Language of document : ECLI:EU:T:2012:300

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Ambjent — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Limiti massimi applikabbli għar-residwi ta’ pestiċidi — Talba għal eżami mill-ġdid intern — Rifjut — Miżura ta’ portata individwali — Validità — Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Fil-Kawża T‑338/08,

Stichting Natuur en Milieu, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Pesticide Action Network Europe, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn B. Kloostra u A. van den Biesen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn B. Burggraaf u S. Schønberg, sussegwentement minn Burggraaf u P. Oliver, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata inizjalment minn M. Dowgielewicz, sussegwentement minn M. Szpunar, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Michoel u B. Driessen, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Lulju 2008, li tiċħad bħala inammissibbli t-talbiet tar-rikorrenti li hija teżamina mill-ġdid ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta’ residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu (ĠU L 58, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

komposta minn A. Dittrich, President, I. Wiszniewska-Białecka (Relatur) u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti huma, minn naħa, Stichting Natuur en Milieu, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li nħolqot fl-1978 u hija stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), li għandha bħala għan il-ħarsien tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, Pesticide Action Network Europe, fondazzjoni rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li nħolqot fl-2003 u hija stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), li tiġġieled kontra l-użu tal-pestiċidi kimiċi.

2        Fid-29 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) Nru 149/2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta’ residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu (ĠU L 58, p. 1). Għaldaqstant, annessi li jistabbilixxu l-livelli massimi ta’ residwi (iktar ’il quddiem, l-“LMR”) għall-prodotti koperti mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Frar 2005, dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, p. 1), ġew miżjuda ma’ dan ir-regolament.

3        B’ittri tas-7 u tal-10 ta’ April 2008, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni sabiex tagħmel eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 149/2008 abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

4        B’żewġ deċiżjonijiet tal-1 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għal eżami mill-ġdid intern ippreżentati mir-rikorrenti. F’kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat dak li ġej:

“It-talba tagħkom għal eżami mill-ġdid intern tressqet abbażi tat-Titolu IV tar-Regolament […] Nru 1367/2006 […]. [D]an ir-regolament […] jipprovdi li talba għal eżami mill-ġdid intern għandha tissodisfa ċerti kundizzjonijiet, li jolqtu fost l-oħrajn in-natura tal-att amministrattiv, li għandu jkun kopert mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament. Din id-dispożizzjoni tillimita l-kunċett ta’ att amministrattiv għal ‘kwalunkwe miżura ta’ ambitu [portata] individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment’. Fl-ittri tagħkom, intom issostnu li r-Regolament Nru 149/2008 huwa att amministrattiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid intern.

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din l-interpretazzjoni.

Ir-Regolament Nru 149/2008 huwa bbażat fuq [l-Artikolu] 5(1), [l-Artikolu] 21(1), u [l-Artikolu] 22(1) tar-Regolament Nru 396/2005 u jistabbilixxi, għall-Unjoni Ewropea kollha, l-[LMR] tal-pestiċidi applikabbli għall-operaturi kollha fis-settur tal-ikel. Huwa għal din ir-raġuni li r-Regolament Nru 149/2008 ma jistax jitqies bħala miżura ta’ portata individwali u lanqas, kif intom issostnu fl-ittri tagħkom, bħala serje ta’ deċiżjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis it-talba tagħkom għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 149/2008 bħala inammissibbli.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ma’ din ir-risposta, tistgħu tressqu l-kawża quddiem l-Ombudsman Ewropew jew quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza […] sakemm l-ilment jew rikors tagħkom jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 195 KE jew fl-Artikolu 230 KE, skont il-każ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali), fil-11 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża. Fid-29 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors.

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2009, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ntlaqgħet b’digriet tad-19 ta’ Frar 2009 tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali. Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-3 ta’ April 2009. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fil-21 ta’ Awwissu 2009.

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tal-21 ta’ April 2009, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent u awtorizza lill-Kunsill sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-proċedura orali, skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

8        Billi kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lill-imsemmija awla.

9        Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali.

