Language of document : ECLI:EU:T:2004:292


SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Ottubru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Trade mark figurattiva preċedenti li tinkludi l-element verbali 'Krafft' – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali VITAKRAFT – Raġuni relattiva għar-rifjut – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Regola 22(2) tar-Regolament KE Nru 2868/95"

Fil-kawża T-356/02,

Vitakraft-Werke Wührmann & Sohn GmbH & Co. KG, stabbilita fi Brême (Il-Ġermanja), irrapreżentata minn  U. Sander, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn A. Apostolakis u minn G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċediment quddiem il-Bord ta' l-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Krafft, SA, stabbilita f'Andoain (Spanja), irrapreżentata minn  P. Koch Moreno, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-raba' Bord ta' Appell ta' l-UASI ta' l-4 ta' Settembru 2002 (kawżi magħquda R 506/2000-4  u R 581/2000-4), rigward proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Krafft, SA,  u Vitakraft-Werke Wührmann & Sohn GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta' Novembru 2002,

wara li rat it-tweġiba ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' April 2003,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta' April 2003,

wara s-seduta tal-5 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-5 ta' Ġunju 1996, ir-rikorrenti talbet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) skond ir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L11 p.1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali VITAKRAFT.

3       Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 3, 4, 12 u 19 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 1 : " Prodotti kimiċi maħsuba għall-industrija, għax-xjenzi, għall-fotografija, kif ukoll għall-agrikultura, l-ortikoltura u s-silvikultura, b'mod partikolari prodotti kimiċi, u materjal filtranti b'bażi kimika, minerali, veġetali, b'bażi ta' materjal tal-plastika mhux maħduma, jew partikuli taċ-ċeramika għat-trattament ta' l-ilma, b'mod partikolari għal akkwarji u għadajjar, reżina artifiċjali mhux maħduma, materjal tal-plastika mhux maħdum, fertilizzanti għar-raba'; taħlitiet għat-tifi tan-nar; taħlitiet sabiex jiġi ttemprat u ssaldjat il-metall; prodotti kimiċi maħsuba sabiex jiġu kkonservati l-alimenti; materjal għall-kunzatura, sustanzi li jwaħħlu maħsuba għall-industrija";

–       klassi 3: " Taħlit għall-ibbliċjar u sustanzi oħra għall-ħasil, prodotti għat-tindif, illustrar, prodotti sabiex ineħħu l-ħmieġ u taħlitiet li joborxu, b'mod partikolari sandpejper għat-tindif tal-gaġeġ ta' l-annimali; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet għax-xagħar, pasta għat-tindif tas-snien";

–       klassi 4: "Żjut u griż industrijali, lubrikanti; prodotti sabiex jassorbu, ixarrbu, u jgħaqqdu t-trab; karburanti (fosthom il-karburanti għal muturi) u oġġetti li jdawlu; xemgħat, ftieli" ;

–       klassi 12: "Vetturi, apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma" ;

–       klassi 19: "Materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi għall-bini; asfalt, żift u qatran; kostruzzjonijiet mhux metalliċi li jistgħu jinġarru; monumenti mhux metalliċi".

4       L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 30/98 tas-27 ta' April 1998.

5       Fis-27 ta' Lulju 1998, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1), tar-Regolament Nru 40/94.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks figurattivi li huma riprodotti hawn:

         A       B       C

      Image not found      

7       Dawn it-trade marks kienu s-suġġett tar-reġistrazzjoni li ġejja fi Spanja:

–       reġistrazzjoni Nru 1924081 (tas-sinjal A) tal-5 ta' Mejju 1995 għall-prodotti li ġejjin inklużi fil-klassi 1:"Prodotti kimiċi maħsuba għall-industrija, għax-xjenzi, għall-fotografija, kif ukoll għall-agrikultura, l-ortikoltura u s-silvikultura reżina artifiċjali mhux maħduma, plastika mhux maħduma, fertilizzanti għar-raba'; taħlitiet għat-tifi tan-nar; taħlitiet sabiex jiġi ttemprat u ssaldjat il-metall; prodotti kimiċi maħsuba sabiex jiġu kkonservati l-alimenti; materjal għall-kunzatura; sustanzi li jwaħħlu maħsuba għall-industrija, b'mod partikolari anti konġelant, likwidi li jkessħu, materjal li jwaħħal u aċċessorji iżolanti intiżi għall-industrija, prodotti kimiċi li jwaħħlu" (iktar 'il quddiem "trade mark preċedenti A1") ;

