Language of document : ECLI:EU:T:2008:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

8 ta’ Lulju 2008 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidi organiċi – Multi –Artikolu 81 KE – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ xieraq – Kunċett ta’ awtur ta’ ksur – Prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-kawża T‑99/04,

AC-Treuhand AG, stabbilita f’Zurich (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn M. Karl, C. Steinle u J. Drolshammer, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet, bħala aġent, assistit minn A. Böhlke, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/CE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-12 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), tirrigwarda akkordju konkluż u implementat fis-suq Ewropew tal-perossidi organiċi, prodotti kimiċi użati fl-industrija tal-plastik u tal-gomma minn, b’mod partikolari, il-grupp AKZO (iktar ’il quddiem “AKZO”) kif ukoll Atofina SA, li ssuċċediet lil Atochem (iktar ’il quddiem “Atochem/Atofina ”), u minn Peroxid Chemie GmbH & Co. KG, kumpannija kkontrollata minn Laporte plc, li saret Degussa UK Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “PC/Degussa ”).

2        Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-akkordju beda fl-1971 permezz tal-konklużjoni ta’ akkordju bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“akkordju tal-1971), emendat fl-1975 (iktar il-quddiem l-“akkordju tal-1975), bejn tliet produtturi tal-perossidi organiċi AKZO, Luperox GmbH, li saret, wara Atochem/Atofina, u PC/Degussa (iktar ’il quddiem l-“akkordju”). Hija intiża b’mod partikolari sabiex tippreserva l-ishma tas-suq ta’ dawn il-produtturi u sabiex tikkordina ż-żidiet tal-prezzijiet tagħhom. B’mod regolari saru laqgħat sabiex tiġi żgurata l-ħidma tajba tal-akkordju. Fil-kuntest tal-akkordju, Fides Trust AG (iktar ’il quddiem “Fides”) imbagħad, mill-1993, ir-rikorrenti, AC-Treuhand AG, kienu responsabbli, fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ servizz konklużi ma’ AKZO, Atochem/Atofina u PC/Degussa, b’mod partikolari, li jżommu fl-uffiċċji tagħhom ċerti dokumenti sigrieti dwar l-akkordju, bħall-akkordju tal-1971, li jiġbru u li jitrattaw ċerta data dwar l-attività kummerċjali tat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi u li jikkomunikawlhom iċ-ċifri hekk trattati, kif ukoll li jwettqu kompiti loġistiċi u ta’ segretarjat assoċjati ma’ l-organizzazzjoni ta’ laqgħat b’mod partikolari fi Zurich (l-Iżvizzera) bejn dawn l-imsemmija produtturi, bħar-riżervazzjoni ta’ uffiċċji u r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tar-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, ċerti elementi ta’ fatti dwar l-attivitajiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-akkordju huma kkontestati bejn il-partijiet.

3        Il-Kummissjoni kienet bdiet l-investigazzjoni tal-akkordju wara laqgħa li nżammet fis-7 ta’ April 2000 mar-rappreżentanti ta’ AKZO, li infurmawha bi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jibbenefikaw mill-immunità taħt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji” (ĠU 1996 C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Sussegwentement, Atochem/Atofina u PC/Degussa ddeċidew li jikkollaboraw ukoll mal-Kummissjoni billi pprovdewlha informazzjoni supplementari (premessi 56 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fit-3 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lir-rikorrenti. F’din it-talba, il-Kummissjoni infurmat, essenzjalment, li hija kienet ser tibda’ investigazzjoni ta’ allegat ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mill-produtturi Ewropej tal-perossidi organiċi. Barra dan, hija talbet lir-rikorrenti tipprovdi organigramma tal-impriża tagħha, tiddeskrivi l-attività tagħha u l-iżvilupp tagħha, inkluż it-teħid ta’ kontroll tagħha tal-attività ta’ Fides, l-attività tagħha bħala “segretarjat” tal-produtturi tal-perossidi organiċi u l-fatturat tagħha għas-snin 1991 sa 2001. Ir-rikorrenti rrispondiet għal din it-talba għal informazzjoni b’ittra tal-5 ta’ Marzu 2003 (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fl-20 ta’ Marzu 2003, inżammet laqgħa bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u l-uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli mill-inkartament li fit-tmiem tagħha dawn tal-aħħar indikaw li r-rikorrenti kienet ukoll ser tkun ikkonċernata mill-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma ppreċiżaw l-akkużi li kienu ser isiru kontriha.

6        Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li sussegwentement hija nnotifikat, b’mod partikolari, lir-rikorrenti. Fis-16 ta’ Ġunju 2003 ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn l-oġġezzjonijiet u pparteċipat għas-seduta li nżammet fis-26 ta’ Ġunju 2003. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fl-10 ta’ Diċembru 2003, li hija nnotifikat lir-rikorrenti fid-9 ta’ Jannar 2004 u li permezz tagħha hija imponietilha multa ta’ ammont ta’ EUR 1 000 [premessa 454 u l-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata].

7        L-adozzjoni u n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata kienu akkumpanjati minn komunikat stampa li fih il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kellha, bħala kumpannija ta’ konsulenza, mill-aħħar tal-1993, rwol essenzjali fil-kuntest tal-akkordju billi organizzat laqgħat u billi ħbiet provi tal-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti kienet ukoll kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni u ppreċiżat:

“Is-sanzjoni mogħtija [fir-rigward tar-rikorrenti] hija ta’ ammont limitat minħabba n-novità tal-politika segwita f’dan il-qasam. Madankollu, il-messaġġ huwa ċar: dawk li jorganizzaw jew jiffaċilitaw l-akkordji, għaldaqstant mhux biss il-membri tagħhom, għandhom mil-lum ’il quddiem jibżaw li jinqabdu u li jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet iebsin ħafna”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

9        Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent talbet li, f’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ttemm l-istanza, jingħata trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-akkordju kollu konkluż bejnha u Fides li jissemma fl-Anness tar-rikors, kif ukoll fir-rigward tal-isem ta’ Fides u tal-kollaboratur preċedenti tagħha M.S.

10      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti indikat, l-ewwel nett, li ssotni t-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali u, t-tieni nett, talbet li jingħata trattament kunfidenzjali għas-siltiet li saru illeġibbli tat-test tal-akkordju ċċitat fil-punt 9 iktar ’il fuq, li tiegħu hija pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali fuq it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

11      Skont l-Artikolu 14 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li l-partijiet instemgħu skont l-Artikolu 51 ta’ dawn l-imsemmija Regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

13      Fis-seduta, li nżammet fit-12 ta’ Settembru 2007, instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

14      Il-proċedura orali ngħalqet wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2007. Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li membru tal-Awla kien impedit milli jipparteċipa għad-deliberazzjoni, l-imħallef li huwa l-anqas anzjan skont l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza konsegwentement astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni u d-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tkomplew mit-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

15      Fis-seduta, ir-rikorrenti rtirat it-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali safejn din tikkonċerna l-użu tal-isem ta’ Fides, u din tniżżlet fil-verbal tas-seduta.

16      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrigwardha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari

18      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqies li huwa neċessarju li tirrispondi, l-ewwel nett, għat-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti peress li din ma kinitx irtirata fis-seduta (ara l-punti 9, 10 u 15 iktar ’il fuq).

19      Fir-rigward tal-isem tal-kollaboratur preċedenti tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet kont ta’ din it-talba skont il-prattika ta’ pubblikazzjoni tagħha dwar l-identità ta’ persuni fiżiċi f’kawżi oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punti 31 sa 33). Minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-eżistenza fiha nnifisha tal-akkordju bejn Fides u r-rikorrenti, f’kull każ, tilfet in-natura eventwalment kunfidenzjali tagħha, fid-dawl tal-identifikazzjoni ta’ dan l-akkordju fl-estratt tar-reġistru tal-kummpaniji tal-canton ta’ Zurich, li huwa aċċessibli għall-pubbliku, dwar l-istabbiliment tar-rikorrenti, kif prodott fl-anness tar-rikors, kif ukoll fil-premessi 20 u 91 tal-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata proviżorjament ippubblikata fuq is-sit Internet tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marżu 2005, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑741, punti 34 u 35), li r-rikorrenti ma opponietx għall-pubblikazzjoni tagħha skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, tat-23 ta’ Mejju 200, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21).

20      Konsegwentement, it-talba għal trattament kunfidenzjali għandha tiġi miċħuda safejn din tikkonċerna l-eżistenza tal-akkordju bejn Fides u r-rikorrenti.

21      Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, b’sostenn għar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, it-tieni nett, il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), it-tielet nett, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-raba’ nett, sussidjarjament, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali (nulla poena sine lege certa) u, l-ħames nett, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali (nulla poena sine lege certa) f’dak li jirrigwarda t-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti tar-rikorrenti

22      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni infurmata tard, jiġifieri tliet snin wara l-bidu tal-investigazzjoni, bil-proċeduri li nbdew kontriha u bl-oġġezzjonijiet imqajma kontriha. Hija saret taf b’dan biss waqt il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fis-27 ta’ Marzu 2003. Qabel, ir-rikorrenti kienet irċiviet biss it-talba għal informazzjoni tat-3 ta’ Frar 2003, li għaliha hija kienet debitament irrispondiet b’ittra tal-5 ta’ Marzu 2003. Ir-rikorrenti saret taf biss fl-20 ta’ Marzu 2003, waqt il-laqgħa mal-Kummissjoni, li hija kienet ukoll ikkonċernata mill-investigazzjoni, madankollu mingħajr ma rċiviet informazzjoni preċiża fuq il-portata tal-akkużi mressqa kontriha.

23      Skont ir-rikorrenti, bis-saħħa tal-Artikolu 6 (3)(a), tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB), kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jkun informat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu. Dan id-dritt huwa korollarju tad-dritt fundamentali għal smiegħ xieraq previst fl-Artikolu 6(1), tal-KEDB, jagħmel parti integranti mid-drittijiet tad-difiża, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju applikabbli għall-proċeduri amministrattivi repressivi previsti mir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 172 sa 176; tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C‑7/98, Ġabra p. I‑1935, punti 25 u 26; tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punti 37 u 38, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 63 u 64; ara wkoll, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punti 109 u 122, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 220), u huwa kkonfermat mill-Artikolu 6(2), UE u mill-Artikolu 48(2), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2002 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1).

24      Fil-fatt, il-multi li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi, skont l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, huma, minkejja l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, fir-realtà sanzjonijiet li għandhom “natura ta’ liġi kriminali” minħabba l-objettiv tagħhom kemm preventiv kif ukoll repressiv (konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf bħala Avukat Ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑885; ara ukoll, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Roemer fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm, 14/68, Ġabra p. 1, 17 u 24; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, 2062 u 2141; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra. p. I-8417, I‑8422, punt 31, u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, fil-kawża C‑204/00 P, Ġabra p. I‑133, punt 26, fil-kawża C‑205/00 P, Ġabra p. I‑171, punt 32, fil-kawża C‑213/00 P, Ġabra p. I‑230, punt 26, fil-kawża C‑217/00 P, Ġabra p. I‑267, punt 29, u fil-kawża C‑219/00 P, Ġabra p. I‑342, punt 25). Din il-konklużjoni hija ukoll dettata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ewropea D. B.”) [sentenza Engel et vs L-Olanda tat-8 ta’ Ġunju 1976, serje A Nru 22 (1977), § 82; sentenza Öztürk vs Il-Ġermanja tal-21 ta’ Frar 1984, serje A Nru 73, § 53, u sentenza Lutz vs Il-Ġermanja tal-25 ta’ Awwissu 1987, serje A Nru 123, § 54].

25      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ebda akkuża ma kienet saret kontra l-impriżi matul il-fażi istruttorja tal-proċedura amministrattiva. Għall-kuntrarju, matul din il-fażi, il-Kummissjoni tadotta miżuri li jindikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jinvolvu riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 182). Fil-fatt, il-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 17, dawk ikkonċernati jkunu s-suġġett ta’ akkuża formali biss fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 79) mhijiex determinanti u ma teskludix li, matul il-fażi istruttorja, ir-rikorrenti kienet diġà saret “persuna akkużata” fis-sens tal-Artikolu 6(3), tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea D. B. Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ att formali ta’ akkuża mhijiex meħtieġa, iżda jkun suffiċjenti l-ftuħ ta’ proċedura istuttorja ta’ natura kriminali (Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Delcourt vs Il-Belġju tas-17 ta’ Jannar 1970, Serje A, Nru 11, p. 13, § 25; sentenza Ringeisen vs L-Awstrija tas-17 ta’ Lulju 1971, Serje A, Nru13, p. 45, § 110; sentenza Deweer vs Il-Belġju tas-27 ta’ Frar 1980, Serje A, Nru 35, p. 22, § 42; sentenza Viezzer vs L-Italja tad-19 ta’ Frar 1991, Serje A, Nru 196-B, p. 21, § 17; sentenza Adolf vs L-Awstrija tas-26 ta’ Marzu 1982, Serje A, Nru 49, p. 15, § 30, u sentenza Imbrioscia vs L-Iżvizzera tal-24 ta’ Novembru 1993, Serje A, Nru 275, p. 13, § 36).

26      Ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mill-għan tal-Artikolu 6(3)(a), tal-KEDB li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, min ikun akkużat għandu jkun informat minnufih bil-ftuħ u bl-għan tal-investigazzjoni li tikkonċernah sabiex jiġi evitat li huwa jitħalla fl-inċertezza għal iktar żmien milli jkun meħtieġ. Min-naħa l-oħra, informazzjoni biss fl-istadju tal-akkuża formali, li ħafna drabi seħħ biss wara serje ta’ investigazzjonjiet twal, ma tkunx biżżejjed u tqiegħed f’riskju li tiġi serjament kompromessa n-natura ekwa tal-bqija tal-proċedura u li jitneħħa l-effett utli tad-dritt garantit mill-Artikolu 6(3)(c), tal-KEDB. Fejn, bħala f’dan il-każ, il-Kummissjoni twettaq investigazzjoni fis-sigriet għal madraw tliet xhur qabel ma tadotta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija tibbenifika minn vantaġġ mhux ġust fir-rigward tal-provi li huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 6 tal-KEDB. Dan jirriżulta mill-fatt li, fid-dawl taż-żmien li għadda, ikun diffiċli, jew kawżi impossibli, għall-impriżi kkonċernati li jikkostitwixxu mill-ġdid il-fatti u li jressqu provi kuntrarji.

27      Barra minn hekk, l-obbligu li l-impriżi kkonċernati jiġu informati immedjatament jirriżulta mill-importanza, jew minn natura determinanti, li l-proċedura ta’ investigazzjoni għandha għad-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. I‑2859, punt 15, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 63). Wara investigazzjoni twila, mwettqa bis-sostenn tal-applikanti għal immunità jew għal klemenza, li tippreċedi l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tendenza tikkunsidra l-fatti kif kienu diġà stabbiliti u tkun wara ma tantx tkun inklinata tmur lura fuq il-konklużjonijiet li hija tkun siltet minnhom. Ir-riskju li tiġi ppreġudikata d-deċiżjoni futura huwa saħansitra ikbar peress li l-Kummissjoni taqgħad fil-persuna tagħha l-funzjonijiet ta’ investigatur, prosekutur u mħallef. Fil-fatti tal-każ, il-Kummissjoni ma kinitx iktar imħallef imparzjali u r-rikorrenti ma kellhiex iktar il-possibbilta adatta u suffiċjenti (ara Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Delta vs Franza tad-19 ta’ Diċembru 1990, Serje A Nru 191-A, p. 16, § 36) li tirrifjuta l-allegazzjonijiet foloz tax-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni AKZO. Għalhekk, fl-istadju li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-impriża kkonċernata sssib ruħha f’sitwazzjoni li fiha l-possibbiltajiet tagħha li jirnixxielha li tikkonvinċi lill-Kummissjoni bin-natura żbaljat tal-preżentazzjoni tal-fatti f’din l-imsemmija dikjarazzjoni tkun sinjifikattivament imnaqqsa, fatt li jippreġudika serjament l-effikaċja tad-difiża tagħha.

28      Ir-rikorrenti tfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat l-oġġezzjonijiet tagħha, kważi esklussivament, fuq ix-xiehda tal-applikant għal immunità AKZO, li miegħu hija kellha kuntatti mill-qrib mis-sena 2000. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li AKZO bbenefika, f’għajnejn il-Kummissjoni, minn vantaġġ ta’ kredibbiltà meta mqabbel ma’ kull impriża oħra, bħar-rikorrenti, li ma kinitx impenjat ruħa tikkoopera skont il-punt B(d), tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li l-uffiċjali responsabbli mill-inkartament ma kinux jafuha personalment. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet tat iktar kreditu lill-affermazzjonijiet żbaljati ta’ AKZO dwar ir-rwol tar-rikorrenti milli lill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, mingħajr ma’ din tal-aħħar ma kellha l-possibbiltà tiddefendi ruħha, b’mod effettiv, kontra l-affermazzjonijiet ta’ AKZO u li tirrettifikom .

29      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kien imissha infurmat lir-rikorrenti bin-natura u bir-raġunijiet tas-suspetti li hija kellha dwarha meta, fis-27 ta’ Ġunju 2000, AKZO ta deskrizzjoni tal-allegat rwol tar-rikorrenti fil-kuntest tal-akkordju, peress li, minn dan il-mument, id-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni kienet f’riskju li tiġi ppreġudikata minħabba l-allegazzjonijiet żbaljati ta’ AKZO, u, l-iktar tard, meta, fit-18 ta’ Ġunju 2001, AKZO ssottometta lill-Kummissjoni x-xiehda finali tiegħu. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata kważi esklussivament fuq din ix-xiehda. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ informazzjoni tar-rikorrenti tal-ftuħ tal-investigazzjoni mwettqa kontriha tirriżulta fi ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet tagħha għal smigħ xieraq u tad-difiża, skont l-Artikolu 6(1) u (3)(a), tal-KEDB.

