Language of document : ECLI:EU:C:2015:717

Kawża C‑194/14 P

AC-Treuhand AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Swieq Ewropej tal-istabilizzaturi tal-landa u stabilizzanti tat-temperatura ESBO/esteri –Artikolu 81(1) KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Impriża ta’ konsulenza li ma toperax fis-swieq inkwistjoni – Kunċetti ta’ ‘ftehim bejn impriżi’ u ta’ ‘prattika miftiehma’ – Kalkolu tal-ammont tal-multi – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tas-sena 2006 – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2015

1.        Akkordji – Imputazzjoni lil impriża – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata r-responsabbiltà kondiviża ta’ impriża ta’ konsulenza mhux attiva fis-suq ikkonċernat iżda li kkontribwiet attivament u deliberatament għall-akkordju – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ġenerali tad-dritt – Prinċipju ta’ nulla poena sine lege – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1))

3.        Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Determinazzjoni tal-ammont bażiku – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mill-linji gwida – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2006/C 210/02, punti 13 u 37)

4.        Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni li timponi multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Kummissjoni tqis il-gravità u t-tul tal-ksur – Indikazzjoni suffiċjenti – Obbligu tal-Kummissjoni li tindika ċ-ċifri dwar il-mod ta’ kalkolu tal-multi – Assenza

(Artikoli 81(1) KE u 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

5.        Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata

(Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(3), u 31)

1.        Impriża ta’ konsulenza tista’ tinżamm responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE meta din tikkontribwixxi attivament u b’għarfien sħiħ tal-implementazzjoni jew tat-tkomplija ta’ akkordju bejn produtturi attivi f’suq distint minn dak li topera fih hi.

Fil-fatt, meta inkwistjoni jkun hemm l-implementazzjoni jew it-tkomplija ta’ ftehimiet u prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, jista’ jiġi konkluż li impriża ħadet sehem fi ksur u li hija responsabbli għall-elementi kollha tiegħu, meta l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata riedet tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kellha għarfien tal-aġir materjali previst jew imwettaq minn impriżi oħrajn fit-tħaddin ta’ dawn l-għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih jew li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu. F’dan il-kuntest, il-kunċetti ta’ “akkordju” u ta’ “prattika miftiehma” ma jippreżumux limitazzjoni reċiproka tal-libertà ta’ azzjoni fl-istess suq fejn ikun hemm il-partijiet kollha.

Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, li jindika li l-projbizzjoni stabbilita fih hija intiża unikament għall-partijiet għal tali ftehimiet jew prattiki miftiehma li huma attivi fis-swieq affettwati minnhom. Il-kliem ta’ dan id-dispożizzjoni jirreferi, madankollu, b’mod ġenerali għall-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li, fir-rapporti kemm orizzontali kif ukoll vertikali, iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, indipendentement mis-suq li l-partijiet huma attivi fih, bħall-fatt li huwa biss l-aġir kummerċjali ta’ waħda minnhom li huwa affettwat bil-kliem tal-arranġamenti inkwistjoni.

Barra minn hekk, jekk l-aġir ta’ impriża ta’ konsulenza jagħmel parti diretta mal-isforzi tal-produtturi ta’ stabilizzanti tat-temperatura fir-rigward kemm tan-negozjar kif ukoll tal-kontroll tal-implementazzjoni tal-obbligi mogħtija minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-akkordji, peress li l-għan stess tas-servizzi pprovduti minn din l-impriża ta’ konsulenza abbażi tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi konklużi mal-imsemmija produtturi huwa l-kisba, deliberatament, tal-għanijiet antikompetittivi inkwistjoni, jiġifieri, l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-interventi tal-impriża ta’ konsulenza, f’din il-kwalità, jikkostitwixxu sempliċi servizzi periferali mingħajr relazzjoni mal-obbligi kkuntrattati mill-produtturi u r-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn dan.

(ara l-punti 26, 27, 30, 33, 35, 38, 39)

2.        Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege għalhekk ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ kawża għal oħra, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni.

Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ jistenna wkoll li huma jkollhom attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi.

(ara l-punti 41, 42)

3.        Anki jekk il-punt 13 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu l-għan li jieħu, bħala prinċipju, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih, il-Kummissjoni tista’ tinjora l-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi prevista minn dawn il-Linji Gwida billi ffissat, abbażi tal-punt 37 ta’ dawn tal-aħħar, l-ammont bażiku tal-multi imposti fil-forma ta’ somma f’daqqa fil-każ fejn is-swieq ikkonċernati mill-ksur huma swieq fejn l-impriża kkontribwixxiet attivament għall-ksur ma hijiex preżenti, sabiex l-ebda parti tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn din l-impriża ma jistax jiġi minn prodotti suġġetti għal dan il-ksur.

(ara l-punti 64, 66-67)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 68)

5.        F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meta hija tiddeċiedi li timponi multa jew pagamenti ta’ penalità għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minbarra l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, u li tawtorizzaha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità impost.

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-aggravji ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, hija għalhekk ir-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u li tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi.

Min-naħa l-oħra, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fid-dawl tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż li juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix is-serjetà u t-tul tal-ksur.

(ara l-punti 74-76)