10      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2011.

11      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

—      tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

—      tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talbiet għal eżami mill-ġdid intern;

—      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

—      tiddikjara s-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors bħala inammissibbli;

—      tiċħad ir-rikors bħala infondat;

—      tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-kawża.

13      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

14      Bit-tieni kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talbiet inkwistjoni għal eżami mill-ġdid intern. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ma hijiex kompetenti sabiex tagħti ordnijiet, anki jekk dawn jirrigwardaw ir-regoli ta’ infurzar tas-sentenzi tagħha (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inspeca vs Il-Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, Ġabra p. I‑3709, punt 24, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il‑Kummissjoni, C‑5/93 P, Ġabra p. I‑4695, punt 36). Hija fil-fatt l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tadotta, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri li jimplika l-infurzar ta’ sentenza ta’ annullament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200, u tad-29 ta’ Settembru 2009, Thomson Sales Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑225/07 u T‑364/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 221).

15      Għaldaqstant dan il-kap ta’ talbiet huwa inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors

16      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors, ippreżentati mir-rikorrenti fid-29 ta’ Awwissu 2008.

17      Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-proċeduri msemmija f’dan l-artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta din tiġi nnotifikata lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skont il-każ. Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu għandu jiżdied darba, b’terminu ta’ għaxart ijiem, għal raġuni ta’ distanza.

18      F’dan il-każ, huwa stabbilit li s-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors, li ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Awwissu 2008, tressqu qabel l-iskadenza tat-terminu għal rikors, l-4 ta’ Settembru 2008. Għaldaqstant, l-imsemmija sottomissjonijiet għandhom jintlaqgħu.

19      Din it-talba ma hijiex ikkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni.

20      Fir-rigward tal-argument li jgħid li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdu għall-possibbiltà li jiġu ppreżentati sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors wara li jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-Komunità Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat, ir-regoli proċedurali applikabbli għall-kawżi li l-Qrati Komunitarji jiġu aditi bihom għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’tali mod li dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 45, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il‑Kummissjoni, T‑437/05, Ġabra p. II‑3233, punt 75).

21      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdu, b’mod espliċitu, għall-possibbiltà li jiġu ppreżentati sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors wara li jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors ma jistax jiġi interpretat fis-sens li tali possibbiltà hija eskluża sakemm dawn is-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors jiġu ppreżentati qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

22      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura li jipprovdi li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timplika l-inammissibbiltà tal-motivi ġodda ppreżentati matul il-kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Marzu 1959, Nold vs Awtorità Għolja, 18/57, Ġabra p. 89, 114, u tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punt 29). Madankollu, din il-ġurisprudenza intiża sabiex tissanzjona l-preżentata tardiva ta’ motivi tikkonċerna motivi invokati wara l-iskadenza tat-terminu għal preżentata ta’ rikors. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

23      Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li, fis-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu sussidjarjament motiv li permezz tiegħu hija kkontestata l-legalità tar-Regolament Nru 1367/2006 mingħajr ma dan ġie inkluż fit-talbiet tar-rikors ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Fil-fatt, ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tar-Regolament Nru 1367/2006 sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. L-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv ma tiddependix għaldaqstant fuq l-eżistenza ta’ talba rigward l-illegalità tar-Regolament Nru 1367/2006.

25      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors ippreżentati mir-rikorrenti fid-29 ta’ Awwissu 2008, u għalhekk qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

26      Ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, meta qieset li r-Regolament Nru 149/2008 ma setax jitqies la bħala miżura ta’ portata individwali u lanqas bħala serje ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset bħala inammissibbli t-talbiet tagħhom għal eżami mill-ġdid intern ta’ dan ir-regolament. Dan il-motiv għandu jinftiehem bħala wieħed ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi jillimita l-kunċett ta’ “atti” tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma barra minn hekk iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”, jikser din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament

27      Ir-rikorrenti jsostnu li, billi ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet tagħhom għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 149/2008, għar-raġuni li dan ir-regolament ma setax jitqies la bħala miżura ta’ portata individwali u lanqas bħala serje ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament.