–       reġistrazzjoni Nru 1924082 (tas-sinjal A) u tal-5 ta' Mejju 1995 għall-prodotti li ġejjin inklużi fil-klassi 3: "Taħlit għall-ibbliċjar u sustanzi oħra għall-ħasil, prodotti għat-tindif, illustrar, jneħħu l-ħmieġ u joborxu; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet għax-xagħar, pasta għat-tindif tas-snien, b'mod partikolari prodotti għat-tindif tal-muturi u l-karburaturi tal-karozzi; xama' u prodotti għat-tindif tal-karozzi, ħasil tal-karozzi, xampù għat-tindif tat-tapezzerija tad-drapp tal-karozzi, prodotti għat-tindif u għall-illustrar ta' prodotti miksija bil-kromju, xama' u prodotti sabiex jirrinovaw l-prodotti li jleqqu, airfresheners għall-vetturi" (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti A2") ;

–       reġistrazzjoni Nru 1160484 (tas-sinjal B) tal-5 ta' Settembru 1987 għall-prodotti li ġejjin inklużi fil-klassi 4: "Żjut u griż industrijali, lubrikanti, prodotti biex jassorbu, ixarrbu u jgħaqqdu t-trab; karburanti (inklużi karburanti għal muturi) u oġġetti li jdawlu: xemgħat u ftieli" (iktar 'il quddiem "trade mark preċedenti B") ;

–       reġistrazzjoni Nru 1042443 (tas-sinjal C) ta' l-20 ta' Frar 1984 għall-prodotti li ġejjin inklużi fil-Klassi 12 : "Vetturi, apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma; muturi għal vetturi ta' l-art" (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti C1") ;

–       reġistrazzjoni Nru 1052802 (tas-sinjal C) ta' l-20 ta' Lulju 1984 għall-prodotti li ġejjin inklużi fil-klassi 19 : "Materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi użati għall-bini; asfalt, żift u qatran, kostruzzjonijiet mhux metalliċi li jistgħu jinġarru; monumenti mhux metalliċi" (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti C2").

8       Ir-rikorrenti talbet li l-intervenjenti tressaq prova li t-trade marks preċedenti B, C1 u C2 kienu s-suġġett ta' użu ġenwin konformi ma' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94. Wara din it-talba l-intervenjenti ressqet 18-il katalgu dwar il-prodotti differenti fil-gamma tagħha.

9       Permezz tad-deċiżjoni Nru 317/2000, ta' l-24 ta' Frar 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni wara li stabbiliet l-identità tal-prodotti inklużi fil-klassijiet 1 u 3, wara li rrikonoxxiet ix-xebh bejn is-sinjali u, għaldaqstant, ikkonkludiet li hemm riskju ta' konfużjoni. Madankollu, hija ċaħdet l-oppożizzjoni f'dak li jirrigwarda l-prodotti inklużi fil-klassijiet 4, 12 u 19 minħabba li l-intervenjenti ma ressqitx provi biżżejjed dwar l-użu tat-trade marks preċedenti B, C1 u C2, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-importanza u t-tul ta' żmien ta' l-użu.

10     Fis-26 ta' April 2000 l-intervenjenti appellat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni billi sostniet prinċipalment li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għamlet żball meta kkunsidrat li l-provi dwar l-użu tat-trade marks preċedenti għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 4, 12 u 19 kienu insuffiċjenti. Barra minn hekk, filwaqt li osservat ix-xebh bejn il-prodotti inklużi fil-klassijiet 1 u 3 koperti mit-trade marks preċedenti u l-prodotti kkontestati inklużi fil-klassijiet 4, 12 u 19 hekk kif speċifikati fl-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni, l-intervenjenti talbet li din ta' l-aħħar tiġi miċħuda wkoll għall-prodotti fil-klassijiet 4, 12 u 19.

11     Permezz ta' l-ittra tal-5 ta' Mejju 2000 ir-rikorrenti appellat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, bl-ilment prinċipali tagħha li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet stabbiliet li kien hemm xebh bejn is-sinjali.

