Language of document : ECLI:EU:C:2024:195

Kawża C-392/22

X

vs

Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari,
għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ Frar 2024

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Riskji ta’ trattament inuman jew degradanti – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 3(2) – Portata tal-obbligi tal-Istat Membru li talab it-teħid lura tal-applikant mill-Istat Membru responsabbli u li jixtieq jipproċedi għat-trasferiment tal-applikant lejn dan l-aħħar Stat Membru – Prinċipju ta’ fiduċja reċiproka – Mezzi u livell ta’ prova tar-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, li jirriżulta minn nuqqasijiet sistemiċi – Prattiki ta’ ritorn lura sommarju (pushback) lejn pajjiż terz u ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Ir-Regolament Nru 604/2013 – Trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ser ikunu rrispettati minn dan l-aħħar Stat – Assenza

(Artikolu 2 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 1 u 4; regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013)

(ara l-punti 43-46)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Aċċess għall-proċedura – Prattiki ta’ ritorn lura sommarju (pushback) lejn pajjiż terz – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 18 u 19(2); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, premessa 3; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 6)

(ara l-punti 50 sa 53)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Ir-Regolament Nru 604/2013 – Detenzjoni – Motivi – Detenzjoni għas-sempliċi raġuni li jkun intalab protezzjoni internazzjonali – Inammissibbiltà – Miżura li tista’ tiġi ordnata jew estiża biss b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 6; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, premessa 20; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, premessa 15)

(ara l-punti 54-56)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Ir-Regolament Nru 604/2013 – Trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Ċirkustanzi li jeskludu t-trasferiment – Nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti fl-Istat Membru responsabbli, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti – Stat Membru responsabbli li wettaq prattiki ta’ ritorn fil-qosor u ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera – Prattiki li jostakolaw it-trasferiment f’każ ta’ riskju reali li l-applikant jitqiegħed f’sitwazzjoni li tista’ tiġi assimilata ma’ trattament inuman jew degradanti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2))

(ara l-punti 57 sa 65, u d-dispożittiv 1)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Ir-Regolament Nru 604/2013 – Trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Ċirkustanzi li jeskludu t-trasferiment – Nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti fl-Istat Membru responsabbli, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti – Obbligi tal-Istat Membru rikjedenti fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju – Possibbiltà li wieħed ifittex li jikseb mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali li jeskludu tali riskju

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 (2), l-Artikolu 2 (5), l-Artikolu 21 (3) u l-Artikolu 22 (2) sa (5))

(ara l-punti 67 sa 81, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’ s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-portata tal-obbligi tal-Istat Membru li jitlob it-teħid lura tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ din it-talba fis-sitwazzjoni fejn dan l-aħħar Stat jirrikorri għal prattiki bħar-ritorn lura sommarju (1) (“pushback”) u d-detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera.

Fid-9 ta’ Novembru 2021, X, ċittadin Sirjan, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Polonja. Sussegwentement, fl-21 ta’ Novembru 2021, huwa daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn, l-għada, huwa ppreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali. Fl-1 ta’ Frar 2022, il-Polonja laqgħet l-applikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għat-teħid lura ta’ X skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III (2). Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2022, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) ma ħax inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li l-Polonja kienet responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, u ċaħad l-argumenti invokati minn X sabiex jopponi t-trasferiment tiegħu.

X adixxa lill-qorti tar-rinviju b’rikors kontra din id-deċiżjoni, intiż sabiex jikseb il-projbizzjoni tat-trasferiment tiegħu lejn il-Polonja billi sostna, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet Pollakki kisru d-drittijiet fundamentali tiegħu. Skont l-affermazzjonijiet tiegħu, huwa kien, minn naħa, is-suġġett ta’ tliet ritorni lura sommarji lejn il-Bjelorussja wara d-dħul tiegħu fit-territorju Pollakk. Min-naħa l-oħra, huwa nżamm f’detenzjoni għal madwar ġimgħa fiċ-ċentru tal-gwardji tal-fruntieri fejn kien suġġett għal trattament ħażin ħafna, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ ikel u l-assenza ta’ kull kontroll mediku. X jindika biża’ li d-drittijiet fundamentali tiegħu jinkisru mill-ġdid jekk jiġi ttrasferit lejn il-Polonja.

