Language of document : ECLI:EU:C:2005:224

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ April 2005 (*)

"Suq intern ta’ l-elettriku – Żieda fil-ħlasijiet għall-aċċess għan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-elettriku u għall-użu tiegħu – Għajnuna mill-Istat – Direttiva 96/92/KE – Aċċess għan-netwerk – Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni"

Fil-kawżi magħquda C-128/03 u C-129/03,

li għandhom bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (L-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ l-14 ta’ Jannar 2003, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2003, fil-kawżi

AEM SpA (C-128/03),

AEM Torino SpA (C-129/03)

vs

Autorità per l’energia elettrica e per il gas et,

fil-preżenza ta’:

ENEL Produzione SpA,


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, S. von Bahr (Relatur), J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AEM SpA u AEM Torino SpA, minn O. Brouwer, advocaat, u T. Salonico, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat- 28 ta’ Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Id-domandi għal deċiżjonijiet preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE u tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/92/KE, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU 1997, L 27, p. 20), b’ mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha.

2        Dawn id-domandi ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ rikorsi mressqa mill-kumpanniji AEM SpA (aktar ’il quddiem "AEM") u AEM Torino SpA (aktar ’il quddiem "AEM Torino") li bihom l-imsemmija kumpanniji ikkontestaw żewġ deċiżjonijiet ta’ l-Autorità per l’energia elettrica e per il gas (aġenzija għall-enerġija elettrika u għall-gas, minn hawn ’il quddiem l-"AEEG"), kif ukoll digriet ministerjali li jissuġġetta ċerti impjanti idrawliċi u ġeotermiċi għal żieda fl-ispejjeż għall-aċċess għan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-elettriku u għall-użu tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġislazzjoni komunitarja

3        Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 96/92 "tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u funzjoni tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċedura applikabbli għas-sejħiet ta’ offerti u l-provvista ta’ awtorizzazzjonijiet u l-operazzjoni ta’ sistemi".

4        L-Artikolu 7(1) u (5) tad-Direttiva 96/92 jipprovdi li ġej:

"1.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew għandhom jitolbu impriżi illi għandhom sistemi ta’ trasmissjoni illi jinnominaw, għal perijodu ta’ żmien li għandu jkun determinat minn Stati Membri wara li jikkunsidraw kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza u bilanċ ekonomiku, sistema ta’ operatur li għandha tkun responsabbli għall-operazzjoni, waqt li tiżgura l-manutenzjoni ta’, u, jekk neċessarju, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ trasmissjoni f’ċerta lokalità u interconnectors tagħha ma’ sistemi oħra, sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista.

[...]

5.      L-operatur tas-sistema ma għandux jiddiskrimina bejn utenti ta’ sistemi jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistemi, b’mod partikolari favur is-sussidjarji tiegħu jew ta’ min għandu l-ishma."

5        L-Artikolu 8(1) sa (3) ta’ l-istess Direttiva jipprovdi li:

"1.      L-operatur tat-trasmissjoni għandu jkun responsabbli għad-dispaċċ ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fil-lokalità tiegħu u biex jistabbilixxi l-użu ta’ interconnectors ma’ sistemi oħra.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-provvisti ta’ elettriku fuq bażi ta’ obbligi kontrattwali, inkluż dawk illi jiġu minn speċifikazzjonijiet ta’ l-offerti, id-dispaċċ ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interconnectors għandhom ikunu stabbiliti a bażi ta’ kriterji li jistgħu jkunu approvati minn Stat Membru u li għandhom ikunu oġġettivi, ippublikati u applikati b’manjiera mhux diskriminatorja illi tiżgura t-tħaddim xieraq tas-suq intern fl-elettriku. Huma għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika ta’ installazzjonijiet illi jiġġeneraw l-elettriku disponibbli ta’ trasferimenti ta’ interconnector u r-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema.

3.      Stat Membru jista’ jitlob l-operatur tas-sistema, meta jibgħat l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni illi jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġeded jew skart jew jipproduċu kumbinazzjoni ta’ sħana u elettriku."

6        L-Artikolu 24(1) ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi li:

"1.      Dawk l-Istati Membri fejn rabtiet jew garanziji ta’ operazzjoni illi ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jiġu mwettqa minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu japplikaw għal reġim tranżitorju illi jista’ jingħata lilhom mill-Kummissjoni, waqt li jittieħed kont, fost affarijiet oħra, tad-daqs tas-sistema kkonċernata, il-livell ta’ interkonnessjoni tas-sistema u l-istruttura ta’ l-industrija ta’ l-elettriku tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk l-applikazzjonijiet qabel hija tieħu deċiżjoni, waqt li tieħu kont tat-tħaris tal-kunfidenzjalità. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej."

7        L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 96/92 jippreċiża li t-talbiet għal reġim tranżitorju għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

 Il-leġislazzjoni nazzjonali

8        Id-digriet leġislattiv nru 79, tas-16 ta’ Marzu 1999, dwar l-eżekuzzjoni tad- Direttiva 96/92/KE, li tistabbilixxi regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, nru 75, tal-31 ta’ Marzu 1999, p. 8, aktar ’il quddiem id-"digriet leġislattiv nru 79/99"), jipprovdi, fl-Artikolu 3(10) tiegħu, li huwa dovut ħlas lill-operatur tas-sistema għall-aċċess għas-sistema ta’ trasmissjoni nazzjonali ta’ l-elettriku u għall-użu tagħha. Dan il-ħlas huwa ffissat independentement mill-pożizzjoni ġeografika tas-siti ta’ ġenerazzjoni u tal-konsumaturi finali u, f’kull każ, fuq il-bażi ta’ kriterji li mhumiex diskriminatorji. L-ammont tal-ħlas dovut huwa stabbilit mill-AEEG li taġġusta wkoll it-tariffa tagħha.

