Language of document : ECLI:EU:C:2004:783

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta' Diċembru 2004 (*)

"Talba għal annullament ta' ittra tal-Kummissjoni – Rifjut li jitħallsu interessi fuq ammont imħallas lura – Kunċett ta' att li jikkonferma att preċedenti – Ħlas ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi – Nuqqas ta' karattru ta' deċiżjoni preċedenti ta' rifjut"

Fil-kawża C-123/03 P

li għandha bħala suġġett appell immressaq skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Marzu 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Wiedner, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Greencore Group plc, stabbilita f'Dublin (L-Irlanda), irrappreżentata minn A. Böhlke, Rechtsanwalt,

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), J.-P. Puissochet, N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' April 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta' Jannar 2003, Greencor Group vs Il-Kummissjoni (T-135/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar 'il quddiem "id-digriet ikkontestat"), li permezz tiegħu din ta' l-aħħar iddikjarat bħala ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Greencore Group Plc (iktar 'il quddiem "Greencore") kontra ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Frar 2002.

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

2        Permezz tad-Deċiżjoni 97/624/KE ta' l-14 ta' Mejju 1997, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (IV/34.621, 35.059/F-3 – Irish Sugar Plc) (ĠU L 258, p. 1), il-Kummissjoni imponiet fuq Irish Sugar Plc (iktar 'il quddiem Irish Sugar), kumpannija sussidjarja ta' Greencore, multa ta' ECU 8 800 000. Irish Sugar ħallset din il-multa fit-22 ta' Awwissu 1997.

3        Fl-4 ta' Awwissu 1997, Irish Sugar ressqet rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

4        Permezz tas-sentenza tas-7 ta' Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni (T-228/97, Ġabra p. II-2969), il-Qorti tal-Prim'Istanza naqqset l-ammont ta' din il-multa għal EUR 7 883 326 u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

5        Mir-rikors li Greencore ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (Kawża T-135/02) jirriżulta li, matul Ottubru 1999, uffiċjal tal-Kummissjoni kkuntattja bit-telefon lill-avukat ta' Irish Sugar, li huwa wkoll l-avukat ta' Greencorp, sabiex jiġi ppreparat il-ħlas lura tal-parti tal-multa li kienet ġiet annullata. Skond Greencorp, matul din il-konverżazzjoni telefonika l-avukat ta' Irish Sugar qajjem il-kwistjoni ta' l-interessi fuq l-ammont li għandu jitħallas lura u deher li ftit kien probabbli li l-Kummissjoni tħallas interessi fuq l-ammont li hija kellha tagħti lill-kumpannija, peress li dan qatt ma kien ġara qabel.

6        Greencore ammettiet ukoll li kemm l-avukat ta' Irish Sugar u kif ukoll l-uffiċjal tal-Kummissjoni kienu jafu li, dak iż-żmien, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata jew le li tħallas l-interessi meta tħallas lura ammont prinċipali kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tal-kawża Corus UK vs Il-Kummissjoni (sentenza ta' l-10 ta' Ottubru 2001, T-171/99, Ġabra p. II-2967)

7        Fis-26 ta' Ottubru 1999, l-avukat ta' Greencore informa lil din ta' l-aħħar bil-konverżazzjoni telefonika li huwa kellu ma' l-uffiċjal tal-Kummissjoni, li ma ftit kien probabbli li l-Kummissjoni tħallas interessi u bir-rikors ippreżentat fil-kawża Corus UK vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. Barra minn dan, huwa kien rrakkomanda li ma kellux ikun hemm rinunzja għall-interessi u li anzi kellu jintalab il-ħlas tagħhom espressament.

8        Permezz ta' faks tas-27 ta' Ottubru 1999, Greencore pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni ddettaljata dwar il-kont bankarju ta' Irish Sugar li fuqu kellu jsir il-ħlas lura tas-somma prinċipali ta' EUR 916 674 li kienet dovuta skond is-sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. Barra minn dan hija talbet lill-Kummissjoni dan li ġej: "[j]ekk jogħġobkom ikkonfermaw ukoll li ser tħallsu l-interessi fuq is-somma mħallsa lura għall-perijodu li jibda minn meta Irish Sugar Plc ħallset lill-Kummissjoni sad-data tal-ħlas lura. Jekk jogħġobkom infurmawna dwar l-ammont ta' l-interessi".

9        Fl-4 ta' Jannar 2000, il-Kummissjoni ddepożitat is-somma ta' EUR 916 647 fil-kont ta' Irish Sugar mingħajr ma ħallset ebda interessi.

10      Greencore ammettiet, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-ħlas li l-Kummissjoni għamlet fl-4 ta' Jannar 2000 kien l-unika risposta għall-faks tagħha tas-27 ta' Ottubru 1999 u li, wara dan, hija ma kinitx insistiet sabiex tingħata risposta fuq il-kwistjoni ta' l-interessi peress li kienet tippreferi tistenna r-riżultat tal-proċedura fil-kawża Corus UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, qabel ma terġa' tindirizza l-Kummissjoni fuq dan il-punt.

11      Fil-punt 53 tas-sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fil-każ ta' sentenza li tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq impriża għall-ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat KE, il-Kummissjoni hija obbligata li tħallas lura mhux biss l-ammont prinċipali tal-multa li tħallas meta ma kienx dovut iżda wkoll l-interessi moratorji fuq dan l-ammont.

12      Permezz ta' ittra rreġistrata ta' l-1 ta' Novembru 2001, filwaqt li rreferiet għall-imsemmija sentenza, Greencore talbet lill-Kummissjoni sabiex tħallas lil Irish Sugar is-somma ta' EUR 154 892 li tikkorrispondi għall-interessi, bir-rata ta' 7.13 %, fuq l-ammont prinċipali ta' EUR 916 674 għall-perijodu mit-22 ta' Awwissu 1997 sa l-4 ta' Jannar 2000.

13      Il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tal-11 ta' Frar 2002, irrispondiet li "[i]l-ħlas ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi li sar fl-4 ta' Jannar 2000 kien ifisser li l-Kummissjoni kienet qiegħda tirrifjuta li tħallas l-interessi" u li, peress li Greencore ma kienx ikkontestat "din id-deċiżjoni li ma jitħallsux l-interessi fi-żmien ix-xahrejn previsti mill-Artikolu 230 KE" u billi "għażlet li tistenna r-riżultat tas-sentenza 'Corus' qabel ma terġa' tqajjem din il-kwistjoni", hija ma kellhiex "iktar id-dritt li tagħmel użu [mill-imsemmija sentenza] wara li għall-ewwel kienet aċċettat il-ħlas ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi".

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u d-digriet ikkontestat

14      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' April 2002, Greencore ressqet kawża li fil-kuntest tagħha hija talbet sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

15      B'att separat, il-Kummissjoni ressqet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u talbet, min-naħa, lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli u, minn naħa l-oħra, sabiex tikkundanna lill-Greencore tbati l-ispejjeż.

16      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni kkontestat li l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 kienet tikkostitwixxi att li jista' jkun is-suġġett ta' rikors għal annullament peress li din ma kienet bl-ebda mod tbiddel il-pożizzjoni ġuridika ta' Greencore minħabba li l-Kummissjoni kienet diġà rrifjutat li tħallas l-interessi.

17      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li peress li Greencore kienet, fil-faks tagħha tas-27 ta' Ottubru 1999, ipprovdietilha l-informazzjoni dwar il-kont bankarju tagħha sabiex isir il-ħlas lura tas-somma mħallsa żejjed u talbet il-konferma li kienu ser jitħallsu interessi, kien il-ħlas lura ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi, li sar mill-Kummissjoni fl-4 ta' Jannar 2000, li kien jikkostitwixxi d-deċiżjoni li ma jingħatawx interessi, liema deċiżjoni ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti mill-Artikolu 230 KE.

