Language of document : ECLI:EU:C:2015:350

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015 (1)

Kawża C‑194/14 P

AC-Treuhand AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Akkordji — Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi termiċi — Iffissar tal-prezzijiet, tqassim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Deċiżjoni li tirrigwarda impriża ta’ konsulenza li ma tikkostitwixxix restrizzjoni kompetittiva fis-swieq rilevanti”





1.        Ir-regoli applikabbli fuq l-impriżi abbażi tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (li sar l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE), huma intiżi sabiex jipprojbixxu r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni libera. L-identifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni tissoponi li jintwera, wara analiżi ekonomika, li l-impriża kkonċernata rrinunzjat, permezz tal-aġir tagħha, totalment jew parzjalment, li tikkostitwixxi restrizzjoni, li hija karatteristika ta’ kompetizzjoni effettiva għall-operaturi l-oħra tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati — u dan b’mod definittiv għad-detriment tal-effikaċja ekonomika u tal-ġid tal-konsumaturi. Għall-kuntrarju, aġir mhux restrittiv fuq il-kompetizzjoni, fis-sens li tfakkar preċedentement, anki jekk ikun moralment jew etikament żbaljat, ma jistax jaqa’ taħt il-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-akkordji previst fl-Artikolu 81(1) KE.

2.        Nemmen li l-kawża preżenti toffri okkażjoni partikolari sabiex titfakkar din ir-regola fundamentali.

3.        Permezz tal-appell tagħha, AC-Treuhand AG (iktar 'il quddiem “AC-Treuhand” titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38589 — Stabilizzaturi Termiċi, iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) (3), u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqha.

4.        Fost il-mistoqsijiet imqajma permezz ta’ din il-kawża, hemm waħda kompletament ġdida li għandha tingħata l-attenzjoni. Effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab għall-ewwel darba (4) sabiex tiddetermina jekk impriża ta’ konsulenza li ma toperax fis-swieq inkwistjoni jew fi swieq marbuta magħhom tistax tiġi akkużata bi ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni minħabba l-fatt li hija ffaċilitat l-implementazzjoni tal-akkordju. B’hekk, din il-kawża tqajjem problema importanti, li hija dejjem rilevanti (5), li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippronunzja ruħha fuq il-portata tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbiliti mir-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u, b’hekk, fuq in-natura tal-aġir li jista’ jaqa’ taħt din il-projbizzjoni.

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ġew esposti fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej:

“2      Permezz tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni […] kkunsidrat li ċertu numru ta’ impriżi kissru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] billi pparteċipaw f’żewġ gruppi ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi li jkopru t-territorju taż-ŻEE, u jikkonċernaw, minn naħa, is-settur tal-istabilizzaturi tal-landa u, min-naħa l-oħra, is-settur taż-żejt tas-sojja epoksizzat u ta’ esteri (iktar ’il quddiem is-‘settur ESBO/esteri’).

[…]

4      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], kull wieħed minn dawn il-ksur jikkonsisti f’li jiġu ffissati l-prezzijiet, f’li jitqassmu s-swieq permezz ta’ kwoti ta’ bejgħ, li jinqasmu l-klijenti u li tiġi skambjata informazzjoni kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari fuq il-klijenti, il-produzzjoni u l-bejgħ.

5      Id-deċiżjoni [kontenzjuża] tipprovdi li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw fil-ksur matul perijodi differenti inkluż bejn l-24 ta’ Frar 1987 u l-21 ta’ Marzu 2000, għall-istabilizzaturi tal-landa, u bejn il-11 ta’ Settembru 1991 u s-26 ta’ Settembru 2000, għas-settur ESBO/esteri.

6      Ir-rikorrenti, AC-Treuhand [...], li s-sede prinċipali tagħha tinstab Zurich (l-Isvizzera), hija kumpannija ta’ konsulenza li toffri ‘firxa sħiħa ta’ servizzi personalizzati lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u lill-gruppi interessati’, fejn jiġi ppreċiżat li jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni [kontenzjuża] li din il-kumpannija tiddeskrivi s-servizzi tagħha hekk kif ġej: ‘ġestjoni u amministrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet professjonali Svizzeri u internazzjonali kif ukoll ta’ federazzjonijiet, ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru; ġbir, trattament u pproċessar ta’ data tas-suq; preżentazzjoni tal-istatistika tas-suq; kontroll taċ-ċifri kkomunikati lill-parteċipanti’ […]

[…]

10      Id-deċiżjoni [kontenzjuża] żżomm lir-rikorrenti responsabbli sa fejn din kellha rwol essenzjali u simili fiż-żewġ każijiet ta’ ksur inkwistjoni meta organizzat laqgħat għall-parteċipanti għall-akkordju li għaliha hija assistiet u pparteċipat attivament, fejn ġabret u forniet lill-parteċipanti data fuq il-bejgħ tas-swieq inkwistjoni, fejn ipproponiet li taġixxi bħala moderatur f’każ ta’ tensjoni bejn l-impriżi kkonċernati u fejn inkoraġġiet lill-partijiet sabiex jinstabu kompromessi, u dan għal remunerazzjoni […]

[…]

20      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] jżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur li jirrigwarda l-istabilizzaturi tal-landa tal-1 ta’ Diċembru 1993 sal-21 ta’ Marzu 2000 u dak li jirrigwarda s-settur ESBO/esteri tal-1 ta’ Diċembru 1993 sas-26 ta’ Settembru 2000.

[…]

24      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

‘Għall-ksur fis-suq tal-istabilizzaturi tal-landa […], huma imposti l-multi segwenti:

[…]

17)      AC-Treuhand hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 174 000;

[…]      

Għall-ksur fis-suq tal-ESBO/l-esteri […], huma imposti l-multi segwenti:

[…]

38)      AC-Treuhand hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 174 000;

[…]’”

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6.        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2010, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti.

7.        Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti ppreżentat disa’ motivi, li l-Qorti Ġenerali, wara li nnotat ir-rinunzja tal-appellanti għad-disa’ motiv, għamlet sunt tagħhom fil-punt 36 u 268 tas-sentenza appellata:

“36      Għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege (it-tielet motiv); it-tieni nett, tal-preskrizzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni li timponi multi, taħt l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 (it-tieni motiv); it-tielet nett, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-fatt ta’ informazzjoni tardiva tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li saru fir-rigward tagħha (it-tmien motiv); ir-raba’ nett, ta’ ksur tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli minħabba l-fatt tat-tul tal-proċeduri amministrattivi (is-seba’ motiv) u, il-ħames nett, ta’ ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (l-ewwel parti tas-sitt motiv).

[…]

268      Insostenn tat-talbiet tagħha sussidjarji għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-mument tal-multi li ġew imposti fuqha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi kif ukoll it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażat, l-ewwel nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur (l-ewwel motiv); it-tieni nett, tat-tul tal-proċedura amministrattiva (is-seba’ motiv); it-tielet nett, ta’ obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni li timponi biss multa simbolika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti (ir-raba’ motiv), ir-raba’ nett, ta’ ksur tal-linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (il-ħames motiv); u, il-ħames nett, ta’ ksur tal-imsemmija linji gwida għall-kalkolu tal-kapaċità kontributtiva tagħha (it-tieni parti tas-sitt motiv).”

