Language of document : ECLI:EU:T:2015:667

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Settembru 2015 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑161/13,

First Islamic Investment Bank Ltd, stabbilita fi Labuan (il-Malasja), irrappreżentata minn B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn Á. de Elera-San Miguel Hurtado u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 71), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 55), u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jżomm il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttiġieġ, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, First Islamic Investment Bank Ltd, hija bank Malasjan.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        L-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 356, p. 71).

4        Konsegwentement, l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 55).

5        L-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fuq dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi tagħha u tar-riżorsi ekonomiċi tagħha.

6        Sa fejn ir-rikorrenti hija kkonċernata, id-Deċiżjoni 2012/829 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 huma mmotivati kif ġej:

“First Islamic Investment Bank (FIIB) qed tassisti entitajiet magħżula biex jiksru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-UE dwar l-Iran u qed tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-gvern tal-Iran. FIIB hija parti mill-Grupp Sorinet, proprjetà u mmexxija minn Babak Zanjani. Hija qed tintuża biex jiġu ttrasferiti ħlasijiet Iranjani relatati maż-żejt.”

7        Fit-22 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/829 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 (ĠU C 398, p. 8).

8        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u dwar dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

9        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti kkontestat il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isimha u talbet lill-Kunsill biex jagħmel eżami mill-ġdid. Hija rrepetiet t-talba tagħha permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2013, li fiha talbet ukoll li jkollha aċċess għall-informazzjoni u provi li juru l-imsemmija inklużjoni.

10      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill wieġeb it-talba ta’ eżami mill-ġdid tar-rikorrenti. Huwa speċifika, f’din l-okkażjoni, li l-motivi tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u dwar dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 kienu korretti u li l-imsemmija inklużjoni kellha, konsegwentement, tinżamm.

11      Fil-15 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ippubblika avviż għall-attenzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament Nru 267/2012 (ĠU C 77, p. 1). Konformement ma’ dan l-avviż, l-imsemmija miżuri inklużi dawk li jsemmu r-rikorrenti kellhom ikomplu japplikaw.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

13      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fit-23 ta’ Settembru 2013.

14      Fil-25 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti adottat it-talbiet tagħha billi talbet għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jżomm il-miżuri restrittivi li jikkonċernawha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni taż-żamma”), li tinsab fl-Avviż tal-15 ta’ Marzu 2014.

15      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2014, biex jirrispondu bil-miktub għal xi mistoqsijiet u jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-Kunsill u r-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom fit-12 ta’ Novembru 2014.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tikkomunika lill-Qorti Ġenerali kopja tal-ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2014, bil-għan tal-inklużjoni tagħha għall-proċess. Il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet fuq l-ittra inkwistjoni.

17      Ir-rikorrenti kkonformat mat-talba tal-Qorti Ġenerali fformulata waqt is-seduta fit-terminu mogħti għal dan il-għan.

18      Fit-22 ta’ Diċembru 2014, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali għalaq il-proċedura orali.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punt I tal-Anness tad-Deċiżjoni2012/829, sa fejn jikkonċernaha;

–        tannulla l-punt I tal-Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012, sa fejn jikkonċernaha;

–        tannulla d-deċiżjoni taż-żamma;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli għaliex ġie ppreżentat barra mit-terminu. Fil-fatt, skont huwa, mis-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, Ġabra, EU:C:2013:258), jirriżulta li t-terminu tar-rikors kontra atti li jipprovdu miżuri restrittivi individwali, previst fl-Artikolu 263 TFUE, jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, li japplika l-komunikazzjoni tal-atti inkwistjoni lill-persuni u entitajiet ikkonċernati. F’dan il-każ, peress li l-avviż li kien jikkonċerna l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi kkonċernati ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-22 ta’ Diċembru 2012, it-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE, miżjud darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, skada fl-4 ta’ Marzu 2013, jiġifieri għaxart ijiem qabel l-preżentata tar-rikors, li seħħ fl-14 ta’ Marzu 2013.