9        L-Artikolu 3(11) tad-digriet leġislattiv nru 79/99 jipprovdi li l-ispejjeż ġenerali dovuti għas-sistema ta’ trażmissjoni ta’ l-elettriku jinkludu spejjeż differenti: dawk għall-attività ta’ riċerka, dawk għaż-żarmar ta’ l-installazzjonijiet nukleari li m’għadhomx jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, dawk marbuta mal-waqfien taċ-ċiklu tal-kombustibbli nukleari, kif ukoll dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet konnessi u konsegwenti. Dawk l-ispejjeż ġenerali huma speċifikati, permezz ta’ digriet wieħed jew aktar tal-Ministro dell’industria, del commercio e dell’artigianato (Ministru ta’ l-Industrija, tal-Kummerċ u ta’ l-Artiġjanat), bi qbil mal-Ministro del tesoro, del bilancio e della programmazione economica (il-Ministru tat-Teżor, tal-Baġit u ta’ l-Ippjanar Ekonomiku), fuq proposta ta’ l-AEEG.

10      L-Artikolu 2(1), tad-digriet tal-Ministro dell’industria, del commercio e dell’artigianato, tas-26 ta’ Jannar 2000, li jistabbilixxi l-ispejjeż ġenerali tas-sistema ta’ l-elettriku, adottat flimkien mal-Ministro del tesoro, del bilancio e della programmazione economica, fuq proposta ta’ l-AEEG (Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, nru 27, tat-3 ta’ Frar 2000, p. 12, aktar ’il quddiem id-"digriet tas-26 ta’ Jannar 2000"), jidefinixxi l-ispejjeż ġenerali tas-sistema ta’ l-elettriku bħala:

"a)      l-indennizz lill-impriżi ta’ ġenerazzjoni-distribuzzjoni, skond il-kriterji definiti f’dan id-digriet, għall-parti mhux irkuprabbli, b’ riżultat ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva [96/92], ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attività tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija elettrika;

b)      il-kumpens għall-aħjar valutazzjoni, li jirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva [96/92], ta’ l-enerġija elettrika ġġenerata minn installazzjonijiet idrawliċi u ġeotermiċi li, fid-19 ta’ Frar 1997, kienu l-proprjetà jew kienu disponibbli għall-impriżi ta’ ġenerazzjoni-distribuzzjoni;

c)      l-ispejjeż marbuta maż-żarmar ta’ installazzjonijiet nukleari li m’għadhomx jintużaw aktar u għall-waqfa taċ-ċiklu tal-kombustibbli nukleari u għall-attivitajiet konnessi li jirriżultaw;

d)      l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp għall-innovazzjoni teknoloġika ta’ interess ġenerali għan-netwerk ta’ l-elettriku;

e)      l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet tariffarji favorevoli għall-provvista ta’ l-elettriku previsti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 4 ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ l-[AEEG] nru 70/97 u tad-digriet tal-Ministro dell’industria, del commercio e dell’artigianato tad-19 ta’ Diċembru 1995."

11      Għal dak li jikkonċerna l-kumpens għall-aħjar valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1)(b) tad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000, l-Artikolu 3(3), ta’ l-istess digriet, li jinsab taħt it-titolu "Spejjeż li jirriżultaw mill-implementazzjoni tad-Direttiva [96/92]", jipprovdi li:

"hija biss irkuprata, sabiex tikkumpensa anki jekk parzjalment biss għall-ispejjeż ġenerali tan-netwerk ta’ l-elettriku, għal perijodu ta’ seba’ snin li jibda jiddekorri mill-1ta’ Jannar 2000 u skond il-modalitajiet speċifikati fl-Artikolu 5, is-somma li tikkorrispondi għall-aħjar valutazzjoni ta’ l-elettriku prodott mill-impjanti idrawliċi u ġeotermiċi li ma jibbenefikawx mis-sistema tal-kontribuzzjonijiet [, favur impjanti ġodda li jużaw sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu,] prevista fid-deċiżjonijiet nru 15, tat-12 ta’ Lulju 1989, nru 34, ta’ l-14 ta’ Novembru 1990, u nru 6, tad-29 ta’ April 1992 tal-Comitato interministerale dei prezzi [Kumitat interministerjali tal-prezzijiet], kif emendati. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu la japplikaw għall-impjanti b’saħħa ta’ ġenerazzjoni nominali li mhijiex aktar minn 3 MW u lanqas għall-impjanti idrawliċi ta’ ppumpjar."

12      Skond l-Artikolu 5(9) tad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000:

"Is-somma li tikkorrispondi għall-aħjar valutazzjoni li għandha tiġi rkuprata matul il-perijodu speċifikat fl-Artikolu 3(3), hija, għas-sena 2000, daqs l-ispiża varjabbli rikonoxxuta għal kull unità ta’ l-elettriku ġġenerata mill-installazzjonijiet termiċi li jużaw kombustibbli fossili kummerċjali, fis-sens ta’ l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni ta’ l-[AEEG] nru 70/97 u, għas-snin sussegwenti, għal kull installazzjoni u għal kull perijodu ta’ xahrejn, għal parti mid-differenza bejn il-valur medju meqjus tal-prezzijiet bl-ingrossa ta’ l-elettriku fis-suq nazzjonali matul il-perijodi differenti ta’ xahrejn, billi jintużaw bħala koeffiċjent il-kwantità ta’ elettriku ġġenerat mill-installazzjoni matul il-perijodi differenti ta’ xahrejn, u l-ispejjeż medji fissi għal kull unità ta’ l-impjant, kif ippreċiżati kull sena, sa mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, mill-[AEEG]. Din il-parti hija ta’ 75 % għas-snin 2001 u 2002, ta’ 50 % għas-snin 2003 u 2004 u ta’ 25 % għas-snin 2005 u 2006. Wara din id-data, din il-parti hija ekwivaneti għal żero."