8.        Wara li eskludiet dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

III – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tirrigwardaha jew sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqha;

–        iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

10.      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

11.      Il-partijiet esponew il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015.

IV – Analiżi tal-appell

12.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji, ibbażati, rispettivament, (I) fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”), sa fejn ġie kkunsidrat li l-atti li hija wettqet ikkostitwixxew ftehim antikompetittiv, (II) fuq ksur ta’ dan l-aħħar prinċipju kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-impożizzjoni tal-multi, (III) fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (6) u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (7), u (IV) ta’ ksur tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikoli 23(3) u 31 tar-Regolament Nru 1/2003 fl-eżerċizzju tal-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

13.      Hekk kif spjegajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel aggravju jqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li dwarha ser niffoka fl-analiżi tiegħi wara li nispjega fil-qasir l-argumenti avvanzati speċifikament minn kull waħda mill-partijiet fir-rigward ta’ dan l-aggravju. Din tirrigwarda effettivament il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk kumpannija li ma toperax fis-suq li huwa s-suġġett ta’ kartell, tistax tiġi kklassifikata, fir-rigward tal-imsemmi kartell, bħala impriża li pparteċipat fi ftehim antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81 KE, u, għaldaqstant, tiġi akkużata bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, u jekk ikun il-każ, tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ multa abbażi ta’ dan.

A –    L-argumenti tal-partijiet

14.      L-ewwel aggravju tal-appell huwa bbażat fuq il-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv imressaq mill-appellanti fl-ewwel istanza, kif ukoll diversi punti tas-sentenza AC-Treuhand I, li għalihom tirreferi s-sentenza appellata.

15.      L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, minn naħa, li l-Artikolu 81 KE seta’ japplika għall-aġir tagħha u min-naħa l-oħra, li tali interpretazzjoni wiesgħa kienet prevedibbli b’mod raġonevoli fil-mument li seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Għaldaqstant, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artiklu 81 KE u, min-naħa l-oħra, injorat ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

16.      Qabel kollox, hija ssostni, f’dan il-kuntest, li s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostics S.r.l. vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011, stabbilixxiet b’mod ċar in-natura penali tal-proċeduri tal-multi abbażi tad-dritt dwar l-akkordji. Għaldaqstant għandu jiġi applikat l-ogħla livell tal-protezzjoni tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege previst fid-dritt penali. Ir-rikorrenti ssostni wkoll il-ħtieġa ta’ ċarezza legali hija, anki fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (8), partikolarment imperattiva f’qasam li fih l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet partikolarment importanti hija prevedibbli, bħal fil-kawża preżenti.

17.      Sussegwentement, l-appellanti ssostni li hija ma hijiex parti minn ftehim jew minn prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

18.      Hija ssostni li mill-formulazzjoni ċara ta’ dan l-artikolu jirriżulta li s-sempliċi għajnuna lil ftehim ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss lill-partijiet stess fil-ftehim jew fil-prattiki miftiehma stess. Fil-kawża preżenti, il-ftehim restrittiv fuq il-kompetizzjoni kkonsista f’akkordju bejn il-produtturi intiż għall-iffissar tal-prezzijiet kif ukoll it-tqassim u l-għoti ta’ kwoti ta’ kunsinna u ta’ klijenti. L-aġir tal-appellanti ma jistax jiġi kkwalifikat bħala parteċipazzjoni f’tali konverġenza ta’ volontajiet, peress li kien limitat għall-provvista ta’ servizzi lill-imsemmi akkordju biss. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ftehim jippreżumi l-volontà konkordanti ta’ mill-inqas żewġ partijiet (9).

19.      L-appellanti ssostni wkoll, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-eżistenza ta’ ftehim tirrikjedi l-volontà komuni li jseħħ aġir determinat fis-suq. Madankollu, fil-kawża preżenti, il-kuntratti tas-servizzi konklużi minnha ma’ kull wieħed mill-produtturi kienu nieqsa mir-relazzjoni tas-suq meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda rabta diretta bejn l-imsemmija kuntratti u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni identifikata, li kienet ir-riżultat tal-akkordju bejn il-produtturi biss. Barra minn hekk, l-appellanti ma kinitx attiva fis-swieq upstream jew downstream jew qrib tas-swieq li jirrigwardaw l-akkordju.

20.      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li hija ma tistax tiġi akkużata li pparteċipat fi “prattika miftiehma”. Fil-fatt, hija ma abbandunatx u lanqas ma rrestrinġiet l-awtonomija ta’ aġir tagħha fis-suq wara koordinazzjoni jew kooperazzjoni mal-produtturi, hekk kif tirrikjedi l-ġurisprudenza.

21.      Barra minn hekk, l-appellanti tressaq l-argument li l-atti tagħha “ta’ kompliċità” setgħu l-iktar jiġu ssanzjonati skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kieku, fiż-żmien meta seħħ l-akkordju, kienet teżisti ġurisprudenza stabbilita li minnha setgħat tiġi dedotta inkriminazzjoni b’mod suffiċjentement ċar (10). Issa, hija tirrileva li, qabel is-sentenza AC-Treuhand I, ma kienet teżisti l-ebda ġurisprudenza f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, kemm minn din is-sentenza kif ukoll mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-oriġini tal-imsemmija sentenza (11) jirriżulta li l-għażla tal-Kummissjoni li takkuża impriża ta’ konsulenza kienet tikkonsisti f’tibdil tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

22.      Fl-aħħar nett, l-appellanti tqis li xi kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità fir-rigward tal-kompetizzjoni ma jistgħux iwasslu sabiex jiġi injorat il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-kawża preżenti tista’ titressaq biss il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk is-servizzi ta’ assistenza pprovduti mill-appellanti humiex sanzjonabbli abbażi tal-Artikolu 81(1) KE u mhux jekk għandhomx jiġu ssanzjonati.

23.      Il‑Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

24.      Qabel kollox, hija tirrileva li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jinkludi l-prinċipju ta’ preċiżjoni, il-projbizzjoni tar-raġunament b’analoġija u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. Il-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 81 KE ma humiex, għaldaqstant, parti mill-“qalba” tad-dritt penali, fis-sens li l-prinċipji li jirregolaw lil dan tal-aħħar ma għandhomx neċessarjament japplikaw fir-rigorożità kollha tagħhom. Dan ma huwiex kuntrarju għas-sentenza A. Menarini Diagnostics S.r.l. vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, peress li din tikkwalifika l-proċedura ta’ multa abbażi tad-dritt tal-akkordji bħala proċedura ta’ natura amministrattiva qabel ma tinnota li s-sanzjonijiet imposti jistgħu jkollhom natura penali.