12     Permezz tad-deċiżjoni ta' l-4 ta' Settembru 2002 mogħtija fil-kawżi magħquda R 506/2000-4 u R 581/2000-4 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata") ir-Raba' Bord ta' l-Appell tal-UASI, filwaqt li osserva li l-użu ġenwin tat-trade marks B u C2 mill-intervenjenti kien ġie ppruvat għal parti mill-prodotti, jiġifieri "griż u żjut tal-muturi; lubrikanti" inklużi fil-klassi 4, u"taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" inklużi fil-klassi 19, annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Huwa osserva l-eżistenza ta' xebh bejn il-prodotti "żjut u griż industrijali, lubrikanti, karburanti (inklużi karburanti għal muturi) u oġġetti li jdawlu" inklużi fil-klassi 4, imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, u l-prodotti li għalihom l-użu tat-trade mark preċedenti ġie ppruvat. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li hemm xebh bejn il-"prodotti għat-tindif" inklużi fil-klassi 3 u koperti mit-trade mark preċedenti A2 u l-"prodotti biex jassorbu, ixarrbu u jgħaqqdu t-trab" inklużi fil-klassi 4 u koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li hemm xebh bejn il-prodotti "materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi użati għall-bini; asfalt, żift u qatran" imsemmija mit-trade mark li għalih saret l-applikazzjoni u "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" għal liema l-intervenjenti kienet uriet l-użu tat-trade mark preċedenti C2. Min-naħa l-oħra, filwaqt li kkunsidra li d-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni kienet ġustament iddeċidiet li kien hemm riskju ta' konfużjoni minħabba x-xebh bejn is-sinjali u l-prodotti in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors kollu tar-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa ċaħad parzjalment ir-rikors ta' l-intervenjenti, l-ewwel nett minħabba li hija ma ppruvatx la l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti C1 u lanqas tat-trade mark preċedenti B u C2 għall-prodotti oħra ħlief "griż u żjut tal-muturi; lubrikanti" (klassi 4) u "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" (klassi 19) u, it-tieni nett, li ċerti prodotti kkontestati li huma fil-klassijiet 4, 12 u 19 ma jixbhux il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti A1, A2 u C2, inklużi fil-klassijiet 1, 3 u 19. Essenzjalment, ir-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja ġiet miċħuda għall-prodotti li ġejjin inklużi fl-applikazzjoni ta' trade mark Komunitarja: il-prodotti kollha inklużi fil-klassijiet 1 u 3 tal-Ftehim ta’ Nizza kif ukoll "żjut u griż industrijali, lubrikanti; prodotti biex jassorbu, ixarrbu u jgħaqqdu t-trab; karburanti (inklużi karburanti għal muturi) u affarijiet li jdawlu" (klassi 4) u "il-materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi użati għall-bini; asfalt, żift u qatran" (klassi 19).

 Proċediment u t-talbiet tal-partijiet

13     Fit-8 ta' Jannar 2003 l-intervenjenti talbet li l-Ingliż jintgħażel; bħala lingwa tal-proċedura. Minħabba li r-rikors kif ukoll l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni nkitbu bil-Ġermaniż, din it-talba ġiet miċħuda, u b' mod konformi mat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 131(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Ġermaniż sar il-lingwa tal-kawża.

14     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata inkwantu laqgħet l-appell tal-kumpannija Krafft, SA, u inkwantu l-appell tagħha ma ġiex milqugħ;

–       tikkundanna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

15     L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

16     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p1), it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95

 Argumenti tal-partijiet

17     Ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ma ppruvatx li t-trade marks preċedenti kienu s-suġġett ta' użu ġenwin f'dak li jikkonċerna l-prodotti "griż u żjut industrijali, lubrikanti" u "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini".

18     Rigward il-katalgu dwar iż-żjut tal-muturi allegatament stampat fl-1992, dan ma jaqax fil-perijodu rilevanti li huwa mifrux bejn it-28 ta' April 1993 u 28 ta' April 1998.

19     Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, il-katalgi allegatament stampati fl-1993, 1994, u 1996 ma fihom xejn li jorbothom ma l-użu tat-trade marks preċedenti għall-prodotti "griż u żjut tal-muturi" fil-klassi 4 jew il-prodotti "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" fil-klassi 19.

20     Ir-rikorrenti tammetti li l-katalgi in kwistjoni fihom ċerti indikazzjonijiet rigward il-"lubrikanti". Madankollu hija tosserva li dawn l-indikazzjonijiet ma jissodisfawx l-eżiġenzi li jidhru fir-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. L-evidenza tirrigwarda biss is-snin mill-1993 sa l-1966 u mhux is-snin 1997 u 1998. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, minħabba li l-provi dwar l-użu tat-trade mark jikkonċernaw parti biss mill-perijodu rilevanti, huwa indispensabbli li l-proprjetarju tat-trade marks preċedenti juri mill-anqas li, waqt dan il-perijodu, dan l-użu kien konsiderevoli. L-intervenjenti ma forniet ebda element li seta' juri l-importanza ta' l-użu tat-trade marks preċedenti.