30      Skont ir-rikorrenti, din l-illegalità għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, fil-kawża C‑250/99 P, Ġabra p. I‑8503, punt 80). Sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 6(3)(a), tal-KEDB, li huwa garanzija proċedurali elementari fi Stat tad-dritt, l-impriża kkonċernata ma tistax tiġi meħtieġa turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti kieku hija kienet ġiet informata fi żmien suffiċjenti. In-notifika tal-akkużat fi żmien suffiċjenti u b’mod eżawrjenti tikkostitwixxi l-condicio sinequa non ta’ smigħ xieraq u hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku. Għalhekk, kull deċiżjoni li timponi multa adottata bi ksur ta’ din il-garanzija proċedurali għandha tiġi annullata.

31      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt ġarantit mill-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB u kienet informata minnufih dwar in-natura u l-għan tal-investigazzjoni kontriha, hija setgħet tikkostitwixxi mill-ġdid il-fatti rilevanti iktar faċilment u b’mod iktar eżawrjenti milli hija setgħet tagħmel fl-2003. B’mod partikolari, hija setgħet tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq in-natura żbaljat tax-xiehda ta’ AKZO dwar ir-rwol tagħha fil-kuntest tal-akkordju. Din il-kontestazzjoni kienet twassal lill-Kummissjoni titlob iktar informazzjoni lil AKZO, u, skont il-każ, twettaq investigazzjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament 17.

32      Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ informazzjoni immedjata, ir-rikorrenti kienet ġiet miċħuda mill-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija tal-investigazzjoni u fuq il-proċess deċiżjonali intern tal-Kummissjoni. Fil-każ kuntrarju, il-Kummissjoni kienet tikkonkludi li r-rikorrenti ma kinitx fir-realtà wettqet ksur, iżda li hija kienet biss kompliċi impunibbli tal-produtturi tal-perossidi organiċi implikati fl-akkordju. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet lir-rikorrenti, f’dan l-istadju determinanti tal-proċeduri, mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha rapidament u effettivament kontra l-allegazzjonijiet ta’ AKZO.

33      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB.

34      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rrikonoxxiet madankollu waqt is-seduta, b’risposta għal domanda speċifika tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li, fl-opinjoni tagħha, anke jekk hija kienet ġiet informata fl-istadju tat-talba għal informazzjoni tat-3 ta’ Frar 2003 u kien kellha, minħabba dan, il-possibbilta li tiddefendi ruħha iktar effettivament, dan ma kienx ikun jista’ jbiddel il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernawha fid-deċiżjoni kkontestata, u din tniżżlet fil-verbali tas-seduta.

1.     L-argumenti tal-Kummissjoni

35      Il-Kummissjoni tikkontesta li hija obbligata tinforma lir-rikorrenti, qabel ma tinbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bin-natura u r-raġunijiet tal-investigazzjoni mmexxija kontriha.

36      Minn naħa, kif jikkonferma espressament dan l-Artikolu 15(4), tar-Regolament Nru 17, la l-proċedura amministrattiva u lanqas il-possibbiltà li jiġu imposti multi taħt dan ir-regolament mhuma ta’ natura ta’ liġi kriminali. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura hija maqsuma f’żewġ fażijiet, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari u fażi kontentzjuża li tkopri mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Jekk il-fażi kontenzjuża tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi definittivament fuq l-allegat ksur (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punti 182 sa 184), l-ebda akkuża ma tkun għadha saret kontra l-impriżi kkonċernati matul il-fażi ta’ investigazzjoni. Din il-fażi sservi sabiex jinsabu l-elementi ta’ fatt li jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tieħu azzjoni kontra impriża. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ informazzjoni u l-impriżi jkunu suġġetti għal obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva li jipprovdu l-elementi ta’ informazzjoni kollha dwar is-suġġett tal-investigazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. I‑3283, punt 27).

37      Fil-fatt, fil-mument tal-adozzjoni ta’ tali miżuri istruttorji, il-Kummissjoni ma tkunx għadha lesta sabiex tifformula akkużi kontra l-impriżi, għaliex hija tkun għadha qed tfittex l-elementi li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, il-fatt biss li impriża tiġi indirizzata miżuri istruttorji mill-Kummissjoni ma jistax jiġi mxebbaħ ma’ akkuża ta’ din l-impriża (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, fil-kawża C‑250/99 P, punt 25 iktar ’il fuq, punti 41 sa 46). Konsegwentement, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li hija kien imissha ġiet informata diġà fl-istadju ta’ investigazzjoni sabiex tkun tista’ telabora d-difiża tagħha.

38      Il-Kummissjoni tagħraf li d-drittijiet tad-difiża jifformaw, bħala drittijiet fundamentali, parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja għandha tassigura r-rispett tagħhom (sentenzi Krombach, punt 23 iktar ’il fuq, punti 25 u 26, u Connolly vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 37 u 38). Barra minn dan, huwa veru li l-Kummissjoni għandha tassigura li dawn id-drittijiet ma jkunux kompromessi matul il-fażi ta’ investigazzjoni li tista’ tkun deċiżiva għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il quddiem, punt 15, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il quddiem, punt 63). Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jikkonċerna biss xi uħud mid-drittijiet tad-difiża, bħad-dritt għal assistenza legali u dak tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn avukat u klijent, filwaqt li drittijiet oħrjan jikkonċernaw biss il-proċeduri kontenzjużi li jsegwu l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il quddiem, punt 16).

39      F’kull każ, l-allegat dritt li wieħed jiġi minnufih informat bin-natura u bil-motiv tal-investigazzjoni ma jeżistix u lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB minħabba n-nuqqas ta’ “akkuża” matul il-fażi istruttorja. Fil-fatt, tali “akkuża” formali ssir biss fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 79). Din id-dikjarazzjoni tippresupponi l-bidu tal-proċedura taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u turi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ konstazzjoni ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, Ġabra p. 77, punt 16). Fl-istess waqt, din id-dikjarazzjoni sservi bħala mezz ta’ informazzjoni għall-impriża dwar is-suġġett tal-proċedura mibdija kontriha u dwar l-aġir li bih hija akkużata mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94, T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 132, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 80).

40      Dan huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza li tgħid li, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, ma jeżisti ebda dritt li wieħed jiġi informat dwar l-istadju li fiha tkun waslet proċedura amministrattiva qabel il-ħruġ formali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet; fil-fatt, it-teżi kuntrarja twassal għall-ħolqien ta’ dritt li wieħed jiġi infurmat b’investigazzjoni f’ċirkustanzi fejn ikun hemm suspetti fil-konfront ta’ impriża, li jista’ jostakola serjament ix-xogħol tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra, p. II‑2395, punt 110).

41      Il-Kummissjoni żżid li, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea D. B. dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB jista’ jkollha, skont il-każ, rwol fil-kuntest tal-proċeduri istruttorji ta’ natura kriminali, rigward, per eżempju l-kalkolu ta’ “żmien raġonevoli” fis-sens tal-Aritkolu 6(1), tal-KEDB, xejn ma jindika li dan japplika wkoll għall-Artikolu 6(3)(a), tal-KEDH. Issa, biex jiġi meħud inkunsiderazzjoni, in-nuqqas ta’ rispett ta’ tali garanziji fl-istadju tal-investigazzjoni għandu jikkomprometti serjament in-natura xierqa tas-smigħ (Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Imbroscia vs L-Isvizzera tal-24 ta’ Novembru 1993, Serje A Nru 275, § 36, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata) billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni tal-proċedura kollha.

42      F’dan il-każ, il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva prevista mir-Regolament Nru 17 hija partikolarment importanti f’dan ir-rigward, peress li hija għandha preċiżament bħala għan li tinforma lill-parti kkonċernata bin-natura u bil-motif tal-akkuża mressqa kontriha. Madankollu, ir-rikorrenti ma kienet għamlet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tar-regolarità tal-iżvolġiment ta’ din il-fażi tal-proċedura. Ukoll ir-rikorrenti ma tistax tafferma, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, li hija ma kellhiex, matul il-fażi kontenzjuża tal-imsemmija proċedura, il-possibbiltà li tgħati, b’mod xieraq u suffiċjenti, l-opinjoni tagħha fuq il-verżjoni tal-fatti kif ikkonstatati mill-Kummissjoni. F’kull każ, din l-allegazzjoni żbaljata tar-rikorrenti ma tistax tpoġġi f’dubju la n-natura kontradittorja u lanqas in-natura ekwa ta’ din il-fażi tal-proċedura amministrattiva.

43      Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

44      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u, b’mod partikolari, id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, kif rikonoxxut mill-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB, billi ma informathiex, fi stadju kmien ħafna tal-proċedura ta’ investigazzjoni, bin-natura u bir-raġuni tal-akkuża miġjuba kontriha, u b’mod partikolari billi ma kkomunikatilhiex iktar kmieni x-xiehda ta’ AKZO.

45      Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex tevalwa l-legalità ta’ investigazzjoni dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB, inkwantu d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar m’humiex parti mid-dritt Komunitarju. Dan ma jimpedixxix lill-qorti Komunitarja milli tassigura r-rispett tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integranti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u li, għal dan il-għan, tispira ruħa mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet provduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkooperaw fir-rigward tagħhom u aderew għalihom. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, il-KEDB għandha importanza partikolari, kif ukoll huwa kkonfermat mill-Artikolu 6(2), UE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑112/98, Ġabra p. II‑729, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). Barra minn hekk, dan kien ġie affermat mill-ġdid fil-ħames paragrafu tal-preambolu, fl-Artikolu 52(3), u fl-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

46      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza kostanti li d-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal penalitajiet, bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 17, jikkostitwixxu drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja tassigura r-rispett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 64, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 68).

47      Barra dan għandu jiġi mfakkar li l-proċedura amministrativa taħt ir-Regolament Nru 17, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontenzjuża, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni previsti mir-Regolament Nru 17 u li tkopri sad-dikjrazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiza sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħdu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentazzjoni tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontenzjuża li tkopri mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definttiv fuq l-allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punti 181 sa 183, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 38).

48      Minn naħa, fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-fażi tibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament Nru 17, tadotta miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 182, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 38). Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huwa biss fil-bidu tal-fażi kontenzjuża amministrattiva li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-inkartament sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tinvoka kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punti 315 u 316; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 66 u 67; tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 47; u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 59). Fil-fatt, jekk dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għada tista’ tiġi moħbija minnha. (sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

49      F’dan iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq jimplika li jingħatalha aċċess għax-xiehda ta’ AKZO matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari għandu jiġi miċħud.

50      Madankollu, jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, il-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni taħt l-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament Nru 17, jimplikaw minn natura tagħhom l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati.

51      Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministarattiva peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’ il fuq, punt15). Fir-rigward tal-osservazzjoni ta’ żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet, essenzjalment, li t-tul eċċessiv tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari jista’ jkollu effett fuq il-possibbiltajiet futuri ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari billi jnaqqas l-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża meta dawn jiġu invokati fil-fażi kontenzjuża. Fil-fatt, iktar ma jgħaddi żmien bejn miżura istruttorja u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iktar ikun probabbli li provi eventwali ta’ skaġun ma jkunux iktar jistgħu jiġu miġbura jew ikunu jistgħu jiġu miġbura biss b’diffikultà. Għal din ir-raġuni, l-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża m’għandhiex tkun limitata għall-fażi stess li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri l-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva, iżda għandha tiġi estiża għal din il-proċedura kollha billi ssir referenza għat-tul totali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

52      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’anoloġija għad-domanda dwar jekk u safejn il-Kummissjoni hija obbligata tipprovdi lill-impriża kkonċernata, diġà fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, ċerti elementi ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni, li jippermettulha tippreserva l-effikaċja tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża. Fil-fatt, anke jekk, minn perspettiva formali, l-impriża kkonċernata m'għandhiex status ta’ “akkużata” matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-ftuħ tal-investigazzjoni kontriha, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ miżura istruttorja li tikkonċernha, ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi disassoċjat, minn perspettiva materjali, mill-eżistenza ta’ suspett u, għaldaqstant, ta’ akkuża impliċita, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara ukoll, f’dan is-sens, Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Casse vs Il-Lussemburgu tas-27 ta’ April 2006, Att Nru 40327/02, § 29 sa 33, 71 u 72). f

53      Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, f’talba għal informazzjoni, kemm jekk tkun informali fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 17 jew jekk tkun fil-forma ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 11(5) ta’ dan l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija obbligata, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u għall-finijiet, b’mod partikolari, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati, tindika l-bażijiet ġuridiċi u l-għan tal-imsemmija talba. Għaldaqstant, in-neċessità, fis-sens tal-Artikolu 11(1), tar-Regolament Nru 17, tal-informazzjoi mitluba mill-Kummissjoni għandha tiġi evalwata skont l-għan tal-inkjesta, kif hija obbligatorjament ippreċiżata fit-talba għal informazzjoni stess. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza pppreċiżat li l-Kummissjoni tista’ teżiġi biss informazzjoni li tista’ tippermettilha tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw it-tmexxija tal-inkjesta u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑39/90, Ġabra p. II‑1497, punt 25, u tal-8 ta’ Marzu 1995, Société générale vs Il-Kummissjoni, T‑34/93, Ġabra p. II‑545, punti 39, 40, 62 u 63).

54      Wara, għandu jiġi mfakkar l-obbligu għall-Kummissjoni li tindika f’deċiżjoni għal investigazzjoni, taħt l-Artikolu 14(3), tar-Regolament Nru 17, is-suġġett u l-għan ta’ din l-investigazzjoni. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati, li għandu bħala konsegwenza li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet għal investigazzjoni ma tistax tiġi ristretta fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ investigazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija biħsiebha tinvestiga (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cour Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 41, u tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punti 8 u 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-12 ta’ Lulju 2007, CB vs Il-Kummissjoni, T‑266/03, Ġabra p. II-83, punt 36; ara, b’analoġija, sentenza Société générale vs Il-Kummissjoni, punt 53 iktar ’il quddiem, punti 62 u 63). L-istess, fil-kuntest ta’ investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 14(2), tar-Regolament Nru 17, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika wkoll is-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni.

55      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rekwiżiti esposti fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq japplikaw indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk it-talba għal informazzjoni, li hija indirizzata lil impriża ssuspettata li wettqet ksur, għandhiex in-natura ta’ deċiżjoni formali, fis-sens tal-Artikolu 11(5), tar-Regolament Nru 17, jew ta’ ittra informali fis-sens tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Barra dan, fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tipprepara effettivament id-difiża tagħha ma tistax tkun differenti skont jekk il-Kummissjoni tadottax miżura istruttorja skont l-Artikolu 11 jew l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, peress li dawn il-miżuri kollha jistgħu jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 182, u tal-21 ta’ Settembru 2002, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 38).

56      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tinforma lill-impriża kkonċernata, fl-istadju tal-ewwel miżura adottata kontriha, inkluż fit-talbiet għal informazzjoni li hija tindirizzalha taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari, bis-suġġett u bl-għan tal-investigazzjoni għaddejja. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni m'għandhiex ikollha l-istess portata bħal dik meħtieġa għad-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni, rekwiżit li jirriżulta minn natura iktar vinkolanti tagħhom u mill-intensità partikolari tal-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-impriża kkonċernata (ara, dwar is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, is-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 71). Din il-motivazzjoni għandha madankollu tippermetti lil din l-impriża tifhem l-għan kif ukoll is-suġġett ta’ din l-investigazzjoni, li jimplika li jkunu ppreċiżati l-preżunzonijiet ta’ ksur u, f’dan il-kuntest, il-fatt li hija tista’ tkun esposta għal akkużi marbuta ma’ dan il-ksur eventwali, sabiex hija tkun tista’ tieħu l-miżuri li hija tqis utli sabiex tiġi skaġunata u tipprepara b’dan il-mod id-difiża tagħha fl-istadju tal-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva.

57      Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata, meta bagħtet it-talba għal informazzjoni tat-3 ta’ Frar 2003, tinforma lir-rikorrenti, b’mod partikolari, bil-preżunzjonijiet ta’ ksur li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa u bil-fatt li, f’dan il-kuntest, hija jista’ jkollha tressaq akkużi kontriha. Issa, jirriżulta biss minn din it-talba li l-Kummissjoni kienet fil-proċess li tinvestiga allegat ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq minn produtturi Ewropej tal-perossidi organiċi minħabba ċertu aġir, li huwa msemmi bħala eżempju u b’mod ġenerali, mingħajr ma huwa madankollu ppreċiżat li din l-investigazzjoni kienet tikkonċerna wkoll ksur eventwali allegatament imwettaq mir-rikorrenti. Fil-fatt, jidher li huwa biss waqt il-laqgħa tal-20 ta’ Marzu 2003, jiġifieri xi ftit ġimgħat qabel il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li l-uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli mill-inkartament indikaw li r-rikorrenti kienet ukoll parti mill-investigazzjoni tagħha. Issa, notifika minn qabel lir-rikorrenti kienet tkun iktar neċessarja peress li, skont il-Kummissjoni stess, l-għażla tagħha li tinvestiga impriża ta’ konsulenza kienet tikkonstitwixxi orjentazzjoni mill-ġdid tal-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx neċessarjament tistenna li tkun direttament ikkonċernata mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

58      Dan il-fatt ma jistax, madankollu, fih innifsu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi wkoll ivverifikat jekk l-irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni kinitx ta’ natura tali li taffettwa b’mod konkrett id-drittajiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 71 et seq, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 55 et seq.).