25.      Fi kwalunkwe każ, il-prinċipji ta’ preċiżazzjoni u tal-projbizzjoni ta’ raġunament b’analoġija ma jipprekludux kjarifikazzjoni gradwali tal-kontenut eżatt tar-regoli penali permezz tal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, għalkemm il-prinċipju ta’ retroattività seta’ jipprekludi l-applikazzjoni retroattivà ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola penali li ma hijiex prevedibbli b’mod raġonevoli, din il-prevedibbiltà tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kontenut u l-qasam ta’ applikazzjoni tar-regola inkwistjoni kif ukoll fuq is-suġġetti li lilhom hija tindirizza. Barra minn hekk, peress li regola penali tissodisfa diġà l-prinċipju ta’ preċiżjoni minħabba ċ-ċarezza tal-formulazzjoni tagħha, ma jkunx hemm iktar bżonn li jsir użu mill-ġurisprudenza interpretattiva sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ preċiżjoni (12).

26.      Sussegwentement, il-Kummissjoni tirrileva li l-argumenti tal-appellanti, li huma intiżi sabiex tikseb interpretazzjoni stretta wisq tal-kriteju ta’ “l-akkordju [l-ftehim] bejn impriżi” previst fl-Artikolu 81 KE, ma jistgħux jiġu aċċettati peress li t-trasferiment partikolari tal-funzjonijiet ta’ akkordju lil impriża li tipprovdi servizzi għall-implementazzjoni effettiva tal-akkordju hija tassew ikkonċernata bil-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

27.      L-ewwel nett, hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 81 KE hija wiesgħa ħafna u tista’ tinkludi kwalunkwe volontà komuni miftiehma jew kull aġir ikkoordinat jew kollużorju ta’ mill-inqas żewġt impriżi (13). Peress li s-servizzi pprovduti mill-appellanti servew oġġettivament u suġġettivament sabiex ikunu ta’ sostenn għal żewġ akkordji fis-suq tal-istabilizzaturi termiċi, kien hemm, bejn l-appellanti u l-parteċipaturi l-oħra fl-akkordji, il-volontà konkordanti meħtieġa għall-eżistenza ta’ ftehim.

28.      It-tieni nett, ma tantx huwa importanti li jsir magħruf jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-istabilizzaturi termiċi kkostitwietx l-għan prinċipali jew effett anċillari tal-aġir tal-appellanti jew jekk teżistix jew le rabta diretta bejn dan l-aġir u din ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Għalkemm “ftehim” huwa deskritt regolarment bħala “l-volontà komuni li taġixxi fis-suq b’mod speċifiku”, dan ma jfissirx li l-konkordanza neċessarja tal-volontajiet għandha jkollha, b’mod imperattiv għall-partijiet kollha, għan marbut mas-suq jew li tirrigwarda restrizzjoni fuq il-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet kollha. Barra minn hekk, ma huwiex rilevanti l-fatt li l-appellanti ma kinitx topera la fis-swieq li jirrigwardaw l-akkordji u lanqas fi swieq viċini jew emerġenti, peress li s-servizzi kollużorji tal-appellanti servew oġġettivament u suġġettivament sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tal-akkordji li jirrigwardaw l-istabilizzaturi termiċi.

29.      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-interpretazzjoni miżmuma kinitx prevedibbli għall-appellanti fiż-żmien meta seħħ l-akkordju, il-Kummissjoni tressaq l-argument li f’deċiżjoni adottata fl-1980 (14), jiġifieri qabel ma beda l-ksur inkwistjoni fil-kawża preżenti, hija kienet diġà kkonstatat li s-servizzi kollużorji pprovduti minn kumpannija ta’ ġestjoni amministrattiva kienu kuntrarji għall-Artikolu 81 KE.

30.      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, flok ma estendiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE lil hinn mil-limiti tat-termini tiegħu, għall-kuntrarju, peress li invokat l-għan u l-intenzjoni protettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, ippronunzjat ruħha kontra restrizzjoni teleoloġika ta’ din ir-regola u ma kinitx wettqet żball fil-liġi billi sostniet xi kunsiderazzjonijiet relattivi għall-effettività tal-Artikolu 81 KE.

B –    Il-kunsiderazzjonijiet

31.      Fl-eżami tal-ewwel aggravju, jippreżentaw ruħhom żewġ kwistjonijiet.

32.      L-ewwel waħda hija dik sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 81(1) KE jistax japplika għal impriża li, bħall-appellanti, ma hijiex attiva fis-suq inkwistjoni jew fis-swieq relatati u li, stricto sensu, ma kkonkludietx ftehim restrittiv fuq il-kompetizzjoni jew ma kinitx parti minn prattika miftiehma fl-imsemmija swieq.

33.      It-tieni waħda, li hija anċillari u li ma tagħmilx sens ħlief fil-każ fejn jiġi konkluż li l-aġir tar-rikorrenti jaqa’ taħt il-kamp tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE, huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kawża preżenti, l-appellanti setgħetx tipprevedi, b’mod raġonevoli, li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE kinitx, bħala prinċipju, tapplika għaliha.

34.      Minħabba r-raġunijiet li ser nesponi iktar 'il quddiem, jien konvint sew li għandha tingħata risposta negattiva lill-ewwel domanda — u li ma hemmx għaldaqstant lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. L-ewwel nett ser nikkonċentra fuq il-portata li għandha tingħata lill-Artikolu 81(1), sabiex imbagħad wara, nasal għas-sitwazzjoni partikolari ferm tal-appellanti.

1.      Il-portata tal-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita mit-Trattati: il-projbizzjoni ta’ aġir kollużorju li jkollu, fit-tmiem ta’ analiżi ekonomika, impatt restrittiv fuq il-kompetizzjoni

35.      Jidhirli li huwa utli li jitfakkar li l-possibbiltà li tiġi ssanzjonata impriża fis-sitwazzjoni tal-appellanti hija mmotivata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata permezz ta’ riferiment għall-kunsiderazzjonijiet magħmula minnha fil-kawża li tat lok għas-sentenza AC-Treuhand I.

36.      Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet ivvalidat il-prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ AC-Treuhand għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE. L-aġir li kienet akkużata bih f’dan il-każ l-appellanti, kien simili ħafna ta’ dak previst fil-kawża preżenti. Hija kienet b’hekk akkużata wkoll li kellha rwol importanti fl-akkordju li rrigwarda l-perossidi organiċi billi organizzat laqgħat bejn il-produtturi, billi arkivjat xi dokumenti sigrieti dwar l-akkordju, u billi ġabret u trattat ċerta data u billi wettqet xi doveri loġistiċi u segretarjali assoċjati mal-organizzazzjoni tal-laqgħat.

37.      Ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza AC-Treuhand I, kienu, essenzjalment, dawn li ġejjin.