28      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament għandha d-dritt li tagħmel talba għal eżami mill-ġdid intern lill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li adottat att amministrattiv taħt id-dritt dwar l-ambjent. Il-kunċett ta’ att amministrattiv li jinsab f’din id-dispożizzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament bħala miżura ta’ portata individwali adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea taħt id-dritt dwar l-ambjent u li għandha effett estern u legalment vinkolanti.

29      Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ att, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tissodisfa ruħha biss bid-denominazzjoni uffiċjali tal-att, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-għan u l-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il-Kunsill, 16/62 u 17/62, Ġabra p. 901, p. 918).

30      Miżura titqies bħala waħda ta’ portata ġenerali meta hija tapplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u timplika effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1989, Usines coopératives de déshydratation du Vexin et vs Il-Kummissjoni, C‑244/88, Ġabra p. 3811, punt 13, u tal-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il‑Kummissjoni, C‑171/00 P, Ġabra p. I‑451, punt 28; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-1 ta’ Lulju 2008, Região autónoma dos Açores vs Il‑Kunsill, T‑37/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

31      Ir-Regolament Nru 149/2008 jemenda r-Regolament Nru 396/2005 billi jżid fih l-Annessi II, III u IV li jiffissaw l-LMR applikabbli għall-prodotti li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar.

32      Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 149/2008 jirriżulta li kien meħtieġ li jiġu miżjuda l-Annessi II, III u IV mar-Regolament Nru 396/2005, billi l-applikazzjoni tal-Kapitoli II, III u V tiegħu kienet tiddependi fuq l-istabbiliment ta’ dawn l-annessi.

33      Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 396/2005 jirriżulta li dan ir-regolament japplika għall-prodotti li joriġinaw minn pjanti u annimali jew minn partijiet tagħhom koperti bl-Anness I tiegħu u li jintużaw bħala ikel jew għalf frisk, ipproċessat u/jew kompost u li fih jew fuqu jistgħu jkunu preżenti residwi ta’ pestiċidi.

34      Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 396/2005, l-Anness II tiegħu jinkludi, għall-prodotti li jinsabu fl-Anness I tiegħu, lista tal-LMR applikabbli għal dawn il-prodotti billi jintegra magħhom dawk iffissati fid-Direttiva tal-Kunsill 86/362/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-iffissar tal-livelli massimi tal-fdalijiet tal-pestiċidi ġewwa u fuq iċ-ċereali (ĠU L 221, p. 37), fid-Direttiva tal-Kunsill 86/363/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi ta’ pestiċidi fi u fuq affarijiet tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali (ĠU L 221, p. 43), u fid-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1990, dwar l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi tal-pestiċidi u fuq ċerti prodotti oriġinarji mill-pjanti, inkluż il-frott u l-ħaxix (ĠU L 350, p. 71).

35      Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 396/2005, l-Anness III tiegħu jinkludi lista tal-LMR provviżorji għas-sustanzi attivi li l-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għadha ma ġietx deċiża. L-LMR li għadhom jinsabu fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 76/895/KEE, tat-23 ta’ Novembru 1976, li tirrigwarda l-iffissar ta’ livelli massimi għal residwi ta’ pestiċidi fi u fuq frott u ħaxix (ĠU L 340, p. 26), u l-LMR nazzjonali li għadhom ma humiex armonizzati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ dawn l-LMR, li għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti.

36      Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 396/2005, l-Anness III ta’ dan ir-regolament jista’ wkoll jinkludi LMR provviżorji oħra.

37      Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 396/2005, l-Anness IV ta’ dan ir-regolament jinkludi l-lista tas-sustanzi attivi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti evalwati b’mod konformi mad-Direttiva 91/414 li għalihom ma humiex meħtieġa LMR.