22      Ir-rikorrenti tirrispondi, b’mod partikolari, li s-soluzzjoni stabbilita fis-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:2013:258), ma hijiex applikabbli ladarba, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ġiet segwita minn notifikazzjoni individwali tal-atti kkontestati għalih.

23      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament għandu jibda fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ.

24      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, dan it-terminu tar-rikors għandu jiżdied darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

25      Fir-rigward tal-atti li bihom ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi li jirrigwardaw lil persuna jew lil entità, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssir lil din l-istess persuna jew entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gbagbo et vs Il‑Kunsill, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2013:258, punti 55 u 59).

26      Skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413 u l-Artikolu 46(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, meta l-indirizz tal-persuna jew tal-entità kkonċernata jkun magħruf, il-Kunsill għandu jikkomunikalha l-atti kkonċernati direttament.

27      F’dan il-każ, l-indirizz tar-rikorrenti kien neċessarjament magħruf mill-Kunsill, ladarba ġie indikat fid-Deċiżjoni 2012/829 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012.

28      Konsegwentement, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dawn it-tnejn tal-aħħar jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni individwali tagħhom lir-rikorrenti, jiġifieri mid-data li fiha l-ittra tal-Kunsill tat-3 ta’ Jannar 2013 ġiet rrinvijata lilha.

29      F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kunsill jinvoka t-tardività tar-rikors, dan għandu jipprova d-data li fiha l-ittra tat-3 ta’ Jannar 2013 ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il‑Kummissjoni, 108/79, Ġabra, EU:C:1980:146, punt 7).

30      Sabiex tiġi stabbilita d-data tal-komunikazzjoni inkwistjoni, il-Kunsill ippreżenta xi elementi li minnhom jirriżulta li huwa bagħat l-ittra tat-3 ta’ Jannar 2013 lit-tliet indirizzi tar-rikorrenti, inkluża dik indikata fl-att. Huwa ppreżenta wkoll il-konferma ta’ rċevuta ta’ waħda mit-tliet ittri, bid-data tal-4 ta’ Jannar 2013. Huwa jippreżumi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li, anki jekk il-konferma ta’ rċevuta taż-żewġ ittri l-oħra ma ġewx irritornati lilu, dawn tal-aħħar ġew irrinvijati lid-destinatarju “fl-istess data jew f’data qrib ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31      Ir-rikorrenti tallega li l-ittra tat-3 ta’ Jannar 2013 ġiet trażmessa lilha permezz ta’ sempliċi ittra u li, konsegwentement, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi d-data preċiża tal-komunikazzjoni tagħha.

32      Għandu jiġi rrimarkat li, għalkemm il-konferma ta’ rċevuta ppreżentata mill-Kunsill tindika d-data tal-4 ta’ Jannar 2013, ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti li din id-data hija d-data tal-komunikazzjoni effettiva tal-ittra tat-3 ta’ Jannar 2013 lir-rikorrenti.

33      Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-arranġament tal-oqsma differenti tal-konferma ta’ rċevuta inkwistjoni, jidher li d-data indikata ma hijiex dik tat-tentattiv tar-rinviju tal-ittra lid-destinatarju, iżda dik tad-depożitu tagħha fil-posta. Dan huwa iktar u iktar il-każ li huwa estremament improbabbli li ittra bid-data tat-3 ta’ Jannar 2013 fi Brussell (il-Belġju) tista’ tintbagħat bil-posta Belġjana, ittrasportata fil-Malasja u kkunsinnata fid-destinazzjoni mill-posta Malasjana f’temp ta’ ġurnata.

34      Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-konferma ta’ rċevuta ppreżentata mill-Kunsill tikkonċerna indirizz li ma huwiex dak indikat mir-rikorrenti fl-att u ssemmi tentattiv ta’ rinviju bla eżitu, peress li l-posta Malasjana indikat li d-destinatarju kien “telaq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill naqas milli jistabbilixxi d-data li fiha l-ittra tat-3 ta’ Jannar 2013 kienet ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti.

36      Barra minn hekk, għandu jiġi rrimarkat li, jekk id-data tal-4 ta’ Jannar 2013, invokata mill-Kunsill, tinżamm bħala l-punt tat-tluq tat-terminu tar-rikors, dan tal-aħħar jiskadi fl-14 ta’ Marzu 2013, liema ħaġa timplika li r-rikors, ippreżentat fl-istess jum, ġie ppreżentat, f’kull ipoteżi, fit-terminu.

37      B’hekk għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill.

 Fuq il-mertu

38      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel motiv, fuq żball ta’ evalwazzjoni, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu u, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

39      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-motivi tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

40      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball tal-evalwazzjoni billi adotta l-miżuri restrittivi li jsemmuha u tikkontesta l-fondatezza tal-motivi meqjusa fir-rigward tagħha.

41      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

42      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att li jipprovdi miżuri restrittivi li huma intiżi għal persuna jew entità jeżiġi wkoll li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-att inkwistjoni, ikun ibbażat fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmi att, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew għall-inqas wieħed minnhom, jitqiesx li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, Ġabra, EU:C:2013:775, punti 58, 59 u 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Hija, fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha l-obbligu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għandu jitfakkar li l-motivi li ġejjin ġew meqjusa mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrenti:

“First Islamic Investment Bank (FIIB) qed tassisti entitajiet magħżula biex jiksru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-UE dwar l-Iran u qed tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-gvern tal-Iran. FIIB hija parti mill-Grupp Sorinet, proprjetà u mmexxija minn Babak Zanjani. Hija qed tintuża biex jiġu ttrasferiti ħlasijiet Iranjani relatati maż-żejt. ”

46      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill ma pprovax li hija kisret il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew li kienet ġabet sostenn lill-Gvern Iranjan. Hija tispeċifika, f’dan il-kuntest, li, peress li kienet miżmuma mill-kumpannija tadjike Arzish, hija ma ntrabtitx mal-Gvern Iranjan u qatt ma wettqet tranżazzjonijiet ma’ kumpanniji Iranjani, lanqas tranżazzjonijiet relatati mal-allegati ħlasijiet marbutin maż-żejt mhux ipproċessat Iranjan.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kemm fl-atti tiegħu kif ukoll matul il-proċedura orali, il-Kunsill ma ppreżentax allegazzjonijiet konkreti jew provi intiżi li jistabbilixxu l-fondatezza tal-motivi li jipprovdu li r-rikorrenti tgħin entitajiet terzi biex jiksru l-leġiżlazzjoni applikabbli jew issostni l-Gvern Iranjan, billi sservi ta’ intermedjarja għall-ħlasijiet marbutin maż-żejt Iranjan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-motivi, li minnhom il-fondatezza hija kkontestata mir-rikorrenti, ma jistgħux jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi li huma intiżi lejha.

48      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta li ġiet miżmuma jew ikkontrollata mill-allegat Grupp Sorinet. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ma pprovax la l-eżistenza ta’ dan il-grupp, lanqas il-fatt li kien jeżerċita kontroll fuq ir-rikorrenti.

49      Il-Kunsill jirrispondi li jirriżulta mill-elementi annessi mar-risposta li, permezz tal-intermedjarju tal-Grupp Sorinet, ir-rikorrenti hija kkontrollata minn Babak Zanjani, li jġib sostenn għall-Gvern Iranjan.

50      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni u entitajiet li jġibu sostenn lill-Gvern Iranjan kif ukoll lill-entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew huma taħt il-kontroll tagħhom.

51      Permezz tad-Deċiżjoni 2012/829 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012, l-isem ta’ B. Zanjani ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, motiv meħud, b’mod partikolari, minħabba li kien iġib sostenn għall-Gvern Iranjan.

