Language of document : ECLI:EU:F:2009:153

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

17 ta’ Novembru 2009

Kawża F-99/08

Rita Di Prospero

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Qasam tal-ġlieda kontra l-frodi – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08 – Impossibbiltà għall-kandidati li jirreġistraw simultanjament għal diversi kompetizzjonijiet – Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Di Prospero titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Għażla tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO) li permezz tagħha hija ma tħallietx tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, liema deċiżjoni hija riżultat tal-qari flimkien tal-Avviż ta’ kompetizzjoni, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 16 A, p. 1), li jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 għar-reklutaġġ ta’ Amministraturi (AD 8) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u EPSO/AD/117/08 għar-reklutaġġ ta’ Amministraturi prinċipali (AD 11) fl-istess qasam, u ta’ posta elettronika tal-EPSO indirizzati lir-rikorrenti fis-26 u s-27 ta’ Frar 2008.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-EPSO li ma tħallix lir-rikorrenti tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 hija annullata. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27)

L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċità rikjesti għall-postijiet ta’ xogħol li għandhom jimtlew u sabiex tispeċifika, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. Madankollu, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fil-qasam tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kandidati, huwa llimitat mir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mad-dispożizzjonjiet mandatorji tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, huwa b’mod mandatorju li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 jiddefinixxi l-għan ta’ kull reklutaġġ. Din id-dispożizzjoni tibqa’ torbot lill-Awtorità tal-Ħatra u kemm ir-rekwiżiti marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew u kif ukoll l-interess tas-servizz jistgħu biss jiġu interpretati fid-dawl tal-osservanza sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, minkejja li l-klawżoli li jillimitaw ir-reġistrazzjoni ta’ kandidati għal kompetizzjoni jistgħu jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-istituzzjoni li tirrekluta l-aħjar kandidati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ma jfissirx li kull klawżola li għandha tali limitazzjoni tmur kontra l-artikolu hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, u b’mod iktar ġenerali l-interess tas-servizz, jagħtu lill-istituzzjoni d-dritt li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li hija tqis xierqa u li, filwaqt li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni, u għalhekk neċessarjament in-numru ta’ kandidati rreġistrati, ma jinvolvux madankollu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Jekk il-kundizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni jinvolvu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jkollhom kwalitajiet tal-ogħla livell, il-kundizzjonijiet inkwistjoni jkunu kkunsidrati li jmorru kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Sabiex tkun legali, kull klawżola ta’ eleġibbiltà għal kompetizzjoni għandha tosserva kundizzjoni doppja, li teżiġi, fl-ewwel parti tagħha, li l-klawżola tkun iġġustifikata minn rekwiżiti marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew u, b’mod iktar ġenerali, mill-interess tas-servizz u, fit-tieni parti tagħha, li din tosserva l-mira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Minkejja li, ħafna drabi, dawn iż-żewġ partijiet jidħlu ħafna fuq xulxin, huma xorta waħda jirriflettu kunċetti distinti.

(ara l-punti 27 sa 30, 32 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Novembru 1990, Bataille et vs Il-Parlament, T‑56/89, Ġabra p. II‑597, punt 48; 6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, T‑40/96 u, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑135, punti 40 u 51; 15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑256/01, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑99, punt 36; 27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il-Parlament, T‑420/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑185 u II‑A‑2‑943, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata