Language of document : ECLI:EU:C:2024:181

Kawża C299/22

M. D.

vs

“Tez Tour” UAB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Vjaġġi kollox kompriż u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 12(2) – Dritt għal vjaġġatur li jxolji kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż tax-xoljiment – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Tixrid tal-COVID‑19 – Assenza ta’ rakkomandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir kontra l-ivvjaġġar – Kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-vjaġġatur ikkonċernat – Konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kollox kompriż jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni – Ċirkustanzi eżistenti jew prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat – Possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li jseħħu fil-post tat-tluq jew tar-ritorn kif ukoll f’postijiet oħra”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vjaġġi kollox kompriż u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva 2015/2302 – Terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriża – Dritt għax-xoljiment tal-kuntratt mingħajr spejjeż – Konstatazzjoni tal-okkorrenza, fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Kundizzjoni – Pubblikazzjoni ta’ rakkommandazzjoni uffiċjali intiża sabiex tagħti parir kontra l-ivvjaġġar jew ta’ deċiżjoni uffiċjali li tikklassifika ż-żona kkonċernata bħala żona ta’ riskju – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, punt 12 tal-Artikolu 3 u Artikolu 12(2))

(ara l-punti 31 sa 36, 40, 44 u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vjaġġi kollox kompriż u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva 2015/2302 – Xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriża – Dritt għax-xoljiment tal-kuntratt mingħajr spejjeż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni ta’ vjaġġ kollox kompriż jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni – Kunċett – Ċirkustanzi li jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriża – Ċirkustanzi li jesponi lill-vjaġġaturi kkonċernati għal riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom waqt l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriża – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-vjaġġaturi – Inklużjoni – Mument tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriża jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni – Vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, Artikolu 12(2))

(ara l-punti 48, 53 sa 62, 65 sa 72, u d-dispożittiv 2)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vjaġġi kollox kompriż u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva 2015/2302 – Xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriża – Dritt għax-xoljiment tal-kuntratt mingħajr spejjeż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Kunċett – Sitwazzjoni magħrufa mill-vjaġġatur jew prevedibbli għalih fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt – Esklużjoni – Sitwazzjoni li għaddiet minn evoluzzjonijiet wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt – Sitwazzjoni ġdida – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, Artikolu 12(2))

(ara l-punti 74 sa 76, 79 sa 81, 83, u d-dispożittiv 3)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vjaġġi kollox kompriż u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva 2015/2302 – Xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriża – Dritt għax-xoljiment tal-kuntratt mingħajr spejjeż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu – Konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kollox kompriż jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi li jseħħu fil-post tat-tluq kif ukoll fid-diversi postijiet marbuta mal-bidu u mar-ritorn tal-vjaġġ ikkonċernat – Kundizzjoni – Konsegwenzi li jaffettwaw l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, Artikolu 12(2))

(ara l-punti 90 sa 95, u d-dispożittiv 4)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar id-dritt tal-vjaġġaturi li jxolju mingħajr spejjeż kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż fil-preżenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji (1), fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

Fl-10 ta’ Frar 2020, M. D. ikkonkluda ma’ Tez Tour kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li permezz tiegħu din tal-aħħar intrabtet li torganizza, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, vjaġġ għall-vaganzi lejn l-Emirati Għarab Magħquda matul il-perijodu mill-1 sat-8 ta’ Marzu 2020. Il-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat kien jinkludi, b’mod partikolari, titjira bir-ritorn bejn Vilnius (il-Litwanja) u Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) kif ukoll soġġorn ta’ seba’ ljieli f’lukanda.

Fis-27 ta’ Frar 2020, M. D. informa lil Tez Tour li huwa xtaq, minħabba r-riskju sanitarju marbut mat-tixrid tal-COVID‑19, ixolji l-imsemmi kuntratt. Tez Tour irrifjutat it-talba tiegħu. Għaldaqstant, M. D. adixxa lill-qrati kompetenti, billi invoka ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fil-post tad-destinazzjoni tal-vjaġġ organizzat jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, li jistgħu jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni, b’sigurtà sħiħa, ta’ dan il-vjaġġ jew it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni tiegħu, b’mod partikolari mingħajr ma dawn tal-aħħar ma jkunu esposti għal inkonvenjenzi jew għal riskji sanitarji. Dawn it-talbiet ġew miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

Adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn M. D., il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż, fejn stednitha tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom vjaġġatur jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva (2), f’kuntest fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu ppubblikaw biss fit-12 ta’ Marzu 2020, jiġifieri wara x-xoljiment, rakkomandazzjoni indirizzata lill-vjaġġaturi intiża sabiex tħeġġiġhom jipposponu, matul ix-xhur li ġejjin, il-vjaġġi kollha tagħhom barra mill-pajjiż, inkluż l-Emirati Għarab Magħquda minħabba l-pandemija tal-COVID‑19.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-konstatazzjoni tal-okkorrenza, fil-post tad-destinazzjoni ta’ vjaġġ jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” (3), fis-sens tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriża (4), ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ppubblikaw rakkomandazzjoni uffiċjali intiża li tagħti parir lill-vjaġġaturi sabiex ma jmorrux fiż-żona kkonċernata jew deċiżjoni uffiċjali li tikklassifika din iż-żona bħala “żona ta’ riskju”. Qabelxejn, tali rekwiżit imur kontra n-natura u l-bażi stess tal-adozzjoni ta’ tali rakkomandazzjonijiet jew ta’ tali deċiżjonijiet, li jippreżupponu, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ riskji sanitarji jew oħrajn, li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” (5). Sussegwentement, tali rekwiżit jista’ jippreġudika l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex mid-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż, billi l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ tali rakkomandazzjoni jew ta’ tali deċiżjoni ma humiex uniformi fid-diversi Stati Membri. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit tal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet jew ta’ deċiżjonijiet uffiċjali f’dan ir-rigward jista’ jirrendi impossibbli l-eżerċizzju tad-dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż (6), sa fejn, speċifikament, l-imsemmija ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji jistgħu jeżistu indipendentement mill-adozzjoni ta’ kull rakkomandazzjoni jew deċiżjoni uffiċjali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha, l-ewwel nett, fuq il-kwistjoni ta’ liema tip ta’ ċirkustanzi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji [...] li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni” (7). B’hekk, hija nnotat li d-dritt għal xoljiment ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ħlas tal-ispejjeż tax-xoljiment ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li jkunu seħħew ċirkustanzi li jirrendu oġġettivament impossibbli l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat jew it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni. F’dan is-sens, kriżi sanitarja, bħalma huwa t-tixrid tal-COVID‑19, tista’, fid-dawl tar-riskju serju li hija tirrappreżenta għas-saħħa tal-bniedem, titqies li għandha “konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kollox kompriż jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni”, indipendentement mill-fatt li ma tkunx neċessarjament ta’ natura li tirrendi din l-eżekuzzjoni oġġettivament impossibbli.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali konsegwenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li fatturi personali relatati mas-sitwazzjoni individwali tal-vjaġġaturi, bħall-fatt li dawn jivvjaġġaw ma’ tfal ta’ età żgħira jew li jappartjenu għal grupp ta’ riskju ogħla, jista’ jkollhom effett fuq il-gravità tal-konsegwenzi li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji invokati minn vjaġġatur, sakemm dawn ikunu ta’ natura oġġettiva. Dawn l-istess fatturi jistgħu fil-fatt ikollhom effett fuq il-possibbiltà li jiġi eżegwit, f’kundizzjonijiet tajba, il-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat. Madankollu, tali fatturi personali ma humiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jiġġustifikaw li l-vjaġġatur ikkonċernat jeżerċita d-dritt tiegħu li jxolji kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż mingħajr ma jħallas l-ispejjeż tax-xoljiment. Għall-kuntrarju, dawn il-fatturi huma rilevanti biss meta jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi oġġettivament marbuta mal-okkorrenza ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji [...] li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni” tal-vjaġġ ikkonċernat ikopri wkoll ċirkustanzi li jimplikaw li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi vjaġġ ma tkunx tista’ sseħħ mingħajr ma l-vjaġġaturi kkonċernati jiġu esposti għal riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tagħhom, fid-dawl, jekk ikun il-każ, ta’ fatturi personali marbuta mas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn il-vjaġġaturi.

It-tieni nett, meta ppronunzjat ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq “pronjosi” fir-rigward tal-probabbiltà li ċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji invokati mill-vjaġġatur ikkonċernat ikollhom tali konsegwenzi fuq l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż. Fil-fatt, peress li dawn il-konsegwenzi jimmanifestaw ruħhom b’mod definittiv biss waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-vjaġġ kollox kompriż, l-evalwazzjoni tagħhom, fil-mument tax-xoljiment, hija neċessarjament ta’ natura prospettiva. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni ta’ tali konsegwenzi għandha ssir billi titqies, fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat, il-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-termini “inevitabbli u straordinarji” (8) jindikaw, fihom innifishom, li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” jkopri biss sitwazzjonijiet li, minn naħa, ma kinux jeżistu fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u, min-naħa l-oħra, kienu imprevedibbli. B’hekk, ċirkustanzi diġà magħrufa mill-vjaġġatur ikkonċernat jew prevedibbli għalih f’din id-data ma jistgħux jiġu invokati minn dan il-vjaġġatur abbażi tal-imsemmi kunċett u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżerċizzju tad-dritt li jxolji tali kuntratt mingħajr ma jħallas l-ispejjeż tax-xoljiment. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni eżistenti jew prevedibbli fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, iżda evoluttiva ħafna, ma jistax jiġi eskluż li tali sitwazzjoni kellha, wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, żviluppi sinjifikattivi, b’tali mod li saret differenti minn dik li l-vjaġġatur ikkonċernat kellu għarfien tagħha jew li seta’ raġonevolment ippreveda meta kkonkluda l-imsemmi kuntratt. F’każ bħal dan, dawn l-iżviluppi jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni ġdida, li tista’ tissodisfa bħala tali d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-post fejn il-konsegwenzi kkawżati minn ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji għandhom iseħħu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta dawn il-konsegwenzi jestendu lil hinn mill-post tad-destinazzjoni sabiex jintlaħqu, b’mod partikolari, il-post tat-tluq jew tar-ritorn jew il-postijiet tal-waqfiet u tal-konnessjonijiet tal-vjaġġ, dawn jistgħu jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat. F’dan ir-rigward, dawn għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari possibbli li jiġu adottati miżuri fil-post tat-tluq minħabba ċirkustanzi li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni, bħal miżuri li jissuġġettaw lill-vjaġġaturi ta’ ritorn lejn il-post tat-tluq għal restrizzjonijiet, li jistgħu għalhekk jiġu integrati fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikkonċernat.


1      Previst mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż”).


2      Skont din id-dispożizzjoni “Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”.


3      Dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”.


4      U b’mod partikolari tal-punt 12 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.


5      Fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż.


6      Previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż.


7      Fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż.


8      Li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż.