Language of document : ECLI:EU:T:2018:786

(Kawża T-207/10)

Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Sistema fiskali li tippermetti lill-impriżi fiskalment iddomiċiljati fi Spanja jamortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi fiskalment iddomiċiljati barra mill-pajjiż – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Dispożizzjoni li tippermetti lis-sistema tkompli tapplika parzjalment – Talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Persistenza tal-interess ġuridiku – Aspettattivi leġittimi – Assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni – Leġittimità tal-aspettattivi – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Novembru 2018

1.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, tordna l-irkupru parzjali tagħha u tippermetti lis-sistema fiskali inkwistjoni tkompli tapplika parzjalment – Persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrent b’ilment kontra dispożizzjoni li tawtorizza t-tkomplija tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna kontenzjuża, minkejja l-fatt, li deher wara l-preżentata tar-rikors, li ma kienx hemm użi ta’ din l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-kompetitur

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(h))

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali – Aspettattivi leġittimi li oriġinaw minn assigurazzjonijiet speċifiċi, inkundizzjonali u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni – Pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li ttemm dawn l-aspettattivi leġittimi

(Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali – Aspettattivi leġittimi li oriġinaw minn assigurazzjonijiet speċifiċi, inkundizzjonali u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti – Operazzjonijiet li jippreċedu l-att li ġġenera l-imsemmija aspettattivi leġittimi – Inklużjoni

(Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE)

1.      Il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament sostnut.

Dan l-interess jirriżulta, qabelxejn, mill-kwalità tar-rikorrenti bħala parti interessata lanjanti kif ukoll miċ-ċaħda parzjali u fis-sustanza ta’ dan l-ilment mid-dispożizzjoni kkontestata.

Fil-fatt, ir-rikorrenti hija “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 1999, L 83, p. 1), kif emendat, “li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna”, li għandha b’hekk bħala definizzjoni “interess” fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni u, korrelattivament, fid-dawl taċ-ċaħda tal-ilment tagħha mill-imsemmija deċiżjoni, interess li tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni li ma hijiex favorevoli għaliha. Din hija barra minn hekk il-parti interessata li ressqet l-ilment li wassal għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, spjegat ir-raġunijiet għat-tressiq tiegħu.

Anki jekk id-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll id-dispożizzjoni kkontestata, ma kinitx tikkostitwixxi tweġiba espliċita għall-ilment tar-rikorrenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti kienet invokat fl-ilment tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat fiha li s-sistema kontenzjuża setgħet tkompli tapplika f’ċerti ipoteżijiet li ġew speċifikati. Issa, tali rifjut huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-interess ġuridiku tar-rikorrenti f’dan il-każ, fis-sens li l-annullament ta’ din iċ-ċaħda fuq il-bażi tal-motiv uniku li hija qajmet jista’ jagħtiha benefiċċju, dak li s-sistema kontenzjuża tiġi ddikjarata illegali u pprojbita, inkluż fl-ipoteżijiet previsti mid-dispożizzjoni kkontestata.

Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza allegata mill-Kummissjoni u li allegatament seħħet wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, li l-kumpannija f’kompetizzjoni magħha ma setgħetx tibbenefika mis-sistema kontenzjuża ddikjarata illegali mid-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed f’dubju l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-dispożizzjoni kkontestata. Li kieku kien mod ieħor u, b’mod partikolari, kieku kien meħtieġ mill-partijiet interessati u b’mod partikolari minn dawk li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li jistabbilixxu wkoll il-kwalità tagħhom ta’ kompetitur ta’ benefiċjarju effettiv tas-sistema kontenzjuża eżaminata mid-deċiżjoni kkontestata, dan iwassal għal konfużjoni bejn il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà essenzjali u ewlenija għal kwalunkwe azzjoni tal-interess ġuridiku, li għandu jibqa’ jeżisti sakemm l-azzjoni tintemm, u l-kundizzjoni tal-locus standi, li huma kundizzjonijiet distinti li persuna fiżika jew ġuridika għandha tissodisfa b’mod kumulattiv.

Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti żżomm ukoll interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex ikun jista’ jiġi evitat li l-illegalità li biha hija allegatament ġiet affettwata ma terġax isseħħ fil-futur. Għal dan il-għan, għandu jiġi enfasizzat li l-illegalità allegata tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi li taw lok għal dan ir-rikors, peress li hija tqiegħed inkwistjoni, indipendentement minn dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-portata ratione temporis tal-protezzjoni li tista’ tingħata skont dan il-prinċipju.

(ara l-punti 22 sa 32)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33 sa 46, 108, 110)

3.      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxuti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE, li oriġinaw minn assigurazzjonijiet speċifiċi, inkundizzjonali u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni bejn id-data tal-kisba tal-aspettattivi leġittimi, li tikkorrispondi mad-data ta’ għarfien tal-assigurazzjonijiet preċiżi, u s-suġġett tal-aspettattivi leġittimi miksuba, li jista’ jestendi għal operazzjonijiet li saru qabel din id-data, skont it-termini tal-assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija.

Issa, l-aspettattivi leġittimi jinvolvu l-iktar ta’ spiss, u b’mod partikolari f’dan il-każ, iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li bħala tali toriġina qabel l-att li jiġġenera aspettattivi għaż-żamma tagħha. F’dan il-każ, l-att li jiġġenera l-aspettattivi leġittimi ma jipproduċix effett retroattiv, fis-sens li joħloq aspettattivi leġittimi minn avvenimenti preċedenti inkwistjoni, iżda sempliċement ikopri, mid-data ta’ meta seħħ, avvenimenti li seħħew qabel din id-data u l-effetti futuri tagħhom.

Fil-fatt, li kieku kien mod ieħor, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma kienx ikun jista’ jiġi validament invokat sabiex jopponi l-irkupru ta’ għajnuna illegali li, min-natura tagħha, hija mogħtija qabel ma l-Kummissjoni, li hija l-iktar waħda li tista’ tipprovdi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonali, konkordanti u affidabbli, setgħet tippronunzja ruħha, bi kwalunkwe mod, fuq il-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 ikun b’hekk imċaħħad mill-effettività tiegħu.

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li s-sistema kontenzjuża ma ġietx f’dan il-każ innotifikata lill-Kummissjoni u li l-benefiċjarji ta’ din is-sistema jista’ jkollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-għoti tagħha biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, minkejja li mill-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jirriżulta li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mhux innotifikata ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità u taż-żamma tagħha, mill-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi jirriżulta li, b’effett mill-għoti ta’ assigurazzjonijiet preċiżi ta’ natura li joħolqu fi ħdan il-benefiċjarju tal-għajnuna aspettattivi fondati fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna, li jikkaratterizzaw dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, u sakemm dawn l-assigurazzjonijiet mogħtija ma jipprevedux limitu ratione temporis, dan il-benefiċjarju ma jistax jitqies iktar bħala li seta’ leġittimament ikun jaf matul ċertu perijodu bl-illegalità tal-għajnuna inkwistjoni. Li kieku kien mod ieħor, dan kien iwassal sabiex jiġu injorati l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-assigurazzjonijiet mogħtija, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata ratione temporis tal-imsemmija assigurazzjonijiet, u b’hekk sabiex titneħħa waħda mill-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-aspettattivi leġittimi, b’mod li jikkontribwixxi madankollu fil-każ ta’ għajnuna mhux innotifikata għall-konklużjoni li l-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità ta’ din l-għajnuna jkunu rrikonoxxuti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, jekk kellhom jiġu koperti biss mill-aspettattivi leġittimi l-operazzjonijiet wara l-att li jiġġenera l-aspettattivi leġittimi, anki meta dan tal-aħħar kien speċifika li jkopri operazzjonijiet preċedenti, dan iwassal għal limitazzjoni tal-portata ta’ dawn l-assigurazzjonijiet bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 97 sa 106)