Language of document : ECLI:EU:C:2005:88

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Frar 2005 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Sentenza li tikkonstata l-illegalità ta’ deċiżjoni li tordna separazzjoni ta’ impriżi bħala konsegwenza ta’ l-illegalità ta’ deċiżjoni preċedenti li kienet tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni”

Fil-Kawża C-13/03 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti ta’ Ġustizzja, mressaq fit-8 ta’ Jannar 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Petite, A. Whelan u P. Hellström, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Tetra Laval BV, stabbilita f’Amsterdam (l-Olanda), rappreżentata minn A. Vandencasteele, D. Waelbroeck u M. Johnsson, avukati, kif ukoll minn A. Weitbrecht u S. Völcker, Rechtsanwälte,

rikorrenti fil-prim’istanza,

 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Ewwel Awla, li qed jaqdi l-kariga ta’ President, C.W.A. Timmermans, A. Rosas (relatur) u K. Lenaerts, presidenti ta’ l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A . Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Principali,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs il-Kummissjoni (T-80/02, Ġabra p. II-4519, iktar ‘il quddiem is-“sentenza kkontestata”), b’liema sentenza din il-Qorti annullat id-Deċiżjoni 2004/103/KE tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2002, li tistabbilixxi miżuri li għandhom bħala għan li jerġgħu jistabbilixxu kompetizzjoni effettiva, skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (każ COMP/M. 2416 – Tetra Laval/ Sidel) (ĠU 2004, L 38 p. 1, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ta’ separazzjoni”).

 Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89

2       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1 u rettifika ĠU 1990, L 257, P. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p.1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament”) fl-Artikolu 8(3) u (4) tiegħu jipprovdi li:

“3. Fejn il-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterju definit fl-Artikolu 2 (3) jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2 (4), ma’ tissodisfax il-kriterji mposti b’Artikolu 85 (3) tat-Trattat, hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

4. Meta konċentrazzjoni tkun diġà implimentata, il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni skond il-paragrafu 3 jew b’deċiżjoni għaliha, teħtieġ li l-impriżi jew assi miġjuba flimkien jiġu separati jew li jintemm il-kontroll konġunt jew kull azzjoni oħra li tista’ tkun xierqa biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.”

 Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

3       Fit-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/124/KE, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE (każ COMP/M. 2416 – Tetra Laval/Sidel) (ĠU 2004, L 43, p. 13, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà”).

4       It-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ separazzjoni, li tordna miżuri sabiex terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva, skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament. Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li ġiet notifikata lil Tetra Laval BV (iktar ‘il quddiem “Tetra”) fl-4 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni tordna iċ-ċessjoni, minn din il-kumpannija, ta’ l-ishma tagħha f’Sidel SA, u tipprovdi l-metodi skond liema din is-separazzjoni għandha ssir.

5       Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Jannar 2002, Tetra ressqet talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, rreġistrata taħt in-numru T-5/02.

6       Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Marzu 2002, Tetra ressqet it-tieni talba li kellha bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni ta’separazzjoni.

7       Fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs il-Kummissjoni (T-5/02, Ġabra p. II-4381, iktar ‘il quddiem “is-sentenza fil-kawża T-5/02”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

8       Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, annullat id-deċiżjoni ta’ separazzjoni.

 Is-sentenza kkontestata

9       Fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dan li ġej:

“36 Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwelnett, li mill-kuntest tar-Regolament u, b’mod partikolari mill-premessa 16 tiegħu, jirriżulta li l-għan ta’ l-Artikolu 8(4) hu li jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni effettiva. Meta, bħal f’din il-kawża, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni seħħet taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament, is-separazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati f’din l-operazzjoni hija l-konsegwenza loġika tad-deċiżjoni li tiddikjara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbi mas-suq komuni.

37      Issa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ separazzjoni wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbi mas-suq komuni tippresupponi l-validità ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Billi l-għan ta’ deċiżjoni ta’ separazzjoni adottata taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament huwa li terġa’ tistabbilixxi kompetizzjoni effettiva li ġiet imxekkla mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li ġiet iddikjarata inkompatibbli, huwa ċar li l-validità tagħha tiddependi minn dik tad-deċiżjoni li tipprojbixxi l-operazzjoni ta’; konċentrazzjoni u, għaldaqstant, li l-annullament ta’ din ta’ l-aħħar tiċħadha minn kull bażi legali.

38      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li, skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament, iċ-ċessjoni ta’ sehem li ġie akkwistat matul operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, tista tiġi ordnata fl-istess kuntest tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà adottata taħt l-Artikolu 8(3).

