Language of document : ECLI:EU:T:2008:68

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Marzu 2008

Kawża T-100/04

Massimo Giannini

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Irregolaritajiet fl-iżvolġiment ta’ l-eżamijiet ta’ natura li jivvizzjaw ir-riżultat – Trattament ugwali – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Għażla tal-kompetizzjoni COM/A/9/01, sabiex tiġi kkostitwita riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi (A7/A6) fl-oqsma ta’ l-ekonomija u l-istatistika (ĠU 2001, C 240 A, p. 12), li r-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti ta’ l-ispejjeż ta’ Massimo Giannini. M. Giannini għandu jbati kwart ta’ l-ispejjez tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Suġġett u bażi ġuridika identiċi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni − Kompetizzjoni ġenerali – Parteċipazzjoni ta’ uffiċjali li għandhom pożizzjoni u jaqgħu taħt grad imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 4 u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 27)

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Proċeduri – Għażla – Setgħa diskrezzjonali ta’ l-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(1))

5.      Uffiċjali – Obbligu ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni

6.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Metodu u kontenut ta’ l-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

7.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord ta’ l-Ghażla – Kompożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

8.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord ta’ l-Għażla – Kompożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

9.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Obbligu ta’ indipendenza u ta’ integrità

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 14)

10.    Uffiċjali – Kompetizzjoni – Prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord ta’ l-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 14)

11.    Uffiċjali – Kompetizzjoni – Obbligu ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji li jiżguraw lill-kandidati kollha żvolġiment seren u regolari ta’ l-eżamijiet

12.    Uffiċjali – Kompetizzjoni – Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

1.      Meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Għażla li ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva u din it-talba tiġi miċħuda, hija d-deċiżjoni ta’ ċaħda li tikkawża preġudizzju, u għalhekk l-att li jista’ jiġi kkontestat.

(ara l-punti 29 u 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ April 2001, Zaur-Gora u Dubigh vs Il-Kummissjoni, T-95/00 u T-96/00, ĠabraSP p. I-A-79 u II-379, punti 24 sa 27; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament, T-386/00, ĠabraSP p. I-A-13 u II-55, punt 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il-Kummissjoni, T-294/03, ĠabraSP p. I-A-141 u II-635, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T-173/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19

2.      Fir-rikorsi ta’ l-uffiċjali, ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tapplika b’mod sħiħ meta l-interessati, għalkemm mhumiex obbligati, meta jirrigwarda deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni, jagħżlu l-ewwel nett li jressqu lment lill-Awtorità tal-Ħatra, minflok ma jmorru direttament quddiem il-qorti Komunitarja. Għalhekk, meta r-rikorrent iressaq ilment, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni u dan l-ilment jiġi miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra, it-talbiet imressqa quddiem il-qorti Komunitarja għandhom ikollhom l-istess suġġett bħal dawk tat-talbiet spjegati fl-ilment. Barra minn hekk, il-kapijiet ta’ kontestazzjoni żviluppati quddiem il-qorti Komunitarja għandhom ikunu bbażati fuq l-istess kawża bħal dawk tal-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment.

Madankollu, peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tippermetti u tiffavorixxi soluzzjoni bonarja għan-nuqqas ta’ qbil li jista’ jinqala’ bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni, u peress li din il-proċedura għandha natura informali u l-interessati jaġixxu, b’mod ġenerali, f’dan l-istadju, mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, l-aministrazzjoni għandha teżamina l-ilmenti mhux b’mod restrittiv, iżda, għall-kuntrarju, b’moħħ miftuħ. Barra minn hekk, il-kapijiet ta’ kontestazzjoni ta’ l-ilment jistgħu jiġu żviluppati, kemm matul il-proċedura prekontenzjuża, permezz ta’ noti addizzjonali, kif ukoll quddiem il-qorti Komunitarja, bil-kundizzjoni li l-kritika li hemm fiha tkun ibbażata fuq l-istess kawża bħal dik li fuqhom huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment inizjali. B’hekk, il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu, sa quddiem il-qorti Komunitarja, jiġu żviluppati bil-preżentata ta’ motivi u argumenti li mhux neċessarjament jissemmew fl-ilment, iżda jkollhom rabta mill-qrib miegħu.