59      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element konkret li jista’ jistabbilixxi li l-irregolarità inkwistjoni kienet ippreġudikat l-effikaċja tad-difiża tagħha matul il-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva u li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, kollha kemm hija, u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni setgħu ġew influwenzati minn difiża iktar effikaċi. Għall-kuntrarju, fis-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li informazzjoni minn qabel dwar il-portata tal-akkużi meqjusa kontriha, b’mod partikolari, fl-istadju tat-talba għal informazzjoni tat-3 ta’ Frar 2003, ma setax ikollha influwenza fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernawha fid-deċiżjoni kkontestata, u din tniżżlet fil-verbali tas-seduta. Fil-fatt, tali influwenza hija inqas probabbli peress li kien hemm biss perijodu ta’ madwar seba’ ġimgħat bejn din l-imsemmija talba għal informazzjoni, minn naħa, u l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, min-naħa l-oħra.

60      Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –  Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti tar-rikorrenti

 Parti ġenerali

61      Ir-rikorrenti tqis li hija ma wettqitx ksur tal-Artikolu 81 KE peress li hija biss kompliċi impunibbli tal-membri tal-akkordju, jiġifieri, b’mod partikolari, AKZO, Atochem/Atofina u PC/Degussa. Il-Kummissjoni kienet hija stess irrikonoxxiet, fil-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx parti kontraenti tal-akkordju konkluż minn dawn il-produtturi tal-perossidi organiċi. Madankollu, hija wasslet għall-konklużjoni vaga ħafna, fil-premessa 349 tal-imsemmija deċiżjoni, li r-rikorrenti “kienet parti fl-akkordju u/jew ħadet deċiżjonijiet bħala impriża u/jew assoċjazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Wara, l-Kummissjoni kienet ammettiet, fil-premessa 454 tal-imsemmija deċiżjoni, li “l-indirizzar ta’ deċiżjoni lil impriża u/jew assoċċjazzjoni ta’ impriżi li għandha rwol hekk speċifiku huwa, sa ċertu punt, novità” [traduzzjoni mhux uffiċjali] . Skont ir-rikorrenti, b’dan il-mod il-Kummissjoni marret lill hinn mil-limiti tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 81(1), KE, u kisret il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege). Barra dan, l-evalwazzjoni legali ineżatta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt żbaljat dwar ir-rwol tar-rikorrenti fil-kuntest tal-akkordju.

 Fuq il-kontestazzjoni tal-fatti meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata

62      Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-importanza li tattribwixxi l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, lill-attività tagħha fl-akkordju (premessi 95, 105, 332, 333 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-realtà, ir-rikorrenti kienet ipprovdiet biss, bħala impriża ta’ konsulenza u aġent suġġetta għall-istruzzjonijiet ta’ AKZO, ta’ Atochem/Atofina u ta’ PC/Degussa, servizzi ta’ segretarjat f’isem dawn l-impriżi, li l-parti l-kbira tagħhom ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ l-akkordju.

63      L-ewwel nett, bejn l-aħħar tal-1993 u l-aħħar tal-1999, ir-rikorrent kienet marbuta, bis-saħħa tal-liġi dwar l-obbligi Żvizzera u mingħajr ebda għan antikompetittiv, ma’ dawn it-tliet produtturi tal-perossidi organiċi permezz tal-kuntratti ta’ servizz magħrufa bħala “ftehim ta’ aġenzija”. Fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehim ta’ aġenzija u fuq l-istruzzjonijiet ta’ dawn l-imsemmija produtturi hija kienet, l-ewwel nett, stabbiliet statistika tas-suq, it-tieni nett, organizzat erba’ laqgħat uffiċjali għal dawn il-produtturi f’Zurich filwaqt illi pparteċipat fil-parti uffiċjali ta’ dawn il-laqgħat, it-tielet nett, irriżervat sala tal-laqgħat għal erba’ laqgħat uffiċjali ta’ dawn il-produtturi f’Zurich mingħajr madankollu ma kienet ipparteċipat – jew biss parzjalment – għal dawn il-laqgħat jew kienet taf il-kontenut tagħhom, ir-raba’ nett, irrimborsat lir-rappreżentanti ta’ dawn il-produtturi l-ispejjeż tal-ivjaġġar sostnuti sabiex jattendu għal dawn l-imsemmija laqgħat u, l-ħames nett, żammet ċerti dokumenti – parti minnhom b’kontenut anitkompetittiv – f’isem PC/Degussa u Atochem/Atofina.

64      Barra minn hekk, kuntrarjarment għall-konstazzjoni magħmula fil-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-kuntratti ta’ servizz ma kinux jirristrinġu l-kompetizzjoni; l-akkordju biss bejn il-produtturi, b’mod partikolari l-akkordju tal-1971, li r-rikorrenti qatt ma kienet parti għalihom (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata), kienu jipprevedu restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-suq tal-perossidi organiċi. Għalhekk, hija ukoll żbaljata l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata li l-attività tar-rikorrenti “serviet ta’ bażi għat-twettiq tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li dan l-akkordju kien ġie maħluq fl-1971 minn AKZO, minn Atochem/Atofina u minn PC/Degussa mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tippreċiża, essenzjalment, li, safejn l-attivitajiet inkriminanti tagħha kellhom relazzjoni ma’ l-akkordju, bħar-riservazzjoni ta’ sala tal-laqgħat u r-rimbors ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar, dawn l-attivitajiet kienu biss ta’ natura purament loġistika u ta’ segretarjat għat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi.

65      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi tirreferi, fil-premessi 87, 109 et seq, b’mod partikolari fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata, għal “Fides/AC-Treuhand” bħala unità, il-Kummissjoni tattribwixxilha b’mod żbaljat ir-responsabbiltà għall-atti mwettqa minn Fides matul il-perijodu mill-1971 sa l-1993. Billi tgħamel dan, il-Kummissjoni tikser il-prinċipji ta’ kulpabbiltà u ta’ responsabbiltà personali u tikkawża dannu għar-reputazzjoni tar-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145). Ir-rikorrenti, stabbilita fl-1993, mhijiex responsabbli għall-aġir ta’ Fides u mhemm l-ebda konnessjoni strutturali, skont il-liġi tal-kumpanniji, bejn din tal-aħħar u r-rikorrenti. Fl-aħħar tal-1993, ir-rikorrenti kienet kisbet mingħand Fides biss id-dipartiment responsabbli milli jipprovdi konsulenza dwar il-ġestjoni lill-assoċjazzonijiet u sussegwentement kienet ikkonkludiet kuntratti ġodda ta’ servizz mal-klijenti antiki ta’ Fides. Barra dan, l-ittra ta’ Fides ta’ Novembru 1993, li fiha hija ssuġġeriet lil dawn il-klijenti antiki jkomplu r-relazzjonijiet kummerċjali mar-rikorrenti, mhijiex prova rilevanti sabiex turi murija allegata “kontinwità personali” bejn Fides u r-rikorrenti. Huwa normali, fil-kuntest ta’ xiri ta’ impriżi, li, minħabba raġunijiet ta’ kummerċalizzazzjoni, ix-xerrej jibgħat tali “ittri ta’ rakkomandazzjoni” dwar it-trasferiment eventwali tal-mandat lill-kumpannija li s-suċċediet. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li hija ma tistax tiġi meqjusa bħala responsabbli għall-aġir ta’ Fides, li kien imissu wassal lill-Kummissjoni tagħti importanza ħafna iżgħar lir-rwol tagħha matul il-perijodu speċifiku bejn l-1994 u l-1999.

66      Ir-rikorrenti tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, għad-differenza ta’ Fides, hija ma ppartiċipatx għall-iskambju antikompetittiv ta’ informazzjoni bejn it-tliet produtturi tal-perossidi organiċi. Id-deskrizzjoni tar-rwol tar-rikorrenti fil-premessi 91 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, ma tieħux kont tal-fatt li, fl-1993, dawn il-produtturi kienu mmodifikaw sostanzjalment il-mod ta’ funzjonament tal-akkordju billi rrinunċjaw minn dak iż-żmien ’il quddiem milli jikkomunikaw lil xulxin, bil-parteċipazzjoni ta’ Fides, iċ-ċifri tal-bejgħ u tal-prezzijiet fil-kuntest ta’ laqgħat. Wara l-1993, din is-sistema kienet ġiet issostitwita minn sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni mmexxija minn AKZO, li r-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat fiha u li lanqas ma kienet taf, dwarha, permezz ta’ faks u fil-kuntest ta’ laqgħat magħrufa bħala “grupp ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, AKZO kien stabbilixxa statistiċi dettaljati sabiex jippreżenthom matul il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma, mexxa dawn il-laqgħat, assigura li l-ishma tas-suq kienu qed jiġu rrispettati u insista ma’ produtturi oħrajn sabiex dawn jgħollu l-prezzijiet tagħhom.

67      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda ż-żamma tal-oriġinali tal-akkordju tal-1971 u tal-1975, ir-rikorrenti tafferma li kienet żammet biss moħbija l-kopji ta’ Atochem/Atofina u ta’ PC/Degussa, li setgħu joħduhom jew jikkonsultawhom f’kull ħin. Ir-rikorrenti tammetti barra dan li kienet ikkalkulat sa l-1995 jew l-1996, f’isem il-produtturi tal-perossidi organiċi, id-diverġenzi mill-kwoti miftehma bejniethom. Id-dokumenti dwar dan il-kalkolu setgħu wkoll jiġu kkonsultati kull ħin mill-membri tal-akkordju. Issa, iż-żamma ta’ dokumenti ta’ persuna oħra mir-rikorrenti ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, aġir ipprojbit mir-regoli tal-kompetizzjoni.

68      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-akkuża li hija ġabret data dwar il-bejgħ tal-perossidi organiċi u pprovdiet l-“istatistiċi korrispondenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lill-membri tal-akkordju (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ssostni li dawn l-istatistiċi kienu legali u ma kellhomx x’jaqsmu ma’ l-akkordju, kif ukoll ikkonfermaw, skondha, AKZO, Atochem/Atofina u PC/Degussa. Wara l-implementazzjoni minn Fides, fuq it-talba ta’ dawn il-produtturi, ta’ sistema uffiċjali ta’ informazzjoni fuq is-suq tal-perossidi organiċi, ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet b’mod taċitu, fl-aħħar tal- 1993, kuntratti ġodda ta’ servizz ma’ dawn li kienu jirrigwardaw it-twettiq ta’ statistiċi tas-suq “newtrali”. Dawn l-istatistiċi kienu ġew ibbażat fuq iċ-ċifri tal-bejgħ preċedenti (f’tunnellati), kif ipprovduti minn dawn il-produtturi, u l-prezzijiet ipprattikati minn dawn tal-aħħar kif ukoll l-isem tal-klijenti tagħhom ma kinux ġew identifikati hemmhekk. Dawn kienu akkompanjati minn lista’ ta’ kategoriji ta’ prodotti rilevanti li l-Kummissjoni indikat b’mod żbaljat bħala “Kodiċi AC-Treuhand” (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, din il-lista kienet biss għodda tax-xogħol, minn naħa, għar-rikorrenti sabiex tħejji l-istatistiċi tas-suq u, min-naħa l-oħra, għall-kumpannija responsabbli milli twettaq verifika tal-volumi ta’ bejgħ ikkommunikat mill-produtturi. Fil-fatt, l-istatistiċi stabbiliti b’dan il-mod kienu jinkludu biss, għall-kategoriji tal-perossidi msemmija, il-volum totali tas-suq għas-sena jew għat-trimestru preċedenti, il-volum ta’ bejgħ ta’ kull produttur u s-sehem tiegħu mis-suq tiegħu, iżda mhux informazzjoni dwar il-kompetituri.

69      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tfakkar li, bejn l-1993 u l-1999, l-iskambju tal-volumi u tal-prezzijiet ta’ bejgħ skont il-pajjiż u skont il-klijent bejn il-produtturi tal-perossidi organiċi u, għaldaqstant, il-kordinazzjoni tal-aġir tagħhom ma segwewx iktar ir-regoli miftehma fl-1971 u fl-1975, iżda kienu ġew żgurati permezz ta’ faks jew waqt laqgħat tal-grupp ta’ ħidma separati u, xi draba, wara laqgħat uffiċjali f’Zurich, madankollu mingħajr il-parteċipazzjoni tagħha (premessi 128 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, kuntrarjarment għall-impressjoni maħluqa fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontetata, l-istatistika ta’ suq li hija stabbiliet ma servitx sabiex tikkordina l-aġir tal-produtturi. Il-preparazzjoni u l-kontroll taċ-ċifri mis-sistema ta’ informazzjoni fuq is-suq lanqas ma kienu kkostitwixxew il-bażi tal-ksur. Fil-fatt, mill-1993, l-istatistika stabbilita mir-rikorrenti ma kinitx relatata mal-laqgħat tal-akkordju u mal-proposta ta’ kwoti. Din il-konessjoni kienet intemmet, l-iktar tard, fl-1996 meta r-rikorrenti waqfet milli twettaq il-kalkolu tad-diverġenzi mill-kwoti miftehma.

70      Ir-rikorrenti tippreċiża li l-verifika taċ-ċifri tal-bejgħ tal-produtturi tal- perossidi organiċi ma kellha l-ebda konnessjoni ma’ l-akkordju. Ir-rikorrenti la kienet “wettqet u approvat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] il-verifika f’dan ir-rigward (premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata), u lanqas kienet l-“uffiċjal tal-kontijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-akkordju (premessa 404 tal-imsemmija deċiżjoni). Din l-evalwazzjoni żbaljata tirrużulta, minn naħa, minn amalgamazzjoni tal-funzjonament tas-sistema legali ta’ informazzjoni fuq is-suq ma’ dik tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, minn konfużjoni max-xogħlijiet tal-kumpannija sottokuntrattata mir-rikorrenti, li kienet wettqet il-verifika tal-volumi ta’ bejgħ ikkomunikati mill-prodotturi lir-rikorrenti, kull tliet sa sitt xhur, dwar kull kategorija ta’ prodotti. Fuq din il-bażi, ir-rikorrenti kienet ikkalkolat l-ishma tas-suq rispettivi sabiex tibgħat lura “ċ-ċifri totali tas-suq” lill-prodotturi. Fl-aħħar nett, il-verifika tal-volumi ta’ bejgħ ikkomunikati lir-rikorrenti kienet issodisfat ix-xewqa tat-tliet prodotturi u hija proċess komuni u legali fil-kuntest ta’ sistemi serji ta’ informazzjoni fuq is-suq mingħajr ebda konnessjoni ma’ l-akkordju.

71      Il-ħames nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija pparteċipat “għall-inqas darba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għal laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata), jew għal diversi minn dawn il-laqgħat (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-realtà, ir-rikorrenti kważi qatt ma kienet ipparteċipat għal-laqgħat b’għan antikompetittiv tat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi. Mis-63 laqgħa li nżammu mill-aħħar ta’ Diċembru 1993, kif elenkati fit-Tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata (p. 28 et seq), li minnhom disgħa biss inżammu f’Zurich, ħamsa biss żvolġew bil-parteċipazzjoni parzjali ta’ kollaboraturi tar-rikorrenti, jiġifieri l-laqgħat f’Zurich tal-25 ta’ Ottubru 1994, tas-16 ta’ Frar 1995, tas-16 ta’ Jannar, tad-19 ta’ April 1996 u tat-23 ta’ Novembru 1998. Wieħed għandu jżied il-laqgħa ta’ Amersfoort (l-Olanda) tad-19 ta’ Ottubru1998, li għaliha kienu pparteċipaw biss rappreżentanti ta’ AKZO u kollaboratur preċedenti tar-rikorrenti, M. S. Ir-rikorrenti tikkontesta madankollu, b’mod iddettaljat ħafna, il-portata li l-Kummissjoni tagħti, fid-deċiżjoni kkontestata, għal din il-parteċipazzjoni ta’ M. S. F’kull każ, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu tressaq il-prova li r-rikorrenti effettivament ipparteċipat għal laqgħat b’għan antikompetittiv (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 78).

72      Ir-rikorrenti tippreċiża li, bl-eċċezzjoni tal-laqgħa tas-16 ta’ Jannar 1996, il-laqgħat kollha kienu hekk imsejħa laqgħat ta’ “summit” li jinkludu parti “uffiċjali” u parti “mhux uffiċjali”. Il-kollaboraturi tar-rikorrenti kienu pparteċipaw biss għall-parti uffiċjali ta’ dawn il-laqgħat fil-kuntest ta’ liema kienu indirizzati biss kwistjonijiet dwar l-istatistika uffiċjali tas-suq, il-klassifikazzjoni u s-sigurtà tal-prodotti. F’dan il-kuntest, ir-rwol tar-rikorrenti kien limitat għal attivitajiet ta’ segretarjat, bħal li tibgħat ittri ta’ stedina li jindikaw l-aġenda, tirriserva sala tal-laqgħat u, skont il-każ, ta’ kmarar ta’ lukanda, tilqa’ l-parteċipanti u tabbozza l-minuti tal-laqgħat uffiċjali. Fuq istruzzjoni, ir-rikorrenti kienet minbarra dan irriservat bit-telefon sala tal-laqgħat f’lukanda għal-laqgħat “mhux uffiċjali” f’Zurich fit-23 ta’ Ottubru 1997, fis-17 ta’ April u fis-27 ta’ Ottubru 1998, madankollu mingħajr ma kienet ipparteċipat għal dawn il-laqgħat.