39      Barra minn dan, l-imsemmija konklużjoni mhijiex ikkontestata mir-referenza magħmula mill-Kummissjoni għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs il-Kummissjoni, 97/86, 193/86, 99/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punti 30 u 32, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Asteris”]. L-ewwelnett, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat f’din is-sentenza "l-effett retroattiv ta’ sentenzi ta’ annullament" (punt 30). It-tieni nett, is-sentenza Asteris kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, l-effetti ta’ l-annullament ta’ regolament, b’portata limitata għal perijodu ta’ żmien definit sewwa, fuq kull dispożizzjoni ta’ regolamenti sussegwenti bl-istess kontenut bħal dak misjub illegali. Din is-sentenza għalhekk tikkonċerna l-portata ta’ l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 233 KE fuq l-istituzzjoni responsabbli għall-adozzjoni tar-regolamenti kkonċernati, li teżegwixxi s-sentenza ta’ annullament ikkonċernata.

40      Madanakollu, din il-kawża, b’differenza mis-sitwazzjoni li minnha oriġinat is-sentenza Asteris, ma tikkonċernax regolamenti li fihom dispożizzjonijiet identiċi, iżda deċiżjoni ta’ separazzjoni preċedenti, li tillimita ruħha sabiex timplimenta d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Is-sempliċi fatt li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, l-imsemmija deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mhijiex annullata ma jistax iċaħħad l-annullament tagħha, li ġie kkonstatat sussegwentement, minn effett retroattiv.

41      Issa, permezz tas-sentenza mogħtija fil-kawża T-5/02, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà [...].

42      Peress li l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà b’dan il-mod ġġib magħha dik tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, dan ir-rikors għal annullament, magħmul kontra din l-aħħar deċiżjoni għandu jiġi milqugħ mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

43      Konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ separazzjoni hija annullata.”

 L-Appell

10     Permezz ta’ rikors li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fit-8 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 ta’ l-iStatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, ressqet appell kontra s-sentenza fil-Kawża T-5/02.

 L-argumenti tal-partijiet

11     Sabiex issostni l-appell tagħha f’din il-kawża, il-Kummissjoni tisħaq li, jekk l-appell imressaq kontra s-sentenza fil-kawża T-5/02 kellu jirriżulta fl-annullament ta’ din ta’ l-aħħar, is-sentenza kkontestata tkun ibbażata fuq premessa, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, ivvizzjata minn żball ta’ dritt. Fil-fatt, peress li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza kienet l-unika raġuni għall-annullament minn din ta’ l-aħħar tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni, l-annullament tas-sentenza, mogħtija fl-imsemmija kawża, li tannulla l-ewwel deċiżjoni, iġġib magħha l-annullament tas-sentenza kkontestata, li kienet annullat it-tieni deċiżjoni.

12     Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk, meta jitqiesu l-motivi ta’ dritt esposti fid-dettall fl-appell tagħha kontra s-sentenza fil-kawża T-5/02, dan l-appell kellu jiġi milqugħ, ikun hemm lok sabiex is-sentenza kkontestata tiġi annullata.

13     Tetra ssostni li l-appell huwa inammissibbli. Fil-fatt, bil-kuntrarju tar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jindikax ir-raġunijiet u l-motivi ta’ dritt invokati kontra s-sentenza kkontestata.

14     Tetra tisħaq f’dan ir-riġward li l-Kummissjoni la ssostni li s-sentenza kkontestata tikser id-dritt komunitarju u lanqas li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza jew d-dispożittiv ta’ din is-sentenza huma vvizzjati minn żbalji ta’ dritt. Għall-kuntrarju, skond il-Kummissjoni, mhijiex is-sentenza kkontestata li hija vvizzjata bi żball ta’ dritt, iżda s-sentenza mogħtija fil-kawża T-5/02.

15     B’mod sussidjarju, Tetra tikkonkludi li l-appell huwa mingħajr bażi u li, anke jekk l-appell magħmul kontra s-sentenza fil-kawża T-5/02 kellu jiġi milqugħ, dan m’għandux iwassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata.

16     L-ewwelnett, Tetra ssostni li l-Kummissjoni m’għandhiex interess li jiġi ppronunċjat l-annullament tas-sentenza kkontestata. Nuqqas ta’ interess bħal dan jirriżulta, min-naħa, mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ separazzjoni hija minnha nfisha diskutibbli billi l-miżuri eżekuttivi li din tordna, inklużi t-termini li hija tistabbilixxi, saru obsoleti minħabba li ġrajjiet li seħħew wara li ġiet adottata din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, taqa’ hija l-Kummissjoni, kieku dan kellu jkun neċessarju, li għandha tadotta deċiżjoni ġdida taħt l-Artikolu 8(4) tar-Regolament, deċiżjoni li mbagħad tkun adattata għas-sitwazzjoni eżistenti.