18      Skond il-Kummissjoni, l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 ma kellha l-ebda karattru deċiżjonali u kienet sempliċement tinforma lill-Greencore li, peress li hija ma kinitx ikkontestat id-deċiżjoni preċedenti li kienet tirrifjuta l-għoti ta' l-interessi, hija kienet aċċettat din id-deċiżjoni u ma setgħetx terġa tqajjem il-kwistjoni ta' l-interessi wara li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, impriża oħra kienet rebħet kawża fejn kien ikkontestat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi.

19      Fil-punt 14 tad-digriet ikkontestat f'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li mill-istess kliem użat fl-ittra tal-11 ta' Frar 2002 kien jirriżulta li din ma kinitx sempliċement informattiva iżda li kienet tesprimi b'mod ċar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas l-interessi moratorji mitluba minn Greencore favur il-kumpannija sussidjarja tagħha, u li dan ir-rifjut kien immotivat mill-fatt li Greencore kienet tilfet id-dritt tagħha li titlob il-ħlas ta' interessi peress li ma kinitx ikkontestat il-kwistjoni tal-ħlas ta' l-interessi meta, fl-4 ta' Jannar 2000, sar il-ħlas lura ta' l-ammont prinċipali tal-multa.

20      Fil-punt 15 ta' dan id-digriet, il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Mejju 1982, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (44/81, Ġabra p. 1855, punt 6), filwaqt li osservat li, fiha, "il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta istituzzjoni, permezz ta' rifjut ta' ħlas, tmur lura fuq impenn preċedenti jew tiċħad l-eżistenza ta' impenn bħal dan, hija tkun qed twettaq att li, minħabba l-effetti ġuridiċi tiegħu, jista' jkun is-suġġett ta' rikors għal annullament fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE. Jekk dan ir-rikors iwassal għall-annullament tar-rifjut ta' ħlas, id-dritt tar-rikorrenti jiġi kkonfermat u tkun l-istituzzjoni in kwistjoni li jkollha, skond l-Artikolu 233 KE, tara li jsir il-ħlas tal-pagament illegalment irrifjutat. Jekk, barra minn dan, istituzjoni tibqa' ma tirrispondix għal talba ta' ħlas, l-istess riżultat jista' jinkiseb permezz ta' l-Artikolu 232 KE".

21      Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 16 ta' l-imsemmi digriet, li din il-ġurisprudenza kienet applikabbli għal każ bħal dak in kwistjoni, fejn il-Kummissjoni, permezz tar-rifjut tagħha li tħallas, kienet qiegħda tiċħad l-eżistenza ta' obbligu li hija għandha skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

22      Hija għalhekk ċaħdet bħala mhux fondata l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà li ġiet imqajma mill-Kummissjoni u ordnat it-tkomplija ta' l-istanza.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Permezz ta' l-appell tagħha l-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla d-digriet ikkontestat u tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati kemm l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll dawk sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Greencore ppreżentat ir-risposta tagħha fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn talbet sabiex l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundnnata tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

 Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

25      Il-Kummissjoni issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 230 KE meta ddikjarat ammissibbli rikors għal annullament imressaq kontra att li ma jistax ikun is-suġġett ta' rikors bħal dan.

26      F'dan ir-rigward, filwaqt li tiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ittra li sempliċement tikkonferma deċiżjoni inizjali ma tikkostitwixxix deċiżjoni li tista' tagħti lok għal rikors għal annullament peress li ma tibdilx b'mod rilevanti l-pożizzjoni tad-destinatarju tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta' Mejju 1993, Foyer culturel du Sart-Tilman, C-199/91, Ġabra p. I-2667, punt 23), il-Kummissjoni ssostni li dan huwa l-każ ta' l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 li ma terġax teżamina l-mertu tal-kwistjoni u ma fiha l-ebda element li jista' jibdel b'mod sinjifikanti s-sitwazzjoni ġuridika ta' Greencore.

27      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li ħallset lura biss is-somma prinċipali lill-kumpannija sussidjarja ta' Greencore, filwaqt li baqgħet lura milli tieħu pożizzjoni fuq il-ħlas ta' l-interessi jikkostitwixxu d-deċiżjoni iniżjali li ċaħdet it-talba ta' Greencore intiża għall-ħlas ta' l-interessi.

