Language of document : ECLI:EU:F:2012:74

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑14/11

AW

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Marda gravi — Ħlas tal-ispejjeż ta’ dentaturi — Limitu ta’ rimbors — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Aspettattivi leġittimi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AW jitlob lit-Tribunal, minn naħa, jannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ssuġġettaw ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ dentaturi subiti għat-tifla tiegħu għal limitu ta’ rimbors u, min-naħa l-oħra, jikkundanna lill-Kummissjoni għal ħlas ta’ danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors ta’ AW huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Spejjeż tal-mard — Marda gravi — Limiti ta’ rimbors — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1))

Ir-rata ta’ 100 % prevista fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tistabbilixxi biss il-limitu massimu ta’ rimbors fil-każ, b’mod partikolari, ta’ marda gravi, u ma timplikax l-obbligu ta’ rimbors favur l-affiljati u l-assigurati fil-proporzjon ta’ 100 % fil-każijiet kollha. Barra minn hekk, peress li r-riżorsi tal-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma limitati għall-kontribuzzjonijiet tal-affiljati u tal-istituzzjonijiet u l-bilanċ finanzjarju tagħha jimplika korrelazzjoni neċessarja bejn l-ispejjeż u l-kontribuzzjonijiet, l-istituzzjonijiet jistgħu, fin-nuqqas ta’ limiti ta’ rimbors stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, jistabbilixxu tali limiti fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-imsemmi Artikolu 72(1), mingħajr madankollu ma jaqbżu l-limiti imposti fuq is-setgħa tagħhom mill-prinċipju ta’ kopertura soċjali li huwa l-bażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan il-prinċipju bl-ebda mod ma jimplika d-dritt għal assigurat li jibbenefika mir-rimbors tal-ispejjeż mediċi li huwa jkun nefaq fi proporzjon stabbilit minn qabel ta’ dawn l-ispejjeż, u dan indipendentement mill-prezz mitlub mill-fornitur tas-servizzi mediċi inkwistjoni.

(ara l-punti 49 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 1991, Pincherle vs Il‑Kummissjoni, T-110/89, punt 25; 25 ta’ Frar 1992, Barassi vs Il-Kummissjoni, T‑41/90, punt 33; 26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T-6/92 u T‑52/92, punt 74