38.      Fl-ewwel lok, it-terminu “akkordju [ftehim]” previst fl-Artikolu 81 KE għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Il-preżenza ta’ “volontà komuni” li taġixxi fis-suq b’mod determinat kien suffiċjenti u ma kienx meħtieġ li jkun hemm koinċidenza perfetta bejn is-suq rilevanti li fih l-impriża “awtriċi” tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija attiva u dak li fih din ir-restrizzjoni kellha sseħħ. Kull aġir ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, li għandu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti, ikun b’hekk jista’ jikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE (ara l-punti 117 sa 122 tas-sentenza AC-Treuhand I).

39.      Fit-tieni lok, ma jistax jiġi eskluż li impriża tista’ tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni anki jekk hija stess ma tirrestrinġix il-libertà ta’ azzjoni tagħha stess fis-suq li fih hija prinċipalment attiva. Kull interpretazzjoni oħra tista’ tnaqqas il-portata tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE bħala miżura kuntrarja għall-effettività tagħha peress li hija ma tippermettix li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara l-punti 124 sa 128 tas-sentenza AC-Treuhand I).

40.      Fit-tielet lok, sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju u sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha abbażi ta’ dan, ikun suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kellha intenzjoni sabiex tikkontribwixxi permezz tal-aġir tagħha stess — anki b’mod sekondarju, aċċessorju jew passiv — għall-għanijiet komuni li riedu jintlaħqu mill-impriżi l-oħra u li l-imsemmija impriża kienet taf bl-aġir attwali maħsub jew implementat mill-parteċipanti l-oħra jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan. Dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis għall-parteċipazzjoni ta’ impriża li l-attività ekonomika u l-kompetenza professjonali tagħha jagħtuha l-fakultà li ma tkunx tista’ tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni u li tagħti għaldaqstant sostenn mhux irrilevanti għat-twettiq tal-ksur (ara l-punti 129 sa 136 tas-sentenza AC-Treuhand I).

41.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 164 tal-imsemmija sentenza AC-Treuhand I, li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni segwita għal iktar minn għoxrin sena, li tillimita ruħha li ma tikkundannax u ma tissanzjonax lill-impriżi ta’ konsulenza involuti f’akkordji mingħajr madankollu ma tiċħad l-idea li dawn jistgħu jitqiesu responsabbli mill-ksur, ma setgħetx toħloq aspettattiva fondata li l-Kummissjoni ma kinitx fil-futur ser tibda proċeduri u tissanzjona lill-impriżi ta’ konsulenza meta dawn jipparteċipaw f’akkordju. Il-fatt li l-ammont tal-multa imposta f’dan il-każ kien ferm limitat, ma huwiex determinati għal dan il-każ għaliex, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, kellhom jiġu ssanzjonati entitajiet, b’mod partikolari kumpanniji ta’ konsulenza, li fir-rigward tagħhom ġie deċiż fl-imgħoddi li ma tiġix issanzjonata l-possibbiltà li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ kartell.

42.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, kollha jidhru li jsostnu li l-Artikolu 81 KE ma jistabbilixxix b’mod definittiv iktar minn ftit limiti fir-rigward tan-natura tal-aġir kollużorju li jista’ jaqa’ taħt il-kamp tal-projbizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tiegħu, u, fl-opinjoni tiegħi, jinjora kompletament il-portata ta’ din il-projbizzjoni u l-għan li hija tixtieq tilħaq.

43.      Skont it-termini tal-Artikolu 81(1) KE, “[i]s-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern” (15).

44.      B’riskju li ser infakkar dak li jista’ jidher evidenti, l-Artikolu 81 KE, bħall-Artikolu 82 KE, jipprovdi numru ta’ regoli li indirizzati lill-impriżi sabiex ikun ipprojbit l-aġir li minnu jirriżulta jew li fir-rigward tiegħu jista’ jiġi preżunt b’mod leġittimu, wara analiżi ekonomika, li jippreġudika lill-kompetizzjoni.

45.      L-għan tar-regoli dwar il-kompetizzjoni jikkonsistu ġeneralment f’li jiżguraw li l-effetti tal-libertà tal-kompetizzjoni, li tikkostitwixxi l-bażi tal-ftuħ tas-swieq, ma jiġux distorti permezz ta’ miżuri, meħuda f’sens wiesa’, li jwasslu sabiex jiffavorixxu jew jiżvantaġġaw ċerti impriżi u li, eventwalment, jirriżultaw fi ħsara għall-konsumaturi.

46.      Kemm jekk jiġi kkunsidrat li l-imsemmi aġir għandu għan antikompetittiv jew pjuttost effett antikompetittiv, il-projbizzjoni tal-aġir prevista mir-regoli tat-Trattat, li huma indirizzati lill-impriżi, hija bbażata fuq l-idea li dawn iwasslu għal effetti dannużi fuq il-funzjonament normali tal-kompetizzjoni.

47.      Sabiex impriża tinżamm responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jiġi ddetterminat sa fejn din ftiehmet ma’ impriżi oħra sabiex tirrinunzja li tikkostitwixxi restrizzjoni kompetittiva għalihom.

48.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret kmieni ħafna l-bżonn li ssir analiżi ekonomika billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-pożizzjoni u l-importanza tal-partijiet fis-suq tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati (16). Hija fakkret ukoll, iktar reċentement, fir-rigward tal-metodoloġija tal-identifikazzjoni tal-aġir kollużorju li għandu għan antikompetittiv, l‑importanza li trid tingħata lill-analiżi ekonomika u lill-esperjenza (17) sabiex jiġu identifikati r-restrizzjonijiet kompetittivi imposti fuq l-impriżi.

49.      L-istess, kemm il-Kummissjoni (18) u kemm il-Qorti tal-Ġustizzja, enfasizzaw b’mod repetittiv, li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprojbixxu l-akkordji antikompetittivi tippreżumi li s-sitwazzjoni ta’ terzi “fis-suq” tkun inbidlet b’mod sinjifikattiv.

50.      Sabiex l-aġir jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista f’dan ir-rigward mit-Trattati, għaldaqstant mill-inqas l-aġir tal-impriżi msemmi mit-Trattati jkun tanatura li jelimina restrizzjoni jew ostakolu eżistenti bħala prinċipju fis-suq. Għalkemm in-natura tal-mezzi użati mill-impriżi fir-realtà ma tantx hija importanti (19), xorta madankollu trid tirriżulta minnhom pressjoni ekonomika tali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni (20).

51.      Fi kliem ieħor, sabiex tkun parti minn akkordju li għandu għan jew xi effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, xorta l-impriża kkonċernata trid tkun qed tikkostitwixxi, f’suq normali, restrizzjoni kompetittiva (“competitive constraint”) għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Huwa biss fil-każijiet fejn l-impriża kkonċernata tirrappreżenta pressjoni kompetittiva li vallapena tiġi ristretta, meta din tal-aħħar tista’ tikkostitwixxi tali restrizzjoni.