28      Skond il-Kummissjoni, kien fil-mument meta hija ħallset lura biss l-ammont prinċipali lil Greencore li din ta' l-aħħar kellha tressaq rikors għal annullament kontra r-rifjut tal-ħlas ta' l-interessi, hekk kif għamlu impriżi oħra. Minflok dan kollu, Greencore ppreferiet tistenna r-riżultat tas-sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni u ddeċidiet li hija kienet ser tieħu azzjoni biss jekk Corus UK Ltd tingħata d-dritt għall-ħlas ta' l-interessi.

29      Barra minn dan, il-Kummissjoni ssostni li, kieku Greencore kienet tqis li l-ħlas lura ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi ma kienx jikkostitwixxi deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta' l-interessi, hija kellha, skond il-procedura ta' rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni previst fl-Artikolu 232 KE, tistieden lill-Kummissjoni taġixxi f'terminu raġjonevoli. Issa, kif jirriżulta mir-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, Greencore għażlet li ma tużax dan it-tip ta' rikors.

30      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, ma tistax tiġi użata bħala preċedent sabiex tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà u li din il-ġurisprudenza, f'kull każ, ġiet applikata ħażin.

31      Greencore ssostni, l-ewwel nett, li l-ilment tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 230 KE billi ddikjarat ammissibbli rikors għal annullament imressaq kontra att li ma jistax jiġi kkontestat għandu jiġi miċħud mingħajr ma lanqas ikun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza li fuqha dan huwa bbażat.

32      F'dan ir-rigward Greencore essenzjalment issostni li, billi tkompli tallega li l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 kienet biss ittra ta' informazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tinjora l-fatt li d-digriet ikkontestat kien ċaħħad lil din it-teżi mill-bażi fattwali tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma laqgħetx l-argument li n-nuqqas ta' ħlas ta' interessi kien jikkostitwixxi deċiżjoni li l-imsemmija ittra kienet sempliċement fakkret. Hija kkonstatat, fil-punt 14 tad-digriet ikkonstatat, li l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 tesprimi b'mod ċar ir-rifjut li jiġu mħallsa l-interessi moratorji mitluba minn Greencore favur il-kumpannija sussidjarja tagħha. Barra minn dan l-ittra ma żvelat l-ebda rifjut preċedenti.

33      Greencore tfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim'Istanza ma tikkostitwixxix kwistjoni ta' dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

34      It-tieni nett, skond Greencore, ma teżisti l-ebda regola Komunitarja li tgħid li s-skiet ta' istituzjoni huwa ekwivalenti għal deċiżjoni ta' rifjut, sakemm dan ma jkunx espressament speċifikat. Għalhekk, is-skiet tal-Kummissjoni meta, permezz ta' faks tas-27 ta' Ottubru 1999, Greencore kienet speċifikatament talbitha tikkonferma l-fatt li kienu ser jitħallsu interessi, ma jistax jikkostitwixxi deċiżjoni ta' rifjut ta' ħlas ta' interessi.

35      It-tielet nett, Greencore tqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ġustament ibbażat ruħha, fil-punt 15 tad-digriet ikkontestat, fuq il-ġurisprudenza li tirrizulta mis-sentenza L-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 hijiex jew le att li jista' jitressaq rikors kontrih, u ddeċidiet li, fid-dritt, m'hemmx differenza bejn il-fatt li istituzjoni tiċħad l-eżistenza ta' impenn preċedenti u l-fatt li din tiċħad l-eżistenza ta' obbligu li hija għandha skond it-Trattat KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Għalkemm, kif issostni Greencore, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tistħarreġ l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, din hija kompetenti, bis-saħħa ta' l-Artikolu 225 KE, sabiex tistħarreġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħarġet minnha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-1 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 49, u tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 p, Ġabra p. I-3111, punt 21).

