-Qorti Kummerċjali ta’ Nanterre, Franza), li kkonstatat in-natura illegali tas-sit internet u ordnat lil Doctipharma twaqqaf l-attività tagħha. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) annullat is-sentenza tal-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza) li annullat is-sentenza tal-ewwel istanza. Hija qieset li, billi qiegħdet f’kuntatt spiżjara ta’ spiżeriji u pazjenti potenzjali, Doctipharma kellha rwol ta’ intermedjarja fil-bejgħ ta’ prodotti mediċinali mingħajr riċetta u kienet ipparteċipat fil-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali, mingħajr, madankollu, ma kellha l-kwalità ta’ spiżjar meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hija bagħtet lura l-kawża quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ.

Fid-dawl tad-diversi approċċi adottati mill-qrati Franċiżi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/34 (1), sabiex tiddetermina jekk is-servizz ipprovdut jaqax taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, u dwar dak tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 (2), sabiex isir magħruf jekk l-Istati Membri jistgħux, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jipprojbixxu l-provvista tas-servizz inkwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex servizz jiġi kklassifikat bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” għall-finijiet tad-Direttivi 98/34 u 2015/1535 (3), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset qabelxejn li huwa irrilevanti, minn naħa, li Doctipharma kienet tħallset mill-ispiżjara li kienu jissottoskrivu għall-pjattaforma tagħha, abbażi ta’ rata fissa, u, min-naħa l-oħra, li s-servizz ipprovdut minnha kien is-suġġett ta’ abbonament mensili li kien jitħallas lilha mill-ispiżjara u ta’ trasferiment mill-ġdid ta’ perċentwali tal-ammont tal-bejgħ, meħud mill-pjattaforma, peress li dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġu pprovati, jimplikaw li s-servizz inkwistjoni għandu jitqies li jissodisfa l-kundizzjoni li jiġi pprovdut bi ħlas. Sussegwentement, il-klassifikazzjoni tas-servizz inkwistjoni bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tirriżulta wkoll mill-fatt li dan isir permezz ta’ sit internet li ma jeħtieġx il-preżenza simultanja tal-fornitur tas-servizz u tal-klijent jew tal-ispiżjar, kif ukoll mill-fatt li s-servizz huwa pprovdut fuq talba individwali tal-ispiżjara u tal-klijenti.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li servizz, ipprovdut fuq sit internet, li jqiegħed f’kuntatt spiżjara u klijenti għall-bejgħ, mis-siti ta’ spiżeriji li ssottoskrivew għal dan is-servizz, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal preskrizzjoni medika, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprojbixxu tali servizz ta’ intermedjazzjoni skont l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex jiddeterminaw il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati jew intitolati li jipprovdu, mill-bogħod, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, prodotti mediċinali lill-pubbliku.

Hija qieset li l-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 jimponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika jekk il-fornitur tas-servizz inkwistjoni għandux jitqies li huwa limitat, permezz ta’ provvista proprja u distinta mill-bejgħ, li jqiegħed f’kuntatt bejjiegħa ma’ klijenti, jew jekk dan il-fornitur għandux jitqies li huwa huwa stess fornitur tal-bejgħ.

F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, jekk, fi tmiem din l-analiżi, Doctipharma, titqies li hija hija stess fornitur tal-bejgħ, allura l-Artikolu 85c(1)(a) ma jipprekludix il-projbizzjoni ta’ dan is-servizz mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita. Fil-fatt, Stat Membru jista’ jirriżerva l-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku, permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ta’ prodotti mediċinali mingħajr riċetta, lill-persuni li għandhom il-kwalità ta’ spiżjar biss.

Għall-kuntrarju, jekk jirriżulta li Doctipharma tipprovdi servizz tagħha stess u distint mill-bejgħ, allura s-servizz ipprovdut ma jkunx jista’ jiġi pprojbit abbażi tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 u ma jkunx jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet għall-provvista bl-imnut” ta’ prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku. Fil-fatt, is-servizz ipprovdut għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Issa, l-Artikolu 85c(1) jipprevedi espliċitament li, bla ħsara għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti mediċinali jiġu offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għaldaqstant, ikun inkoerenti li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ tali servizz jista’ jiġi pprojbit mill-Istati Membri.


1      Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 174, p. 74, rettifika fil-ĠU 2018, L 29, p. 50).


3      Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), huma fformulati b’mod identiku. Dawn l-artikoli jiddefinixxu l-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” abbażi ta’ erba’ kundizzjonijiet: “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.