21     L-UASI tosserva li erbgħa mill-katalgi ppreżentati mill-intervenjenti waqt il-proċediment ta' oppożizzjoni ppermettew li jintlaħqu konklużjonijiet dwar it-tul ta' żmien, in-natura u l-post ta' l-użu, jiġifieri:

–       il-katalgu 1 intitolat "Emergiendo con fuerza", rigward iż-żjut tal-muturi, stampat fl-1992, li fih indikazzjoni li l-prezzijiet imsemmija jgħoddu biss minn Jannar 1993;

–       il-katalgu 2, intitolat "Lubricantes para automoción", rigward il-lubrikanti u li ġie ppubblikat fl-1993;

–       il-katalgu 3 intitolat "Lubricantes automoción", ta' l-1994, rigward il-griż u l-lubrikanti;

–       il-katalgu 4, intitolat "Suelos industriales", ta' l-1997 dwar taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini.

22     Min-naħa l-oħra, l-UASI jiddubita jekk il-katalgi in kwistjoni fihomx indikazzjoni utli dwar l-użu tat-trade marks preċedenti, indikazzjoni mitluba skond ir-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 sabiex issir distinzjoni bejn l-użu ġenwin tat-trade marks minn dak purament fittizju. Skond l-UASI, il-produzzjoni ta' materjal pubbliċitarju tista', fil-prinċipju, tikkostitwixxi prova suffiċjenti. Madankollu, l-UASI jistaqsi jekk huwiex neċessarju li tingħata indikazzjoni dwar l-importanza tat-tixrid tal-mezzi pubbliċitarji. Hu jirrikonoxxi li, fil-każ in kwistjoni, ma teżistix tali indikazzjoni.

23     L-intervenjenti taqbel mar-raġunament mogħti mill-Bord ta' l-Appell. Hija tosserva, b'mod partikolari, li l-eżiġenzi tar-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2886/95 ġew sodisfatti. L-indikazzjoni u l-prova tal-post ta' l-użu jirriżultaw mill-indikazzjoni tar-rappreżentanti ta' l-intervenjenti fil-bliet differenti ta' Spanja. Dawk rigward it-tul ta' żmien ta' l-użu jirriżultaw mid-dati ta' l-istampar tal-katalgi. Rigward in-natura ta' l-użu, dawn ta' l-aħħar jippreżentaw il-prodotti bit-trade marks preċedenti B u C2.

24     Waqt is-seduta, l-intervenjenti ammettiet li l-katalgi ma fihom l-ebda indikazzjoni dwar l-importanza ta' l-użu. Barra min hekk, hija ma kkonfermatx l-argument li l-prova ta' l-użu tirriżulta mill-fatt li t-trade marks tagħha kienu magħrufa fis-suq Spanjol. Madankollu hija tenfasizza li huwa biss importanti li jintwera li l-użu magħmul mit-trade marks preċedenti B u C2 ma kienx użu fittizju, intiż biss sabiex jinżammu fir-reġistru. Waqt l-istess seduta, l-intervenjenti żiedet li, skond il-prassi ta' l-UASI, għandhom jiġu ppreżentati provi oġġettivi bħal, per eżempju, katalgi jew fatturi. Hija spjegat li l-fatturi tagħha kien fihom biss id-denominazzjoni tal-prodotti, mingħajr indikazzjoni tat-trade mark, minħabba li hija kienet tbiegħ biss prodotti tat-trade mark Krafft b'tali mod li t-trade mark ma setgħetx tagħmel distinzjoni bejn il-prodotti differenti tal-gamma tagħha. L-intervenjenti għaldaqstant għażlet li turi l-użu tat-trade marks preċedenti permezz tal-materjal pubbliċitarju li hija ppreżentat waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

25     Kif jirriżulta mid-disa' premessa tar-Regolament Nru 401/94, il-leġiżlatur kkunsidra li l-protezzjoni ta' trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss inkwantu hija effettivament użata. B'konformita ma din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista' jitlob il-prova li t-trade mark preċedenti kienet ġenwinament użata fit-territorju li fih hija protetta matul il-ħames snin qabel ma ġiet ippubblikata l-applikazzjoni għal trade mark li kienet is-suġġett ta' oppożizzjoni [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs l-UASI – Harrison (HIWATT), T-39/01, Ġabra. p. II-5233, punt 34].

26     Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra. p. I-2439, punt 43), hemm użu ġenwin ta' trade mark meta din tintuża, skond il-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità ta' l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta' użu ta' karattru simboliku li għandu biss l-għan li jżomm id-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra min hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark jitlob li din, hekk kif hija protetta fit-territorji rilevanti, għandha tintuża pubblikament u lejn l-estern [is-sentenza Ansul, punt 37, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Marzu 2003, Goulbourn vs L-UASI – Redcats (Silk Cocoon), T-174/01, Ġabra p. II‑789, punt 39].

27     Skond ir-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-prova ta' l-użu għandha tirrigwarda l-post, it-tul ta' żmien, l-importanza u n-natura ta’ użu tat-trade mark preċedenti.

28     Barra min hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-użu ġenwin ma jistax jiġi ppruvat permezz ta' probabbiltà jew suppożizzjonijiet, iżda għandu jibbaża ruħu fuq elementi konkreti u oġġettivi li juru użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (is-sentenza HIWATT, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

29     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk, fil-każ in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra mingħajr żball ta' dritt li l-intervenjenti kienet uriet użu ġenwin tat-trade marks preċedenti B u C2 għall-prodotti "griż u żjut tal-muturi, lubrikanti" (klassi 4) kif ukoll għall-prodotti "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" (klassi 19). F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li l-intervenjenti ma lmentatx li l-Bord ta' l-Appell kkunsidra dawn it-trade marks preċedenti bħala rreġistrati biss għall-prodotti li għalihom, skond il-Bord ta' l-Appell l-intervenjenti wriet b'mod konkret l-użu u mhux għall-kategorija sħiħa li jaqgħu taħtha dawk il-prodotti u li għalihom kienu ġew irreġistrati trade marks preċedenti. F'dak li jikkonċerna t-trade mark preċedenti C1 u l-prodotti l-oħra koperti mit-trade marks preċedenti B u C2, peress li l-intervenjenti ma kkontestatx l-osservazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell li l-użu tat-trade marks ma ġiex ippruvat minn din ta' l-aħħar, dawn l-osservazzjonijiet mhumiex is-suġġett ta' din il-kawża.

30     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minħabba li t-talba għall-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fis-27 ta' April 1998, il-perijodu ta' ħames snin huwa mifrux bejn is-27 ta' April 1993 u s-26 ta' April 1998. Imbagħad, minħabba li t-trade marks preċedenti B u C2 huma protetti mir-reġistrazzjonijiet Spanjoli, it-territorju rilevanti huwa dak ta' Spanja. Jirriżulta li l-intervenjenti għandha turi li t-trade marks preċedenti ġew użati fis-suq Spanjol bejn is-27 ta' April 1993 u s-26 ta' April 1998.

31     Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell, ikkunsidra li huwa ma kellu l-ebda raġuni li jiddubita mill-fatt li l-katalgi ppreżentati mill-intervenjenti kienu jirriflettu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti murija fil-katalgi taħt it-trade mark riprodott, waqt il-perijodu rilevanti. Barra min hekk huwa kkunsidra, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-katalgi li jġibu d-dati li jaqgħu fil-perijodu rilevanti, li juru l-prodotti kkummerċjalizzati mill-kompetitur u t-trade mark hekk kif protetta kif ukoll il-mod kif it-trade mark hija applikata fuq il-prodotti, li fihom lista tar-rappreżentanti tal-kompetitur, u li juru r-rabta bejn il-kompetitur u t-trade mark li tagħha hija l-proprjetarja, juru b'mod suffiċjenti skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament 40/94 li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin.

32     Dan ir-raġunament huwa żbaljat minħabba li huwa bbażat fuq allegazzjonijiet.

33     Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 jirriżulta li għandu jiġi eżaminat jekk l-intervenjenti wrietx, waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI, li t-trade marks preċedenti tagħha B u C2, hekk kif protetti, kienu użati fit-territorju rilevanti pubblikament u lejn l-estern sabiex joħolqu jew iżommu suq għall-prodotti li jaqgħu taħt dan it-trade mark. Skond ir-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, din l-evidenza għandha tirrigwarda, b'mod partikolari, l-importanza ta' dan l-użu. Fl-aħħar nett, mhuwiex suffiċjenti li l-użu ġenwin tat-trade mark jidher probabbli jew kredibbli, imma trid tingħata prova ta' dan l-użu.

