Language of document : ECLI:EU:C:2004:150

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

16 ta’ Marzu 2004 (*)

“Kompetizzjoni – Impriżi – Fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard – Akkordji – Interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE – Deċiżjonijiet ta’ gruppi tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard li jistabbilixxu ammonti massimi għall-ħlas tal-prodotti mediċinali”

Fil-Kawżi magħquda C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01

li għandhom bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) kif ukoll mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) intiża sabiex tikseb, fil-kawżi pendenti quddiem dawn il-qrati bejn

AOK Bundesverband,

Bundesverband der Betriebskrankenkassen (BKK),

Bundesverband der Innungskrankenkassen,

Bundesverband der landwirtschaftlichen Krankenkassen,

Verband der Angestelltenkrankenkassen eV,

Verband der Arbeiter-Ersatzkassen,

Bundesknappschaft,

See-Krankenkasse

u

Ichthyol-Gesellschaft Cordes, Hermani & Co. (C‑264/01),

Mundipharma GmbH (C‑306/01),

Gödecke GmbH (C‑354/01),

Intersan, Institut für pharmazeutische und klinische Forschung GmbH (C‑355/01),

deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn V. Skouris, President tal-Awla, P. Jann, C. W. A. Timmermans, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, J.‑P. Puissochet u R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal AOK Bundesverband, Bundesverband der Betriebskrankenkassen (BKK), Bundesverband der Innungskrankenkassen, Bundesverband der landwirtschaftlichen Krankenkassen, Verband der Angestelltenkrankenkassen eV, Verband der Arbeiter-Ersatzkassen, la Bundesknappschaft u See-Krankenkasse, minn C. Quack, avukat (C‑264/01 u C‑306/01), u minn A. von Winterfeld, avukat(C‑354/01 u C‑355/01),

–        għal Ichthyol-Gesellschaft Cordes, Hermani & Co., u Mundipharma GmbH, minn U. Doepner, avukat,

–        għal Gödecke GmbH u Intersan, Institut für pharmazeutische und klinische Forschung GmbH, minn U. Reese, avukat,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u S. Rating, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ AOK Bundesverband, ta’ Bundesverband der Betriebskrankenkassen (BKK), ta’ Bundesverband der Innungskrankenkassen, ta’ Bundesverband der landwirtschaftlichen Krankenkassen, ta’ Verband der Angestelltenkrankenkassen eV, ta’ Verband der Arbeiter-Ersatzkassen, ta’ Bundesknappschaft, ta’ See‑Krankenkasse, irrappreżentati minn C. Quack (C‑264/01 u C‑306/01) u minn A. von Winterfeld (C‑354/01 u C‑355/01), ta’ Ichthyol‑Gesellschaft Cordes, ta’ Hermani & Co., u ta’ Mundipharma GmbH, irrappreżentati minn U. Doepner, kif ukoll ta’ Gödecke GmbH u ta’ Intersan, Institut für pharmazeutische und klinische Forschung GmbH, irrappreżentati minn U. Reese, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W.‑D. Plessing, bħala aġent, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn S. Rating, fis-seduta ta’ l-14 ta’ Jannar 2003,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        L-Oberlandesgericht Düsseldorf u l-Bundesgerichtshof għamlu lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE. L-Oberlandesgericht Düsseldorf għamlet erba’ domandi, permezz ta’ żewġ digrieti tat-18 ta’ Mejju 2001 u tal-11 ta’ Lulju 2001, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil-5 ta’ Lulju u fis-6 ta’ Awwissu segwenti. Il-Bundesgerichtshof għamlet tliet domandi, permezz ta’ żewġ digrieti tat-3 ta’ Lulju 2001, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Settembru segwenti.

2        Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ diversi kawżi bejn, minn naħa, AOK Bundesverband, Bundesverband der Betriebskrankenkassen (BKK), Bundesverband der Innungskrankenkassen, Bundesverband der landwirtschaftlichen Krankenkassen, Verband der Angestelltenkrankenkassen eV, Verband der Arbeiter-Ersatzkassen, Bundesknappschaft kif ukoll See-Krankenkasse (iktar ’il qudiem il-“federazzjonijiet tal-fondi”) u, minn-naħa l-oħra, il-kumpanniji farmaċewtiċi li jipproduċi l-prodotti mediċinali, jiġifieri Ichthyol-Gesellschaft Cordes, Hermani & Co. (C‑264/01), Mundipharma GmbH (C‑306/01), Gödecke GmbH (C‑354/01) u Intersan, Institut für pharmazeutische und klinische Forschung GmbH (C‑355/01) (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji farmaċewtiċi”), dwar l-istabbiliment ta’ l-ammonti massimi fissi għall-parteċipazzjoni tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard fl-ispejjeż tal-prodotti mediċinali u tal-prodotti għall-kura.

 Il-kuntest fattwali u ġuridiku

 Il-kuntest ekonomiku u soċjali

3        Mid-digrieti tar-rinviju tal-Bundesgerichtshof jirriżulta b’mod ċar li, skond il-kalkoli tal-Gvern Federali, l-ispejjeż tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard Ġermaniża żdiedu ferm iktar malajr mid-dħul li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u, konsegwentement, b’mod ferm iktar mgħaġġel mir-riżorsi ta’ din is-sistema. Tali żieda seħħet minħabba nuqqas ta’ kompetizzjoni, bejn il-fornituri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa, minħabba li l-assigurati ma kinux suffiċjentement konxji mill-ispejjeż tas-servizzi ta’ kura u tal-prodotti mediċinali kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ possibbiltà li l-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jinfluwenzaw l-għażla tal-prodotti mediċinali mħallsa mill-imsemmija sistema. Il-leġiżlatur Ġermaniż għalhekk adotta numru ta’ miżuri intiżi sabiex jirmedjaw dawn in-nuqqasijiet, fosthom id-determinazzjoni ta’ l-ammonti massimi fissi għall-ħlas ta’ l-ispiża tal-prodotti mediċinali mill-imsemmija fondi (iktar ’il quddiem l-“ammonti massimi fissi”).

 L-ammonti massimi fissi u s-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard

4        Il-punti prinċipali tas-sistema ta’ determinazzjoni ta’ l-ammonti massimi fissi, kif jirriżultaw mid-digrieti tar-rinviju, huma dawn li ġejjin.

5        Is-sistema hija marbuta mas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard li magħha hija msieħba l-maġġoranza tal-popolazzjoni. Din is-sistema hija bbażata fuq fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku li għandhom personalità ġuridika u li huma amministrati b’mod awtonomu. Is-sistema għandha l-funzjoni li tħares, iżżomm, tirriġenera jew ittejjeb is-saħħa tal-assigurati.

6        Bħala prinċipju, l-impjegati huma obbligati jissieħbu ma din is-sistema legali. L-eċċezzjonijiet jikkonċernaw essenzjalment, minn naħa, l-impjegati li għandhom dħul li jaqbeż livell stabbiliti bil-liġi u, min-naħa l-oħra, l-impjegati suġġetti għal sistema legali speċifika, bħall-uffiċjali. Dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, jassiguraw irwieħhom b’mod volontarju. L-obbligu ta’ sħubija jippermetti l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà bejn l-assigurati.

7        Il-benefiċċji tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard huma ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjoni li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, nofsha titħallas mill-assigurat u n-nofs l-ieħor minn min iħaddmu. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet jiddependi prinċipalment mid-dħul tal-assigurat u mir-rata tal-kontribuzzjoni stabbilita minn kull fond ta’ assigurazzjoni għall-mard.

8        Il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni f’dak li jirrigwarda r-rati tal-kontribuzzjonijiet sabiex jiġbdu lejhom lill-membri obbligatorji kif ukoll lil dawk li jagħżlu li jissieħbu mal-fond b’mod volontarju. Il-liġi tipprevedi li l-membri jagħżlu bil-libertà kollha l-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħhom, l-istess bħat-tabib kuranti tagħhom jew l-isptar fejn jiddeċiedu li jmorru għall-kura.

9        Is-sistema hija bbażata fuq sistema ta’ servizzi in natura u mhux fuq ir-rimbors a posteriori ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-membri. Essenzjalment, is-servizzi huma identiċi fir-rigward tal-kategoriji tal-kura obbligatorja u jvarjaw biss għall-kura supplimentari fakultattiva. Fejn għandhom x’jaqsmu l-prodotti mediċinali, l-ispejjeż tar-riċetti jitħallsu mill-pazjenti, imma huwa l-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard li jħallas il-prezz tal-prodotti mediċinali lill-ispiżerija li tkun ipprovdithom, fil-limitu ta’ l-ammonti massimi fissi stabbiliti skond il-liġi. Jekk il-prezz tal-prodott mediċinali jkun inqas minn jew daqs l-ammont massimu fiss, il-fond iħallas il-prezz kollu. Min-naħa l-oħra, jekk il-prezz ikun ogħla minn dan l-ammont, l-assigurat iħallas id-differenza bejn dan l-ammont u l-prezz tal-bejgħ tal-prodott mediċinali.

10      Il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jaħdmu skond mekkaniżmu ta’ solidarjetà (“Risikostrukturausgleich”) li fuq il-bażi tiegħu jkun hemm tpaċija bejn il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard sabiex ikunu kkorreġuti d-differenzi finanzjarji li jirriżultaw mid-differenzi dwar id-dimensjoni tar-riskji assigurati. B’hekk, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jassiguraw ir-riskji l-inqas għaljin billi jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ dawk li jassiguraw riskji għola.

11      Il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard huma maqsuma f’diversi kategoriji skond is-setturi ta’ attività kkonċernati. Huma rrappreżentati fuq il-livell reġjonali kif ukoll fuq il-livell federali fejn huma magħquda f’unjins federali. Meta f’settur ta’ attività partikolari jkun hemm fond ta’ assigurazzjoni għall-mard wieħed biss, dan jassumi wkoll il-funzjonijiet ta’ federazzjoni nazzjonali.

12      Permezz tal-Gesundheits-Reformgesetz (il-Liġi dwar ir-riforma tas-saħħa), ta’ l-20 ta’ Diċembru 1988 (BGBl. 1988 I, p. 2477), il-leġiżlatur introduċa dispożizzjoni, li saret l-Artikolu 35 tal-Ktieb V tas-Sozialgesetzbuch ─ Gesetzliche Krankenversicherung (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali ─ sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard, iktar ’il quddiem l-“SGB V”), li l-għan tagħha huwa li tnaqqas l-ispejjeż fis-settur tas-saħħa. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-regoli applikabbli għad-determinazzjoni ta’ l-ammonti massimi fissi, li jistgħu jinġbaru fil-qosor kif ġej.

13      Fl-ewwel fażi, il-Bundesausschuß für Ärzte und Krankenkassen (il-Kummissjoni Federali tal-Prodotti Mediċinali u tal-Fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Federali”), korp awtonomu kompost mir-rappreżentanti tat-tobba u tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard, tiddetermina l-gruppi tal-prodotti mediċinali li għalihom għandhom jiġu stabbiliti l-ammonti massimi fissi. Kull grupp ta’ prodotti mediċinali huwa magħmul minn preparazzjonijiet li jinkludu l-istess prinċipji attivi jew prinċipji attivi paragunabbli jew li għandhom effett terapewtiku paragunabbli. Meta tagħżel dawn il-prodotti mediċinali, il-Kummissjoni Federali għandha tiżgura ruħha li l-possibbiltajiet terapewtiċi ta’ trattament tal-mard ma jkunux limitati u li t-tobba jkollhom soluzzjonijiet alternattivi ta’ trattament suffiċjenti.

14      Il-gruppi ta’ prodotti mediċinali għandhom jinkludu, b’mod ġenerali, preparazzjonijiet ta’ manifatturi kompetituri. L-esperti magħżula mill-manifatturi tal-prodotti mediċinali, ix-xjenzati u l-korpi professjonali li jirrappreżentaw lill-ispiżjara għandhom jinstemgħu u l-osservazzjonijiet tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma l-Kummissjoni Federali tagħti d-deċiżjoni tagħha. Din ta’ l-aħħar għandha tressaq id-deċiżjonijiet tagħha quddiem il-Ministeru Federali tas-Saħħa. Dawn id-deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ biss jekk dan il-Ministeru jawtorizzahom espliċitament jew jekk l-istess ministeru ma jikkontestahomx f’terminu ta’ xahrejn.

15      Matul it-tieni fażi, il-federazzjonijiet tal-fondi jiddeterminaw b’mod komuni u uniformi l-ammonti massimi fissi applikabbli għall-prodotti mediċinali li jaqgħu fil-kategoriji li ġew iddefiniti b’dan il-mod. Dawn l-ammonti għandhom jippermettu li tkun iggarantita provvista suffiċjenti, utli, profittabbli u ta’ kwalità tajba. Dawn għandhom ikunu stabbiliti billi jintużaw il-possibbiltajiet kollha biex jiġu ffrankati l-flus li jkollhom il-manifatturi tal-prodotti mediċinali, biex b’hekk jingħata bidu għal kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-prezzijiet u għalhekk li l-kura tkun tista’ tiġi pprovduta bl-iktar mod ekonomiku possibbli. L-ammonti massimi fissi ġeneralment ikunu stabbiliti billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-offerta ta’ diversi manifatturi. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq l-iktar prezz tal-bejgħ baxx fl-ispiżeriji.

16      L-ammonti massimi fissi għandhom jiġu eżaminati mill-inqas darba fis-sena u għandhom jiġu adattati, f’intervalli adegwati, għall-bidliet fis-sitwazzjoni tas-suq.

17      Jekk il-federazzjonijiet tal-fondi jonqsu milli jiddeterminaw l-ammonti massimi fissi, id-deċiżjoni titteħed mill-Ministeru.

18      Ir-rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-ammonti massimi fissi jistgħu jikkonċernaw biss l-ammonti infushom u mhux l-għażla tal-gruppi ta’ prodotti mediċinali magħmula mill-Kummissjoni Federali.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawżi C‑264/01 u C‑306/01

19      Il-Kawżi C‑264/01 u C‑306/01 jikkonċernaw impriżi farmaċewtiċi ta’ daqs medju li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’Hamburg (il-Ġermanja), rispettivament Ichthyol-Gesellschaft Cordes, Hermani & Co. (iktar ’il quddiem “Ichthyol”), u Mundipharma GmbH (iktar ’il quddiem “Mundipharma”).

20      Ichthyol tipproduċi u tqassam prodotti mediċinali li fihom is-sustanza attiva “ammonium bituminosulfonate”, li tintuża fid-dermatoloġija kif ukoll fit-trattament ta’ l-artrożi u ta’ l-artrite. Kważi 90 % mis-suq Ġermaniż tal-prodotti mediċinali li fihom l-ammonium bituminosulfonate huwa magħmul mill-prodotti manifatturati minn Ichthyol. Mundipharma timmanifattura u tqassam analġeżiċi li fihom il-morfina.

21      Fl-1998, il-federazzjonijiet tal-fondi ddeċidew li jadattaw l-ammonti massimi fissi ta’ ċerti prodotti mediċinali, adattament li affettwa lil dawn iż-żewġ impriżi farmaċewtiċi.

22      Ichthyol u Mundipharma għalhekk bdew proċeduri kontra l-federazzjonijiet tal-fondi sabiex dawn jieqfu japplikaw l-ammonti massimi fissi li jikkonċernawhom u jiksbu kumpens għad-danni subiti.

23      Il-qorti tal-prim’istanza laqgħet ir-rikorsi ta’ dawn iż-żewġ impriżi farmaċewtiċi fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Il-federazzjonijiet tal-fondi appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju u talbu li t-talbiet jiġu miċħuda.

24      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-Fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet bejn impriżi jew, safejn federazzjoni nazzjonali tkun hija stess fl-istess ħin istituzzjoni diretta tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard, bħala impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, meta huma jistabbilixxu b’mod komuni l-ammonti fissi tal-prodotti mediċinali, li jiġu applikati b’mod uniformi f’dan l-Istat Membru u jikkostitwixxu l-prezz massimu li bih il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali, li għandhom obbligu ta’ servizz in natura fir-rigward ta’ l-assigurati tagħhom, jixtru u jħallsu l-prodotti mediċinali, biex b’hekk jiġi limitat l-obbligu ta’ servizz li għandhom fir-rigward ta’ l-assigurati tagħhom?

2)      F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

a)      Għandu jiġi kkunsidrat li l-istabbiliment ta’ l-ammonti fissi, kif ġie deskritt fl-ewwel domanda, jikkostitwixxi ftehim (jew deċiżjoni) tal-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali li, billi jirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1)(a) KE, jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE?

b)      Ikun xi jkun il-każ, id-domanda 2(a) għandha tingħata risposta pożittiva jekk is-sistema ta’ l-ammonti fissi għandha b’mod partikolari l-għan li tuża l-possibbiltajiet kollha biex il-laboratorji farmaċewtiċi jiffrankaw il-flus fuq il-livell tariffarju u li l-implementazzjoni tagħha fl-Istat Membru s’issa wasslet biex madwar 93 % tal-pakketti tal-prodotti mediċinali li jispiċċaw offruti fis-suq u li jaqgħu taħt l-imsemmija sistema jinbiegħu bi prezz li ma jaqbiżx (iktar) l-ammont fiss li ġie assenjat lilhom?

3)      Jekk id-domandi 2(a) u (b) (jew waħda minnhom) jingħataw risposta pożittiva:

Sistema ta’ ammonti fissi, kif ġiet deskritta fl-ewwel u fit-tieni domandi, tista’ tibbenefika mid-deroga għall-applikazzjoni ta’ l- Artikolu 81(1) KE prevista mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 86(2) KE, minkejja li l-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-Fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali jirrappreżentaw, fl-istabbiliment ta’ l-ammonti fissi, lill-iktar akkwirenti importanti fis-suq tal-prodotti mediċinali, billi jokkupaw, ikkunsidrati flimkien, pożizzjoni dominanti, u li huwa wkoll prevedibbli, biex tiġi solvuta l-problema tat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tas-saħħa, li l-istabbiliment ta’ dawn l-ammonti fissi jiġi fdat f’idejn istituzzjoni li ma tkunx operatriċi ekonomika fis-suq tal-prodotti mediċinali, b’mod partikolari l-Gvern Federali jew Ministru Federali?

4)      F’każ li anki t-tielet domanda tingħata risposta pożittiva:

a)      Liema kundizzjonijiet għandhom jissodisfaw u jippruvaw il-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-Fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 86(2) KE f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ l-ammonti fissi?

b)      Jew għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 86(2) KE hija suffiċjenti sabiex ikun eskluż li tingħata d-deroga prevista fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 86(2) KE minħabba l-effett tas-sistema ta’ l-ammonti fissi fuq il-kummerċ?”

 Il-Kawżi C‑354/01 u C‑355/01

25      Il-Kawża C‑354/01 tikkonċerna l-impriża Gödecke GmbH, li tqassam prodotti mediċinali li fihom il-prinċipju attiv “diltiazem-HC l2”, inkluż fil-lista tal-Bundesgesundheitsamt (l-Aġenzija Federali għas-Saħħa) u preżenti fil-kompożizzjoni ta’ diversi prodotti mediċinali.

26      Il-Kawża C‑355/01 tikkonċerna l-impriża Intersan, Institut für pharmazeutische und klinische Forschung GmbH, li tqassam prodotti mediċinali li fihom il-prinċipju attiv “ginkgo-biloba Trockenextrakt” inkluż fil-lista tal-Bundesgesundheitsamt u li jintuża b’mod partikolari fit-trattament tal-problemi ta’ mġiba marbuta mas-sindromu tad-demenzja.

27      F’dawn iż-żewġ kawżi, il-federazzjonijiet tal-fondi ddeċidew, fl-14 ta’ Frar 1997, li jistabilixxu ammonti massimi fissi ġodda għall-prinċipji attivi inkwistjoni fuq livell ferm iktar baxx mill-ammonti li kienu deċiżi qabel. Is-sena ta’ wara, billi dawn l-ammonti reġgħu ġew imnaqqsa, kull waħda miż-żewġ impriżi farmaċewtiċi kkonċernati ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-federazzjonijiet tal-fondi.

28      Il-qorti tal-prim’istanza ċaħdet ir-rikorsi ta’ l-impriżi farmaċewtiċi kkonċernati li kienu prinċipalment intiżi sabiex tinġi pprojbita l-applikazzjoni ta’ l-ammonti fissi u sabiex il-federazzjonijiet tal-fondi jiġu kkundannati jħallsu kumpens għad-danni li rriżultaw mill-iffissar ta’ dawn l-ammonti. Madankollu, il-Qorti ta’ l-Appell biddlet is-sentenzi ta’ l-ewwel istanza u, essenzjalment, ikkundannat lill-imsemmija federazzjonijiet biex jilqgħu t-talbiet li ġew ippreżentati quddiemha. Dawn il-federazzjonijiet allura ppreżentaw appell fuq punt ta’ dritt sabiex dawn it-talbiet jiġu miċħuda kompletament.

29      Il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissopendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 81 KE u 82 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekudu leġiżlazzjoni nazzjonali, li fuq il-bażi tagħha l-federazzjonijiet nazzjonali tal-fondi tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard jiffissaw ammonti massimi li japplikaw obligatorjament fuq il-fondi kollha tas-sistema legali kif ukoll fuq il-fondi speċjali (‘Ersatzkassen’) kollha, li jikkorrispondu għall-parti ta’ l-ispiża tal-prodotti mediċinali li għandhom isostnu l-fondi, fejn huwa speċifikat li l-leġiżlatur nazzjonali jiddetermina fl-istess ħin il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jiġu kkalkolati dawn l-ammonti massimi u li b’mod partikolari jeżiġi li matul dan l-eżerċizzju l-ammonti fissi joffru lill-assigurati kura suffiċjenti u ta’ kwalità ggarantita, kif ukoll li jkun hemm terapiji alternattivi suffiċjenti, u, fejn huwa speċifikat ukoll li l-iffissar ta’ dawn l-ammonti huwa suġġett għal stħarriġ sħiħ tal-qrati, kemm fuq inizjattiva ta’ l-assigurati kif ukoll fuq inizjattiva tal-manifatturi tal-prodotti mediċinali?

2)      Jekk l-ewwel domanda għandha tingħata risposta pożittiva:

Dan l-iffissar [ta’ ammonti massimi fissi] jeludi, skond l-Artikolu 86(2) KE, l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, fid-dawl tal-fatt li l-għan tiegħu huwa li jiżgura, bil-mod previst fl-Artikolu 35 tal-Ktieb V tas-Sozialgesetzbuch, il-permanenza tas-sistema soċjali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard, imqiegħda f’dubju wara żieda qawwija fl-ispejjeż?

3)      Jekk l-ewwel domanda għandha tingħata risposta pożittiva u t-tieni domanda risposta negattiva:

Skond id-dritt Komunitarju, jeżistu drittijiet għall-kumpens għad-danni u għall-eliminazzjoni tal-fatt li kkawża d-dannu fil-konfront tal-federazzjonijiet bħalma huma l-konvenuti fil-kawżi prinċipali anki jekk, bl-iffissar ta’ l-ammonti massimi, dawn il-federazzjonijiet qed iwettqu obbligu legali minkejja li, fid-dritt intern, ir-rifjut li wieħed jikkoopera ma’ dan l-iffissar ma jagħti lok għall-ebda sanzjoni fil-konfront tagħhom?”

30      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Ottubru 2001, il-Kawżi C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħhom, il-Bundesgerichtshof u l-Oberlandesgericht Düsseldorf essenzjalment jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat KE jipprekludux lill-gruppi ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, bħall-federazzjonijiet tal-fondi, milli jistabbilixxu ammonti massimi fissi li jikkorrispondu għal-limitu massimu tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali mħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard. Il-Bundesgerichtshof qed tistaqsi wkoll jekk, f’każ ta’ risposta pożittiva għal dik id-domanda, jeżistix dritt, minn naħa, għall-eliminazzjoni tal-fatt li kkawża d-dannu u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni subiti minħabba l-implementazzjoni ta’ l-ammonti massimi fissi, kontra dawn il-gruppi.

32      Essenzjalment, il-qrati tar-rinviju qed jagħmlu l-erba’ domandi li ġejjin:

1)      Gruppi ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, bħall-federazzjonijiet tal-fondi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala impriżi jew assoċjazzjonijiet bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE meta jistabbilixxu ammonti massimi fissi li jikkorrispondu għal-limitu massimu tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali mħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard?

2)      F’każ ta’ risposta pożittiva għal din l-ewwel domanda, meta jadottaw deċiżjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu dawn l-ammonti, dawn il-gruppi jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 KE?

3)      F’każ ta’ risposta pożittiva għal din it-tieni domanda, id-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE hija applikabbli għal dawn id-deċiżjonijiet?

4)      F’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat, jeżisti dritt għall-eliminazzjoni tal-fatt li kkawża d-dannu u għall-kumpens għad-danni subiti fil-konfront ta’ dawn il-gruppi?

 Fuq l-ewwel domanda

33      Din id-domanda tirrigwarda l-kunċetti ta’ “impriża” jew ta’ “assoċjazzjonijiet bejn impriżi” fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat u l-kunċett ta’ “attività ekonomika” li huwa marbut magħhom. Din tikkonċerna l-gruppi tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, bħall-federazzjonijiet tal-fondi kif ukoll il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard stess.

 Osservazzjonijiet tal-partijiet

34      Il-federazzjonijiet tal-fondi u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li l-attivitajiet tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard mhumiex attivitajiet ekonomiċi u l-istess jista’ jingħad għal dawk tal-federazzjonijiet tal-fondi. Dawn l-entitajiet għaldaqstant mhumiex impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

35      L-ewwel nett, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jaqdu funzjoni esklużivament soċjali, nieqsa minn kwalunkwe skop ta’ lukru, li tikkonsisti fl-għoti ta’ kopertura medika lill-assigurati indipendentement mill-kundizzjoni finanzjarja u mill-istat ta’ saħħa tagħhom. Fir-rigward tal-federazzjonijiet tal-fondi, l-għan tagħhom huwa li jiżguraw il-permanenza tas-sistema tas-saħħa.

36      It-tieni nett, il-funzjonament tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard huwa bbażat fuq prinċipju ta’ solidarjetà. Dan huwa msejjes fuq is-sħubija ta’ madwar 90 % tal-popolazzjoni, u fil-prattika jsarraf fi tpaċija finanzjarja bejn il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri mhuwiex marbut mar-riskji assigurati u l-benefiċċji huma indipendenti minn dan l-ammont.

37      Fl-aħħar nett, l-Istat jikkontrolla l-attività tal-federazzjonijiet tal-fondi. Jekk dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeċiedu l-ammonti massimi fissi għall-ħlas tal-prodotti mediċinali, l-Istat jieħu posthom u jiddetermina huwa stess dawn l-ammonti.

38      Min-naħa l-oħra, skond il-kumpanniji farmaċewtiċi, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard u l-federazzjonijiet tal-fondi huma impriżi u assoċjazzjonijiet bejn impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika.

39      Il-kumpanniji farmaċewtiċi jsostnu li l-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jikkompetu kontra xulxin fit-tliet oqsma li ġejjin: l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, l-offerta tal-benefiċċji kif ukoll il-ġestjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom.

40      L-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa ddeterminat minn kull fond, b’kull wieħed jagħmel mill-aħjar sabiex joffri l-iktar rata ta’ kontribuzzjoni baxxa possibbli, b’mod partikolari billi jillimita l-ispejjeż ta’ ġestjoni tiegħu. Id-differenza bejn ir-rati ta’ kontribuzzjoni tad-diversi fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard ċerti drabi hija konsiderevoli. Għalhekk, fl-1 ta’ Jannar 2002, l-ogħla rata kienet ogħla b’terz mill-iktar waħda baxxa.

41      Għalkemm huwa ċertament minnu li l-benefiċċji huma parzjalment irregolati mid-dispożizzjonijiet tal-SGB V, madankollu l-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard għandhom marġni ta’ manuvra fil-qasam tal-benefiċċji supplimentari fakultattivi, b’mod partikolari fir-rigward tar-riabilitazzjoni, il-metodi ta’ kura alternattiva u naturali, jew anki l-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ ċertu mard kroniku bħad-dijabete jew l-ażma.

42      Il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jikkompetu ma’ xulxin anki f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta’ l-attività tagħhom, b’uħud minnhom pereżempju jenfasizzaw il-preżenza tagħhom fit-territorju, permezz ta’ netwerk sinjifikattiv ta’ uffiċċji, filwaqt li oħrajn bil-kontra jippreferu l-komunikazzjoni bit-telefown u bl-Internet.

43      Il-kumpanniji farmaċewtiċi jżidu li, b’mod ġenerali, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jagħmlu operazzjonijiet promozzjonali u ta’ kummerċjalizzazzjoni intensivi. Il-proporzjon ta’ membri li biddlu l-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard tagħhom matul it-tliet snin preċedenti varja bejn it-3 % u l-5 % fis-sena. Barra minn hekk, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jistgħu jingħalqu mill-awtorità ta’ superviżjoni meta l-profittabbiltà tagħhom ma tkunx iktar ggarantita fit-tul.

44      Minn dan jirriżulta li l-attività ta’ assigurazzjoni tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, inkluża l-attività tagħhom ta’ xiri tal-prodotti mediċinali, għandha natura ekonomika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabel ma jiġi eżaminat jekk il-gruppi li jirrappreżentaw lil dawn il-korpi, bħall-federazzjonijiet tal-fondi, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet bejn impriżi meta jiddeterminaw l-ammonti massimi fissi, għandu qabel xejn jiġi vverifikat jekk korpi bħall-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard Ġermaniża humiex impriżi.

46      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità, u mill-mod ta’ kif tiffunzjona (sentenzi, tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra P. I‑1979, punt 21; u tat-22 ta’ Jannar 2002, Cisal, C‑218/00, Ġabra P. I‑691, punt 22).

47      Fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċerti korpi inkarigati mill-ġestjoni tas-sistemi legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard u ta’ l-assigurazzjoni tax-xjuħija għandhom għan esklużivament soċjali u ma jeżerċitawx attività ekonomika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa l-każ tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard li kulma jagħmlu huwa li japplikaw il-liġi u li ma għandhom l-ebda possibbiltà li jinfluwenzaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet, l-użu tal-kapital u d-determinazzjoni tal-livell tal-benefiċċji. Fil-fatt, l-attività tagħhom, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali, hija nieqsa minn kull skop ta’ lukru u l-benefiċċji mħallsa huma benefiċċji imposti mil-liġi, indipendenti mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet (sentenza, tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, Ġabra P. I‑637, punti 15 u 18).

48      Il-fatt li l-ammont tal-benefiċċji kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet, huma, fl-aħħar mill-aħħar, iffissati mill-Istat wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra, bl-istess mod, li korp li huwa fdat bil-liġi b’sistema li tipprovdi assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, bħall-Istituto nazionale per l’assicurazione contro gli infortuni sul lavoro (l-istitut nazzjonali Taljan ta’ l-assigurazzjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol), mhuwiex impriża fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat (ara s-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 sa 46).

49      Min-naħa l-oħra, korpi oħra li jamministraw sistemi legali ta’ sigurtà soċjali u li għandhom parti mill-karatteristiċi msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, jiġifieri huma mingħajr skop ta’ lukru, jwettqu attività li għandha natura soċjali u li hija suġġetta għal leġiżlazzjoni ta’ l-Istat li tinkludi, b’mod partikolari, rekwiżiti ta’ solidarjetà, ġew ikkunsidrati bħala impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika (ara s-sentenzi, tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurance et, C‑244/94, Ġabra P. I‑4013, punt 22; u tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra P. I‑5751, punti 84 sa 87).

50      Għalhekk, fil-punt 17 tas-sentenza Fédération française des sociétés d’assurance et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-organizzazzjoni inkwistjoni, li kienet tamministra sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija supplimentari kienet qed twettaq attività ekonomika b’kompetizzjoni mal-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni għall-ħajja u li l-partijiet ikkonċernati setgħu jagħżlu s-soluzzjoni li kienet tiggarantilhom l-aqwa investiment. Fil-punti 81 u 84 tas-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, rigward fond ta’ pensjoni supplimentari bbażat fuq sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja u li japplika mekkaniżmu ta’ solidarjetà għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u tal-livell tal-benefiċċji, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrilevat li l-fond innifsu jiddetermina l-ammont kemm tal-kontribuzzjonijiet u kif ukoll tal-benefiċċji u kien jiffunzjona skond il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni. Minn dan hija ddeduċiet li tali fond kien jeżerċità attività ekonomika f’kompetizzjoni mal-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni.

51      Għandu jiġi kkonstatat li, l-istess bħall-korpi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Poucet u Pistre, iċċitata iktar ’il fuq, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard Ġermaniża jikkontribwixxu għall-amministrazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali. F’dan ir-rigward, huma jaqdu funzjoni esklużivament soċjali, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u nieqsa minn kull skop ta’ lukru.

52      Għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, li l-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard huma legalment obbligati li joffru lill-membri tagħhom benefiċċji obbligatorji, essenzjalment identiċi, li huma indipendenti mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet. B’hekk, l-imsemmija fondi ma għandhom l-ebda possibbiltà li jinfluwenzaw dawn il-benefiċċji.

53      Fid-digrieti tar-rinviju tagħha, il-Bundesgerichtshof tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard huma miġbura f’tip ta’ komunità bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà (“Solidargemeinschaft”) li tippermettilhom jaħdmu bejniethom aġġustament ta’ l-ispejjeż u tar-riskji. Skond l-Artikoli 265 et seq tal-SGB V, għalhekk ikun hemm tpaċija bejn il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard li l-ispejjeż tas-saħħa tagħhom huma l-iktar baxxi u dawk li jassiguraw riskji għaljin u li l-ispejjeż tagħhom marbuta ma’ dawn ir-riskji huma l-iktar sinjifikattivi.

54      Il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard għaldaqstant mhumiex f’kompetizzjoni bejniethom u lanqas mal-istabbilimenti privati għall-għoti tal-benefiċċji legali obbligatorji fil-qasam tal-kura jew tal-prodotti mediċinali li hija l-funzjoni essenzjali tagħhom.

55      Minn dawn il-karatteristiċi jirriżulta li l-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jixbhu lill-korpi msemmija fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Poucet u Pistre u Cisal, iċċitati iktar ’il fuq, u li l-attività tagħhom għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li ma għandhiex natura ekonomika.

