Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ġunju 2007 - Eurallumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-207/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Eurallumina (Portoscuso, l-Italja) (rappreżentanti: L. Martin Alegi, R. Denton u E. Cormack, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Jew:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi;

tordna li l-eżenzjoni preżenti awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KEE hija legali sal-31 ta' Diċembru 2006 u li kull somma mogħtija mill-Istat Taljan m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna illegali mogħtija mill-Istat, jew minn ta' l-anqas m'għandiex tiġi rkuprata; jew

tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi u tiddikjara li l-eżenzjoni preżenti awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KEE hija legali sal-31 ta' Diċembru u u li kull somma mogħtija mill-Istat Taljan m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna illegali mogħtija mill-Istat, jew minn ta' l-anqas m'għandiex tiġi rkuprata; jew

tordna li l-irkupru m'għandux ikun ta' iktar minn EUR 3 għal kull tunnellata.

Jew:

tannulla l-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jirrigwardaw lil Eurallumina; jew

tordna li l-eżenzjoni preżenti awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KEE hija legali sal-31 ta' Diċembru u li kull somma mogħtija mill-Istat Taljan m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna illegali mogħtija mill-Istat, jew minn ta' l-anqas m'għandiex tiġi rkuprata; jew

tannulla l-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jirrigwardaw lil Eurallumina u tordna li l-eżenzjoni preżenti awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KEE hija legali sal-31 ta' Diċembru u li kull somma mogħtija mill-Istat Taljan m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala għajnuna illegali mogħtija mill-Istat, jew minn ta' l-anqas m'għandiex tiġi rkuprata; jew

tordna li l-irkupru m'għandux ikun ta' iktar minn EUR 3 għal kull tunnellata.

Sussidjarjament, timmodifika l-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jirrigwardaw lil Eurallumina b'tali mod li skond l-eżenzjoni preżenti sal-31 ta' Diċembru 2006, kull somma mogħtija mill-Istat Taljan m'għandhiex tiġi rkuprata; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 286 finali tas-7 ta' Frar 2007 li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja fir-rigward ta' żejt tqil karburanti li jintuża fil-produzzjoni ta' l-alumina b'effett mill-1 ta' Jannar 2004 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE u li parti minn din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-kontinwazzjoni ta' l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal żjut minerali użati bħala karburant għall-produzzjoni ta' l-alumina f'Sardinja anke wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE1 fl-1 ta' Jannar 2004 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-istat, minħabba li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva u l-Anness II tagħha espliċitament jipprovdu li din l-eżenzjoni, li kienet approvata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/224/KE2, tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2006. Għalhekk, skond ir-rikorrenti, id-Direttiva 2003/96/KE espliċitament tikkonvalida l-eżenzjoni speċifika mid-dazju tas-sisa mogħtija lir-rikorrenti sal-31 ta' Diċembru 2006.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li anke jekk l-eżenzjoni approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE hija, prima facie, miżura selettiva, din hija ġġustifikata min-natura u l-loġika in ġenerali' tar-regoli Komunitarji u tas-sistema tat-taxxa Taljana, u għaldaqstant, mhijiex għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li anke jekk l-eżenzjoni approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE tiġi kkunsidrata bħala għajununa mill-Istat, din tikkwalifika għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE tar-regoli dwar l-għajnuna għall-ambjent.3

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi ddeċidiet li l-applikazzjoni għall-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal żjut minerali użati bħala karburant għal produzzjoni ta' l-alumina, fost l-oħrajn, f'Sardinja kienet għajnuna mill-Istat li tista' tiġi rkuprata b'effett mill-1 ta' Jannar 2004, kisret il-prinċipji ta' l-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali, tal-preżunzjoni tal-validità, ta' lex specialis, ta' effet utile u ta' amministrazzjoni tajba u dan peress li r-rikorrenti kellha aspettattivi leġittimi li l-eżenzjoni approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE sal-31 ta' Diċembru 2006 kienet att Komunitarju legalment validu u li kull miżura li ttieħded mill-awtoritajiet Taljani u mir-rikorrenti sabiex jimplementaw u jibbażaw ruħhom fuq din id-Deċiżjoni ma kellhiex twassal għal riżultat illegali.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU 2003 L 283, p. 51)

2 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU 2001 L 84, p. 23).

3 - Linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna ta' l-istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (ĠU 2001 C 37, p.3), b'mod partikolari l-paragrafu 51(1)(a) u (b).