38      Għalhekk, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu, ir-Regolament Nru 149/2008 japplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u jimplika effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri l-operaturi ekonomiċi li jimmanifatturaw, ikabbru, jimportaw jew jipproduċu, prodotti koperti mill-annessi tar-Regolament Nru 396/2005 kif ukoll dawk li huma awtorizzati jqiegħdu fuq is-suq prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi msemmija f’dawn l-annessi.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 149/2008 jikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali. Għalhekk ma jistax jitqies bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

40      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti.

41      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li r-Regolament Nru 149/2008 jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika tar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament Nru 396/2005, għandu jiġi osservat li dan il-fatt, allegatament stabbilit, ma jqiegħedx f’dubju l-fatt li r-Regolament Nru 149/2008 japplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u jimplika effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, peress li r-Regolament Nru 149/2008 japplika għal attivitajiet speċifiċi, għandu jitqies bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għalhekk bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “att amministrattiv” huwa ddefinit f’din id-dispożizzjoni, adottata sabiex timplementa l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dan il-kunċett, peress li huwa limitat għall-“miżur[i] ta’ ambitu individwali”, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal miżura ta’ portata ġenerali. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

43      Fit-tielet lok, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li r-Regolament Nru 149/2008 jikkostitwixxi serje ta’ deċiżjonijiet individwali ma jistax jintlaqa’.

44      Fil-fatt, minn naħa, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li r-Regolament Nru 149/2008 jirrigwarda grupp definit b’mod preċiż ta’ prodotti u ta’ sustanzi li ma jippermettux li tiġi miżjuda magħhom l-ebda sustanza oħra fi stadju ulterjuri ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dan ir-regolament fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq.

45      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li tgħid li talba distinta għall-iffissar jew għal tibdil ta’ kull wieħed mil-LMR provviżorji tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 396/2005, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, att ikkontestat, mill-perspettiva ta’ att ta’ applikazzjoni ġenerali, huwa kkunsidrat li jikkostitwixxi serje ta’ deċiżjonijiet individwali jekk ikun ġie adottat bil-għan li jirrispondi għal talbiet individwali, b’tali mod li l-att ikkontestat jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ kull awtur tal-imsemmija talbiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punti 13 sa 22, u tas-6 ta’ Novembru 1990, Weddel vs Il-Kummissjoni, C‑354/87, Ġabra p. I‑3847, punti 20 sa 23; digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Settembru 2005, ASAJA et vs Il‑Kunsill, T‑295/04, Ġabra p. II‑3151, punt 41). Madankollu, f’dan il-każ, l-LMR stabbiliti bir-Regolament Nru 149/2008 ma ġewx adottati fuq talbiet individwali. L-argument tar-rikorrenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

46      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-Regolament Nru 149/2008 huwa att ta’ portata individwali sa fejn l-iffissar ta’ LMR huwa marbut direttament ma’ awtorizzazzjoni bbażata fuq id-Direttiva 91/414, li huwa att ta’ portata individwali, biżżejjed jiġi osservat li l-istabbiliment tal-LMR permezz ta’ dan ir-regolament ma huwiex intiż sabiex ibiddel awtorizzazzjonijiet individwali għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għal protezzjoni tal-pjanti speċifiċi bbażati fuq din id-direttiva. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

47      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, peress li huma kkonċernati direttament u individwalment mir-Regolament Nru 149/2008, dan ir-regolament jikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għalhekk att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-fatt li r-rikorrenti huma kkonċernati direttament u individwalment ma huwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk att huwiex ta’ portata ġenerali jew ta’ portata individwali.

48      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li peress li r-Regolament Nru 149/2008 ma jistax jitqies bħala miżura ta’ portata individwali, ma jistax jikkwalifika bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 149/2008 ma setax ikun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern taħt l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Għalhekk, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta ddikjarat bħala inammissibbli t-talbiet għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament Nru 149/2008, ippreżentati mir-rikorrenti abbażi tar-Regolament Nru 1367/2006.