13      L-Artikoli 2(1) u (2) tad-deċiżjoni nru 231/00 ta’ l-AEEG, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000 u 2(1), (2) u (8) tad-deċiżjoni nru 232/00 ta’ l-AEEG, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000, dwar id-definizzjoni taż-żieda fil-ħlas dovut għall-aċċess għas-sistema nazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ l-elettriku u għall-użu tagħha għall-elettriku prodott minn installazzjonijiet idrawliċi u ġeotermiċi għas-snin 2000 sa 2006 (suppliment ordinarju għall-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana, nru 4, tal-5 ta’ Jannar 2001, p. 13, aktar ’il quddiem id-"deċiżjoni nru 231/00" u d-"deċiżjoni nru 232/00"), jissuġġettaw l-enerġija elettrika li hija s-suġġett ta’ l-Artikolu 3(3) tad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000 u li hija ġġenerata u mdaħħla fis-sistema minn impjanti li, fid-19 ta’ Frar 1997, kienu l-proprjetà jew għad-dispożizzjoni ta’ impriżi produttriċi-distributtriċi, għal żieda tal-ħlas dovut għall-użu tan-netwerk li jkopri s-servizzi dinamiċi, bħala kumpens għall-aħjar valutazzjoni skond l-Artikolu 2(1)(b) tad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000.

14      Id-dħul li jirriżulta miż-żieda fil-ħlas previst fl-Artikoli 2 tad-deċiżjonijiet nri 231/00 u 232/00 (aktar ’l-quddiem "iż-żieda fil-ħlas impost"), u skond l-Artikoli 3(1) ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet, huwa mħallas lill-"Cassa conguaglio per il settore elettrico" (Fond ta’ aġġustament għas-settur ta’ l-elettriku, aktar ’il quddiem "fond ta’ aġġustament") għat-tmexxija tas-sistema. L-Artikolu 3(2) ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet jipprovdi li dawn il-ħlasijiet għandhom jidħlu fil-"Conto per la gestione della compensazione della maggiore valorizzazione dell’energia elettrica nella transizione" (Fond għall-kumpens ta’ l-aħjar valutazzjoni ta’ l-enerġija elettrika matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni). L-Artikoli 3(3) ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet jipprovdu li l-ammont żejjed li jista’ jkun hemm f’dan l-aħħar fond għandu jiġi trasferit fil-"Conto per nuovi impianti da fonti rinnovabili e assimilate" (fond għall-impjanti ġodda li jużaw sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u sorsi oħra assimilati għal dawn l-aħħar sorsi).

 Il-kawżi prinċipali

15      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li AEM u AEM Torino ippreżentaw, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia, rikorsi kontra d-deċiżjonijiet nri 231/00 u 232/00 u l-atti li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet, kemm dawk bażiċi u kemm dawk konnessi, fosthom id-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000.

16      Peress li dawn ir-rikorsi ġew miċħuda, AEM u AEM Torino ressqu appelli quddiem il-Consiglio di Stato sabiex jitolbu l-annulament tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda.

17      Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-Consiglio di Stato qiegħed, b’mod partikolari, jindika li AEM u AEM Torino qegħdin isostnu li ż-żieda fil-ħlas impost taqa’ kollha kemm hi taħt is-sistema tas-sussidji għat-tħaddim ta’ impriżi speċifiċi jew taħt is-sistema tas-sussidji għall-produzzjoni iffinanzjat permezz ta’ imposti fuq il-provvisti ta’ impriżi tas-settur u b’hekk tammonta għal għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, li ġiet mogħtija f’dan il-każ mingħajr ma ġiet applikata l-proċedura stabbilita mit-Trattat KE. L-AEM u l-AEM Torino jsostnu wkoll li prezz differenzjat għall-aċċess għan-netwerk ta’ trasmissjoni, li jirriżulta f’piż akbar għal xi impriżi, jikkostitwixxi ksur ta’ wieħed mill-priniċipji fundamentali tad-Direttiva 96/92, għal dak li jirrigwarda l-aċċess ta’ kulħadd mingħajr diskriminazzjoni għall-imsemmi netwerk.

 Id-domandi preliminari

18      Skond il-Consiglio di Stato, mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi kollha, iż-żieda tal-ħlas hija bbażata fuq il-ħtieġa li jingħata kumpens għall-vantaġġi indebiti u sabiex tagħmel tajjeb għall-iżbilanċi fil-kompetizzjoni li dehru matul l-ewwel perijodu tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-elettriku li seħħ bejn l-2000 u l-2006, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92.

19      F’dan ir-rigward, huwa josserva li, fil-fatt, qabel il-liberalizzazzjoni, l-impriżi ta’ ġenerazzjoni-distribuzzjoni ta’ l-elettriku li joriġina minn impjanti idrawliċi u ġeotermiċi kienu japplikaw tariffa li kellhom, bħala wieħed mill-elementi tagħhom, l-element B, li kien relatat mal-prezz tal-kombustibbli. Madankollu, id-dħul minn dan l-element tar-tariffa kien jitħallas mill-impriżi lill-fond ta’ aġġustament li, min-naħa tiegħu, kien iħallsu lill-installazzjonijiet termiċi li kienu l-uniċi li kienu verament isostnu l-ispiża tal-kombustibbli.