34     F'dan il-każ, il-katalgi ppreżentati quddiem il-Bord ta' Appell ma jistabbilixxu la l-fatt li dawn kienu jitqassmu lil klijentela potenzjali Spanjola, la l-importanza tad-distribuzzjoni eventwali tagħhom, la l-kwantità tal-bejgħ tal-prodotti protetti minn din it-trade mark. L-intervenjenti ma tat l-ebda indikazzjoni sostnuta minn provi, li tippermetti li tintlaħaq konklużjoni utli f'dan ir-rigward. Fil-fatt l-eżistenza waħdanija ta' dawn il-katalgi tista', mill-aktar trendi, probabbli jew kredibbli l-fatt li prodotti protetti mit-trade marks preċedenti ġew ikkummerċjalizzati jew, mill-inqas, offerti fit-territorju rilevanti imma ma tistax tipprova dan il-fatt.

35     Għaldaqstant għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell għamel żball ta' dritt billi kkunsidra bħala prova suffiċjenti l-katalgi ppreżentati mill-intervenjenti, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi aċċertat jekk il-katalgi fihomx indikazzjonijiet sodisfaċenti dwar il-prodotti "griż u żjut tal-muturi" u l-prodotti "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" jew li jikkonċernaw it-tul ta' żmien ta' l-użu.

36     Konsegwentement, l-ewwel raġuni tar-rikorrenti hija fondata. Minn dan jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell għamel żball billi parzjalment laqa' l-appell ta' l-intervenjenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Għaldaqstant hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata inkwantu hija tilqa' l-appell ta' l-intervenjenti quddiem il-Bord ta' l-Appell rigward il-prodotti "Żjut u griż industrijali; lubrikanti; karburanti (inkluż karburanti għal muturi) u materjal li jdawwal" (klassi 4) u l-prodotti "materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi użati għall-bini; asfalt, żift u qatran" (klassi 19), inklużi fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

 Fuq it-tieni raġuni bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

37     Ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell għamel analiżi komparattiva żbaljata taż-żewġ sinjali in kwistjoni.

38     Fl-ewwel lok, it-trade marks preċedenti huma fl-istess ħin kemm verbali kif ukoll figurattivi, u jikkonsistu f'rettangolu bil-kuluri aħmar, blu, u abjad, maqsum f'żewġ partijiet indaqs bil-parti ta' fuq magħmula mill-kitba "krafft"  bl-abjad fuq bażi ħamra u l-parti ta' isfel li hija magħmula minn wiċċ blu. Minkejja li r-rikorrenti tammetti li l-element distintiv u dominanti tat-trade marks preċedenti huwa l-isem "Krafft", hija ssostni li l-Bord ta' l-Appell għamel żball billi osserva li l-element grafiku huwa kompletament injorat u minsi mill-konsumatur medju.

39     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tfakkar li skond il-ġurisprudenza, it-trade mark hija perċepita bħala ħaġa sħiħa. Il-konsumatur medju ma jagħmilx analiżi tad-dettalji tagħha. Għaldaqstant ir-rikorrenti tirrifjuta t-teżi tal-Bord ta' l-Appell, li l-konsumatur Spanjol kien ser jaqsam it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f'"vita" u "kraft". Barra min hekk, li kieku l-konsumatur jagħmel tali analiżi, dan ma jwasslux li jelimina l-kelma "vita" sabiex iżomm biss il-kelma ""kraft". F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tenfasizza li l-kelma "vita" ma tiddeskrivix il-prodotti msemmija fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Hija ssostni li jekk huwa minnu li l-parti li tikkostitwixxi trade mark komposta, li hija deskrittiva tal-prodotti koperti minnha, ma tistax fil-prinċipju tiġi meqjusa bħala element dominanti tat-trade mark, din it-teżi mhijiex applikabbli fil-każ in kwistjoni. Għaldaqstant il-kelma "vita" m'għandhiex post ta' importanza sekondarja. Skond ir-rikorrenti jirriżulta li t-trade marks kunfliġġenti jippreżentaw, fir-rigward ta' l-elementi grafiċi u verbali tagħhom, biżżejjed differenzi sabiex jagħmluhom distinti.

40     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li s-sinjali kunfliġġenti huma differenti biżżejjed fuq il-livell ta' smigħ minħabba li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni ser jiġi ppronunzjat "vitakraft", filwaqt li l-element verbali tas-sinjali preċedenti huwa ppronunzjat "krafft".

41     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li hemm ukoll differenza kunċettwali evidenti bejn is-sinjali in kwistjoni. Is-sinjali preċedenti huma perċepiti mill-konsumatur Spanjol biss bħala isem ivvintat. Min-naħa l-oħra, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jevoka l-idea ta' vitalità (bl-Ispanjol: "vitalidad"), jew ukoll l-aġġettiv "vital" (bl-Ispanjol: "vital").