(ara l-punti 37 sa 40)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, punti 11 sa 13; Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Mejju 1987, Geist vs Il-Kummissjoni, 242/85, Ġabra p. 2181, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Marzu 1990, Alexandrakis vs Il-Kummissjoni, T-57/89, Ġabra p. II-143, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Marzu 1993, Booss u Fischer vs Il-Kummissjoni, T-58/91, Ġabra p. II-147, punt 83; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 1997, S vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-4/96, Ġabra p. II-1125, punt 99; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Diċembru 1997, Dricot et vs Il-Kummissjoni, T-159/95, ĠabraSP p. I-A-385 u II-1035, punt 24; Gonçalves vs Il-Parlament iċċitata iktar’il fuq, punt 42; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Settembru 2003, Vranckx vs Il-Kummissjoni, T-293/02, ĠabraSP p. I-A-187 u II-947, punti 41 sa 45

3.      Id-dħul f’kompetizzjoni ta’ uffiċjali li għandhom pożizzjoni u għandhom il-gradi imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali la jippreġudika l-iskop u lanqas l-għan ta’ reklutaġġ kif definit fir-Regolamenti tal-Persunal.

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull reklutaġġ ma jistax isir għal xi skop ieħor barra biex timtela pożizzjoni vakanti. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi b’mod vinkolanti kif l-iskop ta’ kull reklutaġġ huwa dak li jiġu impjegati l-persuni li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità magħżula mill-iktar bażi wiesgħa possibbli, mhux biss ġeografika, minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.

Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-iskop tar-reklutaġġ, jidher li, jekk l-istituzzjoni Komunitarja tirrekluta, wara kompetizzjoni, f’qasam determinat u bi grad preċiż, uffiċjal li diġà għandu pożizzjoni fil-qasam u diġà għandu l-grad imsemmi fil-kompetizzjoni, ma jistax isir ilment kontra l-istituzzjoni li ma mlietx pożizzjoni vakanti. Ċertament, huwa veru li dan ir-reklutaġġ jimla pożizzjoni vakanti billi joħloq pożizzjoni vakanti oħra. Madankollu, peress li r-reklutaġġ huwa għal pożizzjoni vakanti, ma jmurx kontra l-iskop ta’ reklutaġġ kif iddefinit mill-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dak li jikkonċerna l-iskop ta’ reklutaġġ, meta uffiċjal, li għandu pożizzjoni f’dan il-qasam u għandu grad imsemmi minn avviż ta’ kompetizzjoni, jgħaddi minn eżamijiet differenti tal-kompetizzjoni, ir-reklutaġġ tiegħu, mill-istituzzjoni, wara din il-kompetizzjoni ma jolqotx l-iskop tar-reklutaġġ permezz ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, il-fatt li dan l-uffiċjal ikun għadda mill-eżamijiet differenti ta’ kompetizzjoni juri li huwa fost il-kandidati l-iktar kwalifikati sabiex jimla l-pożizzjonijiet li hemm fl-istituzzjoni. Barra minn hekk, dan ir-reklutaġġ isir fuq bażi l-iktar wiesgħa possibbli.

(ara l-punti 83 sa 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 31 ta’ Marzu 1965, Rauch vs Il-Kummissjoni, 16/64, Ġabra p. 179; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Novembru 1990, Bataille et vs Il-Parlament, T-56/89, Ġabra p. II-597, punt 48; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, T-40/96 u T-55/96, ĠabraSP p. I-A-47 u II-135, punti 40 u 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Novembru 1998, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T-294/97, ĠabraSP p. I-A-601 u II-1819, punt 35

4.      L-espressjoni “jekk il-posizzjoni tistax timtela bi”, li hemm fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ifisser b’mod ċar li l-Awtorità tal-Ħatra mhijiex obbligata b’mod assolut, jekk hemm lok li timtela pożizzjoni vakanti, li tagħmel promozzjoni jew trasferiment, iżda li sempliċiment teżamina, f’kull każ, jekk dawn il-miżuri jistgħux iwasslu għal ħatra ta’ persuna li għandha l-ogħla kwalitajiet ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità.