52.      Huwa f’dan is-sens li d-definizzjoni tas-suq rilevanti għandha importanza ċentrali kemm fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u kemm f’dak tal-Artikolu 81(1) KE. Għalkemm id-definizzjoni ta’ suq rilevanti hija rarament kontroversjali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, hija dejjem għandha bħala għan li tiddefinixxi b’mod sistematiku r-restrizzjonijiet li l-kompetizzjoni timponi fuq l-impriżi inkwistjoni (21).

53.      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa eżatt li jiġi affermat li d-dritt Ewropew dwar il-kompetizzjoni ma jirrikjedix li l-partiċipanti kollha f’akkordju jeżerċitaw attività ekonomika fis-suq affettwat mill-akkordju, huwa jimponi, bil-kontra, li għandu jiġi ddeterminat fejn il-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż għandu għan jew effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti partikolari.

54.      Il-kwistjoni ma tirrigwardax biss il-fatt li jrid isir magħruf jekk l-impriżi setgħux jikkonkludu akkordju pprojbit fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jista’ jopera fi swieq distinti, iżda wkoll sabiex isir magħruf jekk huma kinux f’pożizzjoni li jikkostitwixxu restrizzjonijiet kompetittivi għal xulxin. Għalkemm huwa minnu li l-kompetizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE ma hijiex biss dik li jistgħu joħolqu l-partijiet fi ftehim, iżda hija wkoll dik li jistgħu jeżerċitaw kontra xulxin u kontra terzi (22), xorta huwa meħtieġ li l-entità kkonċernata kellha tkun f’pożizzjoni li tilqa’ jew li toħloq impenji ta’ natura antikompetittivi.

55.      Jidhirli li dan ir-rekwiżit jirriżulta mhux biss minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 81(1) KE, iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita f’dan ir-rigward li tikkonċerna partikolarment ir-restrizzjonijiet ta’ natura vertikali wara s-sentenza Consten u Grunding vs Il-Kummissjoni (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fakkret li l-Artikolu 85 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 81 KE), tirreferi b’mod ġenerali għall-ftehimiet kollha li jiddistortu l-kompetizzjoni fis-suq komuni, ma tistabbilixxi l-ebda distinzjoni bejn dawn il-ftehimiet, skont jekk seħħux bejn operaturi kompetituri fuq l-istess livell jew bejn operaturi mhux kompetituri li jinsabu f’livelli differenti, ippreċiżat, skont ir-raġunament tagħha, sa fejn l-aġir previst fil-kawża preżenti, jiġifieri l-ftehimiet ta’ konċessjoni esklużiva konklużi bejn min ikkonċeda u l-konċessjonarju tiegħu, setgħux ikollhom bħala effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-prodotti inkwistjoni, li sseħħ bejn il-konċessjonarji u t-terzi kompetituri tagħhom. Is-sitwazzjoni li nħolqot mill-imsemmija ftehimiet kellha bħala effett b’mod partikolari li jinqasmu s-swieq nazzjonali tal-prodotti inkwistjoni u kienet ippermettiet li għal dawn il-prodotti jkun hemm prezzijiet li kienu eżenti minn kompetizzjoni effikaċja.

56.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina l-każ previst fil-kawża preżenti.

2.      L-applikazzjoni fil-kawża preżenti

57.      Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 81 KE jistax japplika fuq l-aġir ta’ “kartelli li jiffaċilitaw”, jiġifieri l-aġir tal-operaturi li jgħinu sabiex jiġi implementat ftehim restrittiv fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari billi jorganizzaw laqgħat bejn kompetituri u billi jipprovdu servizzi fil-kuntest tal-ftehimiet antikompetittivi.

58.      Fil-punt 381 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeskriviet ir-rwol tal-appellanti bil-mod li ġej:

“Mill-fatti msemmija fil-premessi 356 sa 359 jirriżulta li AC-Treuhand kellha rwol sinjifikattiv fl-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-laqgħat. AC-Treuhand kienet taf fid-dettall il-kontenut tal-arranġamenti antikompetittivi u, fil-fatt, kitbet u qasmet b’mod professjonali l-informazzjoni kollha li kienet tirrigwarda il-prezz, il-kwoti u il-klijenti. Hija kellha s-setgħa tmexxi investigazzjonijiet fi ħdan il-bini tal-impriżi parteċipanti fl-akkordji. Kienet biss l-informazzjoni li approvat wara AC-Treuhand li setgħet isservi bħala bażi għan-negozjati u l-arranġamenti. AC-Treuhand ħalliet li jintuża l-bini tagħha sabiex jinħbew l-akkordji. Fiż-żewġt akkordji, ir-rwol tagħha kien li tevita li dan il-ksur jiġi skopert. Bħala moderatriċi, ir-rwol tagħha kien li tinkoraġixxi l-kompromessi fid-dawl li jirnexxielha tikkonkludi l-ftehimiet antikompetittivi. AC-Treuhand qiegħdet is-servizzi tagħha, it-tagħrif professjonali tagħha u l-infrastruttura tagħha għad-dispożizzjoni taż-żewġt akkordji sabiex tkun tista’ tibbenefika minnhom […]”

59.      Għandu jiġi kkonstatat li l-fatti li ġiet akkużata bihom l-appellanti jikkonsistu f’totalità ta’ aġir, mingħajr ma ġie kkjarifikat ir-rwol tagħha b’mod ġuridiku u ċar bħala dak ta’ awtur (parteċipant) jew ukoll dak ta’ kompliċi (jew faċilitatur) (24).

60.      Deskritta b’dan il-mod, is-sitwazzjoni tal-appellanti twassal għaldaqstant sabiex wieħed jistaqsi, qabel kollox u bħala estensjoni ta’ dak li ntqal iktar 'il fuq, dwar il-punt sabiex isir magħruf jekk impriża li ma hijiex preżenti fis-suq jew f’suq viċin tistax tiġi akkużata fil-kwalità ta’ awtur ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u, wara, jekk huwiex possibbli li tali entità tiġi akkużata b’kompliċità f’aġir antikompetittiv.

a)      Kumpannija li ma toperax fis-suq ikkonċernat jew fis-swieq marbuta, tista’ tkun l-awtur ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ akkordji?

61.      Hekk kif diġà semmejt qabel, l-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi biss il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma li għandhom bħala għan jew effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

62.      Issa, sabiex ikollha l-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-persuna jew l-entità akkużata trid tkun f’pożizzjoni li tikkostitwixxi, normalment, restrizzjoni kompetittiva (“competitive constraint”) għall-operaturi preżenti fis-suq, restrizzjoni li tista’ tiġi eliminata jew imnaqqsa permezz ta’ atti kollużorji.

63.      Barra minn hekk, indipendentement mill-punt sabiex isir magħruf jekk l-impriża prevista toperax fis-suq stess jew fuq l-istess livell tal-impriżi membri tal-akkordju, għandu jiġi ddeterminat sa fejn il-kompetizzjoni li kienet eżerċitata fis-suq tal-prodotti kkonċernati ġiet potenzjalment ristretta jew eliminata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha.