49      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-invalidità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn huwa jillimita l-kunċett ta’ “atti” tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”

50      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi jillimita l-kunċett ta’ “atti” fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma barra minn hekk iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali” jikser din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant għandu jitqies li r-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, fis-sens tal-Artikolu 241 KE.

51      Mill-Artikolu 300(7) KE jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Komunità huma marbuta bil-ftehim konkluż minnha u, għaldaqstant, li dan il-ftehim igawdi mis-supremazija fuq l-atti ta’ dritt Komunitarju sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C‑311/04, Ġabra p. I‑609, punt 25).

52      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea u mbagħad ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 1). Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet huma marbuta b’din il-konvenzjoni, li tgawdi mis-supremazija fuq l-atti Komunitarji sekondarji. Għalhekk il-validità tar-Regolament Nru 1367/2006 tista’ tiġi affettwata mill-fatt li l-imsemmi att huwa inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

53      Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tistħarreġ il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali ħlief meta n-natura u l-istruttura tiegħu ma jipprekludux dan u ħlief, barra minn hekk, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 45, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 110).

54      Madankollu, fil-każ li l-Komunità kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari li ttieħed fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali jew fil-każ fejn l-att jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan il-ftehim, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni fid-dawl tar-regoli ta’ dan il-ftehim [ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 49; tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il‑Kunsill, C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punt 53, u tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punt 40; ara wkoll, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”), sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, u tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 31]. Għalhekk, il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali, mingħajr ma tivverifika minn qabel jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq humiex sodisfatti, meta dan ir-regolament ikun intiż sabiex iqiegħed fis-seħħ obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea minn dan it-trattat internazzjonali.

55      Fil-fatt, fis-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq (punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rikorrenti ma invokatx l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi antidumping tal-GATT, iżda li hija kienet qed tikkontesta, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ regolament billi invokat wieħed mill-motivi tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 230 KE, jiġifieri l-ksur tat-trattat jew ta’ kwalunkwe regola oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regolament ikkontestat mir-rikorrenti f’din il-kawża kien ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, li għandha, għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-GATT u tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tiegħu (ara s-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Novembru 1998, L‑Italja vs Il‑Kunsill, C‑352/96, Ġabra p. I‑6937, punti 20 u 21).

56      Il-ġurisprudenza żviluppata fil-kawżi relatati mal-ftehim GATT u mal-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ġiet applikata wkoll fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet il-validità ta’ regolament fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju sa fejn hija qieset li “l-individwu [kien] qed jinvoka r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali ta’ natura fundamentali kontra r-Regolament ikkontestat, li [kien i]ttieħed skont dawn ir-regoli u [kien] jipprivah mid-drittijiet tiegħu għat-trattament preferenzjali li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni [kien] jagħtih” (sentenza Racke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

57      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bħal ma kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Nakajima vs Il‑Kunsill, punt 54 iktar ’il fuq (punt 28), ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod inċidentali, skont l-Artikolu 241 KE, il-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

58      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1367/2006 ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li dan ir-regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jiggarantixxi b’mod partikolari “aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell [tal-Unjoni] taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament”. Barra minn hekk, il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1367/2006 tirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Apparti dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jistabbilixxi ċerti obbligi u li r-Regolament Nru 1367/2006 għandu l-għan li jimplementa dak li hemm stabbilit fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dak li jirrigwarda l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, Ġabra p. I‑1255, punti 39 u 41).

59      Isegwi li għandha tiġi eżaminata l-validità tad-dispożizzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti għamlu eċċezzjoni fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u dan ifisser li għandu jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa limitat għall-“miżur[i] ta’ ambitu individwali”.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tara li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw l-eventwali kriterji previsti mid-dritt nazzjonali tagħha jkunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew ommissjonijiet minn individwi jew minn awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

61      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssostni, fir-risposta u fil-kontroreplika, li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma japplikax f’dan il-każ peress li hija aġixxiet fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi meta adottat ir-Regolament Nru 149/2008.

