Language of document : ECLI:EU:T:2008:256

Kawża T-99/04

AC-Treuhand AG

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidi organiċi — Multi — Artikolu 81 KE — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ xieraq — Kunċett ta’ awtur ta’ ksur — Prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tinvoka dawn id-drittijiet kompletament biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-impriża bis-suġġett u bl-għan tal-investigazzjoni fl-istadju tal-ewwel miżura meħuda fil-konfront tagħha

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 11 u 14)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Imputazzjoni lil impriża — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-koresponsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza li mhijiex attiva fis-suq ikkonċernat li madankollu kkontribwixxiet attivament u deliberatament għall-akkordju

(Artikoli 3(1)(g) KE u 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

1.      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 17, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tinvoka kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li huwa biss minn meta tintbagħat din id-dikjarazzjoni li hija tkun informata bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura u li hija għandha dritt ta’ aċċess għall-inkartament sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, jekk dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress illi l-impriża tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għadha tista’ tiġi moħbija minnha.

Jibqa’ l-fatt li l-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni taħt l-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament Nru 17, jimplikaw min-natura tagħhom l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress illi l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli.

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tinforma lill-impriża kkonċernata, fl-istadju tal-ewwel miżura adottata kontriha, inkluż fit-talbiet għal informazzjoni li hija tindirizzalha taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, b’mod partikolari, bis-suġġett u bl-għan tal-investigazzjoni għaddejja. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni m’għandhiex ikollha l-istess portata bħal dik meħtieġa għad-deċiżjonijiet ta’ investigazzjoni, rekwiżit li jirriżulta min-natura iktar vinkolanti tagħhom u mill-intensità partikolari tal-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-impriża kkonċernata. Din il-motivazzjoni għandha madankollu tippermetti lil din l-impriża tifhem l-għan kif ukoll is-suġġett ta’ din l-investigazzjoni, li jimplika li jkunu ppreċiżati l-preżunzonijiet ta’ ksur u, f’dan il-kuntest, il-fatt li hija tista’ tkun esposta għal akkużi marbuta ma’ dan il-ksur eventwali, sabiex hija tkun tista’ tieħu l-miżuri li hija tqis utli sabiex tiġi skaġunata u tipprepara b’dan il-mod id-difiża tagħha fl-istadju tal-fażi kontenzjuża tal-proċedura amministrattiva.

(ara l-punti 48, 50, 51, 56)

2.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-koresponsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, meta din tikkontribwixxi attivament u deliberatament għal akkordju bejn produtturi attivi f’suq distint minn dak li fih hija stess topera ma teċċedix il-limiti tal-projbizzjoni stipulata minn din id-dispożizzjoni u, għalhekk, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħat lilha mogħtija mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 billi timponi multa fuq l-imsemmija impriża.

Fil-fatt, l-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-kliem “akkordji […] bejn impriżi” fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE ma timponix interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ awtur ta’ ksur li abbażi tagħha impriża bħal din tkun biss kompliċi impunibbli fl-akkordju. Għall-kuntrarju, impriża tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-istess Artikolu meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma’ dan jippresupponi neċessarjament li hi stess tkun attiva fl-imsemmi suq. Kull interpretazzjoni oħra tista’ tnaqqas il-portata tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE b’mod li tmur kontra l-effett utli tagħha u kontra l-għan prinċipali tagħha li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(g) KE, huwa dak li jiġi żgurat li tinżamm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni li ma tkunx mgħawwġa, peress illi din ma tippermettix li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din il-kontribuzzjoni ma toħroġx minn attività ekonomika li taqa’ taħt is-suq rilevanti li fih din ir-restrizzjoni għandha effett jew għandha l-għan li jkollha effett.

L-imputazzjoni lil impriża bħal din bil-ksur fit-totalità tiegħu hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta din tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, oġġettiva u suġġettiva. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, l-impriża kkonċernata trid tkun ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni tal-akkordju, anki b’mod sekondarju, aċċessorju jew passiv, peress li l-importanza possibbilment limitata ta’ din il-kontribuzzjoni tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, l-imsemmija impriża trid tkun uriet il-volontà tagħha, li turi li hija tissottoskrivi, anki jekk b’mod taċitu, għall-għanijiet tal-akkordju, u dan jikkostitwixxi ġustifikazzjoni li tippermetti li din tinżamm koresponsabbli, peress li hija kellha l-ħsieb li tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li riedu jintlaħqu mill-parteċipanti kollha u li din kienet taf bl-aġir ta’ ksur tal-parteċipanti l-oħra jew setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan.

 Anki jekk, fl-istadju tat-twettiq tal-fatti inkriminanti, il-qorti Komunitarja ma kinitx ippronunzjat ruħha b’mod espliċitu fuq din il-kwistjoni, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE lanqas mhija kuntrarja għall-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege) li m’għandux neċessarjament ikollu l-istess portata bħal fil-każ tal-applikazzjoni tiegħu għal sitwazzjoni koperta mil-liġi kriminali fis-sens strett, peress li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni, taħt ir-Regolament Nru 17, hija biss ta’ natura amministrattiva. Għalhekk, kull impriża li tkun adottat aġir kollużiv, inklużi l-impriżi ta’ konsulenza li ma jkunux attivi fis-suq inkwistjoni affettwat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, setgħet raġonevolment tipprevedi li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE kienet bħala regola ġenerali applikabbli fir-rigward tagħha. Fil-fatt, din l-impriża ma setgħetx tinjora jew normalment kienet f’pożizzjoni li tifhem li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza Komunitarja preċedenti kellhom diġà fihom infushom, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, il-bażi tar-rikonoxximent espliċitu tar-responsabbiltà ta’ impriża ta’ konsulenza għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, meta din tikkontribwixxi attivament u deliberatament għal akkordju bejn produtturi attivi f’suq distint minn dak li fih hija stess topera.

Fl-aħħar nett, anki jekk il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata setgħet tidher kuntrarja għal din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jostakola l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ din il-prassi deċiżjonali, ibbażata fuq interpretazzjoni korretta tal-portata tal-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u daqstant iktar prevedibbli minħabba l-eżistenza ta’ preċedent.

(ara l-punti 112, 113, 117, 122, 123, 127, 133-135, 149, 150, 157, 163, 164)