42     L-UASI u l-intervenjenti adottaw ir-raġunament kollu tal-Bord ta' l-Appell.

43     L-intervenjenti ssostni, b'mod partikolari, li l-prefiss "vita" huwa kunċett komuni, li għandu karattru distintiv dgħajjef, u li fl-Ispanjol l-aċċent toniku, fil-pronunzja ta' "vitakraft", jaqa' fuq is-sillaba "kraft".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

44     Minħabba li l-ewwel raġuni tar-rikorrenti hija fondata, għandu biss jiġi evalwat ir-riskju ta' konfużjoni bejn is-sinjali li għalihom saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti A1 u A2 (iktar 'il quddiem it-"trade marks preċedenti") li mhumiex suġġetti għall-ħtieġa ta' prova ta' l-użu ġenwin, minħabba li, fid-data tal-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, huma kienu ilhom irreġistrati għal anqas minn ħames snin (Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94).

45     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni fost il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

46     Skond ġurisprudenza kostanti, riskju ta' konfużjoni huwa kkostitwit mill-possibbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament.

47     Skond din l-istess ġurisprudenza, ir-riskju ta' konfużjoni għandu jiġi evalwat b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-elementi rilevanti kollha f'din il-kawża, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

48     Għandu jiġi rrilevat li l-osservazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell rigward ix-xebh bejn il-prodotti ma ġewx ikkontestati la mir-rikorrenti u lanqas mill-intervenjenti. L-eżitu tar-rikors għaldaqstant jiddependi fuq jekk hemmx possibbiltà ta' konfużjoni minħabba xebh bejn is-sinjali. Il-prodotti li huma involuti fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali huma dawk kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li jaqgħu taħt il-klassijiet 1 u 3 tal-Ftehim ta’ Nizza kif ukoll il-"prodotti sabiex jassorbu, ixarrbu u jgħaqqdu t-trab" (klassi 4) li l-Bord ta' l-Appell kien ikkunsidra bħala simili għall-"prodotti għat-tindif, illustrar, tneħħija tal-ħmieġ u taħlitiet li joborxu" protetti mit-trade mark preċedenti A2 u inklużi fil-klassi 3.

49     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tar-riskju ta' konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni totali mogħtija minnhom, filwaqt li jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

50     Rigward, l-ewwel nett, l-aspett viżwali tat-trade marks preċedenti, il-Bord ta' l-Appell osserva ġustament li l-element dominanti ta' dawn it-trade marks, minkejja n-natura figurattiva tagħhom, hija l-kelma "Krafft". Fil-fatt l-elementi figurattivi tas-sinjali preċedenti, jiġifieri l-grafika tal-kelma "Krafft", minn naħa, u r-rettangoli blu u ħomor, min-naħa l-oħra mhumiex importanti biżżejjed sabiex jolqtu lill-konsumatur aktar mill-element verbali ta' dawn.

51     Is-sinjal li għalih saret applikazzjoni huwa, għall-konsumatur li jitkellem l-Ispanjol, magħmul minn kelma komposta minn żewġ elementi, bl-ewwel wieħed it-terminu "vita" u t-tieni wieħed it-terminu "kraft". Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra ġustament, li konsumatur, meta jipperċepixxi sinjal verbali, jaqsmu f'elementi verbali li, għalih, għandhom tifsira konkreta jew li jixbhu kliem li huwa jaf. Għaldaqstant, il-kelma "vita" hija pperċepita, mill-konsumatur ta' lingwa Spanjola, bħala waħda li tirreferi għal kliem bħal "vitalité" jew "vital" (bl-Ispanjol: "vitalidad" jew "vital"). Min-naħa l-oħra, minkejja li t-terminu "kraft" ifisser "saħħa" f'ċerti lingwi, inkluż il-Ġermaniż, huwa m'għandu l-ebda tifsira konkreta fil-lingwa Spanjola.

52     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, bħala regola ġenerali, terminu ivvintat jiġbed aktar l-attenzjoni tal-konsumatur [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 43, ikkonfermata permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 2004, Matratzen Concord vs L-UASI, C‑3/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra]. Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat ukoll li, b'mod ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark komposta bħala element dominanti ta' l-impressjoni totali prodotta minnha [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, José Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN),T-129/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53]. Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għall-elementi li għandhom tifsira ġenerali ħafna li jissuġġerixxu kwalità pożittiva li tista' tiġi attribwita għall-gamma wiesgħa ta' prodotti jew ta' servizzi differenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, għall-pubbliku Spanjol, il-kelma "vita" taqa' taħt din il-kategorija ta' elementi.