B’hekk, għalkemm il-ġerarkija stabbilita mill-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal timplika li l-Awtorità tal-Ħatra teżamina bl-akbar reqqa’ l-possibbiltajiet ta’ promozzjoni jew ta’ tibdil qabel ma tgħaddi għall-fażi li jmiss, hija ma timpedixxix lil din l-awtorità, waqt dan l-eżami, milli tieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li jinkisbu l-aħjar kandidaturi permezz ta’ proċeduri oħrajn. Jirriżulta minn dan li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tgħaddi għal fażi ulterjuri tal-proċedura ta’ reklutaġġ, anki meta jkun hemm kandidat jew kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa mill-avviż tal-pożizzjoni vakanti li għandha timtela.

Konsegwentement jekk, wara l-eżami tal-possibbiltajiet ta’ trasferiment, l-Awtorità tal-Ħatra tqis li ċerti uffiċjali jistgħu jimlew il-pożizzjonijiet vakanti jew, għall-kuntrarju, li ebda uffiċjal ma jista’ jimla’ din il-pożizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiġi pprojbita milli tirrekluta, fost dawn l-uffiċjali, dawk li għaddew mill-kompetizzjoni ġenerali sabiex jimlew il-pożizzjonijiet vakanti. L-Awtorità tal-Ħatra tista’ b’hekk, fid-dawl tas-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandha, tikkonferma l-evalwazzjoni jew tiddeċiedi fuq l-evalwazzjoni inizjali ta’ dawn l-uffiċjali u taħtarhom għall-pożizzjonijiet vakanti, mhux permezz ta’ trasferiment, iżda wara kompetizzjoni. Din il-ħatra l-ġdida twassal għall-waqfien ta’ l-ewwel ħatra mid-dħul fis-seħħ tal-ħatra l-ġdida.

(ara l-punti 91 sa 93)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 31 ta’ Marzu 1965, Ley vs Il-Kummissjoni, 12/64 u 29/64, Ġabra p. 143, 161; Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Lulju 1983, Mogensen et vs Il-Kummissjoni, 10/82, Ġabra p. 2397, punt 10; Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard, C-174/99 P, Ġabra p. I-6189, I-6191, punti 38 sa 40; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T-372/00, ĠabraSP p. I-A-49 u II-223, punti 93 sa 95; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il-Kummissjoni, T-330/00 u T-114/01, ĠabraSP p. I-A-193 u II-987, punt 38

5.      L-obbligu ta’ premura ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward ta’ l-aġenti tagħha jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-aġenti tas-servizz pubbliku. Ir-rekwiżiti ta’ l-obbligu ta’ premura madankollu ma jistgħux ifixklu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri li hija tqis neċessarji fl-interess tas-servizz, peress li kull pożizzjoni għandha timtela billi tkun ibbażata fl-ewwel lok fuq l-interess tas-servizz.

L-osservanza ta’ l-obbligu ta’ premura meta jsir reklutaġġ għandu, għalhekk, jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-interess tas-servizz li jikkostitwixxi element ewlieni li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni mill-istituzzjoni meta timtela pożizzjoni fi ħdanha. Madankollu l-istituzzjoni għandha marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni ta’ l-interess tas-servizzi, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat biss sabiex jiġi vverifikat jekk żammitx fil-limiti raġjonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Meta aċċettat li jieħdu sehem f’kompetizzjoni u meta inkludiet fil-lista’ ta’ riżerva uffiċjali li diġà għandhom pożizzjoni u diġà għandhom grad imsemmi fl-avviż ta’ kompetizzjoni, l-istituzzjoni – b’mod iktar preċiż l-Awtorità tal-Ħatra, f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ l-avviż ta’ kompetizzjoni, u l-Bord ta’ l-Għażla, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar – bqagħet f’dawn il-limiti u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 98, 103, 105 u 106)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 417/85, Ġabra p. 551, punt 12; Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C-298/93 P, Ġabra p. I-3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il-Kummissjoni, T-80/92, Ġabra p. II-1465, punt 77; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Frar 1996, Ryan-Sheridan vs FEACVT, T-589/93, ĠabraSP p. I-A-27 u II-77, punt 132; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T-78/96 u T-170/96, ĠabraSP p. I-A-239 u II-745, punt 116; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il-Kummissjoni, T-112/96 u T-115/96, ĠabraSP p. I-A-115 u II-623, punt 267; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T-223/99, ĠabraSP p. I-A-277 u II-1267, punt 53; Cocchi u Hainz vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 89; 26 ta’ Novembru 2002, Cwik vs Il-Kummissjoni, T-103/01, ĠabraSP p. I-A-229 u II-1137, punt 52; 24 ta’ Novembru 2005, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T-236/02, ĠabraSP p. I-A-365 u II-1621, punt 129

6.      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, hekk li l-Bord ta’ l-Għażla għandu jissorvelja strettament l-osservanza tiegħu bejn il-kandidati waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni. Għalkemm il-Bord ta’ l-Għażla għandu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni dwar il-metodi u l-kontenut dettaljat ta’ l-eżamijiet, madankollu hija l-qorti Komunitarja li għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha safejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla bejniethom magħmula mill-Bord ta’ l-Għażla.

Kull eżami għandu, in ġenerali u fih innifsu, riskju ta’ trattament mhux ugwali, fir-rigward tan-natura neċessarjament limitata tan-numru ta’ domandi li jistgħu raġjonevolment isiru waqt eżami dwar suġġett speċifiku. Għalhekk, ġie ammess li jista’ jiġi kkonstatat li hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss meta l-Bord ta’ l-Għażla ma llimitax, waqt l-għażla ta’ l-eżamijiet, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ opportunitjiet inerenti, bħala regola ġenerali, għal kull eżami.

Il-familjarità ma’ dokument, li ċerti kandidati għal kompetizzjoni jistgħu jiksbu mix-xogħol tagħhom ġewwa istituzzjoni Komunitarja, ma jimplikax li huma kienu vvantaġġjati b’mod mhux dovut mill-Bord ta’ l-Għażla li jieħu dan id-dokument bħala bażi għad-domanda ta’ l-eżami bil-miktub tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-vantaġġ li l-għażla ta’ dan id-dokument jagħti lil ċerti kandidati jagħmel parti mir-riskju inerenti li hemm, bħala regola ġenerali, f’kull eżami. Min-naħa l-oħra, it-test ta’ dan id-dokument kien aċċessibbli, qabel u waqt l-eżami bil-miktub in kwistjoni.

(ara l-punti 132, 133 u 164)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Marzu 1988, Sergio et vs Il-Kummissjoni, 64/86, 71/86 sa 73/86 u 78/86, Ġabra p. 1399, punt 27; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T-43/91, ĠabraSP p. I-A-91 u II-297, punt 47; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Marzu 1994, Smets vs Il-Kummissjoni, T-44/91, ĠabraSP p. I-A-97 u II-319, punt 46; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm Mazuel vs Il-Kummissjoni, T-173/99, ĠabraSP p. I-A-101 u II-433, punti 87 u 90

7.      Iż-żamma, safejn possibbli, ta’ kompożizzjoni stabbli tal-Bord ta’ l-Għażla waqt l-iżvolġiment ta’ l-eżamijiet huwa mitlub sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni. Din il-koerenza tippermetti, min-naħa tagħha, li tiġi żgurata l-oġġettività u t-trattament ugwali bejn il-kandidati matul l-eżamijiet. Fir-rigward ta’ l-importanza tal-prinċipju ta’ trattamewnt ugwali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ, in-nuqqas ta’ osservanza, minn Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni, ta’ l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Għalhekk, id-deċiżjoni vvizzjata minn dan id-difett għandha tiġi annullata, mingħajr ma l-interessat ikun obbligat jipprova effett negattivi partikolari fuq id-drittijiet suġġettivi tiegħu jew li juri li r-riżultat tal-kompetizzjoni seta’ kien differenti jekk il-forom proċedurali sostanzjali in kwistjoni kienu ġew osservati.