20      It-tibdil li sar iwassal għal vantaġġ doppju favur l-imsemmija impriżi. Minn naħa, sussegwentement għall-eliminazzjoni ta’ l-element B tat-tariffa għall-klijenti tas-suq magħluq u li, fil-passat, kien destinat għall-fond ta’ aġġustament, l-imsemmija impriżi tpoġġew f’sitwazzjoni li jirċievu prezz stabbilit b’mod ugwali fit-territorju nazzjonali għas-suq magħluq, li għadu suġġett għal sistema ta’ tariffi, fuq il-bażi ta’ parametri li jibqgħu jqisu l-ispiża tal-kombustibbli li huma ma jsostnux din l-ispiża. Min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ huwa intiż sabiex jiġi applikat ukoll fis-suq miftuħ għall-klijenti eliġibbli, fis-sens li l-prezzijiet ta’ bejgħ bl-ingrossa fis-suq magħluq jikkostitwixxu referenza għall-ftehim bilaterali fis-suq miftuħ. Dawn iż-żewġ vantaġġi huma biss ir-riżultat tal-modifika tal-kuntest ġuridiku sussegwentement għal-liberalizzazzjoni tas-settur u mhux ta’ modifika tal-parametri ta’ effiċjenza u ta’ kompetizzjoni.

21      Il-Consiglio di Stato jippreċiża li f’nota informattiva fuq il-leġislazzjoni tat-tariffi, ta’ l-4 ta’ Awwissu 1999 (aktar ’il quddiem in-"nota ta’ informazzjoni"), l-AEEG nnota li kieku din l-aħjar valutazzjoni tal-produzzjoni idrawlika u ġeotermika kellha titħalla għall-benefiċċju ta’ l-impriżi ta’ ġenerazzjoni-distribuzzjoni, hija twassal għal dħul għal dawn l-impriżi u toħloq piż fuq in-netwerk ta’ l-elettriku, bħala konsegwenza diretta tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni, billi timponi livelli ogħla ta’ tariffi għall-konsumatur, li ma jkunux ibbażati fuq spejjeż għola.

22      In-nota ta’ informazzjoni tippreċiża wkoll li "[f]il-każ ta’ l-elettriku ġġenerat minn impjanti idrawliċi u ġeotermiċi, din il-konsegwenza għandha tkun evitata billi fuq dan l-elettriku tiġi imposta żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu tan-netwerk ta’ trażmissjoni, skond l-Artikolu 3(10) tad-digriet leġislattiv nru 79/99, sa l-iskadenza tal-konċessjonijiet attwali għall-estrazzjoni ta’ l-ilma għall-użu idroelettriku u l-użu ta’ riżorsi ġeotermiċi għal skopijiet termoelettriċi. Id-dħul minn dawn iż-żidiet ikun jista’ jintuża sabiex jikkumpensa għas-stranded costs [spejjeż mhux irkuprabbli] li jistgħu jitfaċċaw u li ma jkunux rikonoxxuti mod ieħor, jew għall-finanzjament ta’ l-ispejjeż ġenerali tan-netwerk ta’ l-enerġija elettrika, b’mod partikolari, dawk relatati mal-promozzjoni ta’ l-enerġija elettrika ġġenerata mill-installazzjonijiet li jużaw sorsi ta’ enerġija li jistgħu jiġġeddu".

23      L-anness 2 tan-nota ta’ informazzjoni tibda billi tippreċiża li r-regolament tarrifarju bbażat fuq is-sistema li kienet fis-seħħ qabel it-transpożizzjoni tad-Direttiva 96/92 kien jipprovdi għall-għotja ta’ kontribuzzjonijiet, mill-fond ta’ aġġustament, favur il-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, liema kontribuzzjonijiet kienu differenzjati skond it-tipi ta’ installazzjonijiet u ta’ produtturi.

24      F’dan l-anness huwa kkonstatat li differenzjazzjoni bħal din fis-sistema ta’ kontribuzzjoni għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku mhijiex kompatibbli ma’ qafas liberalizzat ta’ ġenerazzjoni. F’qafas bħal dan, ikun inevitabbli li, għal kull perijodu, jifforma prezz wieħed tas-suq għall-elettriku bl-ingrossa li l-produtturi kollha jiffissaw u jitolbu indipendentement mit-tip ta’ impjant użat.

25      Fl-aħħar nett, f’dan l-anness huwa speċifikat li l-qligħ li jirriżulta fil-każ ta’ l-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet idrawliċi u ġeotermiċi jiddependi mid-disponibbiltà tar-riżorsi skarsi, jiġifieri, l-ilma u r-riżorsi ġeotermiċi għall-użu tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettrku li, fis-sistema preżenti, mhumiex vvalutati kif xieraq.

26      Il-Consiglio di Stato jfakkar li, għal dak li jirrigwarda l-elettriku ddistribwit fis-suq ħieles, iż-żieda fil-ħlas għall-aċċess għan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni u għall-użu tagħha kienet introdotta mill-2000, permezz tad-Deċiżjoni nru 231/00, filwaqt li għall-elettriku distribwit fis-suq magħluq, iż-żieda kienet introdotta biss mill-2001, permezz tad-Deċiżjoni nru 232/00. Dan hu dovut għall-fatt li, fis-suq magħluq, l-element B tat-tariffa, flimkien mal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-kombustibbli li kienu assoċjati miegħu tneħħew biss mis-sena 2001.