37      Issa, f'dan il-każ, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet żbaljata meta kklassifikat l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 bħala att li jista' jiġi kkontestat permezz ta' rikors għal annullament safejn qieset li din l-ittra kienet tesprimi b'mod ċar ir-rifjut ta' din l-istituzzjoni li tħallas l-interessi moratorji mitluba.

38      Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, klassifikazzjoni ġuridika koretta ta' l-imsemmija ittra tippreżupponi determinazzjoni preliminari tal-klassifikazzjoni li għandha tingħata lill-ħlas, li l-Kummissjoni għamlet fl-4 ta' Jannar 2000, ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi.

39      Fil-fatt, jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-ħlas ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi mitluba kellu jiġu kklassifikat bħala rifjut impliċitu li jitħallsu dawn l-interessi, din iċ-ċirkustanza tista' twassal għall-konsegwenza li l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 tiġi kklassifkata bħala att li sempliċenent jikkonferma deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-termini preskritti. F'dan il-każ, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-ittra ma tistax tkun is-suġġett ta' rikors għal annullament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Jannar 1996, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, C-480/92 P, Ġabra p. I-1, punt 14).

40      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-ammissibbiltà tar-rikors ta' Greencore, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx il-motiv imressaq mill-Kummissjoni peress li ma eżaminatx jekk il-ħlas ta' l-ammont prinċipali mingħajr l-interessi kienx jikkostitwixxi rifjut impliċitu li jitħallsu l-imsemmija interessi li jista' jiġi kklassifikat bħala deċiżjoni li tista' tiġi kkontestata fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE.

41      Billi naqset milli teżamina dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt li jiġġustifika l-annullament tad-digriet ikkontestat.

42      Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Hija tista' allura, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza biex din tiddeċiediha.

43      F'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista' tiddeċiedi definittivament hija nfisha fuq l-eċċezjoni ta' inammissibbiltà.

44      Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-miżuri li jagħtu lok għal effetti ġuridiċi vinkolanti li jeffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jibdlu b'mod sinjifikanti s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 62, u tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9).

45      Wara dan għandu jiġi osservat li, fil-prinċipju, is-skiet waħdu ta' istituzzjoni ma jistax jiġi assimmilat ma rifjut impliċitu, ħlief jekk din il-konsegwenza hija espressament prevista minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. Mingħajr ma jiġi eskluż li, f'ċerti ċirkustanzi speċifiċi, dan il-prinċipju jista' ma jiġix applikat b'tali mod li s-skiet jew in-nuqqas ta' azzjoni ta' istituzzjoni jistgħu jkunu eċċezzjonalment meqjusin li jkollhom l-valur ta' deċiżjoni impliċita ta' rifjut, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, f'dan il-każ, il-ħlas li l-Kummissjoni għamlet ta' l-ammont prinċipali biss mingħajr ma ħadet pożizzjoni espliċita fuq it-talba għall-ħlas ta' l-interessi ma jikkostitwixxix deċiżjoni impliċita ta' rifjut ta' din it-talba. Fil-fatt, f'dan il-każ, la ġew invokati u lanqas ma kien hemm ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawn.

46      Fl-aħħar nett, il-fatt li Greencore ma użatx il-proċedura prevista mill-Artikolu 232 KE sabiex iġġiegħel lill-Kummissjoni tħallas interessi m'għandu l-ebda effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament li hija ppreżentat wara li ngħatat is-sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni.

47      Safejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motiv tal-Kummissjoni li l-ittra tal-11 ta' Frar 2002 kienet biss konferma ta' deċiżjoni impliċita ta' rifjut li kienet diġà ttieħdet, għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra, li permezz tagħha jiġi miċħud lil Greencore d-dritt li titlob il-ħlas ta' l-interessi fuq l-ammont imħallas lura, fiha rifjut ta' ħlas ta' interessi u għalhekk tikkostitwixxi att li jista' jiġi kkontestat fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE.

48      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

49      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu l-ewwel nett jiġi annullat id-digriet ikkontestat u, imbagħad, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta' Jannar 2003, Greencore Group vs Il-Kummissjoni (T-135/02), huwa annullat.

2)      L-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija miċħuda.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.