(ara l-punt 202)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Novembru 2004, Vonier vs Il-Kummissjoni, T-165/03, ĠabraSP p. I-A-343 u II-1575, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata

8.      Il-preżenza fl-istess ħin, waqt l-eżamijiet orali, ta’ membri u s-sostituti tagħhom fi ħdan il-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni ma jwassalx sabiex ix-xogħlijiet u l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ l-Għażla jkunu illegali, sakemm ir-rappreżentenza meħtieġa mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-Anness III tar-Regolamenti tal-Personal tiġi osservata u li l-membri tal-Bord ta’ l-Għażla permezz ta’ vot iżommu l-kontroll ta’ l-operazzjonijiet u jirriżervaw għalihom is-setgħa diskrezzjonali u li tittieħed deċiżjoni. Għalhekk, il-preżenza fl-istess ħin tal-president sostitut u tal-president ma jrendix illegali x-xogħlijiet u l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ l-Għażla safejn, f’din iċ-ċirkustanza l-president sostitut m’għandux dritt ta’ vot.

(ara l-punti 210 u 255)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Settembru 2005, Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T-290/03, ĠabraSP p. I-A-241 u II-1123, punti 77 u 78

9.      Konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kunflitt ta’ interess jikkonċerna biss is-sitwazzjoni fejn uffiċjal jista’ jasal, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, għal deċiżjoni li fiha għandu interess personali li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu. Waqt l-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interess, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn uffiċjal u terz ma tistax, fil-prinċipju, timplika li l-indipendenza ta’ l-uffiċjal hija kompromessa jew tidher li hija hekk, meta dan l-uffiċjal jissejjaħ jiddeċiedi fuq kwistjoni li tirrigwarda dan it-terz.

Għalhekk, is-sehem ta’ membru ta’ Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni fl-evalwazzjoni ta’ kandidat li jaħdem jew li kien jaħdem fi ħdan l-istess diviżjoni jew l-istess dipartiment bħalu ma jwassalx, fih innifsu, lil dan il-membru li jiddeċiedi fuq kwistjoni li fit-trattament jew fis-soluzzjoni tagħha għandu interess personali tali li jikkomprometti l-indipendenza tiegħu.

(ara l-punti 223 u 224)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il-Kummissjoni, T-89/01, ĠabraSP p. I-A-153 u II-803, punt 58; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T-137/03, ĠabraSP p. I-A-7 u II-27, punt 33; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il-Kummissjoni, T-157/04, ĠabraSP p. I-A-199 u II-901, punt 35

10.    Il-prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord ta’ l-Ġħażla jitlob b’hekk l-astensjoni ta’ membru tal-Bord ta’ l-Għażla waqt l-evalwazzjoni ta’ kandidat meta hemm rabta diretta bejn il-membru tal-Bord ta’ l-Għażla u l-kandidat. L-imparzjalità tal-Bord ta’ l-Għażla hija ggarantita meta membru tal-Bord ta’ l-Għażla, preżenti waqt l-eżami orali, ma jagħmel ebda intervent waqt l-intervista u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kandidati u li, waqt l-eżami komparattiv tal-kandidati kollha, il-Bord ta’ l-Għażla jkun neċessarjament kompost, barra minn dan il-membru “passiv”, minn għall-inqas tlieta jew erba’ membri li m’għandhom ebda rabta diretta mal-kandidat.