64.      Fil-kawża preżenti, ma hemmx dubju li AC-Treuhand setgħet tikkwalifika bħala impriża, b’mod ġenerali, fis-sens li hija entità ekonomika li tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li fit-tul ikollha skop ekonomiku partikolari. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 6 tas-sentenza appellata, din hija fil-fatt kumpannija li teżerċita attività ekonomika, b’mod partikolari dik li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi fis-suq tal-konsulenza (25).

65.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, hija ma tistax titqies li hija impriża attiva fis-suq rilevanti jew f’suq marbut miegħu. F’din il-kawża hija aġixxiet fil-kwalità tagħha ta’ konsulent iżda ma tatx u lanqas ma rċeviet l-ebda impenn antikompetittiv. Hija ma hijiex, lanqas potenzjalment, attiva fis-swieq inkwistjoni, li huma dawk ta’ prodotti speċifiċi ħafna, jiġifieri l-istabilizzaturi termiċi ta’ ċertu tip, iżda hija biss attiva fil-qasam tal-attività tagħha, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza.

66.      Jidher li l-uniċi ftehimiet li hija membru fihom AC-Treuhand huma dak tal-ftehimiet ta’ provvisti ta’ servizzi li hija kkonkludiet mal-impriżi li jipparteċipaw fil-kartell li jirrigwarda l-istabilizzaturi termiċi. Hija ma tistax, minn naħa l-oħra, titqies li hija membru sħiħ tal-akkordju identifikat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri t-totalità tal-ftehimiet u tal-prattiki miftiehma, li jirrigwardaw l-istabilizzaturi termiċi partikolari u li jikkonsistu, essenzjalment fl-iffissar tal-prezzijiet, fit-tqassim ta’ swieq kif ukoll tal-klijenti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.

67.      L-għan tal-ftehimiet konklużi bejn AC-Treuhand u l-impriżi li joperaw fis-suq kien biss il-provvista ta’ servizzi, li, ċertament, kienu marbuta mal-implementazzjoni tal-akkordju, iżda li, bħala tali kienu distinti mill-aġir li ġew akkużati bih il-membri tal-akkordju.

68.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma allegatx, u wisq inqas ma wriet, li AC-Treuhand kienet tikkostitwixxi restrizzjoni tat-tip li l-kompetizzjoni kienet fil-prinċipju piż fuq l-impriżi membri fil-kartell. Peress li ma kienx kostituttiv ta’ tali restrizzjoni għall-membri tal-kartell identifikat fil-qasam tal-istabilizzaturi termiċi, l-aġir ta’ AC-Treuhand ma jistax, bħala tali, ikun restrittiv fuq il-kompetizzjoni, u għaldaqstant, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 81(1) KE.

69.      Anki jekk jitqies li huwa minnu li l-azzjonijiet imwettqa minn AC-Treuhand kellhom effett pożittiv fuq il-funzjonament tal-kartell, billi rrendewh iktar effettiv u billi ħbewh, l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-azzjonijiet previsti jirriżultaw esklużivament mill-aġir tal-membri tal-kartell. L-istess, anki jekk AC-Treuhand ma tikkostitwixxix, normalment, restrizzjoni li l-kompetizzjoni timponi fuq l-impriżi inkwistjoni, l-azzjonijiet imwettqa minnha lanqas ma kienu ta’ natura li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

70.      Għaldaqstant, għalkemm il-kliem li jintużaw fit-Trattat jistgħu jkunu ġenerali ħafna, ma jistgħux jinqabdu taħt il-perspettiva tal-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE l-ftehimiet li ma għandhomx fihom infushom bħala għan jew effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iżda li jirrigwardaw is-servizzi intiżi sabiex jiffaċilitaw lill-partijiet għal ftehim, li huwa fih innifsu restrizzjoni ta’ kompetizzjoni, it-tkomplija ta’ aġir illegali (26). Is-sempliċi intenzjoni ta’ impriżi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ma tkunx suffiċjenti fl-assenza tal-kapaċità effettiva li twettaq tali restrizzjoni.

71.      Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta l-approċċ meħud fil-kawża preżenti mill-Kummissjoni u wara vvalidat mill-Qorti Ġenerali, il-metodoloġija tal-identifikazzjoni tal-aġir antikompetittiv previst mit-Trattat isib ruħu pperturbat sew. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan jirriżulta li tali nuqqas ta’ konnessjoni bejn l-aġir previst u l-ħtieġa li tiġi identifikata restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens ekonomiku tal-kelma, nuqqas ta’ konnessjoni li twassal sabiex trendi kompletament superfluwa d-delimitazzjoni tas-suq rilevanti u l-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti bħala prinċipju fuq l-imsemmi suq.

72.      Dan in-nuqqas ta’ konnessjoni jista’ jkun problematiku mhux biss fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-aġir kollużiv li jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE, iżda wkoll, b’analoġija, fir-rigward tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 82 KE. Wara kollox, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li l-aġir ta’ faċilitatur, li jikkonsisti pereżempju f’pariri ta’ strateġija jew ta’ pariri ekonomiċi, ikun issanzjonat ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

73.      Bħala eżempju, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, jista’ b’hekk ikun suffiċjenti li jiġi stabbilit li impriża, mill-viċin jew mill-bogħod, iffaċilitat jew tat assistenza lill-impriżi li adottaw aġir kollużorju f’suq partikolari, mingħajr ma jkun madankollu meħtieġ li, indipendentement mill-preżenza tagħha fis-suq, hija kienet effettivament f’pożizzjoni li teżerċita kwalunkwe pressjoni kompetittiva fuq l-impriżi li joperaw jew jixtiequ joperaw fl-imsemmi suq, jiġifieri mingħajr evalwazzjoni tas-setgħa ekonomika tal-akkordju (27). Fl-istess sens, diversi sħab kummerċjali jistgħu jiġu kkritikati li pparteċipaw f’abbuż ta’ pożizzjoni dominanti indipendentement mill-eżami tal-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk din hijiex effettivament qed iżomm tali pożizzjoni f’suq iddefinit sew u jekk kinitx f’pożizzjoni li tirrestrinġi effettivament il-kompetizzjoni billi teżerċitaha f’suq partikolari.

74.      Billi vvalidat il-konklużjoni miżmuma f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi, injorat il-kliem tal-Artikolu 81(1) KE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

75.      Bħala prinċipju, ma hemmx lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi ddeterminat jekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, l-appellanti setgħetx tipprevedi b’mod raġonevoli li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81 (1) KE kienet fil-prinċipju applikabbli għaliha.

76.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm lil AC-Treuhand direttament responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

77.      Setgħat kienet responsabbli f’kapaċità oħra? Huwa dan li bi ħsiebni neżamina fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

b)      Kumpannija li ma tikkostitwixxix restrizzjoni kompetittiva għall-membri ta’ akkordju, tista’ tkun kompliċi fi ksur tal-projbizzjoni tal-akkordji?