52      Il-motivazzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti “hija parti mill-Grupp Sorinet, proprjetà u mmexxija minn Babak Zanjani” tirreferi għall-fatt li hija l-proprjetà ta’ dan tal-aħħar jew tinsab taħt il-kontroll tiegħu, konformement mal-kriterju mfakkar fil-punt 50 iktar ’il fuq.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati l-elementi ppreżentati mill-Kunsill biex jiġi vverifikat jekk jippermettu li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienet il-proprjetà ta’ B. Zanjani fejn kienet tinsab taħt il-kontroll tiegħu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

54      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, minn senjalazzjoni ta’ aġenzija tal-istampa tadjike jirriżulta li, fl-2011, Arzish, kumpannija parent tar-rikorrenti, tbiddlet f’bank bl-isem ta’ Kont Bank Investment.

55      It-tieni nett, skont estratt mis-sit tal-internet ta’ Kont Bank Investment, din tal-aħħar hija miżmuma mill-kumpannija Torka Kont Kozmetik ve Diş Ticaret Limited Şirketi.

56      It-tielet nett, minn estratt mis-sit tal-internet ta’ Kont Kozmetik ve Diş Ticaret Limited Şirketi jirriżulta li hija tagħmel parti mill-Grupp Kont, li jinkludi kumpanniji attivi fil-qasam tat-turiżmu u tas-servizzi finanzjarji.

57      Ir-raba’ nett, l-estratt mis-sit tal-internet tal-Grupp Sorinet, minn naħa, jispeċifika li B. Zanjani huwa l-mexxej ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, jidentifika r-rikorrenti, il-kumpannija parent tagħha, Kont Bank Investment, kif ukoll membri oħrajn tal-Grupp Kont bħala jagħmlu parti mill-Grupp Sorinet.

58      Minn dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-elementi ppreżentati mill-Kunsill juru, għall-inqas, rabta ta’ kontroll bejn B. Zanjani u r-rikorrenti, permezz tal-intermedjarju ta’ Kont Kozmetik ve Diş Ticaret Limited Şirketi u ta’ Kont Bank Investment.

59      Barra minn hekk, sa fejn dawn l-elementi ġejjin mis-siti tal-internet ta’ aġenzija tal-istampa u tal-kumpanniji stess kkonċernati, għandu jiġi rikonoxxut lilhom saħħa probatorja suffiċjenti.

60      Ir-rikorrenti ssostni ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill ma pprovax l-eżistenza ta’ entità bl-isem ta’ Grupp Sorinet.

61      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-Kunsill, li l-isem inkwistjoni huwa użat effettivament fil-pubbliku biex jiġu identifikati d-diversi kumpanniji kkontrollati jew miżmuma minn B. Zanjani. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżumi li dan l-isem ma jikkorrispondix għal struttura legali konkreta u preċiża, din iċ-ċirkustanza hija ineffettiva inkwantu għall-eżistenza ta’ rabta bejn B. Zanjani u r-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punti 53 sa 59 iktar ’il fuq.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li ġustament il-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti kienet il-proprjetà ta’ B. Zanjani jew kienet tinsab taħt il-kontroll tiegħu. Sa fejn jirriżulta mill-punti 50 sa 53 iktar ’il fuq dan il-motiv huwa suffiċjenti fih innifsu biex jiġġustifika l-miżuri restrittivi intiżi għar-rikorrenti, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tagħha tad-difiża u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

64      Fl-ewwel lok, hija tispeċifika li l-motivi meqjusa fir-rigward tagħha huma fil-qosor wisq biex jissodisfaw l-obbligu tal-motivazzjoni, b’mod li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri restrittivi li huma intiżi lejha huma fondati. B’mod partikolari, il-Kunsill ma indikax is-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom hija kisret il-leġiżlazzjoni applikabbli jew li ġabet sostenn għall-Gvern Iranjan, lanqas ma jispeċifika n-natura tal-allegata relazzjoni tagħha mal-Grupp Sorinet.

65      Fit-tieni lok, minkejja t-talbiet espliċiti tagħha, ir-rikorrenti ma kisbitx, min-naħa tal-Kunsill, provi jew dokumenti li jsostnu l-allegazzjonijiet meqjusa fir-rigward tagħha.

66      Fit-tielet lok, il-ksur imsemmija iktar ’il fuq jimplikaw ukoll ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

67      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti, filwaqt li jammetti li t-talba għall-aċċess għall-fajl tagħha waslet li tiġi eżaminata.