62      Huwa minnu li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea adottati fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006.

63      Fil-fatt, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirreferi għall-atti ta’ awtoritajiet pubbliċi u mill-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni ma jinkludix il-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi.

64      Barra minn hekk, l-eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex disponibbli ħlief fir-rigward ta’ atti amministrattivi bħal dawk definiti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħud[in] minn xi istituzzjoni jew korp [tal-Unjoni Ewropea], u li għandh[om] effetti esterni u li jorbtu legalment”. L-Artikolu 2(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-kunċett ta’ “istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni Ewropea]” ifisser kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija ta’ natura pubblika stabbiliti mit-Trattat jew abbażi tal-istess trattat ħlief meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.

65      Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma aġixxietx fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi meta adottat ir-Regolament Nru 149/2008. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom ġie adottat dan ir-regolament, hija aġixxiet fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħha.

66      Fil-fatt, ir-Regolament Nru 149/2008 emenda r-Regolament Nru 396/2005 billi daħħal l-Annessi II sa IV. Dan ġie adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 16(1), tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 22(1) tar-regolament imsemmi l-aħħar, li kienu jipprovdu l-proċedura applikabbli għall-istabbiliment tal-imsemmija annessi.

67      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Annessi II sa IV tar-Regolament Nru 396/2005 kellhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(2) ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar kienet tirreferi għall-Artikolu 5 u għall-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23).

68      Barra minn hekk, il-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, stabbilita miċ-Ċentru reġjonali għall-ambjent tal-Ewropa ċentrali u orjentali, jagħti sostenn lill-konklużjoni li tgħid li, billi adottat ir-Regolament Nru 149/2008, il-Kummissjoni ma aġixxietx fil-kuntest tas-setgħat leġiżlattivi tagħha. Huwa minnu li din il-gwida ma għandhiex valur legali; madankollu xejn ma jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tużah bħala ispirazzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

69      B’dan il-mod, skont din il-gwida (paġna 42), “ma huwiex meqjus li l-Kummissjoni taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant hija kkunsidrata bħala awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

70      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex applikabbli minħabba li hija adottat ir-Regolament Nru 149/2008 fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħha ma jistax jintlaqa’.

71      Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li jillimita l-kunċett ta’ “atti” għall-“att[i] amministrattiv[i]” ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

72      Il-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma huwiex iddefinit f’din il-konvenzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat skont it-termini li fih jiġi redatt kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikoli 31 tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna, tat-23 ta’ Mejju 1969, fuq id-dritt dwar it-trattati, u tal-21 ta’ Marzu 1986, fuq id-dritt dwar it-trattati jew bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jesprimu f’dan is-sens id-dritt internazzjonali ġenerali konswetudinarju, jipprovdu, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Qabel kollox, għandhom jitfakkru l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

74      B’dan il-mod, mis-sitt u mit-tmien premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li l-awturi ta’ din il-konvenzjoni, filwaqt li “jammettu li ħarsien xieraq tal-ambjent huwa essenzjali għall-benesseri tal-bniedem kif ukoll għat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-ħajja nnifsu”, iqisu li, “sabiex ikunu jistgħu jinvokaw dan id-dritt u jaqdu dan id-dmir, iċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni, ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u jammettu li l-imsemmija ċittadini jista’ jkollhom bżonn ta’ assistenza sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom”. Barra minn hekk, mid-disa’ premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirriżulta li “fil-qasam tal-ambjent, aċċess itjeb għall-informazzjoni u parteċipazzjoni ikbar tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet aħjar u li dawn jiġu applikati b’mod iktar effettiv, jgħinu sabiex il-pubbliku jkun iktar konxju tal-problemi ambjentali, jagħtuh il-possibbiltà li jesprimi t-tħassib tiegħu u jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jeħduhom debitament inkunsiderazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