17     It-tieni nett, dan l-appell huwa bbażat fuq il-premessa li jekk l-appell magħmul kontra s-sentenza fil-kawża T-5/02 jiġi rikonoxxut bħala fondat, il-Qorti tannulla wkoll is-sentenza kkontestata minn dan l-appell. Issa, f’dan il-każ:

-      jew il-Qorti tal-Ġustizzja tirrinivja l-ewwel kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid; jekk hija tikkonkludi li d-deċiżjoni finali f’din is-sentenza tiddependi mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’din l-ewwel kawża, hi ma tkunx tista’ taqta’ l-kawża mingħajr ma tkun taf id-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel kawża; il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikolha wkoll tirrinvija din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

-      jew inkella il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li taqta’ fuq il-mertu tal-kontroversja fl-ewwel kawża; Tetra Laval madanakollu tqis li, f’każ bħal dan, din il-kawża għandha tiġi rinvjata lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi. Fil-fatt, hija ressqet numru ta’ motivi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament tad-deċiżjoni, iżda l-Qorti tal-Prim’Istanza esprimiet ruħha biss fuq waħda minnhom.


18     Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex titlob l-annullament tas-sentenza kkontestata, hija ma tibbażax ruħha fuq l-argumenti mqajma fl-appell tagħha kontra s-sentenza fil-kawża T-5/02, iżda fuq il-fatt li annullament ta’ din is-sentenza jinvalida l-premessa ġuridika li tikkostitwixxi l-bażi tas-sentenza kkontestata. Fil-fatt, peress li din tkun ibbażata fuq att li hu manifestament null, hija tkun vizjata minn żball ta’ dritt li jikkonċerna l-validità u l-applikabbiltà ta’ dan l-att, indipendentement mill-motivi ta’ din l-invalidità, li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti matul proċedura separata. Peress li motiv bħal dan huwa espost f’dan l- appell, dan ikun ammissibbli.

19     Bi tweġiba għall-argument li d-deċiżjoni ta’ separazzjoni ma tkunx iktar operattiva, il-Kummissjoni ssostni li l-bżonn eventwali li jiġi mmodifikat att li jimponi, b’mod partikolari, ċerti termini u li l-applikazzjoni tiegħu ġiet posposta minn proċedura kontenzjuża m’għandux ikun raġuni ta’ rifjut ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ ċaħda ta’ argumenti fondati u li jistgħu jwasslu, fil-kuntest ta’ appell, għall-annullament ta’ sentenza li tkun annullat att bħal dan. Il-validità ta’ l-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi evalwata skond il-kundizzjonijiet fis-seħħ meta hija ġiet adottata mill-Kummissjoni u din ta’ l-aħħar għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tassigura l-applikazzjoni tagħha skond il-liġi fl-ipotesi fejn l-imsemmija qrati jikkunsidraw, fl-aħħar analiżi, li din ġiet adottata b’mod validu.

20     F’dak li jirrigwarda r-rabta bejn dan l-appell u dak magħmul kontra s-sentenza fil-kawża T-5/02, il-Kummissjoni tinnota li l-annullament ta’ din is-sentenza hija biżżejjed sabiex is-sentenza kkontestata tiġi annullata. L-annullament jipproduċi dan l-effett anki jekk din is-sentenza kienet rinvjata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tkompli tiġi eżaminata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     Mill-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha jirriżulta li dan l-appell għandu biss skop jekk is-sentenza fil-kawża T-5/02, ikkontestata mill-Kummissjoni fl-appell tagħha fis-sentenza li tat lok għas-sentenza ta’ llum, Tetra Laval vs il-Kummissjoni, (C-12/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), tiġi annullata mill-Qorti.

22     Issa, permezz ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell imressaq mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà.

23     Minn dan isegwi li, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Tetra Laval dwar l-ammissibiltà ta’ dan l-appell, hemm lok li dan jiġi dikkjarat bħala mingħajr skop.

 Dwar l-ispejjeż

24     Skond l-Artikolu 69(6) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, fil-każ fejn m’hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Peress li n-nuqqas ta’ skop ta’ dan l-appell jirriżulta miċ-ċaħda minn din ta’ l-aħħar ta’ l-appell tal-Kummissjoni fil-kawża C-12/03 P, permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja il-Kummissjoni vs Tetra Laval, ċitata iktar ‘il fuq, li tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, hemm ukoll lok li din tiġi wkoll kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ dan l-appell.

Għall-dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      M’hemmx lok għall-deċiżjoni fuq l-appell.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-każ: l-Ingliż.