68      Preliminarjament, għandu jiġi rrimarkat li l-ilment tar-rikorrenti fis-sens li l-Kunsill kiser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex sostnut minn argumenti speċifiċi, iżda sempliċement jirreferi għall-argumenti esposti fil-kuntest ta’ lmenti oħrajn. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għandux jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod awtonomu.

69      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, Ġabra, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Sa fejn il-persuna jew l-entità kkonċernata ma għandhiex dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ħafna iktar importanti, għaliex jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti li l-persuna kkonċernata, minn tal-inqas wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jidentifika l-motivi speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżura (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Madankollu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, għaliex in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa mmotivat suffiċjentement jekk ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Kunsill qies il-motivazzjoni li ġejja kontra r-rikorrenti:

“First Islamic Investment Bank (FIIB) qed tassisti entitajiet magħżula biex jiksru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-UE dwar l-Iran u qed tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-gvern tal-Iran. FIIB hija parti mill-Grupp Sorinet, proprjetà u mmexxi minn Babak Zanjani. Hija qed tintuża biex jiġu ttrasferiti ħlasijiet Iranjani relatati maż-żejt.”

76      Għandu jitfakkar ukoll li ġie kkonstatat fil-punt 47 iktar ’il fuq li l-motivi li jipprovdu li r-rikorrenti tgħin entitajiet terzi biex jiksru l-leġiżlazzjoni applikabbli, issostni l-Gvern Iranjan, jew isservi ta’ intermedjarja għall-ħlasijiet marbutin maż-żejt Iranjan ma jistgħux jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi li huma intiżi lejha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għandux iktar jiġi vverifikat jekk il-Kunsill osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn dawn l-allegazzjonijiet huma kkonċernati.

77      Fir-rigward tal-motiv irrelatat mar-rabtiet bejn ir-rikorrenti u B. Zanjani, il-motivazzjoni pprovduta hija suffiċjenti, peress li l-Kunsill identifika l-grupp li miegħu r-rikorrenti hija mistennija li tkun miżmuma jew ikkontrollata. Fil-fatt, kif turi l-argumentazzjoni tar-rikorrenti sostnuta fil-kuntest tal-ewwel motiv, din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni li tikkritika l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni, billi tikkontesta l-eżistenza tal-Grupp Sorinet u billi tinvoka li kienet miżmuma minn kumpannija tadjike. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-imsemmi motiv.

78      Konsegwentement, għandu jiċċaħħad l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-motiv irrelatat mar-rabtiet bejn ir-rikorrenti u B. Zanjani huwa kkonċernat.

79      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aċċess għall-fajl, għandu jitfakkar li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-provi mressqa kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Rec, EU:T:2013:397, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ terminu eżatt stabbilit mil-leġiżlazzjoni applikabbli, għandu jitqies li l-Kunsill huwa marbut li jagħti aċċess għad-dokumenti kkonċernati f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Bank Kargoshaei et vs Il‑Kunsill, T‑8/11, EU:T:2013:470, punt 93). Madankollu, matul l-eżami tan-natura raġonevoli tat-terminu li jkun ġie fi tmiemu, għandu jitqies il-fatt li, peress li l-persuna jew l-entità kkonċernata ma għandhiex dritt ta’ smigħ qabel l-inklużjoni inizjali tal-isem tagħha fil-listi ta’ persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi, l-aċċess għall-fajl imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq jikkostitwixxi l-ewwel opportunità għaliha li tieħu konjizzjoni tad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill insostenn tal-imsemmija inklużjoni u li, għaldaqstant, għandu interess partikolari għad-difiża tagħha.

81      F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet li jkollha aċċess għall-fajl fil-25 ta’ Frar 2013.

82      Il-Kunsill, ċertament, hemeż mar-risposta tiegħu, ippreżentata fl-4 ta’ Ġunju 2013, dokumenti relatati mar-rabtiet bejn ir-rikorrenti u B. Zanjani, li ġew trażmessi lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Madankollu, il-Kunsill ma jallegax li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti tikkostitwixxi risposta għat-talba għall-aċċess għall-fajl tar-rikorrenti. Bl-istess mod, l-ittra tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2014 tikkostitwixxi risposta għat-talba ta’ eżami mill-ġdid tar-rikorrenti, iżda mhux għat-talba tagħha ta’ aċċess għall-fajl.

83      Konsegwentement, u fid-dawl tar-risposta tal-Kunsill għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar ma rrispondietx għat-talba għall-aċċess għall-fajl tar-rikorrenti fid-data tas-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri iżjed minn 19-il xahar wara li ġiet ifformulata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

84      Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-assenza ta’ komunikazzjoni jew il-komunikazzjoni tardiva ta’ dokument li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqu sabiex jadotta jew iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw entità ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifikaw l-annullament tal-atti adottati preċedentement sakemm ma jiġix stabbilit li l-miżuri restrittivi kkonċernati ma setgħux jiġu adottati jew miżmuma fis-seħħ b’mod legali jekk id-dokument mhux ikkomunikat kellu jiġi skartat bħala prova kontra [sentenzi Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, punt 79 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 100, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Persia International Bank vs Il‑Kunsill, T‑493/10, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:398, punt 85].

85      F’dan il-każ, minn naħa, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/829 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 ma hija bbażata fuq ebda dokument ieħor ikkomunikat lir-rikorrenti f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, l-assenza ta’ aċċess għall-fajl timplika li hemm lok li jiġu annullati d-Deċiżjoni 2012/829 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012.

86      Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjoni taż-żamma ġiet preċeduta mit-trażmissjoni lir-rikorrenti tad-dokumenti mehmużin mar-risposta, relatati mar-rabtiet bejn ir-rikorrenti u B. Zanjani. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 48 sa 62 iktar ’il fuq, dawn id-dokumenti jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fondatezza ta’ motiv li jiġġustifika fih innifsu l-miżuri restrittivi li jsemmu r-rikorrenti.

87      Għaldaqstant, il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tar-rikorrenti ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni taż-żamma.

88      Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv fir-rigward tad-Deċiżjoni 2012/829 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 u li jiċċaħħad fir-rigward tad-deċiżjoni taż-żamma.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

89      Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri restrittivi li jsemmuha jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-ewwel lok, hija tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P et C‑415/05 P, Ġabra, EU:C:2008:461), minn fejn jirriżulta li ksur tal-imsemmi prinċipju jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet ta’ proċedura tagħha, allegati fil-kuntest tat-tieni motiv.

90      Fit-tieni lok, il-miżuri restrittivi għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-attivitajiet u r-reputazzjoni tar-rikorrenti, ladarba jipprevjenu attività ekonomika, peress li jikkawżalha dannu. Madankollu, tali konsegwenzi huma sproporzjonati, peress li l-miżuri inkwistjoni ma għandhomx rabta razzjonali mal-għan segwit mill-Kunsill, peress li dan tal-aħħar ma identifikax, lanqas stabbilixxa, kwalunkwe attività oġġezzjonabbli li għaliha kienet ipparteċipat.

91      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

92      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn id-Deċiżjoni 2012/829 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 ġew annullati fil-kuntest tat-tieni motiv, għandu jiġi eżaminat dan il-motiv biss inkwantu jsemmi d-deċiżjoni taż-żamma.

93      Fir-rigward tal-ewwel argument tar-rikorrenti, f’dan ir-rigward, mill-punti 84, 86 u 87 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl irrilevat mill-Qorti Ġenerali ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni taż-żamma. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teżi difiża mir-rikorrenti, li tipprovdi li l-ksur tad-drittijiet ta’ proċedura tagħha jwasslu għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma tistax twassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