75      Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Għan” jipprovdi li, “[s]abiex isir kontribut għall-ħarsien tad-dritt ta’ kull wieħed, fil-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li jgħix f’ambjent xieraq sabiex jiżgura s-saħħa u l-benesseri tiegħu, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

76      Għandu jiġi kkunsidrat li proċedura għal eżami mill-ġdid intern li tikkonċerna biss il-miżuri ta’ portata individwali jkollha portata limitata ħafna inkwantu l-atti adottati fil-qasam tal-ambjent spiss ikunu atti ta’ portata ġenerali. Fid-dawl tal-għanijiet u tal-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tali limitazzjoni ma hijiex iġġustifikata.

77      Imbagħad, fir-rigward tal-kliem li fih huwa redatt l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jiġi osservat li dan iħalli ċertu marġni ta’ manuvra lill-partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus rigward id-definizzjoni tal-persuni li jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji u rigward in-natura tal-proċedura (amministrattiva jew ġudizzjarja). Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw l-eventwali kriterji previsti mid-dritt nazzjonali tagħha [li] jkunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jħallix l-istess marġni ta’ manuvra fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “atti” li jistgħu jiġu kkontestati. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex il-kunċett ta’ “atti” fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss l-atti ta’ portata individwali.

78      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jiġi osservat li bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika “ma jinkludix il-korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’dan il-mod, l-atti adottati minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi tagħha jistgħu għaldaqstant jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Din l-esklużjoni ma tippermettix, madankollu, li l-kunċett ta’ “atti” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi limitat biss għall-miżuri ta’ portata individwali. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda rabta bejn l-atti ta’ portata ġenerali u dawk meħudin minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi tagħha. L-atti ta’ portata ġenerali ma humiex neċessarjament atti adottati minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tas-setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi tagħha.

79      Għaldaqstant l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għall-miżuri ta’ portata individwali.

80      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argument tal-Kunsill, imqajjem waqt is-seduta, li tgħid li l-limitazzjoni tal-“atti amministrattivi” għall-miżuri ta’ portata individwali hija ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, organizzazzjoni mhux governattiva li tkun għamlet talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u għalhekk skont l-Artikolu 230 KE. Indipendentement mill-portata tal-miżura li kienet is-suġġett tal-eżami mill-ġdid intern previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-Artikolu 230 KE għandhom, f’kull każ, jiġu osservati fil-każ ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.

81      Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, u b’mod partikolari dik li tipprovdi li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att ikkontestat, japplikaw ukoll għall-miżuri ta’ portata individwali li r-rikorrent ma huwiex destinatarju tagħhom. Organizzazzjoni mhux governattiva, li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1367/2006, ma hijiex neċessarjament ikkonċernata direttament u individwalment minn miżura ta’ portata individwali. Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, il-limitazzjoni tal-kunċett ta’ “atti” biss għall-atti ta’ portata individwali ma tippermettix li jiġi żgurat li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 230 KE, li tgħid li r-rikorrent għandu jkun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att ikkontestat, tiġi sodisfatta.

82      Għalhekk, l-argument tal-Kunsill, li jgħid li l-limitazzjoni tal-“atti amministrattivi” għall-miżuri ta’ portata individwali hija ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi miċħud.

83      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għall-miżuri ta’ portata individwali. Għaldaqstant, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jillimita l-kunċett ta’ “atti” fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-“att[i] amministrattiv[i]”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala “miżur[i] ta’ ambitu individwali”, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

84      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament, għandu jintlaqa’ u, għalhekk, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ wkoll. Għalhekk id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

86      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li r-Repubblika tal-Polonja u l‑Kunsill jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Lulju 2008, li jiċħdu bħala inammissibbli t-talbiet ta’ Stichting Natuur en Milieu u ta’ Pesticide Action Network Europe intiżi sabiex hija teżamina mill-ġdid ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi ta’ residwi għall-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu, huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Stichting Natuur en Milieu u minn Pesticide Action Network Europe.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.