27      Il-Consiglio di Stato jispeċika wkoll li l-irkupru ta’ l-aħjar valutazzjoni huwa stabbilit f’mod digressiv sa l-aħħar tas-sena 2006, b’ mod li jippermetti lis-suq li jasal għal ekwilibriju li jkun effettivament kompetittiv.

28      Huwa jindika wkoll li hu nnota l-fatt li ż-żieda fil-ħlas mhijiex bbażata fuq l-Artikolu 24 tad-Direttiva 96/92.

29      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Consiglio di Stato jqis li hu neċessarju li, fl-ewwel lok, jivverifika, jekk sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 87 KE et seq.

30      F’dan ir-rigward, il-Consiglio di Stato jinnota li d-dħul miż-żieda tal-ħlas mhuwiex użat favur impriżi speċifiċi jew kategoriji ta’ impriżi li joperaw fis-suq iżda sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż ġenerali tan-netwerk ta’ l-elettriku għall-benefiċċju tal-konsumatur. Għalhekk din hija miżura ġenerali ta’ politika ekonomika li m’għandhiex l-għan li tagħti vantaġġ lil xi impriżi speċifiċi jew lil ċerti produzzjonijiet, iżda għall-kuntrarju għandha fini ta’ karattru ġenerali. Fil-fatt, skond il-Consiglio di Stato, kuntrarjament għal dak li jirriżulta minn ċerti indikazzjonijiet fl-atti preparatorji, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni m’għandhomx l-għan li jallokaw mill-ġdid id-dħul favur kategorija speċifika ta’ impriżi bil-għan li jkopru s-stranded costs. Minbarra dan, id-deċiżjonijiet nri 231/00 u 232/00 jipprovdu, bħala sempliċi eventwalità biss, li l-ammonti żejda fil-kont li jistgħu jkunu disponibbli għall-kumpens ta’ l-aħjar valutazzjoni ta’ l-elettriku matul il-perijodu tranżitorju għandhom jiġu trasferiti fil-kont għall-impjanti ġodda minn sorsi li jistgħu jiġġeddu jew sorsi li jistgħu jkunu assimilati magħhom. Finalment, mhumiex id-dispożizzjonijiet in kwistjoni tad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000, li jipprovdu li l-ammonti rilevanti għandhom imorru f’kont intiż sabiex ikopri l-ispejjeż ġenerali tas-sistema, li għandhom jiġu kklasifikati bħala għajnuna mill-Istat, iżda eventwalment tista’ tkun id-determinazzjoni separata u sussegwenti tad-destinazzjoni ta’ l-imsemmija ammonti, li issa huma disponibbli għat-Teżor pubbliku, favur impriżi jew produzzjonijiet speċifiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

31      Fit-tieni lok, il-Consiglio di Stato jqis neċessarju li tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ sistema bħal din mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/92, b’mod partikolari dawk ta’ l-Artikolu 7 u l-ħamsa u għoxrin premessa tagħha, għal dak li jirrigwarda l-garanzija ta’ l-aċċess ta’ kulħadd mingħajr diskriminazzjoni għan-netwerk, u dawk ta’ l-Artikolu 8 ta’ l-istess Direttiva, għal dak li jirrigward l-istabbiliment ta’ kriterji għat-trażmissjoni ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni.

32      Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel lill-Qorti ż-żewġ domandi preliminari segwenti f’termini li huma identiċi fiż-żewġ kawżi C-128/03 u C-129/03:

"1)      Miżura amministrattiva li, skond it-termini u għar-raġunijiet speċifikati, tipprovdi għal ċerti impriżi li jużaw in-netwerk ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika, iż-żieda fil-ħlas għall-aċċess għan-netwerk u għall-użu tiegħu, sabiex tiffinanzja l-ispejjeż ġenerali tan-netwerk ta’ l-enerġija elettrika, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikoli 87 [KE] et seq. tat-Trattat?

2)      Il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 96/92, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija elettrika, u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7 u 8 dwar l-użu tan-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ l-enerġija elettrika, jipprekludu li Stat Membru jkun jista’ jadotta, b’mod tranżitorju, miżura li tipprovdi, fil-każ ta’ ċerti impriżi speċifiċi, għal żieda fil-ħlas destinat li jikkumpensa għall-aħjar valutazzjoni ta’ l-enerġija idrawlika u ġeotermika li tirriżulta, skond it-termini u l-motivi spjegati, mill-modifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u sabiex tiffinanzja l-ispejjeż ġenerali tas-sistema ta’ l-elettriku?"

33      Permezz tad-digriet tas-6 ta’ Mejju 2003, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li jiġu magħquda l-kawżi C-128/03 u C-129/03.

 Fuq il-Mertu

 Dwar l-ewwel domanda

34      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk miżura, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz tagħha, Stat Membru jimponi biss fuq ċerti utenti tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika żieda fil-ħlas dovut għall-aċċess u għall-użu ta’ dan in-netwerk, tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE.

 Osservazzjonjiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

35      AEM u AEM Torino ifakkru li d-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000 u d-deċiżjonijiet nri 231/00 u 232/00 kif ukoll id-deċiżjoni nru 228/01 ta’ l-AEEG, tat-18 ta’ Ottubru 2001, li tapprova test konsolidat tad-dispożizzjonijiet ta’ l-AEEG għall-għotja tas-servizzi ta’ trażmissjoni, ta’ kejl u ta’ bejgħ ta’ l-elettriku (supplement ordinarju għall-Gazetta ufficiale della Repubblica italiana, nru 277, tat-22 ta’ Diċembru 2001, p. 5), jimponu fuq ċerti produtturi-distributuri ta’ idroelettriku u ta’ l-enerġija elettrika ta’ oriġini ġeotermika li jħallsu ħlas ogħla għall-aċċess għan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni, bil-għan li jiġu kkumpensati l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika u l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ l-impjanti ammessi għas-sistema ta’ kontribuzzjonijiet favur l-impjanti ġodda li jużaw sorsi ta’ enerġija li tista’ tiġġedded. AEM u AEM Torino jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti integrali mis-sistemi ta’ għajnuna mill-Istat previsti mid-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000 sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika Taljana (stranded costs) u mill-Artikolu 22(3) tal-liġi nru 9/91, tad-9 ta’ Jannar 1991, dwar ir-regoli għall-eżekuzzjoni tal-pjan nazzjonali l-ġdid fuq l-enerġija: aspetti istituzzjonali, impjanti idroelettriċi u linji elettriċi, idrokarboni u ġeotermiċi, awtoproduzzjoni kif ukoll dispożizzjonijiet fiskali (supplement ordinarju għall-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana nru 13, tas-16 ta’ Jannar 1991, p. 3), sabiex jiġu konċessi inċentivi għall-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija elettrika minn sorsi li jistgħu jiġġeddu u sorsi simili.

36      Il-Gvern Taljan isostni li miżura amministrattiva li, fil-kuntest ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni, timponi fuq ċerti impriżi produttriċi-distributriċi ta’ l-enerġija elettrika idrawlika u ġeotermika li jużaw in-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni, żieda temporanja u digressiva fil-ħlas għall-aċċess u l-użu sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż ġenerali tas-sistema ta’ l-elettriku, ma tistax tiġi kkunsidrata għajnuna mill-Istat.

37      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa tagħha, issostni li miżura bħal dik li hija s-suġġett tal-proċedura fil-kawżi prinċipali u li, minħabba xi kundizzjonijiet u għal motivi preċiżi, timponi fuq xi impriżi speċifiċi li jużaw il-linji tan-netwerk ta’ l-elettriku, żieda fil-ħlas għall-aċċess għan-netwerk u għall-użu tiegħu, u li hija destinata sabiex tiffinanzja l-ispejjeż ġenerali tas-sistema elettrika, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE et seq.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-għajnuna mill-Istat li hija rregolata mit-Trattat bħala kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa wieħed li hu aktar ġenerali mill-kunċett ta’ sussidju peress li huwa jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħalma huma l-istess sussidji, iżda wkoll miżuri li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità l-Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 39; tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C-256/97, Ġabra p. I-3913, punt 19, u ta’ l-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-276/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 24).

39      Madankollu, il-kunċett ta’ għajnuna ma jkoprix biss miżuri li jintroduċu distinzjoni fost l-impriżi f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ ħlasijiet in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 42, u tad-29 ta’ April 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-159/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 42).

40      Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li ż-żieda fil-ħlas impost għall-aċċess u għall-użu għan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika, li hija imposta biss fuq l-impriżi ta’ ġenerazzjoni-distribuzzjoni ta’ l-elettriku li ġej minn impjanti idrawliċi jew ġeotermiċi, hija intiża sabiex tikkumpensa l-vantaġġ li tali impriżi jieħdu mil-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-elettriku b’riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92. Fil-fatt, ir-reġim tranżitorju ta’ l-ewwel perijodu ta’ l-imsemmija liberalizzazzjoni jippermetti lill-imsemmija impriżi jitolbu, minn naħa, prezz fiss fis-suq magħluq stabbilit fuq il-bażi ta’ parametri li jieħdu in kunsiderazzjoni spiża tal-kombustibbli li huma ma jsostnux u li lanqas ma huwa kkumpensat minn element ta’ tariffa imħallas lilhom lill-fond ta’ aġġustament, u, min-naħa l-oħra, prezz tal-bejgħ bl-ingrossa fis-suq ħieles li, fis-suq maħkum, jikkostitwixxi referenza, filwaqt li kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Anness 2 tan-nota ta’ informazzjoni, fil-qafas tal-konċessjonijiet ta’ estrazzjoni ta’ ilma għal użu idroelettriku u ta’ użu tar-riżorsi ġeotermiċi għal finijiet termoelettriċi, dawn ir-riżorsi għadhom m’humiex ivvalutati b’ mod xieraq.

41      Kif osservat il-qorti tar-rinviju, dan il-vantaġġ ma jirriżultax minn modifika tal-parametri ta’ effiċjenza u ta’ kompetizzjoni, iżda mill-modifika tal-kuntest ġuridiku wara l-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-elettriku.

42      Minbarra dan, min-nota ta’ informazzjoni jirriżulta li l-elettriku ġenerat minn dawn l-impriżi ser jiġi suġġett għaż-żieda fil-ħlas meta jiskadu l-konċessjonijiet attwali għall-estrazzjoni ta’ ilma għall-użu idroelettriku u għall-użu tar-riżorsi ġeotermiċi għal finijiet termoelettriċi. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta wkoll li ż-żieda fil-ħlas hija stabbilita b’mod digressiv sa l-aħħar tas-sena 2006.

