Rikors ippreżentat fis-6 ta' Jannar 2011 - Air Canada vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-9/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Air Canada (Saint Laurent, Canada) (rappreżentanti: J. Pheasant u T. Capel, solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni, inklużi l-Artikoli 2 u 3, jew, sussidjarjament, tannulla partijiet mid-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 TFUE;
tannulla l-multa jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa, inkluż tnaqqis tal-multa għal żero, skont l-Artikolu 263 TFUE;
tordna lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 266 TFUE; u
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti minn Air Canada għar-rikors tagħha u għall-istadji kollha sussegwenti ta' dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi:
Bl-ewwel motiv, hija tallega ksur tad-drittijiet tad-difiza tagħha peress li l-Kummissjoni bidlet sostanzjalment il-każ tagħha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni, u għaldaqstant ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq evalwazzjoni fattwali u legali ġdida, li fuqha r-rikorrenti ma ngħatatx il-possibbiltà li tinstema'.
Bit-tieni motiv, hija tallega li:
id-deċiżjoni hija bbażata fuq provi inammissibbli peress li l-provi materjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha kontra r-rikorrenti, huma inammissibbli;
billi żammet ċerti provi kontra r-rikorrenti filwaqt li kkunsidrat l-istess provi jew provi li huma essenzjalment simili bħala insuffiċjenti sabiex jiġi ppruvat ksur kontra ċerti destinatarji oħrajn tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni korrezzjonijiet u kjarifiki fattwali min-naħa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tad-dritt tal-UE ta' trattament ugwali, u naqset milli tapplika r-rekwiżiti ta' prova korretti skont id-dritt tal-UE.
Bit-tielet motiv, hija tallega li ma pparteċipat fl-ebda ksur peress li:
- fl-Artikoli 2 u 3 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ma hemm l-ebda konstatazzjoni li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu msemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;
- il-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rekwiżiti legali rilevanti skont l-Artikolu 10(1) TFUE u l-ġurisprudenza applikabbli sabiex tattribwixxi r-responsabbiltà għal ksur uniku u kontinwu lir-rikorrenti;
- fuq il-bażi tal-provi li, fid-dawl tat-tieni motiv, il-Kummissjoni hija legalment obbligata li żżomm sabiex twettaq evalwazzzjoni mill-ġdid tal-oġġezzjonijiet kontra r-rikorrenti, id-deċiżjoni ma turix ksur min-naħa tar-rikorrenti.
Bir-raba' motiv, hija tallega nuqqas ta' definizzjoni jew, sussidjarjament, ta' definizzjoni korretta tas-suq rilevanti, bi ksur tal-obbligu legali applikabbli, li huwa stabbilit mill-ġurispurdenza tal-UE u b'mod partikolari, bi ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità.
Bil-ħames motiv, hija tallega li l-multa għandha tiġi annullata kollha kemm hi jew, sussidjarjament, għandha tiġi mnaqqsa sostanzjalment (inkluż sa żero) abbażi tal-motivi l-oħrajn u abbażi tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tapplika l-prinċipu tad-dritt tal-UE ta' trattament ugwali meta evalwat il-livell tal-multa.
Bis-sitt motiv, hija tallega motivazzjoni insuffiċjenti, bi ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE.
____________