73      Għaldaqstant, l-affermazzjoni ta’ AKZO, kif magħmula fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti assistit “sistematikament” għal-laqgħat annwali, per eżempju, sabiex tkun tista’ tadatta l-ishma tas-suq hija manifestament żbaljata. Sabiex tagħmel dan, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx neċessarja peress li kull wieħed mill-produtturi tal-perossidi organiċi kien jaf l-ishma tas-suq “uffiċjali” mill-iskambju bejniethom tal-volumi ta’ bejgħ tagħhom b’faks jew waqt il-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li hija la kienet il-president u lanqas il-moderatur tal-akkordju (premessi 92, 99, 102 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa, ma kienx hemm “president” waqt il-laqgħat rari tat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi li r-rikorrenti pparteċipat għalihom bejn l-1994 u l-1999 u li matulhom il-funzjoni tagħha kienet limitat li tilqa’ l-parteċipanti u li tabbozza l-minuti tal-parti uffiċjali tal-laqgħa. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma aġixxiet bħala “moderatur” f’każ ta’ tensjonijiet bejn il-membri tal-akkordju u lanqas ma inkoraġġiet lil dawn tal-aħħar isibu kompromess. Dejjem huma stess waslu għall-konklużjoni li l-abbandun tad-diskussjonijiet kien biss iwassal sabiex tiġi ggravata s-sitwazzjoni. Minbarra dan, fid-dawl tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħat uffiċjali (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), hija ma setgħetx teżerċita l-funzjoni ta’ moderatur waqt it-tensjonijiet bejn il-membri tal-akkordju.

75      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta li ddikjarat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet “aġixxiet bħala intermedjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 92, 94 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-realtà, ir-rikorrenti kienet iddikjarat li M. S., bħala segretarju, kien illimita ruħu għal “rwol organizzazzjonali fil-laqgħat”, li jfisser, b’mod partikolari, li huwa fetah b’kliem ta’ merbħa l-erba’ laqgħat “summit” uffiċjali u legali bejn l-1994 u l-1999 (ara l-punt 72 iktar ’il fuq) u li huwa ħabbar il-pawża għall-ikla ta’ nofs inhar. Madankollu M. S. qatt jew kważi qatt ma kien ipparteċipa, matul dan l-istess perijodu, għal-laqgħat uffiċjali tat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi. Il-punt 10 tal-akkordju tal-1971, taħt it-titolu “Arbitraġġ”, juri li l-produtturi stess kellhom ir-rwol ta’ moderaturi, kif kien ġie kkonfermat minn Atochem/Atofina fir-rigward tar-rwol ta’ moderatur ta’ AKZO f’diversi laqgħat. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li AKZO għamel akkużi foloż kontriha sabiex ineħħi l-attenzjoni mir-rwol tiegħu stess ta’ moderatur.

76      Is-seba’ nett, ir-rikorrenti tafferma mill-ġdid li hija kienet wettqet il-kompitu li jikkonsisti f’li tikkalkola d-diverġenzi mill-kwoti miftehma u f’li tibgħathom lill-produtturi tal-perossidi organiċi, skont mandat u fuq istruzzjoni, biss sa’ l-1995 jew l-1996. Iktar tard mill-1997, il-kalkolu ta’ dawn id-diverġenzi kien sar mit-tliet produtturi stess, taħt id-direzzjoni ta’ AKZO, fuq il-bażi taċ-ċifri tal-bejgħ tagħhom skambjati matul il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma jew permezz ta’ faks (ara l-punt 69 iktar ’il fuq). Wara AKZO stabbilixxa, fuq din il-bażi, l-istatistika globali li tinkludi ċ-ċifri tal-bejgħ tal-produtturi kollha tal-perossidi organiċi u ppreżentaha fil-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma sussegwenti. Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti minn AKZO bl-intenzjoni li tipprova li, fl-1996 jew fl-1997, ir-rikorrenti kompliet tikkalkola d-diverġenzi mill-kwoti miftehma joriġinaw minn AKZO stess u mhux mir-rikorrenti.

77      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-provi mill-Kummissjoni hija illegali għaliex hija injorat il-preżunzjoni ta’ innoċenza (sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 58) u d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1), tal-KEDB u fl-Artikolu 47(2), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet ħadnet ix-xiehda żbaljata ta’AKZO mingħajr madankollu ma vverifikat l-fondatezza tagħha fid-dawl tax-xiehda kuntrarji ta’ Atochem/Atofina, ta’ PC/Degussa u tar-rikorrenti. Mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet ta’ parti li tikkoopera jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kredibbli biss meta dawn huma sostnuti minn provi supplementari u indipendenti (Il-Kummissjoni Europea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 1976, X vs Ir-Renju Unit, Att Nru 7306/75, Deċiżjonijiet u rapporti, Nru 7, p. 119, 122). Minbarra dan, il-kredibbiltà hija l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi mressqa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, li tirreferi għall-konklużjonijet tal-Imħallef Vesterdorf bħala Avukat Ġenerali fis-sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, Ġabra p. II‑869, II‑954; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C‑310/98 u C‑406/98, Ġabra p. I‑1797, punt 29, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 2002, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, T‑141/99, T‑142/99, T‑150/99 u T‑151/99, Ġabra p. II‑4547, punt 223).

78      Parti li tikkoopera jkollha kull raġuni li tigdeb u l-Kummissjoni hija ex officio obbligata tiddubita x-xiehda tagħha, b’mod partikolari, meta din hija determinanti għad-deċiżjoni finali u kontradixxuta minn xiehda oħra [ara wkoll il-premessa 85 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/399/KEE, tal-10 ta’ Lulju 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (IV/31.371 – Feltru għall-kisi tas-soqfa) (ĠU L 232, p. 15), u l-premessa 278 tad-deċiżjoni kkontestata]. F’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet kisret dawn il-prinċipji billi rrepetiet diversi akkużi foloż ta’ AKZO kontra r-rikorrenti mingħajr ma pprovdiet għal dan il-għan provi oħrajn indipendenti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Dresdner Bank vs Il-Kummissjoni, T‑44/02, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74). Eżami partikolarment kritiku tad-dikjarazzjonijiet ta’ AKZO huwa impost fid-dawl, minn naħa, tar-riskju li AKZO jeżaġera r-rwol u l-importanza tar-rikorrenti sabiex ineħħi l-attenzjoni mir-rwol tiegħu stess determinanti fl-implementazzjoni tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li AKZO qajjem biss tardivament xi wħud mill-akkużi mhux fondati kontra r-rikorrenti.

79      Fil-fatt, li kieku AKZO kien ammetta, fl-ittra tiegħu tas-17 ta’ Frar 2003, li l-proposta ta’ kwoti ġodda oriġinat minnu stess u mhux mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kienx ikollha għażla oħra ħlief li tieħu att tar-rwol determinanti ta’ AKZO fi ħdan l-akkordju, li kien jimpedixxilha teżenta lil AKZO minn multa b’ applikazzjoni tal-punt B(e) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Skont ir-rikorrenti, ir-riskju li tiġi rrifjutata l-immunità u l-ammont tal-multa li thedded lil AKZO jikkonfermaw il-fatt li dan tal-aħħar kien inċitat jixhed kontriha. Konsegwentement, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet żbaljati ta’ AKZO, mingħajr ma pprovdiet provi supplementari u indipendenti insostenn tal-oġġezzjonijiet tagħha u mingħajr ma staqsiet lilha nnifisha fuq il-kredibbiltà ta’ dawn l-imsemmija dikjarazzjonijiet jew ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ skaġun favur ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet injorat ir-rekwiżiti tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

–       Fuq l-effetti tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) fuq id-distinzjoni bejn awtur u kompliċi fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni

80      Ir-rikorrenti tfakkar li, skont l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista timponi multi biss fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, kisru l-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, l-impriżi li, mingħajr ma jipparteċipaw fl-akkordju fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jiffaċilitaw biss il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mill-membri tal-akkordju jew jinstigaw it-twettieq ta’ tali ksur ma jiksrux l-Artikolu 81(1) KE u ma jkunux suġġetti għal multa skont l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17. Konsegwentement, billi kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, ksur mir-rikorrenti tal-Artikolu 81(1) KE, u billi imponietilha multa, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) kif stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB. Minbarra dan, skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni estensiva tal-Aritkolu 81(1) KE, kif sostnuta mill-Kummissjoni, testendi b’mod infinit l-element konstituttiv tal-ksur kopert mill-Aritkolu 81(1) KE u b’hekk tinjora l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali (nulla poena sine lege certa).

81      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-awturi u, min-naħa l-oħra, l-instigaturi u l-kompliċi ta’ ksur. Din id-distinzjoni tagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, fid-dawl tal-konkordanza tar-regoli li jinsabu fis-sistemi legali nazzjonali f’dan ir-rigward, bħal dawk previsti fl-Artikolu 27(1) tas-Strafgesetzbuch (Kodiċi Kriminali Ġermaniż), fl-Artikolu 48 tal-Wetboek van Strafrecht (Kodiċi Kriminali Olandiż), fl-Artikolu 67 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan, fl-Artikolu 121-7 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, fit-Taqsima 8 tal-Accessories and Abettors Act tal-1861 (Kodiċi Kriminali tar-Renju Unit), fl-Artikolu 28(2)(b), u fl-Artikolu 29 tal-Código penal (Kodiċi Kriminali Spanjol) dwar il-kumpliċità, fl-Artikoli 46 u 47 tal-Poinikos kodikas (Kodiċi Kriminali Grieg) fl-Artikoli 66 u 67 tal-Kodiċi Kriminali Lussemburgiż, fl-Artikoli 26 et seq tal-Código penal (Kodiċi Kriminali Portugiż), fil-Kapitolu 23, Taqsima 4, tal-Brottsbalk (Kodiċi Kriminali Żvediż) u fil-Kapitolu 5 tal-Rikoslaki (Kodiċi Kriminali Finlandiż). Din hija wkoll ikkonfermata mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU C 316, p. 49) kif ukoll mill-Artikolu 11 tal-Corpus Juris li jintroduċi dispożizzjonijiet kriminali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropew (stabbilit taħt id-direzzjoni ta’ Mireille Delmas-Marty, Economica, 1997).

82      Konsegwentement, meta jiġu adottati sanzjonijiet bis-saħħa tar-Regolament Nru 17, għandha ssir ukoll distinzjoni bejn l-awturi u l-instigaturi u l-kompliċi. Skont ir-rikorrenti, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, madankollu ma teżistix dispożizzjoni leġislattiva li tippermetti li jiġi ssanzjonat l-instigatur jew il-kompliċi ta’ ksur. Għaldaqstant, tista’ tiġi ssanzjonata biss persuna li, bħala l-awtriċi ta’ ksur, tissodisfa l-kundizzjoni dwar il-kostituzzjoni tal-ksur prevista fl-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, il-kompliċi jew l-instigaturi ta’ ksur huma impunibbli.

83      Interpretazzjoni kuntrarja u estensiva tal-Artikolu 81(1) KE, bħal dik magħmula mill-Kummissjoni f’dan il-każ, tikser il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ewropea D. B. kienet irrikonoxxiet li l-Artikolu 7 tal-KEDB jistabbilixxi dan il-prinċipju kif ukoll il-prinċipju li jordna li l-liġi kriminali ma tiġix applikata b’mod estensiv, b’mod partikolari b’analoġija, għad-detriment tal-akkużat. Minn dan jirriżulta li ksur għandu jkun definit b’mod ċar mil-liġi stess (Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Streletz etvs Il-Ġermanja tat-22 ta’ Marżu 2001, Nru 34044/96 et, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2001-II, § 50, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

84      Ir-rikorrenti tqis li l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni u r-reati (nullum crimen, nulla poena sine lege), bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, japplika wkoll għall-proċedura amministrattiva ta’ natura reprissiva taħt ir-Regolament Nru 17 u, b’mod partikolari, għall-multi previsti fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(2) UE u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1996, X, C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra p. I‑6609, punt 25; sentenzi Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 109 u 122, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 209 u 210). Minbarra dan, dan huwa prinċipju intrinsiku tal-Istat tad-dritt li jassigura protezzjoni effettiva kontra l-proċeduri legali u s-sanzjonijiet arbitrarji (Il-Qorti Ewropea D. B. sentenza Streletz etvs Il-Ġermanja, punt 83 iktar ’il fuq, § 50, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

–       Fuq il-kunċett ta’ awtur fis-sens tal-Artikolu 81 KE

85      Ir-rikorrenti tippreċiża li l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali (nulla poena sine lege certa) stabblilit fl-Artikolu 7 (1) tal-KEDB (ara l-punt 80 iktar ’il fuq) jimponi li tinżamm tifsira restrittiva tal-kunċett ta’ awtur ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (ara, ukoll, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja X, punt 84 iktar ’il fuq, punt 25, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Krupp Hoesch vs Il-Kummissjoni, C‑195/99 P, Ġabra p. I‑10937, punt 86). Dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jiggarantixxi li s-sanzjoni sostnuta minħabba ksur ta’ regola, bħas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tkun previdibbli għad-destinatarju ta’ din ir-regola u li s-setgħa deċiżiva tal-awtorità kompetenti tkun inkwadrata b’tali mod li teskludi deċiżjonijiet ta’ “sorpriża”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt iddeċidiet li sanzjoni prevista mid-dritt Komunitarju, anke jekk ta’ natura mhux kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk din hija bbażata fuq bażi ċara u mhux ambigwa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11, u tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15).

86      Barra dan, att tad-dritt Komunitarju għandu jkun iktar u iktar preċiż jekk l-effett li jinħass mill-individwu huwa intens. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet f’dan is-sens billi ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ ċarezza legali huwa partikolament importanti f’qasam fejn kull inċertezza toħloq riskju li twassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet partikolarment sinjifikattivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 32/79, Ġabra p. 2403, punt 46). Fid-dawl tal-limitu partikolarment għoli tal-ammont tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li huwa kkonfermat mill-prattika reċenti tal-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni jiġġustifika li tiġi applikata tifsira restrittiva tal-kunċett ta’ awtur fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE. Bl-istess mod, l-interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 81(1) KE, kif sostnuta mill-Kummissjoni, tmur lill hinn ħafna minn sempliċi kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja minħabba l-inkompatibbiltà tagħha ma’, minn naħa, id-definizzjoni ġeneralment rikonoxxuta tal-kunċett ta’ “akkordju” u, min-naħa l-oħra, l-idea fundamentali ta’ awtonomija li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni

87      Ir-rikorrenti tgħid li, f’dan il-każ, hija ma kinitx l-awtriċi ta’ ksur, peress li hija ma kellhiex la l-kwalità ta’ parti fl-akkordju u lanqas dik ta’ assoċċjazzjoni ta’ impriżi. Fir-realtà, hija kienet wettqet biss għall-AKZO, Atochem/Atofina u PC/Degussa atti ta’ kompliċità li ma jikkostitwixxux ksur fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fid-dawl tar-regoli nazzjonali msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq, id-distinzjoni bejn l-awturi tal-ksur u l-parteċipanti għandha ssir fuq il-bażi ta’ kriterji oġettivi. Huwa biss awtur ta’ ksur punibbli fl-Artikolu 81(1) KE dak li jifforma parti mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE, u li jwettaq l-att hemmhekk imsemmi. Min-naħa l-oħra, huwa kompliċi impunibbli dak li, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet dwar il-kostituzzjoni ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jiffaċilita intenzjonalment, permezz ta’ għajnuna jew ta’ assistenza, il-preparazzjoni jew it-twettiq tal-ksur.

88      Fil-fatt, il-ksur previst mill-Artikolu 81 KE u 82 KE jaqa’ taħt il-kategorija ta’ reati magħrufa bħala “speċjali”, għaliex dawn l-artikoli jirristrinġu ċ-ċirku tal-impriżi li jistgħu jkunu l-awturi ta’ tali ksur għal dawk li jirrispondu għal karatteristiċi speċifiċi, jiġifieri, fil-każ tal-Artikolu 81 KE, l-impriżi kontraenti fl-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni “akkordju bejn impriżi” li tinsab fl-Artikolu 81(1) KE, u huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza (sentenza Krupp Hoesch vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 86). Għaldaqstant, biss l-impriża li hija parti kontraenti fl-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni tista’ teħel multa bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

89      Ir-rikorrenti ssostni li l-kliem u l-finalità tal-Artikolu 81(1) KE, li huwa intiż sabiex jissalvagwardja l-kompetizzjoni, irendu l-kwalità ta’ awtur dipendibbli fuq il-kwistjoni dwar jekk l-impriża inkwistjoni hijiex kompetittriċi, li għandha tesponi lilha nnifsha għal kompetizzjoni u, konsegwentement, hija obbligata tadotta ċertu aġir kompetittiv. Biss l-impriża suġġetta għal dan l-obbligu speċifiku marbut ma’ l-għan tal- kompetizzjoni libera tkun id-destinatarja ta’ din ir-regola. Fil-fatt, akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni jista’ jiġi konkluż biss bejn impriżi li għandhom, fis-suq ikkonċernat, il-kwalità ta’ kompetitur, ta’ fornitur jew ta’ dak li jagħmel id-domanda.

90      Konsegwentement, impriża tista’ tiġi kkwalifikata bħala awtriċi ta’ ksur biss meta l-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni jseħħ fil-kuntest tas-settur ta’ attività tiegħu stess. Ir-restrizzjoni taċ-ċirku tal-awturi tal-ksur tirriżulta minbarra dan mill-ġurisprudenza dwar ir-rekwiżit magħruf bħala “ta’ awtonomija” li fuqu huma bbażati r-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, permezz ta’ liema kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq komuni. Dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija jipprekludi għaldaqstant b’mod rigoruż kull kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi li għandu bħala għan jew effett jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li wieħed huwa deċiż li japplika, jew li għandu l-intenzjoni li jadotta huwa stess fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Suiker Unie etvs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 174, u fit-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 160).

