Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2014 – Société Générale vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-98/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société générale SA (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Zelenko, J. Marthan u D. Kupka, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C (2013) 8512 finali, tal-4 ta’ Diċembru 2013, fil-Każ EIRD sa fejn din timponi multa fuq Société Générale;

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, permezz ta’ din id-deċiżjoni, lil Société Générale għal ammont xieraq;

tikkundanna, fi kwalunkwe każ, lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-valuri ta’ bejgħ, sa fejn il-valuri kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ dan il-metodu ma jirriflettux il-pożizzjonijiet rispettivi tal-banek akkużati bil-ksur, fis-suq ikkonċernat, matul il-perijodu ta’ ksur (l-ewwel parti). Ir-rikorrenti ssostni li b’hekk, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ diliġenza (it-tieni parti) u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament (it-tielet parti) u ta’ aspettattivi leġittimi (ir-raba’ parti).It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-metodu li l-Kummissjoni applikat sabiex tikkalkula l-valur tal-bejgħ tal-banek akkużati.It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas il-multa tar-rikorrenti għal ammont xieraq li jirrifletti l-pożizzjonijiet rispettivi tal-banek akkużati fis-suq ikkonċernat.