53     Jirriżulta li, bl-Ispanjol, l-element dominanti tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa magħmul mit-tieni parti, "kraft", minħabba li huwa terminu ivvintat u li, għall-pubbliku msemmi, l-ewwel parti tas-sinjal, "vita", għandha karattru anqas distintiv.

54     Rigward l-aspett fonetiku, it-trade marks preċedenti huma ppronunzjati "Krafft". Min-naħa l-oħra, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni fih tliet sillabi (" vi", "ta" u "kraft"). Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 52 u 53 iktar 'il fuq, il-pubbliku msemmi jipperċepixxi l-aħħar sillaba tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-kelma "kraft", bħala l-element dominanti tas-sinjal verbali VITAKRAFT.

55     Jirriżulta li kemm mil-lat viżiv u kemm mil-lat ta' smigħ, l-element dominanti tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, "kraft", u l-element verbali tat-trade marks preċedenti "Krafft" huma simili ħafna jekk mhux identiċi, minħabba li ż-żewġ "f" tal-kelma "Krafft" ma jwasslu la għal differenza fonetika perċettibbli u lanqas għal differenza viżwali suffiċjenti sabiex jeliminaw l-elementi ta' xebh viżwali msemmija iktar 'il fuq.

56     Rigward l-aspett kunċettwali, minkejja li l-kelma "vita" tevoka l-idea ta' "vitalità" jew l-aġġettiv "vital", is-sinjal VITAKRAFT m'għandux sens speċifiku fil-lingwa Spanjola. Peress li la t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u lanqas it-trade mark preċedenti m'għandhom tifsira konkreta f'din il-lingwa jidher li m'hemmx differenza kunċettwali suffiċjenti bejn iż-żewġ sinjali.

57     Jirriżulta li, għall-pubbliku msemmi, li huwa magħmul minn konsumaturi li jitkellmu l-Ispanjol, is-sinjali in kwistjoni huma simili fuq il-livell viżwali u fonetiku. Peress li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi jew simili ħafna, il-Bord ta' l-Appell m'għamel l-ebda żball ta' dritt meta kkonstata li kien hemm il-possibbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti li jinkludu l-element "Krafft" u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni VITAKRAFT, rigward il-prodotti fil-klassijiet 1 u 3 imsemmija fl-appikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kif ukoll il-"prodotti sabiex jassorbu, ixarrbu u jgħaqqdu t-trab" li jaqgħu fil-klassi 4.

58     Konsegwentement it-tieni raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

59     Jirriżulta li r-rikors huwa fondat biss inkwantu l-Bord ta' l-Appell, bi żball, ikkunsidra li l-intervenjenti ppreżentat il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti B għall-prodotti "żjut u griż industrijali, lubrikanti" (klassi 4), u C2, għall-prodotti "taħlit ta' ġir jew siment, ramel u ilma u taħlit għall-invellar użat fil-bini" (klassi 19). Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn hija tilqa' l-appell ta' l-intervenjenti quddiem il-Bord ta' l-Appell rigward il-prodotti "żjut u griż industrijali; lubrikanti; karburanti (inkluż karburanti għal muturi) u oġġetti li jdawlu" (klassi 4) u l-prodotti "materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi użati fil-bini; asfalt, żift u qatran" (klassi 19), inklużi fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Għall-bqija, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

60     Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

61     Fil-każ in kwistjoni, ir-rikorrenti kif ukoll l-UASI u l-intervenjenti kollha parzjalment tilfu fit-talbiet tagħhom. Konsegwentement, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Sezzjoni ) taqta' u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) ta' l-4 ta' Settembru 2002 (kawżi magħquda R 506/2000-4 u R 581/2000-4) hija annullata inkwantu hija tilqa' l-appell ta' l-intervenjenti quddiem il-Bord ta' l-Appell fir-rigward tal-prodotti "żjut u griż industrijali; lubrikanti; karburanti (inkluż karburanti għal muturi) u oġġetti li jdawlu" (klassi 4) u l-prodotti "materjal mhux metalliku għall-bini, katusi riġidi mhux metalliċi użati fil-bini; asfalt, żift u qatran" (klassi 19), inklużi fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

2)      Il-bqija tar-rikors jiġi miċħud.

3)      Kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta' Ottubru 2004

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.