–       Fuq il-kwalità ta’ kompliċi impunibbli tar-rikorrenti

91      Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma kinitx parti fl-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-perossidi organiċi u li, għaldaqstant, hija ma kisritx ir-rekwiżit ta’ awtonomija li fuqu huwa bbażat id-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, hija ma kinitx la kkuntattjat lill-kompetituri tagħha stess u lanqas influwenzat jew ippruvat tinfluwenza l-aġir tagħhom fis-suq. Peress li l-attività ekonomika tagħha hija estranja għas-suq tal-perossidi organiċi, li kien is-suġġett tal-ksur, ir-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet dwar il-kostituzzjoni tal-ksur imsemmija fl-Artikolu 81(1) KE u hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala awtriċi tal-ksur. Bl-istess mod, hija żbaljata t-teżi tal-Kummissjoni li l-akkordju tal-1971 kif ukoll il-kuntratti ta’ servizz bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u AKZO, Atochem/Atofina u PC/Degussa, min-naħa l-oħra, jiffurmaw allegat “akkordju globali u uniku” li jimplika l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-preambolu tal-akkordju tal-1971 isemmi esklussivament il-prodotturi tal-perossidi organiċi bħala partijiet f’dan l-akkordju (premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Ir-rikorrenti qatt ma’ kienet parti f’dan l-akkordju (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata), li kien ifforma l-kuntest tal-attivitajiet tal-akkordju bejn l-1971 u l-1999 (premessi 89, 90 u 316 tad-deċiżjoni kkontestata), u lanqas ma kienet suxxettibbli li ssir minħabba l-attività ekonomika tagħha estranja għas-suq ikkonċernat. Madankollu, billi kkwalifikat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’ċerti elementi tal-akkordju bħala ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni injorat il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, anke jekk jiġi presuppost li r-rikorrenti kienet effettivament eżerċitat il-funzjonijet attribwiti lilha b’mod żbaljat mill-Kummissjoni (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata), din l-attività, fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta fl-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni fis-suq kkonċernat, ma tistax tikser l-Artikolu 81(1) KE, iżda taqa’ taħt il-kumpliċità impunibbli.

–       Fuq il-prattika deċiżjonali preċedenti kuntrarja tal-Kummissjoni

93      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tikkontradiċi l-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha mill-1983, li l-impriżi ta’ konsulenza, li ma jkunux fis-suq affettwat mill-ksur, m’humiex ikkunsidrati bħala partijiet għall-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni u, għalhekk, bħala awturi ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Il-pożizzjoni kuntrarja li kienet għadha sostnuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha 80/1334/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1980, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/29.869 – Ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja) (ĠU L 383, p. 19, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-Ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja”), tinjora l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), peress li l-impriża ta’ konsulenza involuta ma kinitx parti fl-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni, iżda sempliċi kompliċi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ġustament abbandunat impliċitament din il-pożizzjoni mill-1983. Fid-deċiżjoni tagħha 83/546/KEE, tas-17 ta’ Ottubru 1983, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/30.064 – Ċilindri/Vireg magħmula minn ħadid u minn azzar fondut) (ĠU L 317, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni taċ-ċilindri/vireg magħmula minn ħadid u minn azzar fondut”), hija kienet kkwalifikat bħala awturi ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE biss l-impriżi preżenti fis-suq affettwat mill-ksur u li jkunu partijiet għall-akkordju li jirristrinġi l-kompetizzjoni u mhux l-impriża ta’ konsulenza responsabbli milli tamministra, partikolarment, is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-akkordju (premessa 10 et seq). Dan l-istess approċċ kien ġie segwit ukoll mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149 – Polipropelin) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Polipropelin”) premessa 66, 89/191/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.866 – LDPE) (ĠU 1989, L 74, p. 21, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni LDPE”), premessi 11 u 19, u 94/601/KE, tat-13 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/C/33.833 – Kartonċin) (ĠU L 243, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-kartonċin”), premessi 2, 27 et seq, 33, 37, 61 u et seq, 134 u 162.

94      Il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet assumiet rwol iktar sinjifikattiv mill-impriżi ta’ konsulenza fil-każijiet iċċitati iktar ’il fuq. Minflok, b’mod differenti mill-impriżi ta’ konsulenza involuti fil-każijiet li wasslu għad-deċiżjoni taċ-ċilindri/vireg magħmula minn ħadid u minn azzar fondut u għad-deċiżjoni tal-kartonċin, ir-rikorrenti kważi qatt ma pparteċipat f’laqgħat b’għan antikompetittiv (ara l-punt 72 et seq iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-oġġezzjonijiet l-oħra mqajma kontra r-rikorrenti huma rrilevanti u m’għandhom ebda relazzjoni mal-akkordju. B’dan il-mod, is-sistema ta’ informazzjoni dwar is-suq ibbażata fuq statistiċi uffiċjali ma tmurx kontra l-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Eurofer vs Il-Kummissjoni, C-179/99 P, Ġabra p. I‑10725, punt 44, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Eurofer vs Il-Kummissjoni, T‑136/94, Ġabra p. II‑263, pubblikazzjoni ta’ estratti, punt 186), peress li din ma kinitx timplika l-iskambju bejn il-kompetituri ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet tan-negozju. Fir-rigward tal-prattika deċiżjonali kostanti tal-Kummissjoni, din tkun iktar u iktar vera meta impriża ta’ konsulenza tillimita ruħha sabiex tuża ċ-ċifri tal-bejgħ lilha kkomunikati mingħajr madankollu ma tipparteċipa fl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fih innifsu [deċiżjoni 94/599/KE tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14), premessa 12; Deċiżjoni LDPE, premessa 11; Deċiżjoni tal-Polipropelin, premessa 66]. Fl-aħħar nett, il-verifika taċ-ċifri tal-bejgħ ikkomunikati mill-membri tal-akkordju minn esperti tal-kontabbiltà indipendenti ma tirristrinġix il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, l-attivitajiet ta’ “segretarjat” iċċitati iktar ’il fuq tar-rikorrenti, li huma marbuta mal-akkordju, jikkostitwixxu biss atti ta’ kompliċità.

–       Fuq in-nuqqas ta’ kontroll fuq l-akkordju mir-rikorrenti u r-rabta ta’ kawżalità bejn l-attività tagħha u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni

95      Ir-rikorrenti tispeċifika li hija ma kellha ebda kontroll fuq il-ksur. Id-deċiżjonijiet dwar l-implementazzjoni, il-ġestjoni u l-orjentazzjoni tal-akkordju kienu ttieħdu esklużivament mit-tliet produtturi tal-perossidi organiċi. Għaldaqstant, mhemm ebda rabta ta’ kawżalità bejn l-attività tar-rikorrenti u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-perossidi organiċi. Bħala mandatarja bis-saħħa tal-liġi Żvizzera dwar l-obbligazzjonijiet, suġġetta għall-istruzzjonijiet ta’ dawn il-produtturi u għal obbligu ta’ kunfidenzjalità, ir-rikorrenti kienet biss l-istrument tal-membri tal-akkordju. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala koawtriċi tal-ksur bl-istess mod bħall-produtturi tal-perossidi organiċi. In-nuqqas ta’ kontroll fuq il-ksur mir-rikorrenti jirriżulta wkoll mill-fatt li hija ma pparteċipatx fl-attività ta’ kollużjoni fis-sens tal-kelma, jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-produtturi permezz tal-faks, permezz tat-telefon ċellulari u f’laqgħat ta’ gruppi ta’ ħidma li għalihom hija ma attendietx (ara l-punti 72 et seq iktar ’il fuq).

96      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak konstatat fil-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-servizzi li hija pprovdiet fil-kuntest tal-akkordju, bħar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, hija setgħet f’kull ħin tiġi ssostitwita jew mill-produtturi tal-perossidi organiċi nfushom, jew minn impriża ta’ konsulenza oħra, mingħajr ma dan ma kien ifixkel il-funzjonament tal-akkordju bl-istess mod bħall-irtirar ta’ wieħed mill-produtturi.

97      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-rikorrenti tqis li hija kellha tiġi kkwalifikata bħala kompliċi impunibbli tat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi involuti fl-akkordju. F’dan ir-rigward, huwa rrilevanti li r-rikorrenti kellha parzjalment għarfien ta’ dan l-akkordju, peress li dan l-għarfien ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hija wkoll wettqet ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 39; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għal dik is-sentenza, Ġabra p. I‑9928, punt 80).

–       Fuq il-kwalifikazzjoni żbaljata tar-rikorrenti bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi”

98      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kwalifikazzjoni tagħha bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi” fl-Artikolu 1 u fil-premessi 347, 373 u 464 tad-deċiżjoni kkontestata. Billi tinterpreta dan il-kunċett b’mod estensiv, il-Kummissjoni tikser il-projbizzjoni tar-raġonament b’analoġija, korollarja għall-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) stipulat fl-Artikolu 7(l) tal-KEDB (ara l-punt 83 iktar ’il fuq), li tapplika wkoll fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva repressiva prevista mir-Regolament Nru 17. Fil-fatt, normalment, impriża ta’ konsulenza bħar-rikorrenti, ma tikkostitwixxiex “assoċjazzjoni ta’ impriżi”, jiġifieri struttura organizzattiva komposta minn impriżi membri. Peress li mhijiex komposta minn impriżi membri, ir-rikorrenti hija impriża indipendenti kkontrollata esklużivament minn persuni fiżiċi bħala azzjonarji. Bl-istess mod, hija marbuta mal-klijenti tagħha mhux permezz ta’ rabta strutturali, iżda fil-kuntest ta’ mandat purament kuntrattwali.

99      L-argument tal-Kummissjoni jmur ukoll kontra s-sens u l-għan tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Dan il-kunċett m’għandux bħala għan li jippermetti li jiġu ssanzjonati kompliċi ta’ membri ta’ akkordju, iżda fir-realtà huwa intiż sabiex jevita li l-impriżi jkunu jistgħu jaħarbu mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni minħabba sempliċiment il-mod li bih huma jikkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq u, għalhekk sabiex jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-forom istituzzjonalizzati ta’ kooperazzjoni permezz ta’ struttura kollettiva jew ta’ korp komuni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Léger għas-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I-1577, I‑1582, punt 62). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-produtturi tal-perossidi organiċi ma aġixxewx permezz ta’ struttura kollettiva jew korp komuni, iżda kkoordinaw l-aġir tagħhom b’mod dirett permezz tal-faks, tat-telefon u waqt laqgħat ta’ gruppi ta’ ħidma. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti illimitat ruħha li tipprovdi assistenza amministrattiva jew loġistika mingħajr ma tirrapreżenta l-“istruttura kollettiva” jew il-“korp kollettiv” ta’ dawn il-produtturi.

100    Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, bħala kompliċi impunibbli ta’ AKZO, ta’ Atochem/Atofina u ta’ PC/Degussa, hija m’hijiex ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u li l-fatt li l-Kummissjoni akkużata b’dan il-ksur jikser il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege).

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

 Fuq il-kuntest fattwali tad-deċiżjoni kkontestata

101    Fir-rigward tal-kuntest fattwali rilevanti, il-Kummissjoni ssostni, fis-sustanza, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija żammet moħbija, partikolarment, il-kopji tal-akkordju tal-1971 u tal-akkordju tal-1975 ta’ Atochem/Atofina u PC/Degussa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti kienet ikkwalifikat b’mod iżolat is-sistema uffiċjali ta’ informazzjoni fuq is-suq u tqis li din għandha titqiegħed lura fil-kuntest tal-akkordju. Fil-fatt, il-ġbir, il-preparazzjoni, il-kontroll taċ-ċifri kif ukoll l-istabbiliment tal-istatistiċi, b’għarfien komplet tal-motiv u għal għanijiet antikompetittivi, fil-kuntest ta’ din is-sistema, ħolqu, flimkien mal-parteċipazzjoni fil-laqgħat, il-proposta ta’ kwoti u l-kalkolu tad-diverġenzi mill-kwoti miftiehma, kundizzjoni essenzjali tal-funzjonament tal-akkordju.

102    Barra minnhekk, m’huwiex ikkontestat li r-rikorrenti pparteċipat f’ħames laqgħat f’Zurich bejn l-1994 u l-1998, li erba’ minnhom kienu ta’ “summit”, kif ukoll għal-laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ AKZO f’Amersfoort. Ir-rikorrenti kienet ammettiet ukoll li rriservat is-sala tal-laqgħat għal tliet laqgħat “mhux uffiċjali” f’Zurich bejn l-1997 u l-1998. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti konstatati, ir-rikorrenti ma tistax tnaqqas il-parteċipazzjoni tagħha billi tuża kliem bħal “rarament” jew “kważi qatt”. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li kkalkulat id-diverġenzi mill-kwoti miftiehma tal-inqas sa’ l-1995 jew l-1996. Hija kienet ukoll aġġixxiet bħala uffiċċju li jħallas l-ispejjeż sabiex tiżgura li l-laqgħat b’għan antikompetittiv ma jħallu ebda traċċa fil-kontijiet tal-impriżi parteċipanti. Għalhekk, ir-rikorrenti żgurat hija stess, meta sar ir-rimbors, li ebda suġġett ma jkun imsemmi fl-ordnijiet ta’ ħlas interni mimlija u ffirmati minn M. S. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dikjarazzjonijiet li allegatament m’humiex kredibbli ta’ AKZO. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li d-dikjarazzjonijiet differenti fir-rigward tal-fatti rilevanti, anki dawk li l-kredibbiltà tagħhom hija neċessarjament inqas, jistgħu jsaħħu lilhom infushom reċiprokament (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 87).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

103    Il-Kummissjoni tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege). Hija tiċħad il-premessi tar-rikorrenti li, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, bħal fil-liġi kriminali ta’ diversi Stat Membri, għandha ssir distinzjoni formali bejn l-awturi u l-instigaturi u l-kompliċi. La d-dritt primarju u lanqas id-dritt sekondarju rilevanti ma jagħmlu din id-distinzjoni. Barra minn hekk, kif ukoll jikkonferma l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17, il-proċedura amministrattiva prevista minn dan ir-regolament m’hijiex ta’ natura kriminali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 235). Barra minn hekk, m’huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita tali distinzjoni formali fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, sakemm wieħed jista’ jikkunsidra l-eżistenza tal-modi differenti ta’ parteċipazzjoni u tal-gravità tal-kontribuzzjoni għall-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl għas-sentenza Krupp Hoesch vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10941, nota ta’ qiegħ il-paġna 15).

104    Issa, fin-nuqqas ta’ regola li tiddistingwi l-awtur mill-parteċipant, kull persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar il-kostituzzjoni tal-ksur previst fl-Artikolu 81(1) KE tista’ teħel multa bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni żżid li l-eżiġenza, riżultanti mill-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika, li l-atti ġuridiċi tal-Komunità jkunu ċari u l-applikazzjoni tagħhom tkun suffiċjentement prevedibbli għall-persuni kkonċernati ma teskludix li xi kultant ikun meħtieġ li dawn l-atti jiġu interpretati. Fil-fatt, il-Qorti Ewropea D. B. tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn, minn naħa, l-obbligu ta’ preċiżjoni u l-projbizzjoni ta’ analoġija fil-kamp kriminali taħt l-Artikolu 7(1) tal-KEDB u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ġudizzjarja intiża partikolarment għall-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali minn kawża għall-oħra (Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza S.W. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Novembru 1995, Serje A, Nru 335-B, § 36). Għaldaqstant, ikun awtur ta’ ksur kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma kinitx parti fl-akkordju u li ma setgħetx tkun parti minnu. L-akkordju tal-1971, konkluż bejn il-produtturi tal-perossidi organiċi, u l-kuntratti ta’ servizz, konklużi bejn ir-rikorrenti u dawn il-produtturi, għandhom jiġu kkwalifikati bħala elementi essenzjali ta’ akkordju globali u uniku. Ladarba l-kuntratti ta’ servizz kienu jservu sabiex jiġi implementat l-akkordju tal-1971, dawn għandhom jiġu evalwati flimkien miegħu bħala akkordju addizzjonali u supplementari (premessi 339 u 340 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll id-deċiżjoni tal-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja).

106    F’dan ir-rigward, m’huwiex meħtieġ, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 81(1) KE li r-rikorrenti, bħala impriża ta’ konsulenza, tkun attiva fis-suq inkwistjoni bħala kompetitur jew min-naħa tal-provvista jew tad-domanda. Lanqas mhija meħtieġa restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u tal-kompetizzjoni bejniethom, iżda tkun biżżejjed xi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Dan jikkorrispondi għall-għan tal-Artikolu 81 KE, li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(g) KE jagħmel parti minn sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx mgħawwġa [ara wkoll il-premessa 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82[KE] (ĠU 2003 L 1, p.1)].

107    Fil-fatt, l-Artikolu 81(1) KE huwa applikabbli mhux biss għall-akkordji “orizzontali”, iżda wkoll għall-akkordji “vertikali” li jirristrinġu l-kompetizzjoni, konklużi bejn impriżi li jkunu f’livelli differenti tal-katina tad-distribuzzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni tal-KEE, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429), anki bejn impriżi attivi fi swieq distinti. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ akkordju jipprevedi biss li tkun tista’ ssir distinzjoni bejn il-koordinazzjoni pprojbita u l-aġir parallel awtorizzat (ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 89). Barra minn hekk, il-ksur previst fl-Artikolu 81(1) KE huwa “reat astratt ta’ perikolu” (abstraktes Gefährdungsdelikt) inkwantu din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll is-suġġett tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri n-natura perikoluża tal-akkordju għall-kompetizzjoni, deduzzjoni magħmula mill-każ partikolari.

108    Wara l-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza li tikkonstata li s-sempliċi parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom għan antikompetittiv u l-approvazzjoni b’mod taċitu ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiddenunzjaha lill-entitajiet amministrattivi, tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur tali li jinvolvi r-responsabbiltà tal-impriża fil-kuntest ta’ akkordju wieħed (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punti 83 u 84; sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 232; tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 98, u tas-6 ta’ April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T‑141/89, Ġabra p. II‑791, punti 85 u 86). Dan japplika iktar u iktar għall-parteċipazzjoni attiva ta’ impriża f’akkordju, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-impriża hijiex attiva jew le fis-suq inkwistjoni.

109    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma aġixxietx bħala kompliċi passiva tal-akkordju, iżda pparteċipat attivament fih bħala organizzatur u kontrollur tal-implementazzjoni tajba tiegħu (premessa 343 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz tal-attivitajiet tagħha, ir-rikorrenti kienet ikkontribwixxiet b’mod konsiderevoli sabiex iżżomm fis-seħħ u sabiex taħbi l-akkordju u għalhekk sabiex tirristrinġi serjament u fit-tul il-kompetizzjoni fis-suq tal-perossidi organiċi. Skont il-Kummissjoni, dawn huma elementi neċessarji u suffiċjenti sabiex tibbaża r-responsabbiltà tagħha taħt l-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, huwa rrilevanti jekk il-parteċipant fi ksur jiksibx vantaġġ minnu jew le (sentenza Krupp Hoesch vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq), peress li l-Artikolu 81(1) KE m’huwiex ibbażat fuq il-kriterju tal-arrikkiment, iżda fuq dak tat-tqegħid tal-kompetizzjoni f’perikolu.

110    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kienet direttament kisbet vantaġġ mill-funzjonament tajjeb tal-akkordju (premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, lanqas mhuwa determinanti jekk parteċipant ikunx jew le f’pożizzjoni li jinfluwenza direttament il-prezzijiet u l-kwantitajiet bħala parametri tal-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 61), taħt piena li jiġi kompromess l-effett utli tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE bil-ħolqien tal-possibbiltà li din tiġi evitata permezz tal-ingaġġ ta’ “fornituri speċjalizzati ta’ servizzi kollużorji” inkarigati bl-organizzazzjoni, iż-żamma u l-ħabi tal-akkordju.

111    Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Osservazzjonijiet preliminari

112    Għandu l-ewwel jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti m’hijiex qed tikkontesta l-livell tal-multa, bħala tali, li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li billi żżommha responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE u billi timponilha multa, il-Kummissjoni teċċedi l-limiti tas-setgħa deċiżjonali lilha mogħtija mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tikser il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat il-fatt li r-rikorrenti kienet biss kompliċi impunibbli tal-akkordju, li ma tistax għalhekk tiġi kkwalifikata bħala impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi “awtriċi” ta’ ksur, bħal dawk previsti fl-Artikolu 81(1) KE.

113    Sussegwentement għandu jiġi rrilevat illi l-proċedura quddiem il-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 17, hija biss ta’ natura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 200; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 sa T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 717 u 718) u li, konsegwentement, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, partikolarment il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), kif applikabbli għad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 215 sa 223), m’għandhomx neċessarjament ikollhom l-istess portata bħal fil-każ tal-applikazzjoni tagħhom għal sitwazzjoni koperta mil-liġi kriminali fis-sens strett.

114    Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li ssir distinzjoni, fir-rigward tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE u tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), bejn l-impriża “awtriċi” ta’ ksur u l-impriża “kompliċi” impunibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa meħtieġ li ssir interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dak li jirrigwarda l-metodoloġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punt 72 et seq, u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 41 et seq).

b)     Fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 81(1) KE

115    L-Artikolu 81(1) KE jipprovdi li “għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi [prattiki] kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”.

116    Għandha ssir evalwazzjoni partikolarment dwar il-portata tal-kliem “akkordji […] bejn impriżi”.

117    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata fl-ewwel lok li l-qorti Komunitarja għadha sa llum ma ddeċidietx, b’mod espliċitu, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti ta’ akkordju u ta’ impriża msemmija fl-Artikolu 81(1) KE humiex ibbażati fuq tifsira “waħdiena”, li tinkludi kull impriża li tikkontribwixxi fit-twettiq ta’ ksur, indipendentement mis-settur ekonomiku li normalment tkun attiva fih, jew, kif issostni r-rikorrenti, fuq tifsira “bipolari”, li tiddistingwi l-impriżi “awturi” minn dawk “kompliċi” tal-ksur. Barra minn hekk hemm lok li jiġi mfakkar li r-rikorrenti tisħaq li t-test tal-Artikolu 81(1) KE jinkludi lakuna fis-sens li, billi jsemmi l-“impriża” awtriċi tal-ksur u l-parteċipazzjoni tagħha f’“akkordju”, huwa qed jinkludi biss ċerti impriżi li għandhom karatteristiċi partikolari u qed ikopri biss ċerti modi ta’ parteċipazzjoni. Għalhekk, ikun biss fl-ipoteżi ta’ kunċett ta’ impriża u ta’ kunċett ta’ akkordju hekk limitati u, għalhekk, ta’ kamp ta’ applikazzjoni f’dan is-sens restrittiv tal-Artikolu 81(1) KE li jista’ jiġi applikat il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) sabiex tiġi eskluża kull interpretazzjoni wiesgħa tat-test ta’ din id-dispożizzjoni.

118    F’dak li jikkonċerna l-kelma “akkordju”, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li din hija, qabel kollox, biss espressjoni oħra sabiex jiġi indikat aġir ikkoordinat/kollużiv u li jirristrinġi l-kompetizzjoni, jew ukoll akkordju fis-sens wiesgħa, li fih jipparteċipaw tal-inqas żewġ impriżi distinti li esprimew il-volontà tagħhom komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’ċertu mod determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 79 u 112; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II 3383, punti 67 u 173, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T-44/02 OP, T-54/02 OP, T-56/02 OP, T-60/02 OP u T-61/02 OP, Ġabra p. II 3567, punti 53 sa 55). Barra minn hekk, sabiex jikkostitwixxi akkordju fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li att jew aġir apparentament unilaterali jkun l-espressjoni tal-volontà konkordanti ta’ minn tal-inqas żewġ partijiet, peress li l-mod li bih ikun espress dan il-qbil mhuwiex determinanti fih innfisu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C‑74/04 P, Ġabra p. I‑6585, punt 37). Dan il-kunċett wiesa’ ta’ akkordju huwa kkonfermat mill-fatt li taqa’ wkoll fl-ambitu tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE l-prattika miftiehma li tipprevedi mod ta’ koordinazzjoni bejn impriżi mingħajr ma din twassal għar-realizzazzjoni ta’ akkordju fil-veru sens tal-kelma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif tallega r-rikorrenti, l-akkordju għandux jirriżulta minn settur ta’ attività partikolari, jew saħansitra mill-istess suq ta’ prodotti jew servizzi, b’tali mod li biss l-impriżi li huma attivi fih bħala kompetituri, fornituri jew dawk li jagħmlu d-domanda jistgħu jikkordinaw l-aġir tagħhom bħala impriżi (ko)awturi ta’ ksur.

120    Issa f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81(1) KE japplika mhux biss għall-akkordju “orizzontali” bejn impriżi li jeżerċitaw attività kummerċjali fl-istess suq ta’ prodotti jew servizzi rilevanti, iżda wkoll għall-akkordju “vertikali”, li jinvolvu l-koordinazzjoni ta’ aġir bejn impriżi attivi f’livelli distinti tal-katina ta’ produzzjoni u/jew distribuzzjoni u, għalhekk, li joperaw fi swieq ta’ prodotti jew ta’ servizzi distinti [ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni tal-KEE, punt 107 iktar ’il fuq, p. 493 u 494; tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI et Il-Kummissjoni vs Bayer, C-2/01 P u C-3/01 P, Ġabra p. I 23; tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I 3173; Il-Kummissjoni vs Volkswagen, punt 118 iktar ’il fuq, u d-digriet tal-Qori tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Settembru 2006, Unilever Bestfoods vs Il-Kummissjoni, C-552/03 P, Ġabra p. I 9091; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni, T-112/99, Ġabra p. II 2459, mill-punt 72 et seq; ara, ukoll, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiki miftiehma (ĠU L 336, p. 21) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2000/C 291/01) Linji gwida dwar razan vertikali (ĠU C 291, p. 1)].

121    Bl-istess mod, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex jaqa’ fl-ambitu tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-akkordju inkwistjoni jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi swieq viċini u/jew emerġenti li fihom, tal-inqas, waħda mill-impriżi parteċipanti (għadha) mhijiex preżenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il-Kummissjoni, T‑328/03, Ġabra p. II‑1231, punt 65 et seq; ara wkoll, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C‑333/94 P, Ġabra p. I‑5951].

122    F’dan ir-rigward, l-espressjonijiet użati fil-ġurisprudenza, “volontà komuni li jaġixxu fis-suq b’ċertu mod” (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 67) jew “espressjoni tal-volontà komuni tal-membri tal-akkordju dwar l-aġir tagħhom fis-suq komuni” (sentenza ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 112) għandhom tendenza jenfasizzaw l-element ta’ “volontà komuni” u ma jeżiġux koinċidenza perfetta bejn is-suq rilevanti li fih l-impriża “awtriċi” tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija attiva u dak li fih din ir-restrizzjoni suppost isseħħ. Minn dan jirriżulta li kull restrizzjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni tista’ tirriżulta minn “akkordju […] bejn impriżi” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-kriterju tal-eżistenza ta’ akkordju li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Dan il-kriterju jimplika li impriża tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma’ dan jippresupponi neċessarjament li hi stess tkun attiva fl-imsemmi suq rilevanti.

123    Jirriżulta mill-premess li interpretazzjoni litterali tal-kliem “akkordji […] bejn impriżi” ma timponix interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ awtur ta’ ksur kif suġġerita mir-rikorrenti.

c)     Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 81(1) KE

 Fuq ir-rekwiżit tar-restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali

124    In sostenn tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega wkoll li l-kunċett ta’ awtur ta’ ksur jimplika neċessarjament li dan jirrestrinġi l-awtonomija kummerċjali tagħha stess fil-konfront tal-kompetituri tagħha u jikser b’dan il-mod ir-rekwiżit tal-awtonomija li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 81(1) KE, li jipprovdi li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jrid isegwi fis-suq komuni.

125    Issa, kif ir-rikorrenti tirrileva billi tirreferi għall-ġurisprudenza rilevanti, ir-rekwiżit tal-awtonomija ġie żviluppat, partikolarment, fil-kuntest tal-ġurisprudenza li tittratta d-distinzjoni bejn il-prattiki miftiehma pprojbiti u l-aġir parallel leċitu bejn kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 115 sa 117, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata; is-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 89). Barra minn hekk, jirriżulta mid-distinzjoni li l-ġurisprudenza tagħmel bejn l-eżistenza ta’ akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, minn naħa, u l-preżenza ta’ sempliċi miżura unilaterali ta’ impriża intiża sabiex timponi ċertu aġir fuq impriżi oħra, min-naħa l-oħra, li r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni għandha tirriżulta minn manifestazzjoni suffiċjentement stabbilita tal-volontà konkordanti bejn l-impriżi involuti fir-rigward tar-realizzazzjoni ta’ aġir speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BAI et Il-Kummissjoni vs Bayer, punt 120 iktar ’il fuq, punti 96 sa 102 u 141, u Il-Kummissjoni vs Volkswagen, punt 118 iktar ’il fuq, punt 37). Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tasserixxi, ir-rekwiżit tal-awtonomija mhuwiex marbut direttament mal-kwistjoni, mhux rilevanti f’dan il-każ (ara l-punti 120 sa 123 hawn fuq), dwar jekk l-impriżi li jirrestrinġu l-libertà kummerċjali tagħhom humiex attivi jew le fl-istess settur ta’ attività jew fl-istess suq rilevanti, iżda pjuttost mal-kunċetti ta’ “prattika miftiehma” u ta’ “akkordju”, li jeżiġu l-prova ta’ manifestazzjoni suffiċjentement ċara ta’ konkordanza ta’ volontà bejn l-impriżi involuti.

126    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tkabbar l-importanza tal-kriterju tal-limitazzjoni tal-libertà kummerċjali fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ restrizzjoni għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, kull akkordju bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma jaqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, l-ewwel nett hemm lok li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali li fih l-imsemmi akkordju jew l-imsemmija deċiżjoni ġew adottati jew kellhom effett, u b’mod iktar partikolari tal-għanijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Wouter et, punt 99 iktar ’il fuq, punt 97, u tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C-519/04 P, Ġabra p. I 6991, punt 42). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li ma kienx hemm lok li jiġi kkunsdirat, b’mod kompletament astratt u indistint, li kull akkordju li jirristrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom kellu jaqa’ neċessarjament fl-ambitu tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE, iżda kien meħtieġ, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għal akkordju, li jitqies il-kuntest konkret fejn huwa jkollu effett, u partikolarment tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, tan-natura tal-prodotti u/jew tas-servizzi koperti minn dan l-akkordju kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq (ara s-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

127    Fir-rigward ta’ dan il-kunċett kuntestwali ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, m’huwiex għalhekk eskluż li impriża tista’ tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ restrizzjoni bħal din anki jekk hija ma tkunx qed tirristrinġi l-libertà ta’ azzjoni tagħha stess fis-suq li fih hija prinċipalment attiva. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tista’ tnaqqas il-portata tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE f’miżura li tmur kontra l-effett utli tagħha u kontra l-għan prinċipali tagħha li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(g) KE, huwa dak li jiġi żgurat li tinżamm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni li ma tkunx mgħawwġa, peress li din ma tippermettix li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din il-kontribuzzjoni ma toħroġx minn attività ekonomika li taqa’ taħt is-suq rilevanti li fih din ir-restrizzjoni għandha effett jew għandha l-għan li jkollha effett. Hemm lok li jiġi ppreċiżat li, kif tinsisti l-Kummissjoni, hija biss ir-responsabbiltà ta’ kull “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE li tista’ tiggarantixxi bis-sħiħ dan l-effett utli, peress li din tippermetti li jiġi sanzjonat u li jiġi evitat il-ħolqien ta’ modi ġodda ta’ kollużjoni bl-għajnuna ta’ impriżi mhux attivi fis-swieq ikkonċernati mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bil-għan li tiġi evitata l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE.

128    Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li l-qari tal-kliem “akkordji […] bejn impriżi” fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 3(1)(g) KE juri konferma tal-eżistenza ta’ tifsira tal-akkordju u tal-impriża awtriċi ta’ ksur, li ma tagħmilx distinzjoni skont is-settur jew is-suq li fih l-impriżi kkonċernati huma attivi.

 Fuq il-kundizzjonijiet li fihom il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE

129    Huwa issa opportun li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju għandha tissodisfa sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli bħala koawtriċi tal-ksur.

130    Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi akkordji ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju wieħed, ikkostitwit minn numru ta’ okkażjonijiet ta’ aġir ta’ ksur mifruxa matul iż-żmien, il-Kummissjoni għandha tipprova li din l-impriża kellha l-ħsieb tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kienet taf bl-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan. F’dan ir-rigward, l-approvazzjoni b’mod taċitu ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiddenunzjaha lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur li b’hekk huwa ta’ natura li jinvolvi r-responsabbiltà tal-impriża fil-kuntest ta’ akkordju wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 83 u 87; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni punt 23 iktar ’il fuq, punti 81 sa 84, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punti 142 u 143; ara, ukoll, is-sentenza Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 85, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Barra minn hekk jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tal-laqgħat li fihom jipparteċipaw mhux biss il-kompetituri produtturi, iżda wkoll il-klijenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punti 62 sa 66).

131    Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà personali ta’ impriża li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju m’għandhiex l-istess estent u intensità bħal dawk ta’ impriża oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, jekk l-akkordji u l-prattiki miftiehma previsti fl-Artikolu 81(1) KE jirriżultaw neċessarjament mill-għajnuna ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tassumi modi differenti, skont partikolarment il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’ dan is-suq, l-għanijiet segwiti u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni magħżula jew previsti, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur b’modi partikolari għaliha mhuwiex suffiċjenti sabiex jeskludi r-responsabbiltà tagħha għat-totalità tal-ksur, inkluż għall-aġir li huwa materjalment implementat minn impriżi parteċipanti oħra, iżda li għandu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 78 sa 80).

132    Għaldaqstant, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat mhuwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha. Issa, għalkemm l-importanza, skont il-każ partikolari, limitata tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata ma tistax għaldaqstant tqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tagħha għat-totalità tal-ksur, din hija xorta waħda ta’ natura li jkollha influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-estent u l-gravità tiegħu u, għalhekk, fuq id-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 90; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 86, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 145).

133    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tar-relazzjoni bejn kompetituri li joperaw fl-istess suq rilevanti kif ukoll bejn tali kompetituri u l-klijenti tagħhom, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-koresponsabbiltà tal-impriżi koawturi u/jew kompliċi ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE billi tirrikonoxxi li l-kundizzjoni oġġettiva għall-imputazzjoni lill-impriża kkonċernata tad-diversi okkażjonijiet ta’ aġir ta’ ksur li jikkostitwixxu t-totalità tal-akkordju hija ssodisfata meta din ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni tiegħu, anki jekk b’mod sekondarju, aċċessorju jew passiv, per eżempju, b’approvazzjoni taċita u b’nuqqas ta’ rappurtar ta’ dan l-akkordju lill-awtoritajiet, peress li l-importanza possibbilment limitata ta’ din il-kontribuzzjoni tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni.

134    L-imputazzjoni tat-totalità tal-ksur lill-impriża parteċipanti tiddependi barra minn hekk mill-manifestazzjoni tal-volontà tagħha, li turi li hija tissottoskrivi, anki jekk b’mod taċitu, għall-għanijiet tal-akkordju. Din il-kundizzjoni suġġettiva, minn naħa, hija inerenti għall-kriterju tal-approvazzjoni taċita tal-akkordju u għal dak tan-nuqqas ta’ tbegħid pubblikament mill-kontenut tiegħu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 84, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 143; sentenza Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 85), inkwantu dawn il-kriterji jimplikaw il-preżunzjoni li l-impriża kkonċernata tkompli tissottoskrivi għall-għanijiet u għall-implementazzjoni tal-akkordju, u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi ġustifikazzjoni li tippermetti li l-impriża kkonċernata tinżamm koresponsabbli, peress li hija kellha l-ħsieb li tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li riedu jintlaħqu mill-parteċipanti kollha u kienet taf bl-aġir ta’ ksur tal-parteċipanti l-oħra jew setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 83 u 87, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni punt 23 iktar ’il fuq, punt 83).

135    Huwa biss fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fil-punti 133 u 134 iktar ’il fuq li l-imputazzjoni tal-ksur fit-totalità tiegħu lill-impriża kkonċernata tkun konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 84).

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 115 sa 127 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis għall-parteċipazzjoni ta’ impriża li l-attività ekonomika u l-kompetenza professjonali tagħha jagħtuha l-fakultà li ma tkunx tista’ tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni u li tagħti għaldaqstant sostenn mhux irrilevanti għat-twettiq tal-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li impriża ta’ konsulenza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala koawtriċi ta’ ksur minħabba l-fatt li, minn naħa, hija ma teżerċitax attività ekonomika fis-suq rilevanti affettwat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, hija kkontribwixxiet għall-akkordju biss b’mod sekondarju ma jistax jintlaqa’.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

137    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li tali konċeżżjoni “waħdiena” tal-awtur ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE hija inkompatibbli mar-rekwiżiti li joħorġu, minn naħa, mill-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), taħt l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, u, min-naħa l-oħra, mir-regoli komuni fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri dwar id-distinzjoni bejn awturi u kompliċi li huma intiżi sabiex jiġu applikati kemm fil-kuntest tal-liġi kriminali kif ukoll fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni.

138    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza, l-ewwel nett, kif indikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, li d-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja għandha tassigura r-rispett tagħhom filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-KEDB bħala sors ta’ ispirazzjoni.

139    Sussegwentement, hemm lok li jiġi mfakkar li l-qorti Komunitarja applikat il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, fil-kawżi li jikkonċernaw id-dritt tal-kompetizzjoni, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea D. B. (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 215 et seq, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435 punt 71 et seq, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Bħala regola ġenerali, dan il-prinċipju jeżiġi, partikolarment, li kull leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari meta din timponi jew tippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet, tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti tagħhom fir-rigward. Bl-istess mod, dan il-prinċipju huwa applikabbli kemm fil-kuntest ta’ regoli ta’ natura kriminali kif ukoll fil-kuntest ta’ strumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew li jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Maizena, punt 85 iktar ’il fuq, punti 14 u 15, u X, punt 84 iktar ’il fuq, punt 25), bħas-sanzjonijiet imposti bis-saħħa tar-Regolament Nru 17.

140    Barra minn hekk, mill-interpretazzjoni kostanti li l-Qorti Ewropea D. B. tagħti tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB.jirriżulta li l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), hemm stipulat, jeżiġi, partikolarment, li l-liġi kriminali ma tiġix applikata b’mod estensiv għad-detriment tal-akkużat, partikolarment b’analoġija. Minn dan jirriżulta li ksur għandu jkun definit b’mod ċar mil-liġi, kundizzjoni li tkun issodisfata meta l-persuna suġġetta għal-liġi tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni relattiva u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jirradikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea D. B. ippreċiżat li l-kunċett ta’ liġi [dritt] użat fl-Artikolu 7 tal-KEDB jikkorrispondi għal dak ta’ liġi li jinsab f’artikoli oħra tal-KEDB u li dan jinkludi d-dritt ta’ oriġini kemm leġiżlattiv kif ukoll ġurisprudenzjali u jimplika kundizzjonijiet kwalitattivi, partikolarment dawk ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà (ara, Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Kokkinakis vs Il-Greċja tal-25 ta’ Mejju 1993, Serje A 260-A, § 40, 41 u 52; sentenza S.W. vs Ir-Renju Unit, punt 104 iktar ’il fuq, § 35; sentenza Cantoni vs Franza tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 1996-V, p. 1627, § 29; sentenza Baskaya et Okçuoglu vs It-Turkija tat-8 ta’ Lulju 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 1999-IV, p. 308, § 36; sentenza Coëme vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2000-VII, p. 1, § 145; sentenza E.K. vs It-Turkija tas-7 ta’ Frar 2002, Rikors Nru 28496/95, § 51; ara, ukoll, sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 216).

141    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) ma jistax jiġi interpretat bħala li ma jippermettix il-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 217). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea D. B., tkun kemm tkun ċara dispożizzjoni legali, inkluż tal-liġi kriminali, teżisti b’mod inevitabbli parti li tkun teħtieġ interpretazzjoni ġudizzjarja u jkun dejjem meħtieġ li l-punti mhux ċari jiġu ċċarati u li l-kliem jiġi adattat skont l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ewropea D. B., huwa stabbilit sewwa fit-tradizzjoni ġuridika tal-Istati partijiet għall-KEDB li l-ġurisprudenza, bħala sors tad-dritt, neċessarjament tikkontribwixxi fl-iżvilupp progressiv tal-liġi kriminali (Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza S.W. vs Ir-Renju Unit, punt 104 iktar ’il fuq, § 36). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea D. B. irrikonoxxiet li normalment liġijiet ma jipprovdux preċiżjoni assoluta u li ħafna minnhom, minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata riġidità eċċessiva u li jaddattaw ruħhom għall-bdil tas-sitwazzjoni, jinqdew neċessarjament minn materji ta’ formulazzjoni, ftit jew wisq, vagi, u li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom jiddependu mill-prattika (Il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Kokkinakis vs Il-Greċja, punt 140 iktar ’il fuq, § 40 u 52, u sentenza E.K. vs It-Turkija, punt 140 iktar ’il fuq, § 52; sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 80). Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tan-natura determinanti jew le tal-kunċetti użati, apparti t-test stess tal-liġi, il-Qorti Ewropea D. B. tqis ukoll il-ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (Il-Qorti Ewropea D. B. sentenza G. vs Franza tas-27 ta’ Settembru 1995, Serje A 325-B, § 25).

142    Madankollu, għalkemm il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) jippermetti, bħala regola ġenerali, il-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja, dan jista’ jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixi ksur. Dan ikun partikolarment il-każ jekk ir-riżultat ta’ din l-interpretazzjoni ma kienx raġonevolment prevedibbli fil-mument tat-twettieq tal-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni. Barra minn hekk il-kunċett ta’ prevedibbiltà jiddependi ħafna mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li jkopri kif ukoll minn numru u minn natura tad-destinatarji tiegħu u dan ma jipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika biex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom. Huma wkoll mistennija jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li dan jinkludi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punti 217 sa 219, li tirreferi għas-sentenza Cantoni vs Franza, punt 140 iktar ’il fuq, punt 35).

143    Mill-kunsiderazzjonijet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 81(1) KE, b’mod partikolari, tal-kliem “akkordju” u “impriża”, li permezz tagħha kull impriża li tkun ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni ta’ akkordju taqa’ fl-ambitu ta’ applikazzjoni tiegħu, anki jekk din l-impriża m’hijiex attiva fis-suq rilevanti affettwat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kellha tkun suffiċjentement prevedibbli, fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkriminanti, fid-dawl tat-test ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretat mill-ġurisprudenza.

144    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “akkordju” u “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jikkostitwixxu kunċetti ġuridiċi indeterminati, li l-preċiżjoni tal-portata tagħhom tirriżulta, fl-aħħar stadju, mill-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja, u li l-applikazzjoni tagħhom mill-amministrazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kjarifika gradwali tal-kunċetti ta’ “akkordju” u ta’ “impriża” mill-qorti Komunitarja hija ta’ importanza deċiżiva għall-evalwazzjoni tan-natura determinanti u prevedibbli tal-applikazzjoni konkreta tagħhom.

145    Issa, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita prevista fil-punti 115 sa 128 iktar ’il fuq, il-kliem “akkordji […] bejn impriżi” li jinsab fl-Artikolu 81(1) KE jikkostitwixxi espressjoni suffiċjentement preċiża tat-tifsira ta’ akkordju u ta’ awtur ta’ ksur, kif ipprovduta fil-punt 128 iktar ’il fuq, inkwantu dawn il-kliem jinkludu kull impriża li taġixxi b’mod kollużiv, indipendentement mis-settur ta’ attività jew tas-suq rilevanti li fihom tkun attiva, sabiex jippermettu li din l-impriża ma tkunx tista’ tinjora, u saħansitra tirrikonoxxi, li hija tkun qed tesponi ruħha għal proċeduri legali fil-każ li tadotta aġir bħal dan.

146    Min-naħa l-oħra, kif ġie mfakkar fil-punti 129 sa 135 iktar ’il fuq, teżisti ġurisprudenza stabbilita dwar il-koresponsabbiltà, taħt l-Artikolu 81(1) KE, ta’ impriżi koawturi u/jew kompliċi ta’ ksur fit-totalità tiegħu li jiġu akkużati reċiprokament bl-aġir ta’ ksur ta’ impriżi parteċipanti oħra. Din il-ġurisprudenza, ibbażata wkoll fuq it-tifsira “waħdiena” tal-kunċetti ta’ akkordju u ta’ awtur ta’ ksur, tindika, b’mod ċar u preċiż, il-kundizzjonijiet oġġettivi u suġġettivi ta’ imputabbiltà li għandhom jiġu ssodisfati sabiex impriża tkun tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli għal ksur mwettaq minn diversi koawturi jew kompliċi. F’dan ir-rigward, il-fatt biss li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dawn il-prinċipji ta’ imputabbiltà biss fl-1999 (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 78 et seq) ma jistax waħdu jaffettwa n-natura prevedibbli tagħhom fiż-żmien meta seħħew il-fatti, bejn l-1993 u l-1999, li bihom r-rikorrenti ġiet akkużata, peress li l-elementi li jiddeterminaw ir-responsabbiltà personali kienu diġà jirriżultaw bi preċiżjoni suffiċjenti mit-tifsira wiesgħa ta’ akkordju u ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara s-sentenza Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 85, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li qorti Komunitarja għadha sallum ma ddeċidietx fir-rigward tal-każ partikolari tal-koresponsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza, li m’hijiex attiva fl-istess suq bħall-parteċipanti prinċipali għall-akkordju, m’huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li prattika amministrattiva u ġurisprudenzjali li tikkonstata l-koresponsabbiltà ta’ impriża bħal din jew, tal-inqas, il-possibbiltà ta’ tali koresponsabbiltà m’hijiex raġonevolment prevedibbli minn professjonisti fuq il-bażi kemm tal-kliem tal-Artikolu 81(1) KE kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

147    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prattika amministrattiva repressiva f’dan il-kuntest, hemm lok, min-naħa l-oħra, li jiġi mfakkar li, kif ir-rikorrenti stess tammetti, il-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet fl-1980 li takkuża bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE lil impriża ta’ konsulenza li pparteċipat atttivament, b’mod komparabbli għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-kawża, fl-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni (Deċiżjoni tal-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja, ara partikolarment il-punt II. A. 4. fl-aħħar tal-premessi). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx iktar dan l-approċċ f’diversi deċiżjonijiet sussegwenti ma jiġġustifikax il-konklużjoni li tali interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 81(1) KE mhijiex raġonevolment prevedibbli. Dan huwa iktar u iktar il-każ fil-kuntest ta’ impriża ta’ konsulenza, li fir-rigward tagħha għandu jkun preżunt li, fid-dawl tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni mill-1980, hija tiġġestixxi l-attivitajiet ekonomiċi tagħha bl-akbar prudenza u tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika, partikolarment ta’ esperti ġuridiċi, sabiex tevalwa r-riskji assoċjati ma’ l-aġir tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 219).

148    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li tali interpretazzjoni hija kuntrarja għar-regoli komuni tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà personali li jiddistingwu bejn awturi u kompliċi tal-ksur. Fil-fatt, ir-regoli ċċitati mir-rikorrenti (ara l-punt 81 iktar ’il fuq) jirriżultaw biss mil-liġi kriminali nazzjonali u hija ma tispjegax jekk u sa liema estent dawn ir-regoli huma wkoll applikabbli, fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali rispettivi, fil-qasam ta’ repressjoni amministrattiva u, b’mod partikolari, ta’ repressjoni tal-prattiki antikompetittivi.

149    Barra minn hekk, ma jirriżultax la mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea D. B. u lanqas mill-prattika deċiżjonali ta’ dik li kienet il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) jeżiġi li ssir distinzjoni, fil-kuntest tar-repressjoni kriminali jew amministrattiva, bejn l-awtur u l-kompliċi tal-ksur, fis-sens li dan tal-aħħar ma jkunx punibbli meta r-regola tad-dritt rilevanti ma tipprevedix b’mod espress sanzjoni fil-konfront tiegħu. Jirriżulta, minflok, li sabiex dan il-prinċipju jkun osservat, l-aġir tal-persuna inkriminata għandu jissodisfa d-definizzjoni ta’ awtur tar-reat ikkonċernat, kif tista’ tiġi dedotta mill-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, skont il-każ fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza. Issa, jekk din id-definizzjoni hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi kemm l-aġir tal-awturi prinċipali tal-ksur kif ukoll dak tal-kompliċi, ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (ara, min-naħa l-oħra, Il-Qorti Ewropea D. B. sentenza E.K. vs It-Turkija, punt 140 iktar ’il fuq, § 55 u 56; Il-Kummissjoni Ewropea D. B., deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà L.-G. R. vs L-Iżvezja tal-15 ta’ Jannar 1997, Talba Nru 27032/95, p. 12).

150    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li kull impriża li tkun adottat aġir kollużiv, inklużi l-impriżi ta’ konsulenza li ma jkunux attivi fis-suq inkwistjoni affettwat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, setgħet raġonevolment tipprevedi li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE kienet bħala regola ġenerali applikabbli fir-rigward tagħha. Fil-fatt, din l-impriża ma setgħetx tinjora jew normalment kienet f’pożizzjoni li tifhem li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja preċedenti kellhom diġà fihom infushom, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, il-bażi tar-rikonoxximent espliċitu tar-responsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, meta din tikkontribwixxi attivament u deliberatament għal akkordju bejn produtturi attivi f’suq distint minn dak li fih hija stess topera.

d)     Fuq il-kwalità tar-rikorrenti bħala koawtriċi tal-akkordju

151    Għandu issa jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, kienux sodisfati l-kundizzjonijiet oġġettivi u suġġettivi li jippermettu li tiġi stabbilita l-koresponsabbiltà tar-rikorrenti billi tiġi akkużata bl-aġir ta’ ksur tal-impriżi parteċipanti l-oħra. F’dan ir-rigward, hemm lok li qabel kollox jiġi mfakkar li, sabiex impriża tkun tista’ tiġi akkużata bit-totalità tal-ksur, jeħtieġ, minn naħa, li din l-impriża tkun ikkontribwiet, anki b’mod sekondarju, għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjoni suġġettiva dwar il-manifestazzjoni tal-volontà ta’ din l-impriża f’dan ir-rigward tkun sodisfatta.

152    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx parti “kontraenti” għall-akkordju tal-1971 u għall-akkordju tal-1975 u jekk il-kuntratti ta’ servizzi konklużi mat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi kinux jifformaw parti integrali mill-akkordju f’sens wiesà, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li rriżulta li r-rikorrenti tat kontribuzzjoni attiva għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju bejn l-1993 u l-1999.

153    L-ewwel nett, huwa paċifiku li r-rikorrenti żammet u ħbiet fl-uffiċċji tagħha l-orġinal tal-akkordju tal-1971 u dak tal-akkordju tal-1975 ta’ Atochem/Atofina u ta’ PC/Degussa, u dan fir-rigward ta’ din tal-aħħar ukoll sa l-2001 jew l-2002 (premessi 63 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, ir-rikorrenti ammettiet li kienet ikkalkulat u kkomunikat lill-membri tal-akkordju d-diverġenzi tal-ishma tas-suq rispettivi tagħhom mill-kwoti miftiehma, tal-inqas, sa l-1995 jew l-1996, attività li kienet espressament prevista mill-akkordju tal-1971 u l-akkordju tal-1975, u li kienet żammet għandha d-dokumenti sigrieti f’dan ir-rigward fl-uffiċċji tagħha. It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħat miżmuma bejn il-produtturi tal-perossidi organiċi li jinkludu parti antikompetittiva, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li organizzat u parzjalment ipparteċipat f’ħamsa minn dawn il-laqgħat kif ukoll f’dik ta’ Amersfoort tad-19 ta’ Ottubru 1998, li serviet għall-preparazzjoni ta’ proposta ta’ qsim ta’ kwoti bejn il-produtturi. Ir-raba’ nett, huwa paċifiku li r-rikorrenti rrimburżat regolarment l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li r-rappreżentanti tal-produtturi tal-perossidi organiċi sostnew sabiex jipparteċipaw għal-laqgħat b’għan antikompetittiv, u dan manifestament bil-ħsieb li taħbi jew li ma tħallix li jidhru fil-kotba ta’ dawn il-produtturi t-traċċi tal-implementazzjoni tal-akkordju (ara l-punti 63 u 102 iktar ’il fuq).

154    Mingħajr mhemm bżonn ta’ evalwazzjoni fid-dettall tal-fatti kkontestati bejn il-partijiet dwar il-portata effettiva tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi mill-fatti riprodotti fil-punt 153 iktar ’il fuq li r-rikorrenti tat kontribuzzjoni attiva għall-implementazzjoni tal-akkordju u li, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, hemm rabta ta’ kawżalità suffiċjentement konkreta u determinanti bejn din l-attività u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-perossidi organiċi. Fil-fatt, fis-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-eżistenza ta’ din ir-rabta ta’ kawżalità, iżda llimitat ruħha tikkontesta l-kwalifikazzjoni ġuridika tal-kontribuzzjoni tagħha bħala att ta’ awtur tal-ksur, billi din il-kontribuzzjoni setgħet biss, skondha, tiġi kkwalifikata bħala att ta’ kompliċità li seta’ jitwettaq minn kull impriża oħra ta’ konsulenza.