78.      Anki jekk ir-responsabbiltà ta’ impriża bħal AC-Treuhand għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi eskluża fil-kwalità tagħha ta’ awtur prinċipali, peress li din ma kinitx attiva fis-suq rilevanti jew fis-swieq marbuta mal-akkordju, xorta tibqa’ l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk din tistax tinżamm responsabbli għal kompliċità, billi jiġi ppreċiżat li, bil-kontra tas-sentenza AC-Treuhand I (ara, b’mod partikolari, il-punt 133), dan il-kunċett ma jissemmiex b’mod espress fid-deċiżjoni kontenzjuża.

79.      A priori, l-idea hija konvinċenti. Fil-fatt, il-kompliċità tinftiehem ġeneralment bħala kull kontribuzzjoni fit-twettiq ta’ ksur, b’mod partikolari permezz ta’ għajnuna jew ta’ assistenza tal-awtur tagħha. F’dan ir-rigward, il-kompliċi jinkludi, fid-dritt penali ta’ numru tajjeb ta’ Stati Membri, kull persuna li, mingħajr ma tissodisfa l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur, permezz ta’ aġir pożittiv u, spiss, intenzjonali, għenet jew iffaċilitat it-twettiq tiegħu.

80.      Il-fatti li ġiet akkużata bihom AC-Treuhand (organizzazzjoni ta’ laqgħat, distribuzzjoni u arkivjar ta’ dokumenti, assitenza u azzjonijiet diversi sabiex l-akkordju jinżamm sigriet), jistgħu, a priori, jaqgħu taħt din il-kwalifika, peress li l-aġir tal-imsemmija impriża evidentement ikkonsista f’assistenza lill-membri fl-akkordju fl-implementazzjoni u t-twettiq ta’ dan tal-aħħar.

81.      Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ identifikazzjoni u l-kwalifika eżatta tal-aġir meqjus fil-kawża preżenti bħala sanzjonabbli, tali konklużjoni tidher diffiċli sabiex tkun aċċettata. F’dan ir-rigward, ma tressaq xejn li juri li r-rwol ta’ AC-Treuhand kien sekondarju jew anċillari għal dak tal-impriżi membri fil-kartell ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

82.      Barra minn hekk, u qabel kollox, għalkemm, sa fejn naf jien, teżisti ammissjoni kważi unanima tad-distinzjoni bejn l-“awtur” u l-“kompliċi” ta’ ksur fil-qasam tar-ripressjoni penali, tali distinzjoni jidhirli li hija ġeneralment mhux magħrufa fil-qasam amministrattiv. Issa, hekk kif ikkonfermat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja u għalkemm kellha okkażjoni sabiex ikollha dibattitu dwar dan, id-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni huwa ta’ natura amministrattiva. Għaldaqstant, l-użu tal-kunċett ta’ kompliċità ma jagħmel l-ebda sens f’dan il-kuntest. Fid-dritt tal-Istat Membri, għalkemm jeżistu sew dawn is-sitwazzjonijiet fejn ġie previst li jiġu ssanzjonati xi persuni jew xi entitajiet li taw l-assistenza tagħhom għat-twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-każijiet li stajt nidentifika kienu rari, li jirrigwardaw dispożizzjonijiet nazzjonali partikolari (28) jew isegwu direttament is-sentenza AC‑Treuhand I (29).

83.      Fi kwalunkwe każ, tali inkriminazzjoni ma tirriżultax mit-test tal-Artikolu 81 KE jew mir-regoli adottati għall-implementazzjoni tiegħu.

84.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-opinjoni tiegħi hija li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-proċeduri kontra AC‑Treuhand abbażi tal-Artikolu 81(1) KE huma nieqsa minn bażi legali.

85.      Dan ma jistax jeskludi li l-azzjonijiet ta’ kompliċità li ġiet ikkritikata bihom AC-Treuhand ikunu jistgħu, fil-futur, jiġu ssanzjonati fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni speċifika.

86.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa interessanti li jiġi rrilevat li, f’ċerti Stati Membri, il-leġiżlatur għażel l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi intiżi sabiex jissanzjonaw l-aġir ta’ “faċilitatur”, regoli li l-iktar spiss jaqgħu fl-isfera penali. Il-każ tar-Renju Unit jidhirli li huwa eżempju tal-limiti intrinsiċi tar-regoli tal-kompetizzjoni sabiex jiġu puniti l-azzjonijiet ta’ sostenn fl-implementazzjoni tal-aġir antikompetittiv, peress li huwa permezz tal-introduzzjoni ta’ inkriminazzjoni speċifika (“criminal cartel offence”) prevista mill-Artikolu 188 tal-Enterprise Act tal-2002 (30), li daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2003, li ġie deċiż li jiġi ssanzjonat faċilitatur fil-kawża magħrufa bħala “tal-kartell tal-manek marittimi” (31).

87.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprevedi ksur li jirrigwarda l-kompliċi fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li x-xewqa tal-istituzzjonijiet sabiex jiżguraw l-effettività tal-politika li jixtiequ jadottaw għandha tkun irrikonċiljata mar-rekwiżiti ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ ċertezza legali. Kif enfasizza l-awtur, id-duttrina tal-effettività ma tistax twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fis-sens ta’ estensjoni massima tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet, iżda għandha tippermetti li jiġu interpretati r-regoli rilevanti skont l-għan u l-iskop tagħhom (32).

88.      Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, jidhirli li l-ewwel aggravju huwa fondat u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata risposta għall-aggravji l-oħra tal-appell.

89.      Peress li l-kawża tidher li hija fi stat li tiġi deċiża, nixtieq barra minn hekk nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tirrigwarda lil AC-Treuhand.

V –    Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T‑27/10, EU:T:2014:59) hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta' Novembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38589 – Stabilizzaturi termiċi), hija annullata, sa fejn tikkonċerna lil AC-Treuhand AG.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-appell.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T-27/10, EU:T:2014:59, iktar 'il quddiem is-“sentenza appellata”.


3 – Sunt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, 2010, C 307, p. 9.


4 – Għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T‑99/04, EU:T:2008:256, iktar 'il quddiem is-“sentenza AC-Treuhand I”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ppronunzjat ruħha għall-ewwel darba fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fuq impriża ta’ konsulenza li kkontribwixxiet għat-twettiq ta’ ksur, fil-fatt ma kinitx suġġetta għal appell. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, għalkemm fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, AC-Treuhand tqieset responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE, hija ngħatat biss multa ta’ EUR 1 000 — li huwa ammont simboliku meta mqabbel mal-multi imposti fuq l-impriżi koperti mid-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi ) (ĠU 2005, L 110, p. 44)].


5 – F’deċiżjoni reċenti tal-4 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ssanzjonat lil ICAP, broker fil-qasam finanzjarju bbażat fir-Renju Unit, b’multa ta’ ammont ta’ EUR 14.96 miljun talli ffaċilita sitta minn seba’ akkordji identifikati fil-qasam tal-prodotti dderivati mir-rati ta’ interessi fi flus YEN, permezz ta’ diversi azzjonijiet li kkontribwixxew għall-għanijiet antikompetittivi segwiti mill-membri ta’ dawn l-akkordji. Rikors kontra din id-deċiżjoni ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ April 2015 (Kawża T‑180/15, attwalment pendenti).