56      Il-marġni ta’ libertà li għandhom il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard sabiex jiffissaw ir-rati tal-kontribuzzjonijiet u sabiex jikkompetu kontra xulxin sabiex jiġbdu lejhom membri ma jikkonfutax din l-analiżi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur introduċa element ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet sabiex iħeġġeġ lill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jeżerċitaw l-attività tagħhom skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, jiġifieri bl-iktar mod effettiv u bl-inqas spejjeż possibbli, fl-interess ta’ funzjonament tajjeb tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża. L-isforz biex jintlaħaq dan il-għan bl-ebda mod ma jbiddel in-natura ta’ l-attività tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard.

57      Peress li l-attività ta’ korpi bħall-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard ma għandhiex natura ekonomika, isegwi li dawn il-korpi mhumiex impriżi fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

58      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, minbarra l-funzjonijiet esklużivament soċjali tagħhom fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża, il-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard u l-entitajiet li jirrappreżentawhom, jiġifieri l-federazzjonijiet tal-fondi, iwettqu operazzjonijiet li l-għan tagħhom mhuwiex soċjali iżda ekonomiku. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet li huma jkollhom jadottaw jistgħu eventwalment jiġu analizzati bħala deċiżjonijiet ta’ impriżi jew ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi.

59      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-determinazzjoni ta’ l-ammonti massimi fissi mill-federazzjonijiet tal-fondi hijiex marbuta mal-funzjonijiet ta’ natura esklużivament soċjali tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew jekk din toħroġx barra minn dan il-kuntest u tikkostitwixxi attività ta’ natura ekonomika.

60      Skond il-kumpanniji farmaċewtiċi, meta il-federazzjonijiet tal-fondi jiddeterminaw l-ammonti massimi fissi huma jkunu qegħdin jadottaw deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi, li għandhom natura ekonomika.

61      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess, meta jiddeterminaw l-ammonti massimi fissi, il-federazzjonijiet tal-fondi jkunu sempliċement qegħdin iwettqu obbligu impost fuqhom mill-Artikolu 35 tal-SGB V sabiex tkun żgurata l-permanenza tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża. Għalhekk, dan l-artikolu jipprevedi b’mod dettaljat il-metodi applikabbli sabiex jiġu ddeterminati l-imsemmija ammonti u jispeċifika li l-federazzjonijiet tal-fondi għandhom josservaw ċerti rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ profittabbiltà. L-SGB V jipprovdi wkoll li jekk l-imsemmija federazzjonijiet ma jirnexxilhomx jiddeterminaw l-ammonti massimi fissi, allura għandu jkun il-ministru kompetenti li jiddeċidihom.

62      Għalhekk, huwa biss il-livell preċiż ta’ l-ammonti massimi fissi li mhuwiex stipulat bil-liġi, iżda li jiġi deċiż mill-federazzjonijiet tal-fondi billi jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji ddefiniti mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, għalkemm f’dan ir-rigward il-federazzjonijiet tal-fondi għandhom ċertu setgħa diskrezzjonali, din tirrigwarda l-ammont massimu tal-ħlas tal-prodotti mediċinali mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard li jikkostitwixxi qasam fejn dawn ta’ l-aħħar mhumiex f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni.

63      Minn dan isegwi li, meta jiddeterminaw dawn l-ammonti massimi fissi, il-federazzjonijiet tal-fondi ma għandhomx interess proprju li jista’ jiġi sseparat mill-għan esklużivament soċjali tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard. Anzi, meta jwettqu tali determinazzjoni, l-imsemmija federazzjonijiet ikunu qed iwettqu obbligu li huwa kompletament marbut mal-attività tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-kuntest tas-sistema legali ta’ l-assigurazzjoni għall-mard Ġermaniża.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, meta jiddeterminaw l-ammonti massimi fissi, il-federazzjonijiet tal-fondi jkunu qegħdin sempliċement jaqdu funzjoni ta’ amministrazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża li hija imposta fuqhom bil-liġi u li huma mhumiex qed jaġixxu bħala impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika.

65      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li meta jistabbilixxu ammonti massimi fissi li jikkorrispondu għal-limitu massimu tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali mħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, gruppi ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, bħall-federazzjonijiet tal-fondi, ma jikkostitwixxux impriżi jew assoċjazzjonijiet bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

66      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula mill-qrati tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

67      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

fuq id-domandi magħmula lilha mill-Oberlandesgericht Düsseldorf u mill-Bundesgerichtshof, permezz tad-digrieti rispettivament tat-18 ta’ Mejju 2001 u tal-11 ta’ Lulju 2001 kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

Meta jistabbilixxu ammonti massimi fissi li jikkorrispondu għal-limitu massimu tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali mħallsa mill-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, gruppi ta’ fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard, bħal AOK Bundesverband, Bundesverband der Betriebskrankenkassen (BKK), Bundesverband der Innungskrankenkassen, Bundesverband der landwirtschaftlichen Krankenkassen, Verband der Angestelltenkrankenkassen eV, Verband der Arbeiter-Ersatzkassen, Bundesknappschaft u See-Krankenkasse, ma jikkostitwixxux impriżi jew assoċjazzjonijiet bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

Skouris

Jann

Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

Rosas

Puissochet

Schintgen

Macken

Colneric

 

von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Marzu 2004.

R. Grass

 

      V. Skouris

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.