155    Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex rilevanti li r-rikorrenti ma kinitx formalment jew direttament parti kontraenti fl-akkordju tal-1971 u fl-akkordju tal-1975. Min-naħa, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, m’hijiex determinanti l-kwistjoni dwar jekk jeżistix jew le akkordju bil-miktub jew altrimenti espliċitu bejn l-impriżi parteċipanti sakemm dawn jaġixxu b’mod kollużiv (ara l-punti 115 sa 123 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li għamlet, b’kuntratt taċitu mal-produtturi tal-perossidi organiċi, għan-nom u inrappreżentenza tagħha stess, ċerti attivitajiet ta’ Fides speċifikament previsti fl-imsemmija akkordji, bħall-kalkolu u l-komunikazzjoni tad-diverġenzi mill-kwoti miftiehma. Hemm lok li jingħad ukoll li, peress li l-Kummissjoni kienet illimitat ruħha timponi fuq ir-rikorrenti multa ta’ ammont minimu ta’ EUR 1 000 u peress li dan l-ammont bħala tali ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tiddeċiedi fuq il-portata eżatta tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti safejn din jista’ jkollha effett fuq il-legalità tal-livell tal-multa imposta.

156    Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li kien bl-għarfien sħiħ tal-fatti u b’mod deliberat li hija qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-akkordju l-kompetenza professjonali u l-infrastrutturi tagħha sabiex minn dan tikseb, tal-inqas indirettament, vantaġġ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti individwali ta’ servizz li kienu jorbtuha mat-tliet produtturi tal-perossidi organiċi. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti b’dan il-mod ukoll kisritx intenzjonalment ir-regoli deontoloġiċi li għalihom hija suġġetta bħala konsulent ekonomiku, jew hija ma setgħetx tinjora, jew hija kienet taf, mill-evidenza kollha, l-għan antikompetittiv u illeċitu tal-akkordju li għalih hija kkontribwixxiet, għan li deher, partikolarment, fil-kuntest tal-akkordju tal-1971 u l-akkordju tal-1975 li hija żammet fl-uffiċċji tagħha, fiż-żamma ta’ laqgħat b’għan antikompetittiv u fl-iskambju ta’ informazzjoni sensibbli li għalih hija pparteċipat attivament, tal-inqas, sa l-1995 jew l-1996.

157    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, safejn tistabbilixxi l-koresponsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur imwettaq prinċipalment minn AKZO, Atochem/Atofina u PC/Degussa, id-deċiżjoni kkontestata ma teċċedix il-limiti tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE u li, għalhekk, billi imponiet multa ta’ EUR 1 000 fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħat lilha mogħtija mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li m’huwiex meħtieġ li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx ukoll b’mod leġittimu tibbaża r-responsabbiltà tar-rikorrenti fuq il-kunċett ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Kif ammess mill-Kummissjoni fis-seduta, dan il-każ jikkonċerna evalwazzjoni purament alternattiva, saħansitra sussidjarja, li ma tistax la tiġġustifika fid-dritt u lanqas tinvalida l-approċċ prinċipali tal-Kummissjoni, kif ibbażat fuq il-kunċetti ta’ akkordju u ta’ impriża. Bl-istess mod m’huwiex meħtieġ li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni eżaminatx u evalwatx korrettament ċerti provi li jinkriminaw kontra r-rikorrenti li m’humiex determinanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti, kif jirriżultaw fil-punti 77 sa 79 iktar ’il fuq, huma intiżi biss sabiex isostnu l-fondatezza tal-motiv preżenti u ma jikkostitwixxux motiv distint.

159    Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

1.     L-argumenti tal-partijiet

160    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li, fid-dawl tal-prattika deċiżjonali kostanti tal-Kummissjoni mill-1983, hija setgħet b’mod leġittimu tistenna li l-Kummissjoni tevalwa l-aġir tagħha bl-istess mod bħall-aġir komparabbli ta’ impriżi ta’ konsulenza oħra fil-każijiet preċedenti. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Skont ir-rikorrenti, għalkemm id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huma vinkolanti biss fir-rigward tad-destinatarji tagħhom, dawn madankollu jikkostitwixxu, partikolarment meta jistabbilixxu prattika deċiżjonali kostanti, atti ġuridiċi ta’ importanza għal sitwazzjonijiet komparabbli. Il-possibbiltà għall-persuna suġġetta għal-liġi li tistenna li tkun segwita ċerta prattika deċiżjonali timmerita iktar u iktar protezzjoni peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE toħroġ minn diversi kunċetti ġuridiċi indeterminati li konkretizzazzjoni tagħhom permezz ta’ tali prattika tkun indispensabbli.

161    Ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, kif rikonoxxut mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 1978, Töpfer et, 112/77, Ġabra p. 1019, punt 19, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑266/97, Ġabra p. II‑2329, punt 71), jipprojbixxi lill-Kummissjoni tabbanduna mingħajr preavviż il-prattika deċiżjonali tagħha dwar l-Artikolu 81 KE, li tikkwalifika retroattivament bħala ksur u li timponi multa għal aġir li sa dak iż-żmien kien ikkunsidrat li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Issa, mill-1983, b’differenza mill-approċċ tagħha fid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja, il-Kummissjoni ma kinitx iktar ikkunsidrat bħala ksur l-assistenza mogħtija minn impriżi ta’ konsulenza li ma jkunux parti fl-akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara, partikolarment, id-Deċiżjoni taċ-ċilindri/vireg magħmula minn ħadid u minn azzar fondut, tal-1983, id-Deċiżjoni tal-polipropelin, tal-1986, id-Deċiżjoni LDPE, tal-1988 u d-Deċiżjoni tal-kartonċin, tal-1994). B’dan il-mod, minn meta ġiet stabbilita sa l-aħħar tal-1993, ir-rikorrenti setgħet b’mod leġittimu tistenna li l-assistenza mogħtija lit-tliet produtturi tal-perossidi organiċi ma kinitx iktar ikkwalifikata bħala ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Skont ir-rikorrenti, fil-fatt, l-attività tagħha ma kinitx tmur lilhinn minn dik tal-impriżi ta’ konsulenza l-oħra fil-każijiet li wasslu għad-Deċiżjoni taċ-ċilindri/vireg magħmula minn ħadid u minn azzar fondat jew għad-deċiżjoni tal-Kartonċin. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kienx imissha żammet lir-rikorrenti responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE u imponietilha multa.

162    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

163    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsdira li, fid-dawl tar-rikonoxximent, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, tal-prinċipju ta’ koresponsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza li tkun ipparteċipat f’akkordju, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jostakola l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 112 sa 150 hawn fuq, din l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prattika hija bbażata fuq interpertazzjoni korretta tal-portata tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE. Billi l-interpretazzjoni tal-kunċett ġuridiku indeterminat ta’ “akkordji […] bejn impriżi” taqa’ taħt, fl-aħħar eventwalità, il-kompitu tal-qorti Komunitarja, il-Kummissjoni m’għandhiex marġini ta’ diskrezzjoni li jippermettilha, skont il-każ, tirrinunzja milli taġixxi kontra impriża ta’ konsulenza li tissodisfa l-imsemmija kriterji ta’ koresponsabbiltà. Minflok, fuq il-bażi tal-mandat tagħha previst fl-Artikolu 85(1) KE, il-Kummissjoni hija obbligata tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 81 KE u li taġixxi ex officio f’kull każ ta’ ksur preżunt ta’ dawn il-prinċipji, kif interpretati mill-qorti Komunitarja. Għaldaqstant, safejn, u minkejja d-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata setgħet tidher kuntrarja għall-interpretazzjoni msemmija hawn fuq tal-Artikolu 81(1) KE, din il-prattika ma setgħetx toħloq aspettattivi fondati fir-rigward tal-impriżi kkonċernati.

164    Barra minn hekk, kif joħroġ mill-punti 147 u 148 iktar ’il fuq, din l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni kienet daqstant iktar prevedibbli għar-rikorrenti minħabba l-eżistenza ta’ preċedent, jiġifieri d-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja, tal-1980. Barra minn hekk, kif joħroġ mill-punt 163 iktar ’il fuq, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni wara l-1980 ma setgħetx raġonevolment tiġi interpretata bħala abbandun definittiv tal-approċċ inizjali segwit fid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja. Barra minn hekk, għalkemm fid-Deċiżjoni tal-polipropelin, tal-1986, il-Kummissjoni ma kkwalifikatx lill-kumpannija Fides Trust bħala awtur ta’ ksur, hija madankollu kkundannat b’mod ċar is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilita u amministrata minn din il-kumpannija bħala li kienet inkompatibbli ma’ l-Artikolu 81(1) KE (Deċiżjoni tal-polipropelin, premessa 106 u Artikolu 2; ara wkoll id-Deċiżjoni tal-kartonċin, premessa 134). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni wara l-1980, li tillimita ruħha li ma tikkundannax u ma tissanzjonax lill-impriżi ta’ konsulenza involuti mingħajr madankollu ma tiċħad, fid-dritt, it-tifsira inizjali segwita fid-Deċiżjoni dwar il-ħġieġ mhux ipproċessat fl-Italja, ma setgħetx inqas u inqas toħloq fir-rigward tar-rikorrenti aspettativa fondata li l-Kummissjoni ma kinitx ser taġixxi fil-futur kontra l-impriżi ta’ konsulenza meta dawn jipparteċipaw f’akkordju.

165    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E –  Fuq ir-raba’ motiv imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali

1.     L-argumenti tal-partijiet

166    Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni hija, f’dak li jikkonċernaha, tant vaga u kontradittorja li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali (nulla poena sine lege certa). Il-Kummissjoni tonqos milli tippreċiża biċ-ċarezza meħtieġa l-parametri u l-limiti tal-aġir illeċitu u punibbli ta’ impriża ta’ konsulenza, bħar-rikorrenti, u b’dan il-mod iċċaħadha miċ-ċertezza legali meħtieġa fi Stat tad-dritt.

167    Ir-rikorrenti tfakkar li l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali (nulla poena sine lege certa), kif stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB u rikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza X, punt 84 iktar ’il fuq, punt 25). Dan tal-aħħar huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra p. 533, punt 44; tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10, u tat-22 ta’ Frar 1984, Kloppenburg, 70/83, Ġabra p. 1075, punt 11), li jeżiġi partikolarment li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għal-liġi. Ir-rikorrenti tippreċiża li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 81 KE, li jimponu multi li l-ammont tagħhom jista’ jkun partikolarment għoli, għandu jkollhom grad partikolarment għoli ta’ preċiżjoni u ta’ ċertezza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 32/79, Ġabra p. 2403, punt 46), sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jikkontrollaw u jiddeterminaw l-aġir tagħhom abbażi u fid-dawl ta’ kriterji ċari u konkreti biżżejjed dwar in-natura illeċita ta’ attività partikolari.

168    B’mod kuntrarju għal dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tesponi f’madwar ħames paġni r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81(1) KE (mill-premessa 331 ’il quddiem tal-imsemmija deċiżjoni). Madankollu, dan ir-raġonament ma jurix b’mod ċar liema huma l-atti konkreti tar-rikorrenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u liema ma jaqgħux (ara, partikolarment, il-premessi 339, 343, 344 u 349 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni takkużaha b’mod żbaljat li tat pariri legali (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki jekk dan jitqies li huwa stabbilit, il-fatt li ngħataw pariri legali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra, fl-intier tagħhom, il-pariri legali u l-atti ta’ sostenn tar-rikorrenti, kif deskritti fid-deċiżjoni kkontestata, bħala li kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE, meta, meqjusa waħedhom, dawn l-atti ma jikkostitwixxux tali ksur. Altrimenti, ikun impossibbli li jiġi pprevist f’liema mument att leċitu jsir illegali. Ir-rikorrenti sussegwentement takkuża lill-Kummissjoni li esprimiet ruħha, fil-premessa 332 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod vag, li ma jinftihemx u kontradittorju fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ awtonomija ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti toġġezzjona li, anki jekk jiġi meqjus li hija responsabbli għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata ma jindikawx, biċ-ċarezza u l-preċiżjoni rikjesti, liema huma l-atti konkreti li hija akkużata bihom li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

169    Fin-nuqqas ta’ risposta ċara għad-domanda dwar għal liema raġuni u b’liema mod ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 81(1) KE, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminal u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

170    Il-Kummissjoni tikkunsdira li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, inkwantu dan jikkostitwixxi biss ripetizzjoni tat-tieni motiv.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

171    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, fl-ewwel lok, li fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tressaq essenzjalment l-istess argumenti bħal dawk fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motiv. Għalhekk huwa biżżejjed li ssir referenza għall-kunsiderazzjonijiet li hemm fil-punti 112 sa 159 iktar ’il fuq sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata għandha biżżejjed elementi li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni attiva u intenzjonata tar-rikorrenti fl-akkordju li jippermettu, għalhekk, li din tinżamm responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, indipendentement mill-portata reali ta’ din il-parteċipazzjoni fid-dettall.

172    Issa, anki jekk dan il-motiv kellu jiġi interpretat bħala li jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikou 253 KE, jirriżulta wkoll minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-elementi rilevanti kollha li jippermettu lir-rikorrenti tikkonstata l-fondatezza tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 138, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

173    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

F –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata

1.     Argumenti tal-partijiet

174    Skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ċara u preċiża tal-atti illeċiti li hija akkużata bihom, kemm l-evalwazzjoni ġuridika kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, tad-deċiżjoni kkontestata jmorru kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-preċiżjoni tal-liġi kriminali. Fil-fatt, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata ma jurux, b’mod preċiż, b’liema atti konkreti r-rikorrenti hija meqjusa li kisret l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tkun taf liema mill-atti tagħha huma kkonċernati mill-obbligu previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 3 jinjora l-“obbligu tan-natura ċerta u prevedibbli” tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li huwa impost b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini, 169/80, Ġabra p. 1931, punti 17 u 18; tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, Ġabra p. 5041, punt 18, u L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 326/85, Ġabra p. 5091, punt 24; tat-22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Franza u r-Renju Unit, 92/87 u 93/87, Ġabra p. 405, punt 22; tat-13 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C-30/89, Ġabra p. I-691, punt 23; tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C‑354/95, Ġabra p. I‑4559, punt 57, u tas-16 ta’ Ottubru 1997, Banque Indosuez et, C‑177/96, Ġabra p. I‑5659, punt 27).

175    Din l-impreċiżjoni tal-evalwazzjoni ġuridika u tal-obbligu previst fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata hija amplifikata iktar minħabba l-fatt li, minn naħa, skont dan l-Artikolu, ir-rikorrenti hija wkoll obbligata li toqgħod lura minn kull akkordju jew prattika miftiehma li jkollha għan jew effett “simili” u, min-naħa l-oħra, kull ksur ta’ dan l-Artikolu jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa li l-ammont tagħha jista’ jkun partikolarment għoli bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet li daħlet f’“qasam ġdid” fil-livell tad-dritt (premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata). F’tali każ, il-preċiżjoni tal-ordni li ma jiġix irrepetut il-ksur għandha tissodisfa r-rekwiżiti partikolarment stretti sabiex tippermetti lilll-impriżi kkonċernati jevalwaw il-portata reali tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE. L-inċertezza legali li tirriżulta hija ta’ theddida għall-attività ekonomika tal-impriżi ta’ konsulenza, bħar-rikorrenti, per eżempju, fil-qasam tat-tħejjija ta’ statistiċi tas-suq u tal-amministrazzjoni tal-federazzjonijiet.

176    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv huwa indirizzat kontra l-ordni li jintemm il-ksur (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tippreċiża li r-rikors tagħha jipprevedi biss l-ordni li ma jiġix irrepetut il-ksur (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-ewwel ordni ma joħloqilha ebda raġuni għal oġġezzjoni ladarba l-ksur kien diġà twaqqaf fl-aħħar tal-1999 jew fil-bidu tal-2000 (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

177    Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti.

178    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

179    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan il-motiv jikkostitwixxi biss riformulazzjoni tar-raba’ motiv, ibbażat ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali li, għaldaqstant, ma jistax jiġi evalwat b’mod differenti.

180    Safejn dan il-motiv jirreferi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni hija awtorizzata, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, timponi fuq id-destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 81(1) KE ordnijiet li għandhom bħala għan li jtemmu l-aġir ta’ ksur u li ma jsirux iktar fil-futur prattiki li jkollhom għan jew effett identiku jew simili (sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punti 1252 u 1253).

181    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

182    Minn dan isegwi li r-rikors, fit-totalità tiegħu, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

183    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AC-Treuhand AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Jaeger

Azizi

Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2008.

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Osservazzjonijiet preliminari

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  L-argumenti tar-rikorrenti

1.  L-argumenti tal-Kummissjoni

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalitŕ tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  L-argumenti tar-rikorrenti

Parti ġenerali

Fuq il-kontestazzjoni tal-fatti meqjusa fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

–  Fuq l-effetti tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) fuq id-distinzjoni bejn awtur u kompliċi fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni

–  Fuq il-kunċett ta’ awtur fis-sens tal-Artikolu 81 KE

–  Fuq il-kwalità ta’ kompliċi impunibbli tar-rikorrenti

–  Fuq il-prattika deċiżjonali preċedenti kuntrarja tal-Kummissjoni

–  Fuq in-nuqqas ta’ kontroll fuq l-akkordju mir-rikorrenti u r-rabta ta’ kawżalitŕ bejn l-attivitŕ tagħha u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni

–  Fuq il-kwalifikazzjoni żbaljata tar-rikorrenti bħala “assoċjazzjoni ta’ impriżi”

b)  L-argumenti tal-Kummissjoni

Fuq il-kuntest fattwali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 81(1) KE

c)  Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 81(1) KE

Fuq ir-rekwiżit tar-restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali

Fuq il-kundizzjonijiet li fihom il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege)

d)  Fuq il-kwalità tar-rikorrenti bħala koawtriċi tal-akkordju

D –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq ir-raba’ motiv imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.