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata turi li l-Polonja tikser b’mod sistematiku u ripetut, għal diversi snin, diversi drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi billi tagħmel ritorni lura sommarji, regolarment akkumpanjati minn użu ta’ vjolenza, u billi żżomm sistematikament u taħt kundizzjonijiet ikklassifikati bħala “terribbli” liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu illegalment fit-territorju tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk il-fatt li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jipproċedi, fir-rigward ta’ tali ċittadini li jfittxu li jippreżentaw tali applikazzjoni fil-fruntiera tiegħu, b’ritorni lura sommarji kif ukoll b’detenzjonijiet bejn il-fruntieri tiegħu jipprekludix it-trasferiment ta’ dan iċ-ċittadin lejn dan l-Istat Membru. Hija talbet ukoll, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-riskju għal dan iċ-ċittadin li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, qabelxejn, li prattiki ta’ ritorn lura sommarju u miżuri ta’ detenzjoni għal postijiet tal-fruntiera bħal dawk ikkonstatati f’dan il-każ mill-qorti tar-rinviju huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u jikkostitwixxu nuqqasijiet serji fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti. Fil-fatt, minn naħa, il-prattika ta’ ritorn lura sommarju tikser l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 (3), li huwa wieħed mill-pedamenti tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil (4). Min-naħa l-oħra, din tista’ tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (5), kif ukoll l-Artikolu 19(2) tal-Karta. Fir-rigward tal-prattika ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, il-premessa 15 tad-Direttiva 2013/33/UE(6), kif ukoll il-premessa 20 tar-Regolament Dublin III, ifakkru l-prinċipju li ħadd ma għandu jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa japplika għal protezzjoni internazzjonali.

Madankollu, il-fatt li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għamel ritorni lura sommarji kif ukoll detenzjonijiet fil-punti ta’ bejn il-fruntieri tiegħu ma jipprekludix, fih innifsu, it-trasferiment ta’ dan iċ-ċittadin lejn dan l-Istat Membru. Fil-fatt, sabiex dan it-trasferiment jiġi eskluż, in-nuqqasijiet ikkonstatati għandhom jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, li jipprovdi li huma biss id-difetti “sistemiċi” li “jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal- [Karta]” tagħmel tali trasferiment impossibbli (7). Minn dan jirriżulta li, minn naħa, in-nuqqasijiet ikkonstatati għandhom jikkonċernaw, b’mod ġenerali, il-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza applikabbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew, tal-inqas, għal ċerti gruppi ta’ dawn l-applikanti kkunsidrati flimkien. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kien ser jgħaddi, waqt it-trasferiment jew wara t-trasferiment, minn riskju reali li jkun suġġett għall-prattiki msemmija iktar ’il fuq u li dawn jistgħu jqegħduh f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema ta’ gravità tali li tista’ tiġi assimilata ma’ trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta.

Fir-rigward tal-livell u tas-sistema ta’ prova li tippermetti li tiskatta l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, hemm lok, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet partikolari f’din id-dispożizzjoni, li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet ġenerali u għall-istruttura ta’ dan ir-regolament.

Minn dan jirriżulta li, l-ewwel nett, l-Istat Membru li jixtieq jittrasferixxi applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli għandu, qabel ma jkun jista’ jwettaq dan it-trasferiment, jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li jipprovdilu l-imsemmi applikant u li hija rilevanti sabiex issir din id-determinazzjoni b’mod korrett, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ riskju reali li jiġi suġġett, fil-mument jew wara l-imsemmi trasferiment, għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

It-tieni nett, l-Istat Membru li jkun talab it-teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jikkoopera fl-istabbiliment tal-fatti billi jevalwa r-realtà ta’ dan ir-riskju, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, u fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi jieħu inkunsiderazzjoni, fuq inizjattiva tiegħu stess, l-informazzjoni rilevanti li huwa ma jistax jinjora fir-rigward ta’ eventwali nuqqasijiet sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli.

It-tielet nett, fil-każ ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil wieħed jemmen li jeżisti riskju reali ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ ta’ trasferiment, dan l-Istat Membru għandu jastjeni milli jwettaq dan it-trasferiment. F’tali każ, l-Istat Membru inkarigat mid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandu jkompli bl-eżami tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nnominat bħala responsabbli.

Madankollu, l-Istat Membru li jixtieq jipproċedi bit-trasferiment jista’ jfittex li jikseb mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali li jkunu suffiċjenti sabiex jeskludi r-riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ trasferiment u, jekk tali garanziji jkunu pprovduti u jidhru kemm kredibbli kif ukoll suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull riskju reali ta’ tali trattamenti, jipproċedi bit-trasferiment.


1      Il-prassi ta’ rinviju sommarja fil-fruntieri esterni tal-Unjoni twassal għall-esklużjoni mit-territorju tal-Unjoni ta’ persuni li jfittxu li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li jwarrbuhom minn dan it-territorju qabel ma tali applikazzjoni, ippreżentata mad-dħul tal-imsemmi territorju, tkun is-suġġett tal-eżami previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.


2      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).


3      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


4      Din id-dispożizzjoni timplika li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu d-dritt li jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntieri ta’ Stat Membru, billi juri r-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali quddiem waħda mill-awtoritajiet imsemmija f’din l-istess dispożizzjoni, anki jekk ikun qed jirrisjedi b’mod irregolari f’dan it-territorju u irrispettivament mill-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ tali applikazzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni qabel applikazzjoni għall-ażil), C-823/21, EU:C:2023:504, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.


6      Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


7      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi: “Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal- tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli”.