(ara l-punti 228 u 229)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T-336/02, ĠabraSP p. I-A-75 u II-341, punt 53

11.    Skond il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ trattament ugwali, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jiżguraw lill-kandidati kollha żvolġiment mill-iktar seren u regolari possibili ta’ l-eżamijiet. Madankollu, irregolarità li jkun hemm waqt l-iżvolġiment ta’ l-eżamijiet ta’ kompetizzjoni taffettwa l-legalità ta’ l-imsemmija eżamijiet biss meta din l-irregolarità hija ta’ natura sostanzjali jew li r-rikorrenti jistabbilixxi li din tista’ tivvizzja r-riżultati ta’ l-eżamijiet. Bil-kontra, fl-ipoteżi ta’ irregolarità sostanzjali, hija l-istituzzjoni konvenuta li għandha tipprova li din l-irregolarità ma kellhiex effett fuq ir-riżultati ta’ l-eżamijiet.

F’dan ir-rigward, it-tul ta’ żmien differenti għad-deliberazzjonijiet dwar il-kandidati differenti ma jimplikax ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u għalhekk ma jikkostitwixxix irregolarità, peress li t-tul tad-deliberazzjoni mhijiex indikazzjoni ta’ l-effettività jew tal-kwalità ta’ din id-deliberazzjoni.

(ara l-punti 244 u 250)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T-200/97, ĠabraSP p. I-A-19 u II-73, punt 55; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T-159/98, ĠabraSP p. I-A-83 u II-395, punt 47; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Frar 2002, Felix vs Il-Kummissjoni, T-193/00, ĠabraSP p. I-A-23 u II-101, punt 46

12.    L-evalwazzjonijiet li jsiru minn Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni, meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ deċiżjoni ta’ valur dwar il-prestazzjoni ta’ kull kandidat waqt l-eżami u taqa’ taħt is-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Bord ta’ l-Għażla. Huma jistgħu jkunu suġġetti għall-stħarriġ mill-qorti Komunitarja fil-każ biss ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord ta’ l-Għażla. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi d-diskrezzjoni tagħha għal dik tal-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni. B’hekk meta, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni li tiddikjara li r-rikorrent m’għaddhiex mill-eżamijiet eliminatorji, ir-rikorrent ma jinvokax il-ksur tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord ta’ l-Għażla jew ma jipprovax dan il-ksur, il-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Għażla ma taqax taħt l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja.

Jirriżulta mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li r-reklutaġġ għandu jkollu l-iskop li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċità, li kull kandidat li lilu jsirulu domandi jkollu, għal kull waħda minnhom, risposta waħda korretta u preċiża għandha tintgħażel mill-Bord ta’ l-Għażla abbażi ta’ l-eżattezza tar-riposti tiegħu. Din ir-regola ma taffettwax il-marġni ta’ diksrezzjoni li għandu l-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, meta, għal domanda magħmula, jista’ jkun hemm biss, bħala l-unika risposta korretta, risposta sempliċi u preċiża, il-Bord ta’ l-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni biss sabiex jiddikjara korretta jew żbaljata r-risposta mogħtija minn kandidat għal din id-domanda.

Jirriżulta min din ir-regola li korrezzjonijiet mhux eżatti li saru, waqt l-eżami orali ta’ kompetizzjoni, minn ċerti membri tal-Bord ta’ l-Għażla għar-riposti ta’ kandidat għal domandi li jista’ jkollhom risposta korretta waħda biss jikkostitwixxu ksur tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord ta’ l-Għażla.

(ara l-punti 274 sa 278)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 1 ta’ Diċembru 1994, Michaël-Chiou vs Il-Kummissjoni, T-46/93, ĠabraSP p. I-A-297 u II-929, punti 48 u 49; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Lulju 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-146/99, ĠabraSP p. I-A-159 u II-731, punt 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Ġunju 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T-72/01, ĠabraSP p. I-A-169 u II-861, punt 30; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Novembru 2004, Vega Rodríguez vs Il-Kummissjoni, T-285/02 u T-395/02, ĠabraSP p. I-A-333 u II-1527, punti 35 sa 45; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il-Kummissjoni, T-267/03, ĠabraSP p. I-A-1 u II-1, punt 42