94      F’dak li jirrigwarda t-tieni argument tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni ma jeċċedux il-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, punt 79 iktar ’il fuq, EU:T:2013:397, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’dan il-każ, minn naħa, mill-eżami li tressqet fil-punti 48 sa 62 iktar ’il fuq, jirriżulta li ġustament il-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti kienet entità kkontrollata minn B. Zanjani, li kienet hija stess ġiet rikonoxxuta bħala persuna li ġġib sostenn għall-Gvern Iranjan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jsemmu r-rikorrenti tikkorrispondi għall-għan imfittex mill-Kunsill, jiġifieri ċċaħħad il-Gvern Iranjan mis-sorsi ta’ dħul tiegħu sabiex iġġiegħlu jwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari, fin-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

96      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-attivitajiet u r-reputazzjoni tagħha, ladarba jipprevjenu attività ekonomika, hija ma ppreżentatx punti konkreti relatati mar-restrizzjonijiet jew danni li hija effettivament subit. L-eżistenza ta’ dannu sostanzjali hija wkoll improbabbli, ladarba l-unika azzjonista tar-rikorrenti hija kumpannija tadjike u li, fi kliem tagħha stess, hija tiffoka fuq proġetti ta’ investiment fil-Malasja.

97      Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt tal-proprjetà tar-rikorrenti u l-libertà tagħha li teżerċita attività ekonomika jkunu ristretti f’ċerta miżura mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, peress li ma tistax, b’mod partikolari, tiddisponi mill-fondi tagħha li eventwalment jinsabu fit-territorju tal-Unjoni jew miżmuma miċ-ċittadini tagħha, lanqas tittrasferixxi l-fondi tagħha lejn l-Unjoni, ħlief bis-saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari. Bl-istess mod, il-miżuri restrittivi li jsemmu r-rikorrenti jistgħu, jekk ikun il-każ, iqajmu xi suspett fir-rigward tagħha mingħand il-klijenti u imsieħba kummerċjali tagħha.

98      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti, jiġifieri d-dritt għall-proprjetà u d-dritt li wieħed jeżerċita attività ekonomika, ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. B’hekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja għandha, bħala tali, effetti fuq id-drittijiet ta’ proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, u għalhekk tikkawża danni lill-persuni li fir-rigward tagħhom ma ġietx stabbilita r-responsabbiltà għas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. L-importanza tal‑għanijiet li l-leġiżlazzjoni kkontestata tfittex li tilħaq hija tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra, EU:T:2009:266, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-każ, ladarba l-importanza primarja taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, l-inkonvenjenza kkawżata lir-rikorrenti ma tkunx sproporzjonata għall-għanijiet segwiti. Dan huwa iktar u iktar il-każ li, minn naħa, dawn ir‑restrizzjonijiet jikkonċernaw biss parti mill‑assi tar-rikorrenti u, min‑naħa l‑oħra, li d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament Nru 267/2012 jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet li jippermettu b’mod partikolari lill‑entitajiet koperti mill‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jħallsu l‑ispejjeż essenzjali.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv.

101    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, minn naħa, għandhom jiġu annullati d-Deċiżjoni 2012/829 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 u, min-naħa l-oħra, li jiċċaħħad ir-rikors sa fejn huwa dirett kontra id-deċiżjoni taż-żamma.

102    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni taż-żamma ma hijiex sempliċi att konfermattiv, iżda tikkostitwixxi deċiżjoni awtonoma, adottata mill-Kunsill fi tmiem eżami mill-ġdid perijodiku previst fl-Artikolu 26(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 46(6) tar-Regolament Nru 267/2012. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/829 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1264/2012 jinkludi l-annullament tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 għall-perijodu preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni taż-żamma, hija ma tistax, min-naħa l-oħra, tikkontesta l-legalità ta’ din l-istess inklużjoni għall-perijodu wara l-imsemmija adozzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq wieħed jew iktar mill-kapi. Madankollu, jekk din tidher iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, kull parti għandha tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-parti l-oħra.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      F’dak li jikkonċerna lil First Islamic Investment Bank Ltd, huma annullati:

–        il-punt I tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        il-punt I tal-Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      First Islamic Investment Bank għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-First Islamic Investment Bank.

Kanninen

Pelikánová

Buttiġieġ

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.