Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Bologna (l-Italja) fis-26 ta’ Ottubru 2023 – Hera Comm SpA vs Falconeri Srl

(Kawża C-645/23, Hera Comm)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte d’appello di Bologna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: Hera Comm SpA

Appellat: Falconeri Srl

Domandi preliminari

It-taxxa addizzjonali għal dazju tas-sisa fuq l-elettriku, applikata mill-Istat Membru bħala frazzjoni jew multiplu tad-dazju tas-sisa li għalih il-prodott huwa diġà suġġett, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi indiretti oħrajn”, liema espressjoni tintuża fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE 1 , jew għandha titqies bħala sempliċi żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa, bil-konsegwenza li l-Istat Membru huwa liberu li ma jallokahiex għall-“finijiet speċifiċi” meħtieġa mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118?

Fil-każ li t-taxxa addizzjonali għal dazju tas-sisa fuq l-elettriku taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi indiretti oħrajn”, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi invokat mill-individwu quddiem qorti nazzjonali sabiex:

jilmenta mal-bejjiegħ tal-prodott suġġett għat-taxxa addizzjonali għal dazju tas-sisa, li lilu l-individwu jkun irrimborsa t-taxxa indiretta, li s-soprataxxa imposta mill-Istat Membru fuq il-bejjiegħ hija illegali, peress li hija bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva;

konsegwentement, jaġixxi kontra l-bejjiegħ sabiex jirkupra l-ħlas indebitu li ġie mgħoddi lilu?

____________

1     GU 2009, L 9, p. 12.