43      Minn dan wieħed għandu jiddeduċi li miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li timponi, b’mod tranżitorju, żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika biss lill-impriżi ta’ ġenerazzjoni-distribuzzjoni ta’ elettriku li jiġi minn impjanti idrawliċi u ġeotermiċi sabiex jiġi ikkumpensat il-vantaġġ li l-imsemmija impriżi għandhom, waqt il-perijodu tranżitorju, b’riżultat tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-elettriku minħabba t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92, tikkostitwixxi differenzjazzjoni bejn impriżi f’dak li jirrigwarda ħlasijiet li jirriżultaw min-natura u mill-istruttura tas-sistema tal-ħlasijiet in kwistjoni. Għaldaqstant, din id-distinzjoni, fiha nfisha, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE.

44      Madankollu, AEM u AEM Torino sostnew li ż-żieda fil-ħlas hija parti integrali mis-sistema ta’ għajnuna mill-Istat prevista mid-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000 sabiex tiffinanzja l-ispejjeż ġenerali tas-sistema Taljana ta’ l-elettriku (stranded costs) u mill-Artikolu 22(3) tal-liġi nru 9/91 sabiex tippromwovi l-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija elettrika minn sorsi li jistgħu jiġġeddu u sorsi li jistgħu jkunu assimilati magħhom.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jwassal għall-inkompatibbiltà tas-sistema sħiħa ta’ għajnuna mas-suq komuni. Għalhekk, l-eżami ta’ għajnuna ma jistax jiġi sseparat mill-effetti tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Għall-kuntrarju, l-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Kummissjoni jrid bilfors jieħu in kunsiderazzjoni l-metodu ta’ finanzjament ta’ l-għajnuna f’każ fejn dan ta’ l-aħħar jagħmel parti integrali tal-miżura (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 49).

46      Madankollu, sabiex taxxa parafiskali tkun tista’ tiġi kkunsidrata li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu neċessarjament ikun hemm rabta bejn it-taxxa parafiskali u l-għajnuna, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens illi d-dħul mit-taxxa parafiskali jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna. Huwa biss fil-każ fejn rabta bħal din teżisti li d-dħul mit-taxxa parafiskali jinfluwenza direttament l-importanza ta’ l-għajnuna u, konsegwentment, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C-174/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 26, u Pape, C-175/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 15).

47      Għalhekk, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, teżisti rabta bejn iż-żieda fil-ħlas għall-aċċess u l-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika u sistema ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens illi d-dħul miż-żieda jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din l-għajnuna, l-imsemmija żieda tkun tagħmel parti integrali minn din is-sistema u għalhekk trid tiġi eżaminata flimkien ma’ din ta’ l-aħħar.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-atti tal-kawża ma fihomx informazzjoni li hija preċiża biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar dik il-kwistjoni.

49      F’dan il-kuntest, għandu, barra minn dan, jiġi nnutat li l-Kummissjoni stqarret li, fil-25 ta’ Lulju 2000, l-awtoritajiet Taljani innotifikawlha d-digriet tas-26 ta’ Jannar 2000 bħala miżuri ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 88(3) KE u li l-imsemmi digriet jirreferi għall-kumpens għall-aħjar valutazzjoni u għalhekk, indirettament għaż-żieda fil-ħlas. Matul is-seduta, il-Kummissjoni qalet li l-proċedura ta’ eżami ta’ dan id-digriet għadha pendenti.

50      Għaldaqstant, it-tweġiba għall-ewwel domanda preliminari hija li miżura bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi, b’mod tranżitorju żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika fuq dawk l-impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu l-elettriku li ġej minn impjanti idrawliċi u ġeotermiċi biss sabiex jiġi kkumpensat l-vantaġġ li jirriżulta, favur dawn l-impriżi, matul il-perijodu tranżitorju, mil-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-enerġija elettrika b’riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92, tikkostitwixxi distinzjoni bejn impriżi f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet li jirriżultaw min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ ħlasijiet in kwistjoni. Distinzjoni bħal din ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE.

51      Madankollu, l-eżami ta’ għajnuna ma jkunx isseperat mill-effetti tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikun hemm rabta bejn iż-żieda fil-ħlas għall-aċċess u l-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika u sistema ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens illi d-dħul miż-żieda jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din l-għajnuna, l-imsemmija żieda tkun tagħmel parti integrali minn din is-sistema u għalhekk għandha tiġi eżaminata flimkien ma’ din ta’ l-aħħar.

 Dwar it-tieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7(5) u 8(2) tad-Direttiva 96/92, safejn jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kollha bejn utenti tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika, jipprekludux li Stat Membru jadotta miżura b’titolu tranżitorju, bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi biss fuq ċerti impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu l-elettriku, żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu ta’ l-imsemmi netwerk.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

53      AEM u AEM Torino jsostnu li żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu tan-netwerk ta’ trasmissjoni nazzjonali, li hija imposta, anki jekk b’mod tranżitorju, fuq xi impriżi biss, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li dan il-perijodu ta’ żieda jikkoinċidi mal-fażi introduttiva tal-kompetizzjoni fis-suq Taljan ta’ l-enerġija elettrika wara l-ftuħ ta’ l-istess suq għall-kompetizzjoni, hija kuntrarja għall-prinċipju fundamentali ta’ aċċess għan-netwerk fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, previsti mid-Direttiva 96/92.

54      Il-gvern Taljan huwa ta’ l-opinjoni li l-fatt li Stat membru jimponi fuq ċerti impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu l-enerġija elettrika, żieda tranżitorja u digressiva tal-ħlas għall-aċċess u l-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika sabiex jipprevjeni benefiċċju li jirriżulta mill-aħjar valutazzjoni ta’ l-idroelettriku u ta’ l-elettriku ta’ oriġini ġeotermika li hija attibwibbli għall-kuntest ġuridiku l-ġdid li hu konsegwenza tal-liberalizzazzjoni tas-suq intern ta’ l-elettriku, mhuwiex inkompatibbli mal-prinċipji tad-Direttiva 96/92.