6 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


7 – ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar 'il quddiem il-“linji gwida tal-2006”.


8 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 32/79, EU:C:1980:189, punt 46.


9 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 79) u Il-Kummissjoni vs Volkswagen (C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punt 37).


10 – Sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑266/06 P, EU:C:2008:295.


11 – Deċiżjoni 2005/349.


12 – Sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 et seq.


13 – Sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41.


14 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 80/1334/KEE, tas-17 ta’ Diċembru 1980, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/29.869 – Ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja) (ĠU L 383, p. 19).


15 – Enfasi miżjuda minni.


16 – Ara s-sentenza LTM, 56/65, EU:C:1966:38, li, filwaqt li indikat li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE), ma jwettaq l-ebda distinzjoni li abbażi tagħha l-partijiet jinsabu ruħhom kemm fl-istess fażi (ftehimiet imsejħa “orizzontali”) kemm fi stadji differenti (ftehimiet imsejħa “vertikali”) tal-proċess ekonomiku, ippreċiżat li l-kompetizzjoni li l-ksur tagħha qed jiġi eżaminat għandha tinftiehem fil-kuntest reali tagħha fejn din isseħħ fin-nuqqas tal-ftehim kontenzjuż (ara, b’mod partikolari, p. 358 u 360 tas-sentenza).


17 – Ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51).


18 – Ara, b’mod partikolari, il-punt I.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Settembru 1986, li tirrigwarda l-ftehim ta’ importanza minuri li ma humiex pervisti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1986, C 231, p. 2) li tipprovdi “[h]uwa biss ipprojbit il-ftehimiet li għandu effetti sensittivi fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, fi kliem ieħor, li jemenda b’mod sensibbli l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi barranin terzi u tal-utilizzaturi, jiġifieri tal-ħwienet jew tas-sorsi ta’ provvista tagħhom”. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda l-ftehim ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġix lill-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) [KE] (de minimis) (ĠU 2001, C 368, p. 13) u ssemmi kunsiderazzjonijiet simili fil-punt 1 tagħha u tippreċiża b’mod partikolari li “l‑Qorti tal-Ġustizzja [...] stabbilixxiet li [l-Artikolu 81(1) KE] ma kienx applikabbli daqs kemm ilu l-impatt tal-ftehim fuq l-iskambji intra-Komunitarji jew fuq il-kompetizzjoni li ma kinitx sensittiva”.


19 – F’dan ir-rigward, huwa fatt stabbilit li l-Artikolu 81 KE jipprevedi forom diversi ħafna ta’ kollużjonijiet — li jimmaterjalizzaw ruħhom mhux fi ftehimiet ftit jew wisq formali iżda fi prattiki miftiehma li ma humiex ikkonfermati permezz ta’ ftehimiet proprji. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li l-aġir antikompetittiv inkwistjoni jkun l-espressjoni ta’ volontà konkordanti ta’ mill-inqas żewġ partijiet, peress li l-forma li fiha tiġi mmanifestata din il-konkordanza ma hijiex determinanti fiha nfisha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punt 37).


20 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-Kawżi magħquda Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:78.


21 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 60.


22 – Sentenza L-Italja vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (32/65, EU:C:1966:42).


23 – 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 493.


24 – Il-premessa 668 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, tindika madankollu li AC-Treuhand inżammet responsabbli għall-“parteċipazzjoni diretta” tagħha fl-akkordji waqt dawn il-perijodi.


25 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Hekk diġà semmiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-bidu nett, għalkemm il-ġeneralità tat-termini użati fit-Trattat fir-rigward tal-projbizzjoni tal-akkordji turi l-intenzjoni li jinkludu kull kategorija ta’ akkordji, in-natura restrittiva tal-Artikolu 81(1) KE hija inkompatibbli ma’ kull estensjoni tal-projbizzjoni lil hinn mit-tlett kategoriji ta’ akkordji li huma elenkati b’mod eżawrjenti (ara s-sentenza Parke, Davis and Co., 24/67, EU:C:1968:11, p. 109).


27 – Bħala eżempju ta’ dan ir-riskju, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Deltafina vs Il-Kummissjoni (T‑29/05, EU:T:2010:355, punti 45 et seq) u Gütermann vs Il-Kummissjoni (T‑456/05 u T‑457/05, EU:T:2010:168, punt 53).


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Cour de appell (Qorti tal-Appell) ta’ Pariġi tas-26 ta’ Settembru 1991, li permezz tagħha ġie permess li jiġi ssanzjonat avukat minħabba konsulenza legali li tirrigwarda l-mekkaniżmu tal-prattiki miftiehma, anki jekk ġie deċiż li dan kien jaqa’ fis-segretezza professjonali. Huwa importanti li jissemma, minn naħa, li l-Artikolu L. 420-1 tal-Code de commerce (Kodiċi tal-Kummerċ) Franċiż, li jirrigwarda l-akkordji, ma jimponix bħala kundizzjoni ta’ applikazzjoni l-kwalità ta’ impriża tal-partijiet u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu L. 420-6 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi l-possibbiltà li tingħata sanzjoni permezz ta’ multa jew piena ta’ priġunerija lill-“kull persuna fiżika li tieħu sehem b’mod frawdolenti b’mod personali u determinanti fil-ħolqien, l-organizzazzjoni u l-implementazzjoni tal-prattiki [antikompetittivi] previsti fl-Artikoli L. 420-1 u L. 420-2”.


29 – Fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Nederlandse Mededingingsautoriteit (awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża), li saret l-Autoriteit Consument & Markt, issanzjonat kumpannija ta’ inġinerija minħabba r-rwol tagħha ta’ faċilitatur fil-qasam taż-żebgħa (https://www.acm.nl/en/publications/publication/6366/NMa-imposes-fine-on-two-cartels-and-cartel-facilitator-in-Dutch-painting-industry/). Iktar reċentement, hija imponiet multa ta’ EUR 5 000 fuq faċilitatur fil-qasam agrikolu (https://www.acm.nl/en/publications/publication/6749/NMa-fines-two-cartels-in-agricultural-industry/).


30 – Din id-dispożizzjoni tipprovdi: “An individual is guilty of an offence if he dishonestly agrees with one or more other persons to make or implement, or to cause to be made or implemented, arrangements of the following kind relating to at least two undertakings”.


31 – Skont it-termini tad-deċiżjoni adottata mill-UK Office of Fair Trading, xi persuni fiżiċi ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija sa tliet snin ta’ priġunerija minħabba l-fatt li pparteċipaw fl-imsemmi kartell.


32 – Ara Pescatore, P.,  “Monisme et dualisme et ‘effet utile’ dans la jurisprudence de la Cour de justice de la Communauté européenne”, f’Une communauté de droit, 2003, p. 340.