55      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 96/92 f’dak li jirrigwarda l-liberalizzazzjoni tas-suq intern ta’ l-elettriku u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7 u 8 dwar l-esplojtazzjoni tan-netwerk nazzjonali tat-tras missjoni, ma jipprekludux lil Stat Membru milli jadotta, b’mod tranżitorju, miżura li tipprovdi, għal ċerti impriżi speċifiċi, żieda fil-ħlas sabiex tikkumpensa l-aħjar valutazzjoni ta’ l-enerġija elettrika idrawlika u ġeotermika liema valutazzjoni tirriżulta mill-bidla fil-kuntest leġiżlattiv, u sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż ġenerali tas-sistema ta’ l-elettriku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Qabel kollox, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 96/92 ikopri l-operatur tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-elettriku u l-Artikolu 8(2) ta’ l-imsemmija Direttiva jkopri t-trasmissjoni ta’ l-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni ta’ l-elettriku. Issa, minn naħa, il-miżuri in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma d-digriet ministerjali u deċiżjonijiet adottati minn awtorità pubblika u mhux mill-operatur tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-rikorsi magħmula minn AEM u AEM Torino jitrattaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk u mhux it-trasmissjoni ta’ l-impjanti ta’ ġenerazzjoni ta’ l-elettriku.

57      Madankollu, mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92 jirriżulta li, għalkemm għall-organizzazzjoni ta’ l-aċċess għas-sistema l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn il-metodu negozjat ta’ l-aċċess għas-sistema jew dak tax-xerrej waħdieni, iż-żewġ metodi għandhom jridu jiġu applikati fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji.

58      F’kull każ, dawn id-dispożizzjonijiet, bħall-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni li huma espressjoni speċifika tiegħu, jipprojbixxu, minn naħa, li sitwazzjonijiet simili jiġu trattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li jiġu trattati bl-istess mod sitwazzjonjiet differenti (ara, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I-11915, punt 32).

59      Issa, l-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, b’mod tranżitorju, għaż-żieda fil-ħlas għall-aċċess u l-użu tan-netwerk nazzjonali tat-trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika li tapplika biss għall-impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu enerġija elettrika li ġejja minn installazzjonijiet idrawliċi u ġeotermiċi sabiex tikkumpensa għall-vantaġġ mogħti lil dawn l-impriżi, matul il-perijodu ta’ transizzjoni, permezz tat-tibdil tal-kuntest ġuridiku wara l-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-elettriku li tirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92. Għalkemm miżura bħal din titratta b’mod differenti sitwazzjonijiet li mhumiex simili, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li ż-żieda fil-ħlas ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex tikkumpensa għall-imsemmi vantaġġ.

60      Għalhekk, it-tweġiba għat-tieni domanda preliminari hija li r-regola ta’ l-aċċess mingħajr disriminazzjoni għan-netwerk nazzjonali tat-trażmissjoni ta’ l-elettriku stabbilita mid-Direttiva 96/92, ma tipprekludix li Stat Membru jadotta miżura b’titolu tranżitorju, bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi biss fuq ċerti impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu l-elettriku, żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu ta’ l-imsemmi netwerk sabiex tikkumpensa l-vantaġġ mogħti lil dawn l-impriżi, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, permezz tat-tibdil tal-kuntest ġuridiku wara l-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-elettriku li tirriżulta mit-transpożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li ż-żieda fil-ħlas ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex tikkumpensa għal dan il-vantaġġ.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward għal partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Miżura bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi, b’mod tranżitorju żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika fuq dawk l-impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu l-elettriku li ġej minn impjanti idrawliċi u ġeotermiċi biss sabiex jiġi kkumpensat l-vantaġġ li jirriżulta, favur dawn l-impriżi, matul il-perijodu tranżitorju, mil-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-enerġija elettrika b’riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku, tikkostitwixxi distinzjoni bejn impriżi f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet li jirriżultaw min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ ħlasijiet in kwistjoni. Distinzjoni bħal din ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE.

Madankollu, l-eżami ta’ għajnuna ma jkunx isseparat mill-effetti tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikun hemm rabta bejn iż-żieda fil-ħlas għall-aċċess u l-użu tan-netwerk nazzjonali ta’ trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika u sistema ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens illi d-dħul miż-żieda jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din l-għajnuna, l-imsemmija żieda tkun tagħmel parti integrali minn din is-sistema u għalhekk għandha tiġi eżaminata flimkien ma’ din ta’ l-aħħar.

2)      Ir-regola ta’ l-aċċess mingħajr disriminazzjoni għan-netwerk nazzjonali tat-trasmissjoni ta’ l-elettriku stabbilita mid-Direttiva 96/92, ma tipprekludix li Stat Membru jadotta miżura b’titolu tranżitorju, bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi biss fuq ċerti impriżi li jiġġeneraw-jiddistribwixxu l-elettriku, żieda fil-ħlas għall-aċċess u għall-użu ta’ l-imsemmi netwerk sabiex tikkumpensa l-vantaġġ mogħti lil dawn l-impriżi, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, permezz tat-tibdil tal-kuntest ġuridiku wara l-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-elettriku li tirriżulta mit-transpożizzjoni ta’ l-imsemmija direttiva. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li ż-żieda fil-ħlas ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex tikkumpensa għal dan il-vantaġġ.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.